ONOR. FRANCIS AGIUS: Rigward id-deċentralizzazzjoni, taħseb li għandna biżżejjed guidelines u l-policy hija matura u żviluppata biżżejjed, anke mil-lat ta’ funding, biex meta l-iskejjel jersqu għad-deċentralizzazzjoni jkunu kapaċi jmexxu lilhom infushom? Taħseb li fl-istat ta’ żvilupp fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, ilħaqqna l-livell mixtieq?
PROF. KENNETH WAIN: Jiena naħseb li din il-mistoqsija aħjar jirrispondiha d-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni; m'hijiex mistoqsija li nista' nweġibha jien.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Min-naħa tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, hemm ways and means kif tidħlu f'dan l-aspett?
PROF. KENNETH WAIN: Le, ma nidħlux fil-proċess ta' deċentralizzazzjoni. Id-deċentralizzazzjoni tikkonċerna d-diviżjoni li trid tfassal l-istrateġiji tagħha, bil-pass tagħha u bit-tip ta' mudell li tixtieq tadotta hi.
IĊ-CHAIRPERSON: Jiena nixtieq nissuġġerixxi li wara li l-Prof. Wain jirrispondi l-aħħar mistoqsija, insejħu lid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, is-Sur Charles Mizzi, biex jirrispondi dawn iż-żewġ mistoqsijiet li għandhom kemm tqanqlu.
PROF. KENNETH WAIN: L-aħħar mistoqsija li saritlu għandha x'taqsam mal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Meta fl-1995 kien ġie żviluppat ir-rapport “Tomorrow’s Schools”, ir-reazzjoni tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni kienet li jniedi programm intern, imsejjaħ ''Tomorrow's teachers''. Il-programm li kien jinvolvi diskussjonijiet intensivi interni fil-fakulta' nnifisha, kien proprjament intiż biex iwassal għal ċerti bidliet li kellhom isiru fil-kors tal-B.Educ. Fil-fatt kienu diskussjonijiet intensivi ħafna fuq livelli differenti. Kien hemm ħafna laqgħat, niftakar li kien hemm anke seminars bejnietna, u l-idea kienet li naraw x’tibdiliet hemm bżonn isiru fil-korsijiet tagħna fid-dawl tal-proposti fir-rapport “Tomorrow’s schools” biex naraw kif nistgħu nwieġbu għall-viżjoni li kien hemm.
Id-dekan tal-fakulta' tagħna, dan l-aħħar iċċirkola dokument – fil-fatt għandi kopja tiegħu hawnhekk - li ġie approvat mill-faculty board, imsejjaħ “Tomorrow's curriculum”. Jien nara din il-ħaġa tiżviluppa fuq żewġ livelli. Ħafna mill-affarijiet li eventwalment ħarġu fin-national curriculum, kienu diġa' previsti, konna diġa' qegħdin nimxu fuq il-bażi ta' tomorrow's schools, u naturalment ħafna minn dak li hemm fid-dokument “Tomorrow's schools” jidher fil-national minimum curriculum. Voldieri meta aħna bdejna nirreaġġixxu bil-programm tagħna “Tomorrow's teachers”, in a certain sense, konna qegħdin nirreaġġixxu għan-national minimum curriculum. Fil-fatt, minn dak iż-żmien 'il hawn issaħħu ħafna aspetti tal-kors tal-B.Educ. biex jirrispondi għal din il-ħtieġa, per eżempju, fosthom, il-programm li għandna fuq diversity in learning. Kien hemm commitment qawwi mill-fakulta' – kienet faculty wide policy li ġiet adottata mill-faculty board - li nagħtu prijorita' lill-prinċipju ta' inklużjoni; li nħarsu lejn l-inklużjoni u x'tista' tfisser l-inklużjoni u li nsaħħu wkoll il-programmi fil-kors tal-B.Educ. biex ngħinu lill-istudenti tagħna jkunu iktar attrezzati ħalli jittrattaw ma' tfal li għandhom abilities differenti, jew li għandhom learning needs differenti, jew li għandhom bżonn special needs. Fil-fatt kellna programm qawwi biex insaħħu l-area ta' special needs. Area oħra li żviluppajna ħafna għaliex ħassejna li ser tkun importanti għall-għalliema ta' għada jekk ser niżviluppaw it-tip ta’ partnership li semmejt qabel biex il-viżjoni tan-national curriculum tintlaħaq, hija l-iżvilupp ta’ interpersonal skills, skills ta' kif l-istudenti jistgħu jikkomunikaw ma' ħaddieħor u għandna programm qawwi ta' interpersonal skills li jibda mill-ewwel sena tal-B.Educ. course.
Apparti minn hekk, f’dawn l-aħħar snin tajna wkoll spinta qawwija lill-programmi ta' IT. Dawn il-passi li qed jittieħdu huma kollha faculty wide. Il-fakulta’ hija magħmula minn diversi dipartimenti u jien naf li fi ħdan id-dipartimenti kollha qed jinżammu diskussjonijiet intensivi interni, u anke diskussjonijiet ma' l-istudenti – hija parti mill-istil tal-fakulta' li ninvolvu lill-istudenti fid-diskussjonijiet u fit-tfassil tal-programmi tagħna – biex tiġi indirizzata l-kwestjoni tal-kurrikulu nazzjonali u kif dan ser jaffettwa lill-iskejjel tagħna fuq livell ta’ dipartimenti. Pass importanti li sar dan l-aħħar, kien meta l-fakulta' ddeċidiet, anke bħala riżultat ta' l-eżerċizzju li semmejt iktar kmieni ta' tomorrow's teachers, li tieħu t-triq li minflok ma tipprepara teachers li jgħallmu fis-sekondarja u fil-primarja, tagħmel programm għall-għalliema tal-primarja u programm ieħor separat għat-teachers tas-sekondarja. Numru ta' external examiners li perijodikament jiġu jaraw u jassessjaw ix-xogħol tagħna, kienu ilhom is-snin jgħidulna biex nagħmlu dan il-pass, pero’ ma stajniex nagħmluh qabel, forsi anke għaliex konna għadna ma żviluppajniex l-expertise tagħna. Naħseb huwa żvilupp importanti ħafna li issa għandna żewġ korsijiet, wieħed speċjalizzat għall-għalliema tal-primarja u l-ieħor speċjalizzat għall-għalliema tas-sekondarja. Dawn il-korsijiet għadhom fil-bidu tagħhom, għadhom qed jiġu żviluppati, pero' żgur li l-iżvilupp tagħhom huwa fattur pożittiv ħafna biex in-national curriculum jiġi ttrattat b'mod iktar serju.
IĊ-CHAIRPERSON: Hawn aktar mistoqsijiet? Jidher li m’hawnx, għaldaqstant nirringrazzjak, Prof. Wain, ta' l-intervent tiegħek.
Nixtieq issa nistieden lid-Direttur Ġenerali, is-Sur Charles Mizzi, biex jindirizza l-mistoqsijiet li tqanqlu aktar kmieni matul id-diskussjoni.
Wara s-Sur Mizzi, jekk jibqa’ ħin, forsi nistgħu nibdew nisimgħu lis-Sur Lawrence Zammit jirrispondi għall-mistoqsijiet li għadna kemm għaddejnilu. Sur Zammit, naf li ma kontx ippreparat b’dawn il-mistoqsijiet imma forsi tista’ tibda tindirizza xi aspetti minnhom. Naf li qed nitolbuk xi ħaġa li ma kontx ippreparat għaliha, imma aħna perswasi li inti ppreparat dejjem.
IS-SUR CHARLES MIZZI (Direttur Ġenerali, Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni):Onor. Agius, jimporta tirrepeti d-domanda li għamilt?
ONOR. FRANCIS AGIUS: Għar-rigward ta’ deċentralizzazzjoni tat-tmexxija ta' l-iskejjel, tista’ tgħidilna x'inhu l-framework, jekk hemm, biex l-iskejjel jiġu deċentralizzati? X'hemm preparat għall-iskejjel, speċjalment fejn jidħol funding, u kif jistgħu jonfqu l-flus allokati għalihom? X'policies hemm? Xi problemi jista’ wieħed jantiċipa?
IS-SUR CHARLES MIZZI: Fir-rapport li ssottomettejna lill-kumitat, poġġejna l-key success factor għad-deċentralizzazzjoni ta’ l-iskejjel, u l-key success factor huwa jekk min għandu l-poter fiċ-ċentru, iridx fil-fatt iċedih. Jġifieri minn hawnhekk qed nagħmel dikjarazzjoni ċara li aħna miċ-ċentru, ultra disposti li naraw l-iskejjel ta' l-Istat jaħdmu bl-istess mod bħall-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel indipendenti. Infatti, meta jiġi xi ħadd u jistaqsina għaliex l-iskejjel ta’ l-Istat huma differenti mill-iskejjel tal-knisja, ngħidulhom li r-raġuni hija ċara. L-iskejjel mhux ta’ l-Istat jagħmlu l-affarijiet bil-mod li jridu huma. Per eżempju rettur ta' skola mhux ta’ l-Istat, jagħżel hu l-purtinara tiegħu. Mela l-iskejjel tal-knisja u dawk indipenedenti għandhom vantaġġ, u aħna nixtiequ li dan il-vantanġġ nagħtuh ukoll lill-iskejjel ta’ l-Istat. Mela t-tweġiba għall-mistoqsija jekk irridux li l-iskejjel ta’ l-Istat ikunu deċentralizzati, hija, iva, aħna rriduhom. Pero’ fl-istess waqt irridu noqogħdu attenti u nagħmlu speċi ta’ barriera kontra l-pressa, speċi ta’ breakwater kontra l-pressure li naħseb jista' jkun hemm.
Fl-edukazzjoni jien dejjem insostni li f’Malta kien hawn ftit ideat żbaljati di natura pero' kellna gżuż ta' ideat li kienu tajbin imma li l-istrateġija li ntgħażlet għall-implimentazzjoni tagħhom, kienet ħażina u wasslet għal ċertu riżultati. Ħaġa li rridu noqogħdu attenti minnha hija l-overnight syndrome li sfortunatament kultant inbatu minnha f’dan il-pajjiż. Ma jistax ikun li l-iskejjel li kienu ċentralizzati minn dejjem, nippretenduhom li jinbidlu mil-lum għal għada. Jekk nagħmlu hekk, minflok ma l-iskejjel tagħna jimxu ‘l quddiem, se jkunu diżorjentati. Il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni irid ikun fażi wara l-oħra.
Il-problema l-oħra li forsi tolqot il-mistoqsija tiegħek, Onor. Agius, hija li hemm mod ieħor fil-proċess kif strateġija ta' implimentazzjoni tista’ tiġi approached. L-istrategic plan, minnu nnifisu jgħid kif għandna nimxu fil-ħames snin li ġejjin. Jagħti stadju wara l-ieħor; kollox huwa dikjarat.
IĊ-CHAIRPERSON:Skużani se jkolli ninterrompik, pero’ ssejjaħ quorum fil-Kamra u jkollna nissospendu għal ftit minuti.
Fit-8.00 p.m. il-Kumitat kien sospiż minħabba sejħa għal quorum fil-Kamra tad-Deputati u rriżuma fit-8.08 p.m.
IĊ-CHAIRPERSON: Sinjuri, inkomplu bil-laqgħa. Is-Sur Charles Mizzi.
IS-SUR CHARLES MIZZI: L-ewwelnett nixtiequ li kulħadd ikun konxju li din il-policy partikolari trid iż-żmien biex tiġi mwettqa, hemm bżonn ta’ żmien adegwat biex ma tiddiżorjentax l-iskejjel li tixtieq tgħin. Inti staqsejtni kif se tiżviluppa l-istruttura. Jekk int tgħid li fit-tali sena se timxi pass biex imbagħad fis-sena ta’ wara tagħti iktar, u terġa’ tagħti iktar fis-snin ta’ wara, trid tiftakar li impossibbli żżomm l-istess pass. Ħalli nagħti eżempju sempliċi. Jekk it-tfal tiegħek jgħidulek li jridu jibqgħu barra sal-11.00 p.m., mhux se jirnexxilek tgħid li mbagħad is-sena ta’ wara jibqgħu sa nofs il-lejl u s-sena ta’ wara sas-1.00 a.m. U għalhekk għamilna dan ir-rapport. Irridu noqogħdu attenti fejn tidħol id-deċentralizzazzjoni għax tista’ tkun self-defeating u l-ewwel passi li jridu jittieħdu huma ċari f’dan ir-rapport. Huwa fatt li għall-iskejjel statali l-bidla hija pjuttost iebsa, pero’ ma rridux ninsew minfejn tlaqna. Ilna mill-1994 li fdajna l-amministrazzjoni tal-finanzi f’idejn l-iskejjel. Ilna sitt snin nagħtuhom ammont ta' flus biex imexxuhom bil-mod li jridu huma. Jiġifieri l-iskejjel diġa’ qed jagħmlu management finanzjarju tal-flus mgħoddija lilhom, pero' jekk irridu li l-iskejjel imexxu lilhom infushom, irid ikollhom ukoll ċerta empowerment li bil-mod il-mod twassal lejn awtonomija anke fil-mod kif jitmexxa t-tagħlim ta' l-iskola. U allura huwa fatt li trid issir bidla kulturali sabiex l-iskola stess tagħraf li qed tingħata opportunita' u li l-opportunita' trid taħtafha. U naturalment biex l-opportunita’ tinħataf, irid ikun hemm l-iskills neċessarji. Fil-rapport huwa identifikat li biex titwettaq id-deċentralizzazzjoni jenħtieġ li min imexxi l-iskejjel, il-kapijiet ta' l-iskejjel u t-team tagħhom, ikollhom the right management styles. Jekk niddeċentralizzaw u n-nies li jmexxu l-iskejjel ma jkollhomx l-iskills biex imexxu bil-mod li ġew empowered bih, nistgħu nitilfu ħafna.
Fil-pjan strateġiku, anke fl-abridged version, insibu li l-ġebla tax-xewka, il-cornerstone, ta’ l-ischool development plan hija l-fatt li diġa' għandna erba' snin ta’ ħidma fuqu. Kif diġa’ għedt drabi oħra, school development plan m'huwiex business plan, iżda mod kif l-istaff jiġi kollu flimkien biex jagħmel audit ħalli jkun jaf fejn hu qiegħed bħala skola, ikun jista' jiddeċiedi kollettivament x'għandha bżonn l-iskola, u jkollu l-ħila jara u jevalwa jekk l-għanijiet li jkun għamel snin qabel, kienx kapaċi jilħaqhom jew le. Mela school development plan huwa kwestjoni ta' audit, aims u action, pero’ sakemm twassal x'inhi l-idea, sakemm twassal il-vokabularju tiegħu, u sakemm tara li dawn qed jaħdmu, trid iż-żmien, trid tiżvolġi ftit ftit. Forsi li nistgħu ngħidu huwa li l-iktar triq li mxejna fiha hija li bil-kapijiet ta' l-iskejjel, flimkien ma’ kumitat immexxi minnhom, ħloqna performance indicators fis-sitt key areas li hemm biex l-istaff kollu flimkien ikun jista' jħares madwaru fl-iskola, jiddetermina fejn qiegħda l-iskola – billi jara l-istrengths u l-weaknesses f'kull ħaġa – u jara x’inhuma l-għanijiet tiegħu u x’azzjoni se jieħu. B’hekk issa għandna l-istruttura – naħseb din twieġeb il-mistoqsija tiegħek, Onorevoli – biex meta aħna niddeċentralizzaw l-iskejjel, huma jkunu jistgħu jimxu biex verament ikunu educational establishments. Interessanti hu l-fatt li l-iskejjel ta' l-Istat, f'din il-linja, bdew naqra qabel minn skejjel oħra. Dan l-aħħar, forsi din diġa’ semmejtha f’laqgħa oħra, qed jersqu lejna l-iskejjel tal-knisja u qed jitolbuna biex aħna mmorru għandhom u nwaslulhom dawn il-ħsebijiet. Naturalment aħna nagħmlu dan b'ferħ kbir għax nieħdu gost naraw li s-sistema kollha qiegħda tiġi koerenti. Qed ngħidulhom kif huma stess jistgħu jagħmlu ċertu affarijiet u b’riżultat ta’ hekk, qed isibu li l-management ta' l-iskola qed jitjieb. Paġni 114 u 115 tal-pjan strateġikau jispjegaw b’mod ċar dan li għadni kemm għedt.
L-iskejjel se jkunu kapaċi jagħmlu għanijiet ċari għalihom infushom? Se jkunu kapaċi jidraw li jridu jimxu in small steps and one step at a time?Naturalment ikun ħażin jekk l-action plans ma jkunux ambizzjużi biżżejjed, ma jkunux professjonali biżżejjed, imma daqstant ieħor ikun ħażin jekk skola tipprova tibla' ħafna f'daqqa. Dan huwa punt li enfasizzaw ħafna esperti Skoċċiżi meta ddiskutejna magħhom dan il-punt. Importanti wkoll li n-numru ta’ parteċipanti jiżdied. Għar-rigward ta’ school development plans, trid toqgħod attent li ma titfaċċax xi ereżija. Per eżempju darba smajna li kap ta' skola talab lil xi ħadd jiktiblu school development plan! Dik m'hi school development plan xejn. Lanqas ma tkun school development plan jekk issir biss mill-kap ta' l-iskola u l-assistenti tiegħu. Allura ma’ l-għalliema se jridu jiddaħħlu wkoll il-ġenituri? Per eżempju kien sabiħ ħafna li biex l-iskola ta' l-Imrieħel tagħmel l-ischool development plan tagħha, laqqgħu flimkien l-istaff kollu, inkluż il-caretakers u l-clerks. Mela diġa' għandna skola li bdiet tiftaħ u bil-mod se jkollna aktar skejjel li se jiftħu b’dan il-mod.
Importanti huwa li meta tagħti l-empowerment u l-awtonomija, ikun hemm ukoll l-ownership. Importanti wkoll huwa li fl-action plans li jagħmlu, jintroduċu different activities u aħna ilkoll flimkien insibu dawk l-iskejjel li jagħmlu suċċess and we celebrate their success. Minn dan il-lat diġa’ bdejna nħarsu ħafna madwarna u Miss Vella ġiet mitluba tmur f’diversi skejjel biex tara xi jkunu wettqu. Interessanti li l-iskejjel li żaret kienu varji, kienu kemm primarji, kemm area secondaries, kemm lyceums u kemm skejjel tal-knisja. Dan kollu juri li l-idea ħadet l-għeruq u tista' timxi 'l quddiem. Ma' dan hemm ukoll l-ischool councils li għandhom bżonn ikunu iktar fiċ-ċentru tat-tmexxija ta' l-iskola. B’hekk inkunu nistgħu ngħidu li meta aħna neħħejna l-poter miċ-ċentru, ma nvestejniex dak il-poter fi bniedem wieħed, f’kap ta' skola jew fi ftit nies, imma f’xi ħaġa li hija demokratika u li tmexxi l-komunita ta' l-iskola kollha flimkien. Dan hu l-mod kif qed issir id-deċentralizzazzjoni.
IĊ-CHAIRPERSON: Sur Mizzi, kif nafu, l-iskejjel ilhom li bdew jiġu mogħtija fondi biex jamministrawhom huma. Bis-sistema li kellna qabel, kull ħaġa li kien ikollha bżonn skola, riedet tintalab mid-dipartiment, issa li l-iskejjel qed jiddeċiedu huma kif jonfqu l-finanzi mgħoddija lilhom, rajtu xi differenzi? Saret xi tip ta' evalwazzjoni biex taraw id-differenza?
Dwar l-ischool development plans, qegħdin tagħmlu assessment u monitoring biex taraw jekk hux l-iskejjel kollha qegħdin verament jaħdmu biex ikollhom school development plan? Qegħdin taraw jekk hemmx xi skejjel li mhux qegħdin jidħlu għall-impenn li jagħmlu school development plan? M’hijiex ċajta li tagħmel school development plan, allura hemm xi tip ta’ monitoring biex taraw jekk hux l-iskejjel kollha qed jagħmluh dan?
ONOR. FRANCIS AGIUS: Ir-regolamenti finanzjarji li hemm fiċ-ċivil, fosthom dawk li jirregolaw id-donations, se japplikaw, anke meta l-iskejjel ikunu awtonomi mil-lat ta' finanzjar? U jekk fl-aħħar tas-sena finanzjarja skola ssib li għamlet saving, dan l-ammont trid terġa' tgħaddih lura lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni? L-iskejjel se jkunu marbuta mas-sistema taċ-ċivil, jew inkella se jkun hemm regolamenti differenti?
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA:Fuq il-prinċipju ta’ deċentralizzazzjoni, fil-livell ta' management, hemm biżżejjed human resources biex din il-politika tiġi implimentata b'mod professjonali?
Għar-rigward il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fil-kunsilli skolastiċi, l-impressjoni tiegħi, ma nafx hijiex korretta, hija li fil-biċċa l-kbira tal-kunsilli, hija pjuttost baxxa. Dan il-fattur jista’ jikkomprometti l-funzjoni ta’ l-ischool councils? X'inhu jagħmel id-dipartiment biex il-kunsilli ta' l-iskejjel jiġu mogħtija iktar importanza effettiva fit-tmexxija ta’ l-iskejjel?
IS-SUR CHARLES MIZZI: Ħalli nipprova nirrispondi l-mistoqsijiet li saruli u nibda bid-domandi tiegħek, Sinjura President. Iva, jiena naħseb li kemm ilhom l-iskejjel responsabbli mill-infiq tal-fondi mgħoddija lilhom, kien hemm value for money aħjar. Jien niftakar li fl-iskola li kont fiha l-aħħar, konna nirċievu kwantita’ ta’ standard items, minkejja li ma kienx ikollna bżonnhom u allura konna sempliċement nitfgħuhom fl-istore ma’ dawk li jkun baqgħalna mis-snin ta’ qabel! Pero' morna oltre minn hekk. Qed ngħaddulhom il-fondi li jridu jintefqu kemm fuq maintenance u kemm fuq infiq kapitali. Naturalment qgħadna ħafna attenti biex ma jkun hemm ħadd mill-129 entita' differenti li għandna li jabbuża u jiskredita s-sistema sħiħa. Nammetti wkoll li oriġinarjament kien hemm ħafna burokrazija min-naħa tan-nies li jaħdmu fil-ministeru tal-finanzi biex ngħaddu l-finanzi lill-iskejjel, pero’ r-riżultat hu li minkejja li diġa’ ilna seba' snin inħaddmu din is-sistema, qatt ma kellna problemi u r-returns kienu eżatti u l-iskejjel marru ħafna ħafna aħjar. Dan jammettuh kemm l-iskejjel u kemm aħna.
Kif diġa’ għedna, meta bdejna nħaddmu s-sistema li ngħaddu l-fondi direttament lill-iskejjel, kien hemm il-periklu li l-kap ta’ l-iskola ma jarahiex bħala opportunita’ tajba iżda bħala responsabbilta' żejda. Hawn minn jirraġuna li huwa aħjar jekk l-affarijiet jiġu mingħand xi ħaddieħor ħalli jekk xi ħaġa tmur ħażin, it-tort jaqa’ fuqu! Setgħet inqalet ukoll il-problema ta’ nuqqas ta’ ħin għax naturalment trid il-ħin biex tiġbor quotations u tara l-affarijiet qabel ma tixtrihom. Personalment naħseb li huwa ta' sodisfazzjon kbir li l-kapijiet ta' l-iskejjel statali daħlu għal din ir-responsabbilta’; they owned it and they have made a success of it. Din is-sistema setgħet marret ħażin – ma rridu nieħdu xejn for granted – imma bi pjaċir ngħid li marret tajjeb, qed taħdem u qed tagħti servizz tajjeb kemm lill-iskola u kemm lit-tfal.
Qed nieħu gost ukoll li bil-mod il-mod, il-kapijiet ta' l-iskejjel qed jużaw dawn il-finanzi fuq affarijiet li huma iktar edukattivi. L-ewwel bdew bl-infrastruttura, pero' issa qed insibu li ċertu skejjel qed jużaw parti mill-finanzi tagħhom biex itejbu l-librerija, jew kif qaltli ftit ilu Miss Vella stess, qed ikollna wkoll skejjel li qed idaħħlu d-deċentralizzazzjoni billi qed jagħżlu huma t-text books li jixtiequ jużaw, u ċ-ċentru qiegħed jgħinhom f’din il-linja billi jgħidilhom li jekk it-text book li joffri ċ-ċentru jiswa Lm5 u huma jixtiequ jużaw text book li jiswa iktar, iċ-ċentru jagħtihom Lm5 u huma joħorġu d-differenza. Kien hemm skejjel li kienu lesti jagħmlu dan u allura issa deħlin text books varjati fi skejjel differenti. Dan huwa pass ieħor fil-proċess ta’ deċentralizzazzjoni. Mela din is-sistema ta’ finanzi qed taħdem u jekk Alla jrid, ‘il quddiem l-iskejjel se jkollhom aktar awtonomija, naturalment basta jinżammu l-kondizzjonijiet li qed insemmu.
Niġi issa għall-ischool development plan. L-ischool development plans imxew fuq żewġ livelli. L-ewwel li għamilna – u din importanti li ngħidha – kienet li għednilhom li huma se jmexxu lilhom infushom u allura żammejna ħafna lura. Lil dawn l-iskejjel ippruvajna ma nindaħlulhomx anke jekk fil-bidu jkunu se jagħmlu xi żbalji. L-importanti li jibdew jagħmlu xi ħaġa kif jifhmu huma. Pero' bil-mod il-mod issa mxejna pass ieħor. Kull skola li tkun qed tiżviluppa l-ischool development plan tagħha, jenħtieġ ikollha performance indicators biex tkun hi stess li tgħid jekk marritx tajjeb jew le, billi tuża xi ħaġa li hija xjentifika, oġġettiva, speċifika, titkejjel, achievable, realistika u timed. Mil-lat ta’ performance indicators, imxejna iktar u sibna li minn mindu addotajna din it-tip ta' policy,morna aħjar. Mhux aħna għednilhom x’inhuma l-measurements li jridu jkejlu bihom, imma qabbadna l-kumitat tal-heads jagħmlu l-performance indicators. Ta' l-iskantament hu l-fatt li l-performance indicators li tawna huma, huma fil-fatt iktar sikkanti milli x’aktarx konna se nagħtuhom aħna. Il-performance indicators diġa’ saru f’żewġ areas, u jekk Alla jrid issa qed jaħdmu fuq l-erba' areas l-oħra. Tiskanta x’joħroġ meta verament ikun hemm l-ownership. Mela biex l-iskejjel jaraw humiex jirnexxu jew le, se jużaw performance indicators li huma oġġettivi u li huma mfassla minnhom stess.
Is-sena l-oħra għamilna pass ieħor ‘il quddiem. Veru li l-ischool development plan tagħmlu skola għaliha nnifisha, imma l-ischool development plan huwa dokument pubbliku u mis-sena l-oħra – qed nirreferi għas-sena 1999-2000 għaliex din is-sena, minħabba industrial disputes li nqalgħu, xi affarijiet tpoġġew fil-friża – bdejna pilot scheme li nispera jkompli jiżviluppa u f’Settembru 2001inkomplu fejn ħallejna. Il-ħsieb hu – u fil-fatt diġa’ bdejna fuq din il-linja – li d-dipartiment ta' l-operations, id-Dipartiment tal-Kurrikulu u d-dipartiment ta' l-istudents services, flimkien, jagħmlu speċi ta’ session ma’ skola - forsi xi ħaġa bħalma qiegħed isir hawnhekk – fejn l-iskola tagħmel presentation dwar dak li qiegħda tagħmel u l-uffiċjali min-naħa tad-division ikollhom l-opportunita’ jiddiskutu ma' l-iskola u jgħidulhom fejn jaraw li qed jagħmlu tajjeb u fejn jaħsbu li mhux qed jagħmlu daqshekk tajjeb. L-iskejjel qed jiġu monitored u waħda mill-affarijiet li ġew stabbiliti hija li kull skola trid tissottometti l-ischool development plan tagħha lid-dipartimenti ta’ l-operations, tal-curriculum uta’ l-istudents services u anke lili. Kull skola qed ikollha l-pjan tagħha u m’għandix dubju li iktar ma jgħaddi żmien, aktar se jkunu kif suppost. Mod ieħor ta’ monitoring huwa li dak li jagħmlu jridu jiddiskutuh fiċ-ċentru. Naħseb li bil-mod il-mod, din l-għodda qed twassal għad-deċentralizzazzjoni li qed nimmiraw għaliha.
L-Onor. Agius staqsa wkoll dwar id-donations u dak li jrid jgħaddi lura lid-diviżjoni. Il-proċedura fejn jidħlu donations hija standard; dak li skola tirċievi bħala donation, hija ta' l-iskola, basta jitniżżel fl-inventarju. Jekk skola takkwista xi ħaġa minn x’imkien, aħna ser ngħidulha prosit u nagħtuha kull inkoraġġiment, basta jkun inventarjat skond il-financial regulations. Għar-rigward finanzi li ma jintefqux, sfortunatament, skond il-famużi financial regulations li għandna, dawn ma jmorrux lura fid-diviżjoni imma jmorru dritt fil-ministeru tal-finanzi. U allura bil-mod il-mod, wassalna l-messaġġ lill-kapijiet ta' l-iskejjel, biex l-ewwelnett ma jeċċedu qatt il-fondi li ngħatawlhom, imma li fl-istess ħin, hija bravura wkoll li l-fondi li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom jidraw jonfquhom fiż-żmien stipulat għall-benefiċċju ta’ l-iskola tagħhom. U minn dan il-lat naħseb li tgħallimna biżżejjed għaliex ma tantx qed nibagħtu flus lura lill-ministeru tal-finanzi!
Punt ieħor li tqajjem kien dwar human resources. Jien naħseb li fir-rigward ta’ human resources fejn jidħlu l-iskejjel tagħna, illum stabbilejna lilna nfusna pjuttost tajjeb. Jekk tara l-agreements li kien hemm u n-numru ta' kapijiet ta' skejjel ...