ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Nipproponi li l-Onor. Tony Abela jkompli jinstema'.
ONOR. ĊENSU GALEA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Abela jkompli bid-diskors tiegħu. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. TONY ABELA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Madam Speaker, il-Gvern qed jissellef mhux biss biex iħallas il-kontijiet imma wkoll biex jaħbi n-nuqqas ta' qligħ. Ċerti ministri qatt ma tawna indikazzjoni ta' kemm hemm barranin li jinsabu lesti biex jinvestu f'pajjiżna. Aħna nippretendu li l-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija jgħidilna li t-tali mprenditur jew it-tali kumpannija se jagħmlu investiment sostanzjali hawn Malta, liema investiment se jwassal biex jinħoloq ċertu ammont ta' xogħol u li permezz tiegħu se jkollna ċertu ammont ta' qligħ, biex il-poplu ma jkollux iħallas iżjed milli qed iħallas bħalissa.
Madam Speaker, milli jidher it-taxxi li għamel dan il-Gvern la servew biex jimla' l-ħofor li qal li sab u wisq inqas biex jibda jagħmel xi filata fil-barriera li ħoloq hu stess! Għaldaqstant inħoss li l-poplu mhux biss m'għandux jafda lill-Gvern fis-self ta' flus iżda għandu wkoll ikun assigurat li flusu nvestiti fil-banek ma jintużawx għal skop li l-Gvern sal-lum għad m'għandux idea konkreta minn fejn se jinġiebu sabiex jitħallsu lura. Insibu li 15% minn dan is-self se jmur biex jissodisfa l-ħruġ ta' government stock li kien hemm qabel, imbagħad il-85% l-oħra nefaqhom mingħajr ma jaf kif se jroddhom lura. Biex dan ikun jista' jsir il-Gvern irid jew jiekol difrejh, jew jigdem subgħajh, jew inkella jkompli jneżża' lill-poplu Malti minn dak li tah Gvern Nazzjonalista. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.