Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 308,56 Kb.
səhifə4/5
tarix18.01.2019
ölçüsü308,56 Kb.
#100396
1   2   3   4   5

AĠĠORNAMENT



ONOR. LAWRENCE GONZI: Nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għall-lejla t-Tlieta, 18 ta' Jannar, 2000 fis-6.00 p.m. b'din l-agenda
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar it-Tarzna ta' Malta – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta – Kumitat;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att ta’ l-1993 dwar Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurezza tan-Nazzjonijiet Uniti – Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar ir-Rifuġjati - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li Jemenda Diversi Liġijiet dwar Servizzi fl-Ajruport – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar it-Tismija ta’ Ministri f’Diversi Liġijiet – Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar Drittijiet dwar Proprjeta’ Intellettwali (Miżuri Intrakonfini) - Tieni Qari; u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Erarju – Tieni Qari (Kont.).
--------------------------
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi – Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Carmelo Abela.

ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, fil-ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi nixtieq nitkellem ftit dwar il-konferenza ġenerali annwali bit-tema "Opportunitajiet" li organizzaw ftit taż-żmien ilu l-forum żgħażagħ Laburisti. L-ewwelnett irrid ngħid li din kienet konferenza interessanti fejn dawn iż-żgħażagħ urew l-ideat tagħhom - u naturalment bħala żgħażagħ il-ħolm tagħhom - ta’ pajjiż aħjar għaż-żgħażagħ li naturalment mhux biss qed jgħixu llum imma huma wkoll il-futur ta’ pajjiżna. Meta wieħed jara t-tema li għażlu għal din il-konferenza wieħed mill-ewwel tiġiħ f’moħħu l-mistoqsija: Imma x’inhuma dawn l-opportunitajiet?
Naħseb li bħala żgħażagħ il-futur m'huwiex xi ħaġa ‘l bogħod jew inkella xi ħaġa li ma tantx tinteressahom anzi proprju l-futur jinteressahom bil-kbir u xi kultant iħassibhom ukoll. Qed ngħid dan anke fid-dawl tal-paper li huma stess għamlu għal din il-konferenza fejn qed juru d-dubbji tagħhom dwar kemm fil-futur pajjiżna jista’ joffri opportunitajiet serji. F'din il-paper urew dubbji wkoll dwar kif pajjiżna jinsab miexi llum u dwar deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum u li se jaffettwaw mhux biss il-preżent imma anke l-futur. Proprju hawnhekk wieħed jista' jgħaqqad dan l-argument ma dak li wiegħed u dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern.
Ħafna drabi, Mr Speaker, nisimgħu l-kliem "ġid, fiduċja u direzzjoni". Huma tliet kelmiet li għadhom jintużaw kemm mill-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni pero’ għal skopijiet differenti. Il-gvern jużahom biex jagħti l-impressjoni li jaf fejn huwa sejjer u jaf xi jrid u min-naħa tagħna dawn it-tliet kelmiet nużawhom sabiex nistaqsu kemm verament dan id-diskors sabiħ tal-gvern nazzjonalista qed jiġi attwat. Dan nistaqsuh għax mir-rapport tal-bank ċentrali li għadu kemm ħareġ ftit taż-żmien ilu jidher li l-indikazzjonijiet ma tantx huma pożittivi. Minkejja li l-media Nazzjonalista tipprova tpinġihom bħala affarijiet pożittivi jew affarijiet li ma tantx huma negattivi permezz ta' ħafna aġġettivi, pero’ r-realta’ hija differenti u l-ġid li l-Partit Nazzjonalista wiegħed ftit li xejn qed jidher. Dan jirriżulta mhux biss meta wieħed jaqra r-rapport tal-bank ċentrali, Mr Speaker, imma anke meta wieħed jara l-andament ta' l-ekonomija Maltija llum.
Naħseb li trid u ma tridx bilfors ikollok tasal għall-konklużjoni li l-ekonomija għadha stagħġnata u fejn fi żmien gvern laburista konna nisimgħu ħafna biki, naturalment id-diska llum inbidlet. Jiena, per eżempju, niskanta kif xi kultant jgħidu li l-ekonomija għadha stagħġnata għaliex gvern Laburista kien iffriża l-applikazzjoni għal sħubija sħiħa fl-Unjoni. Dan naturalment huwa diskors li jipprova jaljena mill-kawża vera ta’ l-istaġnar fl-ekonomija Maltija u naturalment huwa kollu diskors sabiex jiżvija lill-poplu. Qed ngħid dan għaliex naturalment kulħadd jaf li gvern Laburista tela’ b’aġenda u b’manifest elettorali li fost affarijiet oħra ppropona li ma jkomplix fit-triq ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni filwaqt li jisħaq fuq rabtiet kemm jista’ jkun ma’ l-Unjoni. Kulħadd kien jaf x’kien jgħid il-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ l-1996, u din il-politika kompliet fl-1998 u allura naħseb li wieħed ma jistax igħid li l-istagħġnar ekonomiku ġie minħabba l-politika Laburista. Wara kollox qabel ma nqalgħu l-kwestjonijiet politiċi l-ekonomija bdiet tieħu r-ruħ u anke jekk ir-riżultati ma kenux daqshekk grandjużi, pero’ dawn kienu riżultati pożittivi. L-ekonomija kellha terġa’ taqbad ritmu mhux ħażin ukoll permezz tal-proġetti li kellu ppjanati l-gvern laburista.

Mr Speaker, sfortunatament bħala parti mill-kor li jagħti palata lill-gvern Nazzjonalista biex jiġi jidher li fil-pajjiż reġa' għandna l-fiduċja u l-ġid insibu x-xandir ta’ l-istat. Flok dan qed jagħmel ix-xogħol tiegħu ta’ servizz għall-poplu kollu, xi kultant jispiċċa jaħli l-isbaħ għaxar minuti biex waqt l-aħbarijiet tat-8.00 p.m.jirreklama s-sales ta’ wara l-ewwel tas-sena. Din hija tqanżiħa oħra sabiex iċ-ċittadini Maltin jitħajjru jixtru u jonfqu l-flus wara d-disfatta li kien hemm fil-ġranet tal-Milied. Fil-fatt meta wieħed jitkellem ma’ diversi nies li huma fin-negozju jgħidulek - u anke kien hemm stqarrijiet pubbliċi li ħarġu dawn l-istess entitajiet - li din kienet l-agħar sena f’dawn l-aħħar 20 sena. Barra minn hekk, meta xi kultant il-Partit Laburista jilmenta ma’ l-awtorita’ tax-xandir dwar stqarrijiet li ma jiġux rapporti jew inkella li ma jiġux rapporti b’mod diċenti, dawn sempliċement jaqraw linja jew tnejn fejn jgħidu li r-raġuni għax ġara hekk hi li ma jkunx hemm ħin. Ara għal dan ir-reklam b’xejn għas-sales naturalment kien hemm il-ħin, għax sabu l-isbaħ għaxar minuti sabiex dan jagħmluh. Proprju hawnhekk jidher kemm ix-xandir ta’ l-istat huwa mmexxi minn xi tnejn jew tlieta li huma qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista li kulħadd jafhom. Jiena m’inix se noqgħod insemmi ismijiet hawnhekk pero’ naħseb li dan m’huwiex servizz li qed jagħti x-xandir ta’ l-istat, jew għallinqas dawn il-persuni, imma huwa disservice liċ-ċittadini kollha li qed jagħtu l-kontribut tagħhom permezz tat-taxxi u tal-ħlas tal-liċenzja.


Ħaġa oħra li torbot mal-kliem fieragħ li kien jingħad qabel u anke issemmiet fil-konferenza forum żgħażagħ Laburisti kienet proprju d-direzzjoni li jgħid li miexi biha l-gvern nazzjonalista. Fil-fatt wieħed aktar jista’ jsejħilha fissazzjoni milli direzzjoni. Issa din l-istess fissazzjoni ta’ sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea qed toħloq aktar inċertezza fost il-poplu u fost min għada pitgħada kien beħsiebu jinvesti xi flus f’pajjiżna. Fil-fatt id-dokument imħejji mill-forum żgħażagħ Laburisti jitkellem fuq l-Unjoni bħala wieħed mill-main items u jappella sabiex iż-żġħażaġħ ikunu kemm jista’ jkun involuti f’dawn id-diskussjonijiet. Naturalment il-futur ħafna drabi huwa f’idejn iż-żgħażagħ u allura huwa xieraq li ż-żġħażaġħ ikunu wkoll parti minn dawn id-diskussjonijiet. Dawn mhux biss appellaw lill-gvern sabiex id-diskussjonijiet ikun hemm fihom anke elementi ta’ żġħażaġħ, pero’ appellaw lill-gvern ukoll sabiex dan ma jipprovax jimla’ ras iż-żġħażaġħ billi jgħid li l-Unjoni tfisser opportunitajiet kbar għalihom minħabba li dawn jibbenefikaw minn programmi edukattivi u ta’ taħriġ. Ma rridx ninftiehem li d-dokument tal-forum żġħażaġħ Laburisti huwa kontra dawn il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ - għax dawn huma xi ħaġa pożittiva u fil-fatt gvern Laburista ħadem bis-sħiħ sabiex żġħażaġħ Maltin jibbenefikaw minnhom - imma l-argument kollu huwa li l-gvern Nazzjonalista jitfa’ l-bżar fl-għajnejn billi liż-żġħażaġħ jgħidilhom li se jkollkom opportunitajiet kbar fl-Unjoni għaliex hemm dawn il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ. Ma naħsibx li wieħed jista' jiekol b’dawn il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ biss u allura naħseb li hemm bżonn li wieħed jara fejn verament qegħdin dawn l-opportunitajiet kbar.
Mr. Speaker, xtaqt insemmi punt ieħor dwar il-qgħad. Naturalment ix-xogħol huwa preokkupazzjoni kbira għaż-żgħażagħ, anke minħabba l-fatt li 40% minn dawk li qed jirreġistraw huma żgħażagħ taħt it-30 sena. Naturalment il-konferenza ġenerali tal-forum żgħażagħ Laburisti ttrattat dan is-suġġett ukoll, fejn ħareġ li llum huwa punt ta’ tħassib għaż-żgħażagħ kollha - u mhux biss iż-żgħażagħ li huma ta’ livell edukattiv mhux ogħli pero’ anke għal dawk li joħorġu mill-universita’ - dwar il-fatt li din il-problema se tkompli tikber u li ż-żagħżagħ se jsibuha dejjem aktar diffiċli biex isibu xogħol li jixtiequ jagħmlu. Per eżempju, jista’ jkun hemm gradwati li jagħmlu xi tip ta’ xogħol, pero’ dan ma jkunx ix-xogħol li dejjem ħolmu li jagħmlu u li jkunu studjaw għalih. Naturalment wieħed ma jistax ma jgħidx li filwaqt li fiha nfisha l-problema tax-xogħol hija problema soċjali, pero’ magħha tista’ ġġib problemi soċjali oħrajn bħad-drogi, serq u affarijiet oħrajn li naturalment jiswew lill-pajjiż ammont sostanzjali ta’ flus f'miżuri korrettivi.
Mr Speaker, tajjeb li ngħid li din il-concern fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol mhux ġejja biss miż-żgħażagħ Maltin, imma anke fl-Unjoni Ewropea jidher li hemm dan l-inkwiet. Fil-fatt minn survey li kien sar xi sentejn jew tliet snin ilu fost żgħażagħ fl-Unjoni insibu li 75.7% taż-żgħażagħ li ġew intervistati juru t-tħassib tagħhom u l-ħtieġa li l-Unjoni tagħti l-ewwel prijorita’ lix-xogħol. Mr. Speaker, wieħed għandu jgħid l-istorja kollha kif inhi, anke minħabba l-ammont ta’ żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea li jirreġistraw huwa d-doppju. (Interruzzjonijiet) Iva, għax jiena naħseb li meta l-gvern jitkellem fuq opportunita’ għandu jara eżatt fuq xiex qed jitkellem. Dawn dawn id-diskussjonijiet il-gvern dejjem ipprova jevitahom.

Bħala konklużjoni nixtieq li l-ewwelnett nifraħ lill-forum għall-konferenza u anke għal paper li għamlu li ma tantx kelli ħin nitkellem fuqha fid-dettall. Barra minn dan tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni tal-gvern għal dawn il-problemi li anke tqajjmu u nħoss li l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’pajjiżna llum aktar minn qabel qed jitnaqqru. Naħseb li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar sfortunatament ż-żgħażagħ Maltin se jsibu bibien magħluqa flok opportunitajiet. Grazzi.


MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Chris Agius.
ONOR. CHRIS AGIUS: Mr Speaker, fost il-ħafna materjal informattiv li nirċievu aħna bħala membri ta’ din il-Kamra hemm dik l-informazzjoni li tintbagħat lilna mill-uffiċċju ċentrali ta’ l-istatistika. Din l-informazzjoni tvarja minn tagħrif dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż, il-qagħda fit-turiżmu, l-indiċi tal-prezzijiet, il-qagħda fid-dinja tax-xogħol u ħafna tagħrif ieħor. Waqt dan l-ewwel aġġornament tiegħi għal din is-sena xtaqt li nitkellem fuq informazzjoni li rċevejt u li rċeviha kulħadd f’din il-Kamra minn dan l-uffiċċju li tittratta dwar il-qagħda tax-xogħol f’pajjiżna.
Għall-benefiċċju ta’ min qed jisma’ mid-dar u forsi m'huwiex familjari ma’ din it-tip ta’ informazzjoni ta’ min jgħid li din tkun maqsuma f'ċifri għal numru ta’ xhur u tmur lura wkoll għal numru ta’ snin. Tkun maqsuma wkoll f’sezzjonijiet li jittrattaw numru ta’ nies li huma kapaċi jaħdmu, dawk li jissejħu labour supply; in-numru ta’ nies li jkunu attwalment qed jaħdmu, dawk li nsejħulhom il-gainfully occupied; kif ukoll in-numru ta’ nies li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. L-informazzjoni li se nitkellem fuqha llum u li hija l-aħħar waħda li rċevejna tittratta x-xahar ta’ Ottubru 1999, kif ukoll l-istess xahar tas-snin ta’ qabel. Dan minkejja li fil-ġurnali tal-lum deher li l-informazzjoni għall-istess suġġett hija marbuta max-xahar ta’ Novembru.
Ċifra li xahar wara l-ieħor dejjem kienet qed tikber b’mod kostanti hija l-figura tal-labour supply. Dan huwa n-numru ta’ nies li huma kapaċi jidħlu fid-dinja tax-xogħol. F’Diċembru ta' l-1998 din iċ-ċifra kienet tlaħħaq il-144,821 u din li kompliet tiela’ għal 146,525 sax-xahar ta’ Settembru 1999. Hawn qegħdin ngħidu żieda ta’ kważi 2,000 persuna f’inqas minn sena iżda meta mbagħad nagħtu ħarsa lejn x’sar minn Settembru tas-sena li għaddiet sa Ottubru ta’ l-istess sena, jiġifieri perijodu ta’ xahar, naraw li din il-figura tnaqqset b’500 persuna. Dan minkejja l-fatt li jkollna min jipprova jiġġustifika li n-numru ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol qed jiżdied għaliex il-labour supply qegħda tikber b’rata ferm akbar. Ta’ min jirrimarka li minn dan in-nuqqas ta’ 500 persuna fid-dinja tax-xogħol 300 huma rġiel. Mr Speaker, xtaqt issa ndur għal parti oħra ta’ dan ir-rapport dwar persuni li qed jaħdmu bi qligħ, dawk li jissejħu l-gainfully occupied li minn 137,476 f'Settembru 1998 telgħu għal 138,514.
Bħal fil-każ tal-labour supply, ġara li minn Settembru tas-sena l-oħra sa Ottubru ta’ l-istess sena, jiġifieri qed nitkellmu fuq perjodu ta’ xahar, din iċ-ċifra reġgħet niżlet bi 315-il persuna, u dan meta suppost li għandna gvern li qed jgħid li ħriġna mill-istaġnar ekonomiku li skond hu kien jeżisti biss taħt gvern Laburista. Dan huwa żmien meta għandna kampanja sħiħa ta’ ftaħir permezz ta’ media releases li l-ekonomija qabdet ir-ritmu u li pajjiżna ħareġ mill-istaġnar li kien jinsab fih, li x-xogħol jiġri wara n-nies u mhux in-nies jibku u jiġru wara x-xogħol. Hawnhekk nista' ngħid li l-bank ċentrali dan l-aħħar jumejn ħareġ ukoll ir-rapport dwar kif marret l-ekonomija lokali fl-ewwel disgħa xhur tas-sena 1999. Din kibret b’5.3% u s-sena ta’ qabel, meta kien hemm gvern Laburista - u allura suppost kellna dlam u staġnar - din żdiedet bi 8.6%. Dawn iċ-ċifri, Mr Speaker, jitkellmu waħedhom għal kif sejra l-ekonomija fil-pajjiż.
Biex inkompli dwar il-gainfully occupied ta' min jgħid li jekk wieħed iħares lejn ix-xhur ta’ qabel jara li ċ-ċifra dejjem żdiedet minbarra nuqqas żgħir li jkun hemm bejn ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru. Ta' min jgħid ukoll li n-nuqqas li kellna din is-sena kien l-ogħla wieħed għal dawn l-aħħar numru ta’ snin. Imbagħad f’din l-istess tabella naraw li l-gainfully occupied huma maqsuma f’żewġ blokki, dawk li jaħdmu fis-settur privat u dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku jiġifieri mal-gvern, ma’ xi kumpanniji tal-gvern jew korpi parastatali. Jidher li n-numru ta’ persuni li l-employer tagħhom huwa l-gvern kompla jonqos minkejja li b’mod aktar bil-mod. Dan ifisser li dan il-gvern se jkompli bil-politika tal-gvern Laburista li ma jidħlux nies ġodda mal-gvern ħlief fejn jinħolqu vakanzi ġodda. Ħarsa ħafifa lejn x’ġara bejn Ottubru 1998 u Ottubru 1999 naraw li n-numru ta’ persuni jaħdmu fis-settur pubbliku, jiġifieri mal-gvern, niżel minn 49,745 għal 47,614, nuqqas ta’ aktar minn 2,000 persuna. Hawn ta’ min jirrimarka li l-bulk ta’ dawn l-2,000 persuna tnaqqsu minn fuq il-lista ta’ l-impjegati tal-gvern kienu dawk il-ħaddiema tal-Mid-Med Bank li saru ħaddiema ma’ kumpannija privata u huma mbagħad riflessi bħala żieda fin-numru totali ta’ persuni li jaħdmu fis-settur privat.
Mr Speaker, nixtieq issa nagħti ħarsa lejn kif inhuma mqassma l-impjiegi fis-settur privat. Kif għadni kif għedt, f’dan is-settur kellna żieda kbira fuq is-sena l-oħra ta’ aktar minn 3,000 persuna li kif għedt diġa’, 1,500 minnhom huma dawk li minn mal-Mid-Med ġew ma’ l-HSBC. Minkejja din iż-żieda fuq perijodu ta’ sena, ma nistgħux ngħidu l-istess bejn Settembru u Ottubru tas-sena li għaddiet, fejn kellna nuqqas ta’ 200 impjieg f’dan is-settur. Dan ifisser li minkejja l-performance tajba li kien hemm f’din l-aħħar sena, bejn Settembru u Ottubru ma tkompliex it-trend ta’ żieda fl-impjiegi tas-settur privat. Naturalment is-settur privat huwa maqsum ukoll f‘żewġ blokki oħra, dawk li jaħdmu għall-produzzjoni diretta u dawk li joffru s-servizz tagħhom, jiġifieri service providers.
Bejn ix-xahar ta’ Settembru 1999 u Ottubru 1999 il-blokk li jikkonċerna l-produzzjoni kellu żieda żgħira filwaqt li l-blokk tas-servizzi kellu nuqqas żgħir. Madanakollu fejn tidħol il-parti tal-manifattura għal darba oħra kellna nuqqas. Dan qed ngħidu għaliex ikun tajjeb jekk dan is-settur nagħtuh l-attenzjoni li jixraqlu. F’dan is-settur għandna aktar minn 29,000 impjieg u hemm bżonn li jsir kulma huwa possibbli sabiex dawn l-impjiegi jiġu mħarsa. Hawnhekk għandna numru ta’ kumpanniji li sal-lum għad għadhom ċerta protezzjoni u jidher ċar li fis-sentejn li ġejjin kull protezzjoni trid tispiċċa f’kull qasam. Minħabba f'hekk qed tirrenja biża’ u inċertezza li numru kbir minn dawn l-impjiegi se jkollhom jintilfu. Hemm qbil li l-kumpanniji jirristrutturaw u jimmodernizzaw sabiex isiru iktar kompetittivi iżda dan għandna nagħmluh bil-pass li nagħżlu aħna skond kemm nifilħu u mingħajr skossi bla bżonn iżda minn dak li qed isir jidher li l-gvern iddeċieda li mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ dawk li huma nvoluti jaqbad u jieħu din id-deċiżjoni li se ġġib tbatijiet fuq l-industrija Maltija. Wisq nibża’, Mr Speaker, li dawn il-passi mgħaġġla qed neħduhom mhux fl-aħjar interess tal-poplu tagħna iżda sabiex inkunu nistgħu nissodisfaw dak kollu mitlub minn Brussels.
Fis-settur privat imbagħad għandna wkoll 2,500 persuna li jaħdmu fil-qasam tal-biedja u sajd. X’se jiġri minn dawn il-persuni issa li l-gvern iddeċieda li t-triq ta’ Malta għandha tkun sħubija sħiħa fl-Unjoni? X’se jiġri la nneħħu l-protezzjoni li s’issa dejjem gawdew minnha l-oqsma f’dan is-settur? Il-politika tagħna ta’ żona ta' kummerċ ħieles kienet teskudi dawn is-setturi. X’se jiġri wkoll minn dak in-numru ta’ sajjieda Maltin li meta nsiru membri ta' l-Unjoni se jkollhom iħabbtu wiċċuhom ma’ kompetizzjoni diretta minn sajjieda Taljin u sajjieda minn pajjiżi oħra fil-Mediterran? Dawn is-sajjieda se jkunu jistgħu jiġu jistadu fl-ibħra tagħna u żgur li bil-flotot kbar li għandhom se jkunu ta’ theddida kontinwa għas-sajjieda lokali. Il-biża’ tagħna hi li dan in-numru se jkompli jonqos minħabba l-politika tal-gvern ta’ sħubija sħiħa fl-Unjoni. Mr Speaker, nixtieq nikkumenta wkoll dwar il-pożizzjoni tal-qgħad f’pajjiżna.
Iċ-ċifra ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol f'Settembru ta' l-1999 kienet l-ogħla waħda għal numru ta’ snin. Din laħqet it-8,011. Tajjeb li ngħid li dawn it-8000 ruħ huma dawk il-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol darba fil-ġimgħa fuq l-ewwel parti tar-reġistru. Ma’ dan in-numru ta’ nies bla xogħol wieħed irid iżid ukoll diversi individwi, fosthom dawk li ma jkunux interessati jirreġistraw għax-xogħol għaliex ikun aktar jaqblilhom minħabba li jistgħu jagħmlu xi xogħol bla ktieb biex jiffrankaw kemm il-bolla kif ukoll it-taxxa. Imbagħad ikun hemm ukoll dawk li ma jkunux intitolati għal xi benefiċċji li jaqtgħu qalbhom li l-ETC tista xi darba tibgħat għalihom għal xi xogħol. Din il-lista ta’ nies li qed jirreġistraw għax-xogħol ma tinkludix lanqas lil dawk li jkunu telqu minn xi xogħol minn jeddhom, għax dawn jaqgħu fuq parti oħra tar-reġistru. Ma’ tinkludix lanqas lil dawk li nqatgħu mir-reġistru mill-ispetturi ta’ l-ETC. Dan ix-xogħol ta’ l-ispettorat hu mill-aktar bżonjuż sabiex jitnaqqsu l-abbużi għax m'huwiex sewwa li niskużaw lil min jabbuża mis-sistema li suppost qegħda hemm biex suppost tgħin li min huwa verament fil-bżonn - iżda mill-banda l-oħra nittama li l-ETC tkun aktar komprensiva u tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha qabel taqbad u taqta’ persuni minn fuq ir-reġistru. Iltqajt ma’ każi ġenwini fejn persuna tkun marret ġurnata biex tipprova xogħol ġdid, jinterċettawha l-ispetturi ta’ l-ETC imma dawn ma jaċċettawx l-iskuża li din il-persuna tkun qed taħdem bi prova. Nittama li fil-ġenn sabiex innaqqsu n-numru ta’ unemployed, ma nispiċċawx naqtgħu bl-addoċċ persuni minn fuq il-lista ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol. Mr Speaker, sabiex nikkonkludi nixtieq ngħid xi ħaġa dwar in-nuqqas fil-labour supply.
Kif għedt il-labour supply naqset ukoll għal dawn l-aħħar xahrejn li semmejt, jiġifieri Settembru u Ottubru 1999. Naqset ukoll fin-numru ċ-ċifra tal-gainfully occupied. Fl-istess ħin naqset iċ-ċifra tal-qgħad. Din jien neħodha li kellna numru ta’ persuni li qtajnihom mid-dinja tax-xogħol. Il-biża’ tiegħi hi li qed jiżdied in-numru ta’ persuni jirreġistraw fuq it-tielet parti tar-reġistru u minħabba f’hekk il-gvern qed iżomm il-figura tal-qgħad f’livelli aċċettabbli u fl-istess ħin iżomm mal-wegħda li saret fl-aħħar budget li jkun aktar iebes fuq min qed jieħu l-benefiċċji tal-qgħad. Nittama, Mr Speaker, li jekk dan huwa minnu dan l-eżerċizzju għandu jsir b'aktar serjeta’ u attenzjoni u b'reqqa akbar sabiex ma jkollniex persuni li jbatu l-konsegwenzi intortament. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal-lejla, it-Tlieta, 18 ta’ Jannar, 2000 fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fit-12.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 308,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin