Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Immigrazzjoni – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Kostituzzjoni tal-Kariga ta’ Avukat Ġenerali u dik ta’ Avukat tar-Repubblika – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pulizija ta’ Malta - Tielet Qari; u
Riżoluzzjoni tal-Prim Ministru dwar il-qagħda fil-pajjiż - Kontinwazzjoni.
------------------
Abbozz ta' Liġi dwar l-Amministrazzjoni ta' Art tal-Gvern - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurta’ fl-Ikel - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Referendi - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li Jirregola Fondi Speċjali - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Kunsilli Lokali - Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki?L-Onor. Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Grazzi, Sur President. Ma kienx il-pjan tiegħi li nitkellem darbtejn fżdin is-seduta, pero` xtaqt li nieħu l-ewwel parti ta' dan l-aġġornament fuq xi ħaġa li diġa` aċċennajt għaliha waqt li kont qed nitkellem dwar l-abbozz ta' liġi li qegħdin niddiskutu. Fil-15 ta' Ġunju 1802 il-Maltin għamlu dikjarazzjoni fejn elenkaw disa' prinċipji ta' importanza kbira fosthom id-dritt tar-rispett għal-liberta` tas-sentiment reliġjuż, allura ta' kuxjenza fejn ħadd u ħadd ma jista' jieħu l-liġi b'idejh u juża l-awtorita` personali tiegħu fuq il-ħajjet, il-proprjeta` jew il-liberta` ta' ħaddieħor. X'kienu l-avvenimenti li wasslu għal dik il-ġurnata?
Ftit wara l-imblokk tal-Franċiżi, li fih kienu mietu 20,000 Maltin, twaqqaf il-congresso nazionale. Dan kienkungress illi ħa post l-Assemblea Nazzjonali nhar it-2 ta' Settembru, 1798. Il-Maltin qegħdu president - u naħseb dan kien l-iżball prinċipali tal-Maltin, ovvjament with the benefit of hindsight - lill-kaptan Alexander Ball. X'ġara sussegwentament u x'inhi l-importanza ta' din id-dikjarazzjoni? U għalfejn hija importanti fid-diskors tagħna vis-à-vis l-Unjoni Ewropea?
Din id-dikjarazzjoni ġiet konċeputa, ifformulata u ffirmata anqas minn sentejn wara li l-Gran Brittanja kienet effettivament ħadet taħt idejha l-pussess tal-gżejjer Maltin mingħand Franza. Kien hemm negozjati fl-1801 fejn anke delegazzjoni Maltija li kienet immexxija mill-Markiż Testaferrata telgħet Londra u ltaqgħet ma' Lord Fobart sabiex jitolbu li l-gżejjer Maltin jitħallew fl-indipendenza tagħhom. Il-Maltin kienu qed jippruvaw jasserixxu ruħhom. Kienu qegħdin jippruvaw isibu xi forma ta' self determination. Din id-dikjarazzjoni Maltija ta' drittijiet wieħed jista' jħares lejha minn angolu storiku, akkademiku, filosofiku u anke ġuridiku komparattiv. Se nagħmel riferenza mhux darba jew tnejn għad-diskors li għamel il-Prof. Henry Frendo fl-okkażjoni li kien hemm fil-palazz ta' San Anton organizzata mill-kumitat festi nazzjonali u l-Universita' ta' Malta l-ġimgħa l-oħra. Hija stqarrija kompatta, pero` ċertament ma kienet xejn komuni fil-bidunett tas-seklu dsatax. Hawnhekk wieħed jista’ jagħmel eżerċizzju komparattiv bejn din id-dikjarazzjoni Maltija u dik Ingliża, Amerikana u Franċiża. Dik Ingliża saret fl-1689, u hija l-bill of rights, wara li ġie approvat li l-monarkija Ingliża ma tibqax waħda assoluta imma ssir waħda kostituzzjonali fejn ir-re, iktar milli jirrenja, beda jiggverna. L-Amerikana saret fl-1776 u fost l-oħrajn kienet tissalvagwarda l-liberta` tal-kelma, il-liberta` ta' l-istampa, id-dritt tan-nies li jiltaqgħu u jinġemgħu u li jitolbu lill-gvern jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet. Kellek imbagħad dikjarazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u taċ-ċittadin ġewwa Pariġi tas-26 ta' Awissu 1789. Id-dikjarazzjoni Franċiża kienet forsi ftit aktar mirquma mit-tnejn ta' qabilha għaliex iddefiniet id-drittijiet tal-bniedem bħala inaljenabbli, jappartjenu lill-bniedem biss, ma jiddependux fuq il-fjatjew fuq il-bene plaċiduta' xi ħadd jew ta' xi istituzzjoni. Kienet dikjarazzjoni ispirata mill-kitba ta' Jean Jacques Rousseau u bdiet billi stqarret li l-bnedmin jitwieldu ħielsa u ugwali fid-drittijiet tagħhom.
Fiex jew kif tidħol id-dikjarazzjoni Maltija f'dan kollu? Id-dikjarazzjoni Maltija ta' l-1802, qabel xejn, hija frott ir-realta` Maltija fid-dawl ta' dak li kien qiegħed jiġri kemm f’Malta u kemm madwarna. B'esperjenzi ċertament m'humiex sbieħ f'moħħ il-Maltin, id-delegazzjoni rat kif applikat għal Malta l-prinċipji msemmija f'dawk it-tliet dikjarazzjoni. Dwar din id-dikjarazzjoni l-Profs. Frendoqal hekk:
“Id-dikjarazzjoni Maltija hija dokument storiku daqskemm hija wieħed politiku u filosofiku. Tentattiv kuraġġuż, edifikanti li jixhed l-eżistenza ta' klassi indiġena ta' nies struwiti u għorrief, delużi u mweġġa', ftit konfużi, imneżża mis-setgħa, maqbuża, imwarrba u mċaħħda mir-rispett dovut, iżda mhux fatalisti, mhux neqsin mill-istima tagħhom innifishom jew mir-rieda persistenti għall-kisba ta' ħajja aħjar, għall-kisba saħansitra ta' pajjiż internament ħieles u pjaċevolment ġestit, awtonomu jekk mhux indipendenti. Dan kollu huwa importanti għaliex il-Maltin qegħdin jipprovaw juru li l-poplu huwa sovran.”
Jiena għalhekk iktar 'il quddiem se niġi għad-diskors attwali fuq ir-referendum u l-validita` tar-referendum fuq l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjoni Maltija ta' l-1802, kif qal ukoll il-Prof. Frendo f'dik l-okkażjoni, ma kenitx qed tikkopja x'qalu t-tliet dikjarazzjonijiet l-oħrajn, imma kienet unika, kellha l-identita` tagħha, u kienet rikors lejn viżjoni dejjiema waqt trawma ta' inċertezza ġenerali. Kienet il-grif fil-blata ta' pedament għall-futur.
Mr. Speaker, kif diġa’ għedt, Ball kien inħatar President ta' dak li fuq il-parir tiegħu kien beda jissejjaħ il-kungress. Bdew jiltaqgħu Sant Anton kull nhar ta' Tnejn fit-8:00 a.m. Kien hemm numru ta' nies fil-kungress Malti. Kellek nies ta' natura legali, jiena naf, bħal per eżempju n-Nutar Vitale għall-Imdina, in-Nutar Francesco Saverio Zarb għal Ħ'Attard, ekkleżjastiċi, pero` kellek ukoll individwi meqjuma fil-Belt jew ir-Raħal tagħhom, bħal per eżempju Michele Cachia taż-Żejtun u Filippo Castagna tal-Gudja. Il-Maltin ipprovaw jagħmlu mod biex il-pinna tkun aktar b'saħħitha mix-xabla. Ipprovaw jistrieħu fuq il-forza morali ta' dak li kien seħħ. Hemm ċara l-idea li t-tron kellu jirrenja mhux jiggverna, it-tron għandu joffri protezzjoni filwaqt li l-poplu Malti jgawdi l-awtonomija. Il-kunsill popolari tal-Maltin kellu jassumi r-responsabbilta` li jintaxxa u jilleġiżla bil-kunsens tat-tron.
Mr. Speaker, jiena m’iniex se noqgħod nidħol fl-artikli wieħed wieħed, pero` rrid ngħid li fl-ewwel artiklu qegħdin nirrikonoxxu lir-re bħala is-sovrano signore. Irrid ngħid ukoll li fil-fehma tiegħi mbagħad l-aħħar tnejn huma importanti ħafna. Artiklu tmienja jgħid li kull bniedem ħieles għandu d-dritt li jagħżel ir-reliġjon tiegħu. Reliġjonijiet oħra għandhom għalhekk jiġu tollerati bħala dritt stabilit iżda l-ebda setta ma tista' tmaqdar, tinsolenta jew tħarbat lil dawk li jistqarru reliġjonijet oħrajn.
Kemm kien importanti dan il-prinċipju 200 sena ilu li l-Maltin qegħdin jirrikonoxxu li ħadd m'għandu d-dritt iċaħħad lil ħaddieħor mil-liberta` tal-kuxjenza! Id-disa' artiklu, li fil-fehma tiegħi huwa assunt tal-prinċipji tat-tliet dikjarazzjonijiet li semmejt, jiġifieri ta' Franza, l-Amerika u l-Ingilterra jgħid li ebda bniedem, ikun min ikun, m'għandu juża l-awtorita` personali tiegħu fuq il-ħajja, il-proprjeta` jew il-liberta` ta' ħaddieħor. Il-poter jinsab biss fis-setgħa li tagħtih il-liġi u t-trażżin jew kastigi jistgħu jingħataw biss skond kif titlob il-liġi. Ħadd m'huwa 'l fuq mil-liġi, qed tgħid id-dikjarazzjoni, kulħadd huwa indaqs quddiem il-liġi, u allura ma tistax tieħu l-liġi b'idejk biex tieħu l-ħajja, il-liberta` jew il-proprjeta` ta' ħaddieħor. Dan l-artiklu waħdu jiġbor l-ispirtu konxjament liberali li fuqu hija mibnija d-dikjarazzjoni Maltija.
Kif jirrikonoxxi Profs. Frendo, dwar dan hemm riflessjoni x'nagħmlu. Aħna l-Maltin illum qegħdin napprezzaw dak li sar 200 sena ilu, pero’ qegħdin infakkru jew fakkarna biżżejjed dak li ġara 200 sena ilu? Huwa fatt li ftit Maltin jafu jew kienu jafu bl-eżistenza ta' dan id-dokument, u ċertament l-okkażjoni tal-ġimgħa l-oħra għenet ħafna għar-rikonoxximent ta' dak il-pass leġislattiv avantgarde ta’ 200 sena ilu. Din id-dikjarazzjoni hija parti mill-istorja ta' Malta hija parti mill-identita` Maltija u fiha għandek lill-poplu Malti li qed jipprova jesprimi ruħu b'mod kollettiv. Din id-dikjarazzjoni kienet l-ogħla espressjoni kollettiva għal dak li kienu qegħdin iħossu l-Maltin, Sur President. Il-Maltin ħassew il-ħtieġa li jesprimu ruħhom u riedu lil ħaddieħor jirrikonoxxi l-espressjoni kollettiva tagħhom, li jaċċetta li għandhom dritt għall-espressjoni, li għandhom dritt jiddeċiedu għalihom innifishom, li għandhom dritt jaħsbu b'moħħhom u mhux iħallu lil ħaddieħor jaħseb għalihom. Apparti l-aspett legali u storiku, huwa proprju għalhekk li din id-dikjarazzjoni hija importanti. Ir-raison d'etre huwa l-istess.
Mr. Speaker, il-Maltin qegħdin jgħidu li jridu nkunu stmati ta' poplu sovran, u referendum huwa l-istess ħaġa. Minn survey riċenti tal-''Malta Independent'' jirriżulta li90% tal-Maltin - mela across party lines - iridu li l-partiti politiċi jirrikonoxxu r-riżultat ta' referendum. Aħna ntrabatna li nagħmluh u ntrabatna li nirrikonoxxuh. L-oppożizzjoni qed tgħid le pero` issa naraw x'qalet l-oppożizzjoni ftit tas-snin ilu, ħalli naraw jekk għadhiex konsistenti ma' dak li qalet ftit tas-snin ilu.
Mr. Speaker, irrid ngħid li kif qal il-Profs. Frendo fid-diskors tiegħu, għandna bżonn fondazzjoni għall-istudji Maltin. Bħalma għandna istitut Mediterranju u l-istitut għall-istudji internazzjonali, għandna bżonn ukoll fondazzjoni ta' l-istudji Maltin ħalli nirrikonoxxu aktar il-wirt storiku, kulturali u legali tagħna. Biex inkompli fuq ir-referendum irrid ngħid li kulħadd jaf kemm il-Partit Laburista huwa kategoriku li r-riżultat tar-referendum ma jorbtux. Dan huwa insult sfaċċat għall-intelliġenza u s-sovranita` tal-poplu Malti. Lil dak il-poplu Malti li qed jgħidlu li għandu jkollu rajh f'idejh, fl-istess ħin qed jgħidlu li m'għandux rajh f'idejh biex jiddeċiedi permezz ta’ referendum. Dak huwa f'idejh bħala Partit Laburista. Mela bħala poplu m'għandekx rajkf'idejk fil-kwestjoni tar-referendum.
Mr. Speaker, kulħadd jaf dak li ġie kkwotat li qal il-Kap ta' l-Oppożizzjoni fil-25 ta' Marzu 1993 waqt diskussjoni ma' l-istudenti universitarji. Dakinhar kien qal li kieku kien favur l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien jagħmel referendum. Iktar tard, fit-12 ta' Diċembru ta' l-1995, dak iż-żmien id-deputat Joe Brincat, illum deputy leader, kien qal li fuq il-kwestjoni ta' l-Ewropa jrid ikun hemm għażla li trid tkun finalment mal-poplu b'referendum. Iktar tard f'artiklu tas-''Sunday Times'' f'Ġunju ta' l-1998 Joe Brincat kien qal hekk:
“Manifestos are mixed grills. Referenda are straight and more democratic.”.
Dawn il-kwotazzjonijiet kemm-il darba smajnihom matul dawn l-aħħar ġranet, pero` jiena proprju l-bieraħt lura kont qed naqra - kif soltu nagħmel - id-dibattiti parlamentari ta' dawn l-aħħar ftit snin u sibt id-dibattitu fuq l-abbozz ta' liġi li jemenda l-liġi tar-referendum li sar f’Jannar ta' l-1996. Naħseb li dan li se nikkwota għandu jiġi rifless mill-Maltin, għaliex m'hu konsistenti xejn ma' dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni llum. Fil-15 ta' Jannar 1996, waqt id-dibattitu fuq l-abbozz ta' liġi li jemenda l-liġi tar-referenda, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien qal hekk, u se nikkwota:
“Tajjeb li ngħidu li bl-iżvilupp tad-demokrazija moderna, aktar ma jgħaddi żmien aktar il-logħba politika u l-proċess politiku jippernja ruħu fuq issue, fuq problemi u fuq kwestjonijiet li huma speċifiċi u li dwarhom, ħafna drabi, l-opinjoni pubblika tinqasam b'mod li mhux dejjem jirriflettu aspirazzjonijiet ideoloġiċi u appartenenzi li huma partiġġjani. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-metodu ta' referendum jinħass bħala xi ħaġa li tista' tirrispondi għall-bżonnijiet taċ-ċittadini biex jesprimu ruħhom b'mod relatat speċifikament ma' issue li tqum fil-pajjiż u fis-soċjeta`.”
Imbagħad ikompli hekk:
“F’issues li jitqanqlu, ċ-ċittadini jkollhom diverġenza ta' opinjoni fuqhom li huma lil hinn mill-appartenenza politika tagħhom. Għalhekk il-prinċipju tar-referendum huwa tajjeb, speċjalment fiċ-ċirkostanzi moderni u li se jkomplu jiżviluppaw f'pajjiżna u f'soċjetajiet oħra wkoll.”
Dan qalu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni f'Jannar ta' l-1996, u ovvjament kien qed jesprimi l-opinjoni tal-partit. Dan m'huwiex kwalunkwe deputat imma huwa kap ta' partit. Kien qal – u dan f'dibattitu parlamentari - li l-prinċipju tar-referendum huwa tajjeb għaliex jagħti d-dritt u l-possibbilta` lill-poplu jiddeċiedi fuq issues speċifiċi. Allura għalfejn din l-inkonsistenza? Hawnhekk jingħad – u hekk hu - li r-referendum għandna nagħmluh għaliex il-poplu Malti għandu jkollu d-dritt li jiddeċiedi fuq issue waħda. Dan għaliex f'elezzjoni ma jiddeċidix fuq issue waħda imma jiddeċiedi fuq diversi fosthom fuq ambjent, fuq l-intern, fuq il-ġustizzja, fuq it-taxxi u fuq is-saħħa. Allura kif illum il-Kap ta' l-oppożizzjoni u l-partit Laburista qed jgħid li r-referendum ma jirrikonoxxiehx. L-inkonsistenza fejn hi? Ħa nkompli nikkwota, Sur President, mid-diskors tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni:
“Il-prinċipju tar-referendum jirrifletti dak li qed jiġri f'soċjeta` moderna, li aktar u iktar l-issues qegħdin ikunu cutting, jaqsmu l-barrieri ideoloġiċi.”.
Din hi kwotazzjonioħra mill-istess dibattitu:
“Il-prinċipju tar-referendum huwa prinċipju tajjeb u jrid jitħaddem, imma biex indaħħluh irridu ninfilzaw u jrid ikun kumplimentari ma' l-istruttura ta' demokrazija parlamentari li għandna.”
Dan huwa d-diskors tal-kap ta' l-oppożizzjoni, Sur President.
Qal sewwa u kien korrett, kien ġust, li iktar ma s-soċjeta` tiżviluppa u ssir waħda moderna aktar il-poplu għandu jkun mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu fuq issue partikolari anke across il-barrieri ideoloġiċi jew ta' partit.
Biex inkun fair ma' l-oppożizzjoni rrid ngħid li l-Partit Laburista mar oltre minn hekk, għax f'Jannar ta' l-1996, kien ivvota kontra dan l-abbozz ta' referendum minħabba li huma riedu jmorru oltre mill-gvern. Il-gvern f'Jannar ta' l-1996, f'dan l-abbozz kien ippropona l-introduzzjoni tar-referendum abbrogattiv. L-oppożizzjoni mhux talli qablet, talli qalet li trid iktar minnhekk, u r-referendum għandu jkun wieħed propożittiv. Ħa nikkwota minn diskors tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, Sur President, ta' l-għada, 16 ta' Jannar 1996.
"Il-prinċipju tar-referendum huwa prinċipju progressiv, modern u adatt għal kif qiegħda tiżviluppa d-demokrazija moderna, jiġifieri fejn il-politika tinħadem, aktar ma jgħaddi żmien ukoll, fuq bażi ta' issues li jqanqlu diskussjoni, kontroversja u anke qsim bejn iċ-ċittadini. Mhux fuq bażi neċessarjament ta' ideoloġija jew partit, imma bażi ta' kif jaraw ċerti issues speċifiċi. Allura hija ħaġa tajba li l-prinċipju tar-referendum jiġi aċċettat u rikonoxxut.”
Dan il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qed jgħidu. Mhux qed ngħidu jien jew il-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien kien qed jgħid li huwa tajjeb li jiġi aċċettat u rikonoxxut u llum qed jgħid li ma jridux jirrikonoxxu r-riżultat tar-referendum fuq issue li qed taqsam il-barrieri politiċi. Issa l-Unjoni Ewropea hija suġġett mhux ta' partit imma ta' nazzjon.
Mr.Speaker, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, għan-nom ta' l-Oppożizzjoni, kien issuġġerixxa dan:
"Aħna nħossu li r-referedum proposittiv għandu jidħol la qegħdin indaħħlu l-prinċipju tar-referendum min-naħa taċ-ċittadini. U għandu jidħol fil-qasam ta' miżuri li ma jkunux dehru jew tfaċċaw fil-programm tal-partit li jkun ingħata mandat elettorali."
Imbagħad il-Kap ta' l-Oppożizzjoni kompla b'dan il-mod - qed naqra mid-dibattitu parlamentari –:
"Referendum huwa miżura li għandna naqblu magħha, naċċettawha u nwessgħuha kif trid tagħmel l-oppożizzjoni, mhux biss b'sens abrogattiv li qed jgħid il-gvern, imma wkoll b'sens propożittiv li jagħti iktar ċans liċ-ċittadini jkollhom sehem dirett fit-tmexxija ta' ċerti deċiżjonijiet."
Sur President, meta qrajt dawn id-dibattiti ma ridtx nemmen li qed naqra dan li qed ngħid. L-oppożizzjoni fl-1996 kienet qalet li l-ewwel ħaġa għandu mhux biss ikun hemm referendum abrogattiv, imma wkoll propożittiv. Kienet qalet li l-poplu għandu mhux biss jintalab japprova liġi imma anke jipproponi liġi. Ara kemm marru oltre mill-gvern. Ir-risposta tal-gvern dakinhar kienet li għandna naraw kif jaħdem ir-referendum abrogattiv u kif il-poplu jidra, we go on to the next step. Dakinhar il-gvern ma kienx qal le. Il-Prim Ministru kien qal le għal dak l-istadju. Dawn huma affarijiet tal-meravilja.
Mela dak iż-żmien l-oppożizzjoni kienet qalet li l-gvern għandu jagħti ċ-ċans liċ-ċittadini li jkollhom sehem dirett fit-tmexxija ta' ċerti deċiżjonijiet imma llum qiegħda tgħid li ma tirrikonoxxix riżultat ta' referendum. Imma din x'onesta` hi? X'sens ta' konsistenza politika hija din? Lili dejjem qaluli li politiku serju huwa dak li jkun konsistenti f'kollox, fi kwalunkwe qasam, fi kwalunkwe settur, anke fil-professjoni tiegħu. Jekk tkun konsistenti takkwista l-istima imma jekk ma tkunx konsistenti titlef l-istima ta' sħabek u tas-soċjeta`. Inti ma tkunx avukat tajjeb għax taf il-liġi biss, imma għax għandek pattern ta' ħidma konsistenti u tkun leali dejjem u mhux leali biss quddiem ċerti ġudikanti jew quddiem ċerti każi u l-istess il-politiku jew il-partit politiku. Jakkwista kredibbilita` daqskemm ikun konsistenti. Hawnhekk għandek dikjarazzjoni awtentika tas-16 ta' Jannar ta' l-1996 li l-gvern għandu jagħti ċans liċ-ċittadin jipparteċipa aktar fil-ħajja demokratika. Intqal li ċ-ċittadin mhux biss għandu jintalab jabbroga, kif għandna fil-liġi tar- referendum illum, imma anke jipproponi u jfassal liġijiet billi jinġabru ammont ta' firem u ssir liġi.
Dak li kienet qalet l-oppożizzjoni permezz tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni nnifsu. Kien qal li għandu jkun hemm il-vantaġġ ta' referendum ħalli l-poplu jkun ikkonsultat immaterjalment mill-ideoloġiji li għandu. Kien intqal li dan għandu jsir ħalli l-poplu jkollu sehem dirett fit-tmexxija tiegħu nnifsu. Issa llum l-oppożizzjoni qed tgħid lill-poplu li dak li qalet fl-1996 kien diskors għall-gallerija. Liema hija l-verżjoni t-tajba, dik tal-1996 jew dak li qed jintqal illum? Fuq ħaġa elementari, kardinali, ta' prinċipju bħal dan tista' ma tkunx konsistenti? Inti tista' tgħid illi l-VAT hija ħażina u issa tgħid li se tistenna lejlet l-elezzjoni biex imbagħad tara? Jekk hija ħażina, hija ħażina dejjem, u jekk hija tajba, hija tajba dejjem. F'dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu nilagħbu l-logħba ta' l-opportuniżmu politiku. Għalhekk il-poplu jitlef u qed jitlef il-fiduċja fil-politika Maltija, minħabba li l-politiċi tagħna xi kultant, jew ħafna drabi f'ċerti dikjarazzjonijiet qegħdin juru li dak li kien tajjeb fl-1996 m’għadux tajjeb illum.
Mr. Speaker, jiena semmejt survey riċenti fejn 90% tal-Maltin - 89.3% biex inkun preċiż - iridu li d-deċiżjoni f’referendum trid tkun rispettata mill-partiti politiċi. Jekk iċ-ċittadin jiġi l-ewwel, jekk ħadd m'hu għar-rimi, kif tista' tarmi d-deċiżjoni sovrana tal-poplu? Il-poplu qatt ma jista' jkun illeġġittimu, il-poplu huwa dejjem sovran. Jekk hemm tagħlima li għandna nitgħallmu mid-dikjarazzjoni ta' l-1802, dak il-pass kuraġġuż, avant garde, embrjoniku, imma ta' viżjoni u ta' twemmin fina nfusna bħala Maltin, din hija li l-poplu huwa sovran u l-għajta tiegħu trid tinstema'. Il-politiku għandu jagħti widen għall-għajta tal-poplu għax il-poplu huwa dejjem sovran. Il-poplu jiġi l-ewwel. Il-poplu jagħti l-leġittimita` lill-gvern hu min hu l-gvern. Gvern ikun illeġittimu jekk ma jkollux il-maġġoranza tal-poplu warajh. Fil-mument li jkollu l-maġġoranza tal-poplu warajh, gvern ikun wieħed leġittimu. Issa ħalliha li f'Settembru ta' l-1998 l-oppożizzjoni qalet li aħna gvern illeġittimu. Bil-maġġornaza li għandna kif nistgħu nkunu gvern illeġġittimu?! Kif qatt il-poplu jista' jkun illeġittimu? It flies in the face of logic and political corruptness dikjarazzoni bħal din.
Sur President, filwaqt li nġib għall attenzjoni ta' kulħadd dikjarazzjoni bħal din ta' l-oppożizzjoni tal-15 u tas-16 ta' Jannar ta' l-1996, l-appell umli tiegħi u sinċier huwa: Ejja mmorru lil hinn mill-partiġġaniżmu politiku fl-issue ta' l-Unjoni Ewropea. Din hija issue li se teffettwa mhux lilna biss imma lill-ġenerazzjonijiet ta' warajna. Għalhekk l-għajta tal-poplu trid tinstema' u trid tingħata widen. U għajb għal dawk li qed jgħidu li lill-poplu ma jridux jisimgħuh. Għajb għal dawk li qed jgħidu li lill-poplu ma jimpurtahomx minnu u jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li jgħid. Dik mhux demokrazija. Dik hija kollox barra demokrazija. Dak huwa bidu ta' dittatorjat. Grazzi ħafna.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal-lejla l-Erbgħa, 19 ta' Ġunju, 2002 fis-6:00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fin-12:30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB
PENSJONI 32619. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali: Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitħallas il-pagament dovut lill-persuna li n-numru ta' l-ID tagħha qed jidher separatament, peress li l-pagament tal-bonus ma sarx mal-ħlas tal-pensjoni?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet informata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment.
MOSTA - BOWSER ILMA 32620. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata bowser ilma?
ONOR. NINU ZAMMIT: Peress li ma ngħatax l-isem tal-persuna u peress li l-indirizz lanqas ma jidher fir-reġistru elettorali, ma kienx possibbli li jsir kuntatt bit-telefon mal-persuna konċernata biex ikun jista' jintbagħtilha bowser ilma, kif talab l-Onor. Interpellant.
VAT - RIĊEVUTA FISKALI 34120. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid x'raġunijiet wasslu lill-gvern biex jgħid lit-tobba li m'hemmx għalfejn joħorġu iżjed irċevuti fiskali tal-VAT?
ONOR. JOHN DALLI: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 31657 u 34170.
KULLEĠĠ STELLA MARIS - GĦALLIEM 34122. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex jgħallem l-edukazzjoni fiżika fil-kulleġġ Stella Maris? Jista' jgħid meta nkisbu l-kwalifiki li jintitolawh biex jgħallem f'dan il-kulleġġ?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li l-persuna msemmija m'għandhiex il-kwalifiki meħtieġa biex tkun għalliema regolari u qed taħdem fuq bażi temporanju (casual). Kien ġie impjegat għax l-iskola ma sabitx persuna kkwalifikata.
Din il-persuna trid terġa' tapplika biex tkun approvata mill-ġdid hekk kif tibda s-sena skolastika, u jekk ma jkunx hemm persuni kkwalifikati aktar minnha li japplikaw għall-post, tista' tingħata estensjoni ta' sena skolastika oħra.
Din il-persuna titħallas mill-iskola u mhux mill-fondi ta' l-istat.
MIA - IMPJEGATI 34128. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu fl-MIA matul is-sena 2001 u din is-sena? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol tagħhom u jekk ħarġux sejħiet jew ġewx imqabbda direttament? Jista' jgħid ukoll jekk humiex part-timers jew full-timers jew xi ħaġ'oħra?
ONOR. JOSEF BONNICI: Matul is-sena 2001 u din is-sena l-MIA impjegat 23 ruħ, imqassmin kif ġej:
GRAD 2001 2002 Assistant Administrator 1 -
Airport Attendant - 7
Clerk 5 1
Clerk (b'kuntratt) 1 -
Customer Service Assistant 1 2
Senior Technician 1 -
Technician - 2
TAS 1 -
Tradesman 1 -
L-ingaġġ sar kollu bl-approvazzjoni tal-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ apparti dak tat-TAS li huma parti minn skema ta' apprentistat.
TURIŻMU - KONSULENTI 34137. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-ministeru li ġew maħtura bħala konsulenti? Min huma dawn il-persuni u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid xi ħlas u x'benefiċċji oħra ġew maqbula ma' dawn il-persuni?
ONOR. MICHAEL REFALO: Fil-ministeru għat-turiżmu hemm tliet persuni maħtura bħala konsulenti, hemm is-Sur Lino Borg li huwa konsulent ma’ l-istitut għall-istudji turistiċi b'salarju ta’ Lm6,328 fis-sena; is-Sur George Micallef li huwa konsulent dwar il-prodott turistiku b'salarju ta’ Lm7,383 fis-sena, u s-Sur Jean Micallef Grimaud li huwa konsulent dwar l-Unjoni Ewropea u jitħallas Lm2,000 fis-sena.
MALTA RACING CLUB - GĦAJNUNA FINANZJARJA 34140. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ta l-gvern lil Malta racing club matul is-sena 2001 u matul din is-sena? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb jew ftehim dwar għajnuna oħra fil-futur u x'inhi t-tip ta' għajnuna?
ONOR. JOHN DALLI: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Malta racing club ġew mogħtija Lm5,000 fl-2001 u Lm5,000 din is-sena mis-super-5 fund.
Għar-rigward ta' fondi oħra u għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-ministru ta' l-edukazzjoni.
KONVENZJONI EWROPEA - LAQGĦAT TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 34148. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li ser jieħdu sehem fil-konvenzjoni tal-futur ta' l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-persuni żgħażagħ? Kif intgħażlu dawn il-persuni?
ONOR. JOE BORG: Iż-żgħażagħ li ġew nominati mir-rappreżentant tal-gvern u mis-sostitut tiegħu huma Ilaria Flores Martin u Samuel Azzopardi. Huma intgħazlu minn ġurija wara li sar konkors apposta għaż-żgħażagħ li esprimew interess. Dan bħala riżultat tal-pubbliċita' li ngħatat permezz ta' stqarrija għall-istampa maħruġa fid-19 ta' Mejju 2002 , u abbażi tal-kriterji stabiliti fl-istess stqarrija.