ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: Mhux qed nirreferi għal-livell ta’ teachers, imma għal-livell ta’ middle management.
IS-SUR CHARLES MIZZI: Ippermettili naqra. Mela din hija t-tielet idea li rridu nagħmlu pressure fuqha. A school is a specialism u edukaturi biss jifhmu kemm skola hi specialism. Veru wkoll li jista' jkollok min tkun waqgħatlu żokritu fl-iskejjel u jkun kapaċi jgħallem tajjeb ħafna u jkun kapaċi jmexxi klassi, imma imbagħad ma jkunx manager tajjeb. Mill-banda l-oħra, jista' jkollok manager tajjeb imma ma jkunx edukatur tajjeb. Kieku kellek tistaqsini minn dawn it-tnejn min hu l-aħjar biex imexxi skola, ngħidlek aħjar ikun kap ta’ skola li jaf x’inhi edukazzjoni u forsi mhux daqshekk tajjeb fil-management, but that is not good enough. L-iskejjel tagħna jrid ikollhom nies li huma kemm managers u kemm educators. Li tiskanta huwa kemm għandna minn dawn in-nies fost il-kapijiet ta' l-iskejjel tagħna. F'kull qasam issib minn dawn in-nies minkejja li għandna min qiegħed f’sitwazzjonijiet diffiċili.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA:Jien nixtieq inkun naf jekk hemmx min hu speċjalizzat fil-management, mhux mil-lat ta’ esperjenza. Per eżempju fil-qasam tas-saħħa, jien naf li fil-proċess ta’ l-awtonomija ntużaw, u se jkomplu jintużaw, persuni gradwati fil-qasam tal-management. Jiġifieri li jkunu professjonisti fil-management sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw it-tibdiliet b'mod professjonali għaliex l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom hija proprju fil-management. Hemm teachers li huma wkoll kwalifikati bħala managers?
IS-SUR CHARLES MIZZI: Le, m’għandniex għalliema li huma wkoll kwalifikati bħala managers, pero' l-punt li nixtieq inressaq huwa li ma tistax tqabbel skola ma' sptar. Bil-personnel li kellna s'issa, qegħdin mexjin fid-direzzjoni li fassalna. Tajjeb ngħid li għandna lyceums b’popolazzjoni ta' madwar 1,200 student u bħalma tistgħu timmaġinaw mhux faċli li kap ta’ skola tmexxi liċeo ta’ 1,200 student u madwar 100 persuna bħala staff. Hawn ministeri li m’għandhomx aktar minn 100, 200 impjegat. Nagħmlu l-ikbar żball jekk ma nagħrfux id-dedikazzjoni u l-acumen maniġerjali li għandhom il-kapijiet ta’ l-iskejjel, besides the fact that they know what education is all about. U la tqajjem dan il-punt, naħseb aħjar niċċaraw xi punti. Wara kollox kif qal il-Ministru l-aħħar darba, dan huwa forum fejn aħna min-naħa teknokratika u intom min-naħa politika, naqsmu u nibdlu l-ideat ta’ xulxin. Jekk l-iskejjel jersqu biex ikun hemm management bl-istess mod li naħsbu li se jitmexxew azjendi ta' tip mod ieħor, jiena personali, nitkellem kontra għax naħseb li b’hekk issir ħsara kbira. Li l-edukaturi li qed imexxu jiġu mħarrġa biex ikollhom managerial skills aħjar milli għandhom, huwa fatt, pero' rridu ngħidu wkoll li llum, biex issir assistant head irid ikollok diploma in education and management u mingħajrha ma tistax tersaq għall-post ta’ kap ta’ skola. (Interuzzjonijiet) Jiġifieri l-assistant heads huma kwalifikati fil-middle management allura meta jsiru head ikollhom kemm esperjenza u kemm kwalifiki fil-qasam maniġerjali.
Għar-rigward l-ischool councils, iva, hemm il-problema ta’ parteċipazzjoni u għalhekk irridu noqogħdu attenti meta niġu biex niżviluppaw dak li jkollna f'moħħna. F’dan id-dokument hawn imniżżel li l-ischool councils se jingħataw iktar strutturi u poteri li jistgħu jwasslu lil dak li jkun jinġibed lejn l-ischool council fis-sens li l-ischool council se jkollu more stature and meaning u jekk Alla jrid, fi żmien qasir għandhom joħorġu u jibdew japplikaw ir-regolamenti ta' l-ischool councils, pero' jekk il-parteċipazzjoni tal-ġenituri tibqa’ baxxa - kultant anke l-parteċipazzjoni ta’ l-għalliema tkun baxxa – jista’ jwassal biex ma jintlaħqux l-għanijiet tagħna. Fil-każ ta’ l-ischool development plan ma kellniex problema meta ġejna biex ngħaddu l-ownership, imma fil-każ ta’ l-ischool councils, se jkun hemm min jieħu l-ownership? ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: X’qed jagħmel id-dipartiment biex dan ma jiġrix? Kif jistgħu l-kunsilli ta’ l-iskejjel jiġu mogħtija iktar importanza biex ikun hemm iktar parteċipazzjoni sabiex il-proċess ta' awtonomija jkun jista' jseħħ?
Punt ieħor li xtaqt nagħmel jirrigwarda l-finanzjament. F’paġna 116 tal-pjan strateġiku, taħt it-titlu “Finance”, insibu:
“The current regime of school financial management should be changed to one whereby a lump sum is located to each school to finance its expenditure”.
Allura jekk fi skola partikolari jkun hemm iktar tfal b'diżabilita' milli fi skola oħra, ma jkunx hemm arranġamenti speċjali biex tittieħed in konsiderazzjoni l-fatt li jkun hemm bżonn aktar facilitators, per eżempju?
IĊ-CHAIRPERSON: Għall-facilities iktar milli għall-facilitators għaliex il-facilitators ma jitħalsux minn dik il-lump sum. IS-SUR CHARLES MIZZI: Ħalli nibda bl-aħħar mistoqsija tiegħek. Jekk tara s-sentejn ta’ wara dik li kkwotajt, tara li din is-somma trid tkopri l-capital expenditure, maintenance u materials and supplies. Illum, meta aħna nagħtuhom il-flus, nagħtuhom tliet ċekkijiet. Kull skola jrid ikollha tliet accounts u dan għaliex meta konna mexjin lejn id-deċentralizzazzjoni, il-ministeru tal-finanzi ried bilfors iżomm ir-regolamenti li jkun hemm cost centres u allura jekk nagħtu l-iskola Lm100 għall-capital expenditure, irid jiġi aċċertat li l-Lm100 intnefqet fuq capital expenditure u ma kienx hemm virement. L-istess għall-maintenance u għall-materials and supplies. Imma din is-sistema tista’ tkun kontro-produttiva, għaliex tista’ tiġi sena fejn skola tkun għamlet ħafna maintenance, u allura s-sena ta’ wara ma jkollhiex bżonn daqstant fondi għall-maintenance u forsi tkun tixtieq tonfoq il-fondi allokati għall-maintenance fuq kotba, per eżempju. Kieku jkun hemm ċans ta' dan il-lateral movement, il-virements, l-iskejjel imorru aħjar. X'jiġri fil-fatt? Li jiġri hu li kultant wieħed jibda jivvinta xogħlijiet ta’ maintenance li jista’ jgħaddi mingħajrhom biex żgur jintnefqu l-flus mgħoddija taħt il-maintenance vote, u jaqgħu lura xi affarijiet oħra li jkunu meħtieġa. Mela li qed ngħidu huwa, u forsi fil-livell tat-tekniċi tagħna nkunu nistgħu nikkonvinċu lit-tekniċi tal-ministeru tal-finanzi, li jekk aħna konna se nagħtu Lm100 biex tintnefaq fuq capital expenditure, Lm100 oħra biex tintnefaq fuq maintenance u Lm100 biex tintnefaq fuq materials and supplies, nagħtuhom Lm300 biex jiġu utilizzati fl-aħjar mod għall-bżonnijiet ta’ l-iskola. Barra minn hekk, ikun hemm aktar awtonomija fit-tqassim tal-finanzi. Pero' aħna dejjem ngħidu lill-kapijiet ta' l-iskejjel biex joqogħdu attenti kif jippjanaw l-infiq tagħhom għaliex jekk ikollhom shortfall, aħna ma naqilgħuhomx, naturalment sakemm ma tiġrix xi ħaġa li ma tkunx prevista.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: Qabel smajna lil Prof. Wain jitkellem u fost l-affarijiet li smajna, qal li llum is-sistema edukattiva trid tkun addattata għall-bżonnijiet diversi ta’ l-istudenti tagħna. Issa jekk skola jkollha iktar tfal b'diżabilita' milli jkollha skola oħra, ovvjament li l-bżonnijiet finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ skejjel se jkunu differenti. Skola li jkollha tfal b'diżabilita' se jkollha bżonn iktar finanzi minn skola li ma jkollhiex tfal b'diżabilita'. Se jkollha bżonn aktar tagħmir u faċilitajiet biex tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawk it-tfal. Wieħed irid jara dawn l-affarijiet u għalhekk fl-opinjoni tiegħi the same lump sum għal kull skola m’hijiex ġusta.
IĊ-CHAIRPERSON: Jekk m’iniex sejra żball, intom taslu għal-lump sum skond il-popolazzjoni ta’ l-iskola, hux hekk?
IS-SUR CHARLES MIZZI: Iva, il-popolazzjoni ta’ l-iskola tittieħed in konsiderazzjoni, pero’ hemm fatturi oħra li jittieħdu in konsiderazzjoni. Per eżempju jekk skola hija f'pożizzjoni diffiċli jew qiegħda f’ċertu area, ngħinuha iżjed. Mhux kulħadd jieħu l-istess ammont ta’ flus. Naħseb aħjar ma noqogħdux ngħidu kemm nagħtu eżattament lil kull skola, għax għandna 129 skola u kollha jikkompetu bejniethom. Hawn ħafna heads li għajnejhom huma fuq dak li qed jieħu ħaddieħor! Pero' jien qed nifhem il-punt tiegħek. Lill-iskejjel nitolbuhom jgħidulna l-bżonnijiet tagħhom u jekk naraw li l-bżonnijiet m'humiex frivoli, nikkonsidraw it-talbiet tagħhom u noħorġulhom aktar fondi għall-capital expenditure jew għall-maintenance, skond il-każ.
IĊ-CHAIRPERSON: L-iskejjel m’humiex kollha l-istess, m’humiex kollha attrezzati l-istess u jekk se tagħti l-istess ammont lil kull skola, skejjel li għandhom ċertu bżonnijiet partikolari, dejjem se jibqgħu lura.
IS-SUR CHARLES MIZZI: Niġi issa għall-parteċipazzjoni tal-ġenituri fil-kunsilli ta’ l-iskola. Kultant, meta inti trid il-parteċipazzjoni u inti li tidher bħala awtorita' tħeġġeġ lin-nies biex jipparteċipaw, ir-riżultat jista’ jkun kontro-produttiv. Biex verament tirnexxi trid li l-ewwelnett jiċċaqlaq min ikun at grassroots level, ħalli mbagħad jiċċaqalqu wkoll sħabhom. U pass pożittiv kien meta twaqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi li kienet u għadha fora biex tlaqqa' lill-ġenituri, tgħidilhom x'qiegħed isir, tħeġġiġhom jipparteċipaw u anke toħroġ newsletter. L-assoċjazzjoni wasslet biex imbuttat lil numru ta' skejjel u numru ta' ġenituri jipparteċipaw fl-iskejjel. Irridu niftakru li hawnhekk qed nitkellmu fuq 129 skola u allura tidħol ukoll il-kwestjoni ta' relationships. Hawn min qiegħed fit-tmexxija u kapaċi jiġbed lin-nies lejh biex jipparteċipa, u hawn min joħloq speċi ta’ barriera. Biex telimina ċertu attitudni hija ftit iktar diffiċli, pero' jiena naħseb li l-management teams ta' l-iskejjel tagħna qed jindunaw li llum l-ischool councils m'humiex frivoli imma huma ċentrali.
IĊ-CHAIRPERSON: Il-Ministru Galea jixtieq jagħmel xi rimarki.
ONOR. LOUIS GALEA (Ministru ta’ l-Edukazzjoni): Nixtieq ngħid xi ħaġa fuq l-aħħar punt b'referenza għall-kunsilli skolastiċi u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi. Għal dawn l-aħħar żmenijiet, l-assoċjazzjoni nnifisha kienet qed tiddiskuti ma' diversi stakeholders, fosthom ġenituri, kapijiet ta' skejjel, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-union ta' l-għalliema, dwar kif jistgħu jitjiebu r-regolamenti li jirregolaw l-elezzjonijiet, it-tmexxija u l-irwol tal-kunsilli skolastiċi. Żewġ problemi li kunsill skolastiku jiltaqa' magħhom meta jiġi biex ikun elett, hi li l-elezzjoni ssir qrib ħafna l-bidu tas-sena skolastika u li ssir kull sena. Meta tibda l-iskola, għandek dak il-perijodu tal-bidu fejn il-kap, l-għalliema, it-tfal u l-ġenituri, ikunu għadhom qegħdin jippruvaw isiru jafu xi jfisser xi tibdil li seta’ kien hemm, forsi tibdil ta' għalliema jew tibdil ta’ xi sistema, u allura ma jkunx hemm biżżejjed tħejjija soda għall-elezzjoni tal-kunsill skolastiku, anke mill-punto di vista ta' l-għalliema. Li l-elezzjoni ssir fl-ewwel term meta l-għalliema jkunu għadhom qegħdin jingranaw u jissettiljaw fis-sena skolastika, naħseb li ma tgħinx biex ikollna kunsilli skolastiċi preparati biżżejjed.
Hemm il-proposta li l-elezzjoni tal-kunsilli skolastiċi ssir iktar tard fis-sena skolastika u li l-kunsill jiġi elett għal perijodu itwal biex b’hekk il-kunsill skolastiku jkollu żmien jirrealizza l-pjan li jkun għamel. Jekk il-kunsill jiġi elett f'nofs l-ewwel term, mill-ewwel jaslu l-vaganzi tal-Milied u malajr f’kemm trodd salib, issib li s-sena skolastika għaddiet u l-pjan li jkun ġie maħsub wara d-diskussjonijiet li jkunu saru madwar il-mejda bejn ġenituri u għalliema, ma jkollux it-terminu ta' żmien meħtieġ biex jirrealizza ruħu. Jien informat li r-riflessjonijiet u r-rakkmandazzjonijiet huma prattikament konklużi u issa qed nistenna li f'dawn il-ġranet jiġu mgħoddija biex inkunu nistgħu naraw x’deċiżjonijiet għandhom jittieħdu. L-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi jenħtieġu jkunu aktar miftuħa u aktar demokratiċi biex tagħti ċans akbar ta' tħejjija u ta' parteċipazzjoni lil kulħadd u li l-kunsilli jkollhom l-istruttura meħtieġa biex il-pjanijiet li jkunu ġew diskussi, ikunu jistgħu jaraw ir-realizzazzjoni tagħhom. Illum aħna nistennew ukoll li l-kunsill skolastiku jagħti l-kontribut u l-ideat tiegħu fl-iżvilupp tal-pjan ta' l-iskola u biex ikun jista’ jagħmel dan irid ikun imsieħeb tajjeb biex jifhem x'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta' l-iskola nnifisha u jrid jingħata informazzjoni dwar x'inhuma l-problemi li l-iskola tkun qed tiffaċja. Irridu naraw kif nistgħu nsaħħu aktar lill-kunsilli skolastiċi.
Fl-opinjoni tiegħi, il-kunsilli skolastiċi huma għodda importanti ħafna għaliex kif intqal, iktar ma jgħaddi żmien, aktar qed nirrealizzaw kemm hi importanti l-isħubija tal-ġenituri fil-proċess edukattiv. Irridu nippruvaw ngħinu lill-ġenituri jinvolvu ruħhom għaliex hu rikonoxxut li ħafna ġenituri qed isibu diffikulta' li jinvolvu ruħhom minħabba diversi raġunijiet, fosthom l-esiġenzi tal-familja u tad-dinja tax-xogħol. Irridu nsibu x'inhuma dawk il-bidliet li hemm bżonn isiru ħalli l-kunsilli skolastiċi, wara l-esperjenza li kellna tagħhom, intejbuhom u nagħtuhom ċans li jirnexxu iktar.
IĊ-CHAIRPERSON: L-Onor. Jean Pierre Farrugia.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: L-Att dwar Kunsilli Lokali jipprovdi li l-kunsill lokali jinnomina persuna fil-kunsill ta' l-iskola tal-lokal tiegħu. Dan il-provvediment iffunzjona f'dawn l-aħħar snin?
ONOR. LOUIS GALEA: Naħseb li bħal f’kull ħaġa oħra, ma tistax tiġġeneralizza. Fejn ġew nominati persuni li kellhom ċertu motivazzjoni, li kellhom ċertu atteġġjament u ċertu kompetenzi, il-kunsilli skolastiċi mxew, imma kien hemm kunsilli li ma mxewx bl-istess mod, u allura wieħed irid jara kif l-aħjar itejjeb dik ir-rappreżentanza. Kif diġa’ intqal, hija wkoll kwestjoni ta' atteġġjamenti. Dan huwa proċess li jieħu ż-żmien u fost affarijiet oħra, jiddependi minn kif il-kap ta' l-iskola, l-assistant heads u l-għalliema jqisu l-kunsilli skolastiċi. Hemm fejn il-mentalita', il-kultura, hi li dawn huma stakeholders importanti li għandhom jiġu msieħba, u hemm fejn il-mentalita’ hi li dawn qishom qed jindaħlu fejn ma jesahomx. Jien naħseb li b'mod ġenerali, jiddependi ħafna minn kif isir il-proċess ta' l-għażla tal-kunsill skolastiku u għalhekk naħseb li dak irridu ntejbuh għaliex meta kap ta' skola jara li l-kunsill skolastiku qiegħed jagħti kontribut, awtomatikament, il-ftit reżistenza li jista’ jkun hemm, tibda wkoll tingħeleb. Jien naħseb li rridu ntejbu l-istruttura tal-kunsill skolastiku.
IĊ-CHAIRPERSON: Nirringrazzjakom. Jekk m'hawnx iktar domandi naħseb li għal-lum nistgħu naġġornaw, barra minn hekk, hemm sejħa oħra għal quorum fil-Kamra tad-Deputati. Ma naħsibx li għandna ħin sabiex is-Sur Lawrence Zammit jibda jwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu u allura nissuġġerixxi li l-laqgħa li jmiss tkun nhar il-Ġimgħa fil-għaxija, jekk ikun hawn seduta tal-Parlament. (Interruzzjonijiet) Jidher li nhar il-Ġimgħa s-Sur Zammit ma jistax jattendi għaliex għandu tieġ familjari, għaldaqstant dakinhar insejħu lis-Sur Mario Callus li nispera m'għandux xi commitment ieħor. (Interruzzjonijiet) Nhar l-Erbgħa ma nistgħux niltaqgħu minħabba li l-kmamar kollha tal-kumitati, inkluż il-lobby tal-Parlament, se jkunu wżati minn kumitati oħra. Mela nhar il-Ġimgħa nisimgħu lis-Sur Callus u fil-laqgħa ta’ wara, nisimgħu lis-Sur Zammit. Grazzi.
Fid-8.45 p.m. il-Kumitat aġġorna għal nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Lulju 2001 fis-7.00 p.m. bl-istess agenda.