W435. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Fil-prijorita' li l-ministeru jagħti fl-allokazzjonijiet ta' djar, jista' l-Ministru jgħid kif joqogħdu f'din l-iskala (1) djar ikkundannati; (2) djar umdi u bla ventilazzjoni; (3) djar żgħar; (4) każijiet ta' persuni bi bżonnijiet soċjali?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Fl-allokazzjoni ta' postijiet tingħata preċedenza lil dawk li jinsabu bla dar bħal dawk li qegħdin f'periklu imminenti jew permezz ta' proċeduri legali. Wara dawn jiġu każijiet għal raġuni ta' saħħa jew soċjali gravi u t-tielet lill-każi oħra. Dan s'intendi jsir wara li tittieħed konsiderazzjoni tad-daqs u tan-numru tal-postijiet vojta li jkollu d-Dipartiment fil-mument.