THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, veru li fil-liġi Ingliża eżistenti hemm riferenza f'dan ir-rigward partikolari għall-qrati. Naturalment wieħed jifhem li l-mument li inti tagħmel hekk tkun qed tirriferi wkoll għal struttura li awtomatikament tfisser ukoll proċedura differenti. Bi proċedura differenti nifhem ukoll dik il-proċedura li jekk inti mort quddiem qorti u għall-argument il-qorti ma aċċettatx applikazzjoni, għaliex saret petizzjoni jew sar rikors għat-talba li tkun partikolari li qed tissemma fil-liġi Ingliża, għandek ukoll awtomatikament marbuta magħha l-proċedura kollha ta' appell. Issa hawn aħna qed naqblu li ħafna mill-funzjonijiet li jirrelataw ma' l-assigurazzjoni nistgħu nafdawhom f'idejn il-MFSC.
Jiena naqbel li f'dan l-aspett partikolari mhux neċessarjament qed nitkellmu dwar aspett regolatorju, allavolja fl-aħħar mill-aħħar jiddependi x'definizzjoni nieħdu tal-kelma "regolatorju", għax regolatur ħafna drabi għandu wkoll il-funzjoni li japprova jew ma japprovax applikazzjoni għal liċenzja partikolari. Dik hi kruċjali f'definizzjoni ta' ''regolatur'' - u mhux regolatur biss fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, għax jista' jkun regolatur tat-telekomunikazzjoni jew regolatur ta' utilities b'mod ġenerali; anzi meta titkellem dwar servizzi, ħafna drabi r-regolatur tiddefenih b'riferenza għar-rwol tal-fatt li min ikollu l-appikazzjoni quddiemu jara jekk il-persuna hijiex idonea, jekk il-livell ta' stabilita' finanzjarja huwiex suffiċjenti u anke jekk ir-rekwiżiti kollha ta' l-applikazzjoni humiex hemm - għax jista' jkun hemm metodi differenti kif niddefenixxu din il-kelma.
Jien qiegħed ngħid, la qed naqblu li dak kollu li m'huwiex long-term business f'Malta jsir miċ-ċentru, possibbli hemm xi diffikulta' min-naħa tal-MFSC - forsi wieħed għandu jikkonsulta hemmhekk ukoll - li dawn jagħmlu dawn ukoll, u mbagħad it-tribunal jkun qiegħed hemm bħala mezz ta' appell? Għaliex jibqa' l-argument, anke meta nirriferu għal-liġi Ingliża, li issa t-tribunal żgur mhux se jkun tribunal li jista' jservi ta' appell fuqu nnifsu. Mela x'se jiġri jekk it-tribunal ma japprovax applikazzjoni a tenur ta' artiklu 35 ta' dan l-abbozz? Min japplika jrid joqgħod imur quddiem il-qrati ordinarji u jara jekk hemmx xi abbuż ta' diskrezzjoni fis-sens amministrattiv, jiġifieri taħt normi tal-liġi b'mod iktar ġenerali? X'inhija l-proċedura li jrid jagħmel? Jekk nirriferu għall-qrati fl-Ingilterra awtomatikament ifisser li għandek il-proċedura wkoll ta' appell. Imma hawn lanqas dan m'aħna qed nagħmlu. Hawn qed ngħidu li mmorru quddiem tribunal, li normalment għandu funzjoni ta' appell, u f'daqqa waħda qed ngħidulu li għall-iskopijiet ta' din il-liġi inti trid tiddeċiedi li tapprova jew le l-applikazzjonijiet li jkollok għal trasferiment ta' kummerċ fit-tul. Jiġifieri - u se naqra mill-abbozz li għandna quddiemna -
''Meta jkun propost li titmexxa skema li biha l-kummerċ fit-tul kollu jew parti minnu li jitmexxa minn kumpannija awtorizzata taħt dan l-Att (''il-kumpannija ċedenti'')...''
Issa meta ngħidu ''kumpannija awtorizzata taħt dan l-Att'', naturalment jien qed nifhem li din hija kumpannija diġa' awtorizzata mill-awtorita' kompetenti. Issa din hija l-kumpannija ċedenti. Għaliex? Għaliex hi se tittrasferixxi lil kumpannija oħra.
''... ikun se jiġi trasferit lil kumpannija oħra sew jekk hekk awtorizzata taħt l-Att jew le,''.
Donnu l-kumpannija l-ġdida tista' tiġi awtorizzata iktar tard. Imbaħgad ikompli jingħad li:
''meta l-kumpannija ċessjonarja...''
- jiġifieri dik li se tirċievi issa, mhux iċ-ċedenti naturalment -
''...tkun kumpannija li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun f'Malta, il-kummerċ propost li jiġi trasferit ikun kummerċ li jitmexxa f'Malta jew minn Malta jew f'pajjiżi barra minn Malta;''
- u għandna wkoll -
''meta l-kumpannija ċessjonarja...''
- dejjem il-kumpannija li qed tirċievi -
''...tkun kumpannija li l-uffiċju prinċipali tagħha jkun f'pajjiż barra minn Malta, il-kummerċ propost li jiġi trasferit ikun kummerċ li jitmexxa f'Malta jew minn Malta,
il-kumpannija ċessjonarja jew il-kumpannija ċedenti għandha, b'applikazzjoni li ssir lit-Tribunal għal Servizzi Finanzjarji, titlob li l-iskema tkun approvata.''.
Għaliex qed nipprovaw nikkwota fit-tul mingħajr ma nidħol fis-subartikli l-oħrajn ta' dan l-artiklu? Għaliex iktar ma taqra x'inhi l-materja li għandna quddiemna iktar nikkonvinċi ruħi li l-awtorita' kompententi - sakemm hi stess għal raġunijiet li forsi nsib diffiċli biex nifhem ħlief naturalment b'rispett lejn l-awtonomija tagħha nifhem ukoll il-parir tagħha - li wieħed almenu għandu jiddiskuti mal-MFSC, fis-sens li nistaqsuhom jekk humiex disposti li dan ix-xogħol, flimkien max-xogħol l-ieħor kollu tagħhom, imexxuh huma wkoll u t-tribunal ikun l-appell minn fuqhom jekk min jagħmel applikazzjoni f'dan is-sens ma jaqbilx mad-deċiżjoni tagħhom. Jekk il-Ministru naturalment għandu parir jew xewqa - sejħilha li trid - miċ-ċentru għal servizzi finanzjarji ta' Malta li dan ix-xogħol ma jixtiequhx li jkun inkluż max-xogħol l-ieħor ta' dak iċ-ċentru - insibha diffiċli nifhem għaliex qed jgħidu hekk - nirrispetta wkoll dik il-fehma. Pero' jekk huma disposti li jagħmlu dan ix-xogħol, onestament ma naħsibx li hemm skop għalfejn niddistakkaw dan ix-xogħol kollu u nitfgħuh quddiem it-tribunal flok inħallu lit-tribunal f'vesti ta' appell li wkoll hu garantit fis-sistema Ingliża għax meta tmur quddiem il-qrati ordinarji jinkludu proċedura ta' appell magħhom.