Dibattiti tal-kamra tad-deputati


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-ELEZZJONIJIET ĠENERALI



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə2/8
tarix03.08.2018
ölçüsü0,56 Mb.
#66971
1   2   3   4   5   6   7   8

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-ELEZZJONIJIET ĠENERALI

GENERAL ELECTIONS (AMENDMENT) BILL



L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mit-22 ta' April, 2009.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? (Onor. Membri: No) La m'hawnx aktar rimarki, insejjaħ lill-Viċi Prim Ministru biex jgħaddi għall-winding up.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, nammetti li ma stennejtx ir-reazzjoni li kellna min-naħa tal-Oppożizzjoni dwar dan l-abbozz. Jien ħsibt li din hija proposta sempliċi li kulħadd għandu jaqbel magħha, u cioè li jekk persuna tipprova li fil-ġurnata tal-votazzjoni mhux se tkun Malta, hi x'inhi r-raġuni li mhux se tkun Malta, ikollha dritt li tivvota f’ġurnata oħra li hija speċifika, ġimgħa qabel il-jum tal-votazzjoni. Jiġifieri flok fis-6 ta' Ġunju jivvotaw fil-31 ta' Mejju. Jien ħsibt li l-Oppożizzjoni se ssostnina għax bil-kliem ngħidu ħafna affarijiet, li jmisshom jivvotaw fl-ambaxxati, li jmisshom jivvotaw hawn u jivvotaw hemm, imma jien skantajt anke bir-raġunijiet li nġiebu kontra din il-proposta.
Issemmew ħafna abbużi li jista' jkun hemm fis-sistema elettorali, imma hawnhekk hawn proċess elettorali trasparenti prattikament immexxi mill-partiti politiċi f'Malta. M'hawn ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa, forsi Iżrael biss - u jistgħu jiġu d-delegazzjonijiet tal-OSCE u ta' kulħadd - fejn tant huwa trasparenti l-proċess elettorali, kuntrarjament għal żmenijiet oħra, li dan huwa mmexxi mill-partiti politiċi. Per eżempju, minkejja li l-kostituzzjoni tgħid li l-kummissjoni elettorali prattikament jista' jinnominaha l-prim ministru, għax tgħidlek li l-President fuq il-parir tal-prim ministru wara li jikkonsulta biss lill-kap tal-oppożizzjoni, f'Malta hawn it-tradizzjoni li nofs il-membri jgawdu l-fiduċja tal-prim ministru, in-nofs l-ieħor igawdu l-fiduċja tal-kap tal-oppożizzjoni, u ċ-chairman irid ikun aċċettabbli għaż-żewġ partiti politiċi.

F'liema pajjiż l-istampar jiġi sorveljat mill-partiti politiċi, it-tqassim tal-voti jsir mill-Pulizija u jkollu miegħu rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u ieħor tal-Partit Laburista. Kieku fl-1981 u fl-1976 kellna din is-sistema li flimkien mal-assistenti kummissarji l-partiti jkollhom ir-rappreżentanti tagħhom f'kull polling booth u f'kull polling station f'Malta u Għawdex, ma kenux isiru ċerti ħniżrijiet li saru f'ċerti postijiet, li n-nies ta' qattagħni jibqgħu deħlin anke fil-polling stations u nies jissawtu biex ma jivvotawx. Forsi ma kenux isiru dawk l-affarijiet! (Interruzzjonijiet)


Anke fir-residenza ta' St. Vincent de Paule il-proċess huwa trasparenti sal-punt, kif qal l-Onor. Fenech Adami, li anke fejn jidħlu n-nurses, wieħed ikun tal-fiduċja ta' partit u ieħor tal-partit l-ieħor. Jien naħseb li mkien fid-dinja ma ssir din, biex żgur ma jkunx hemm influwenza fuq l-anzjani. Kemm huwa differenti mill-elezzjonijiet tal-1981 fejn jien informat li minn 1,000 vot, jekk ġab 20 vot fl-Imgieret il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li ġab 51% minn Malta kollha! Alla jbierek, kontra t-trend nazzjonali! Nirbħu kullimkien, però f'St. Vincent de Paule nitilfu 20 kontra 980 vot! (Interruzzjonijiet) Naf li qed tkiddek din Onor. Vella, imma m'hemmx għalfejn turi li qed tkiddek, m'hemmx għalfejn! (Interruzzjonijiet) Illum iva, tbiddel. Naf li jkidduk dawn l-affarijiet, għax inti għamilt ħames snin tiggverna kontra r-rieda tal-maġġoranza! Imma hawnhekk mhux qegħdin biex inkunu nafu jekk inkeddx l-Onor. Vella bil-kummenti tiegħi, imma biex naraw x'inhi l-verità!
Imbagħad ġie attakkat il-proċess f'St. Vincent de Paule meta r-rappreżentant tal-kummissjoni elettorali li jmexxi l-elezzjoni f'St. Vincent de Paule huwa wieħed mill- kummissjonarji li huwa tal-fiduċja tal-oppożizzjoni, jiġifieri fl-Imgieret l-elezzjoni delegata, sorveljata minn persuna li huwa wieħed mill-erba' jew ħames kummissjonarji li jgawdi l-fiduċja tal-kap tal-oppożizzjoni u li ġie nominat mill-oppożizzjoni nnifisha. Meta jitlef l-Partit Laburista dejjem irid isib xi raġuni barra minnu nnifsu għaliex tilef! Ara aħna, meta tlifna għamilna l-eżami tal-kuxjenza tagħna, għamilna l-affarijiet li kellna nagħmlu, u ftit żmien wara erġajna irbaħna elezzjoni biex tlajna fil-gvern. Kien hemm elezzjoni oħra u tlajna fil-gvern.
Il-Partit Laburista mhux hekk, imma għandu l-fissazzjoni li mhux it-tort tagħhom li tilfu l-elezzjoni imma t-tort jew tal-Maltin li għandhom dritt għall-vot li jgħixu barra u li jiġu biex jivvotaw fl-elezzjoni jew xi raġuni oħra 'l barra minnhom. Fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni f'dan id-dibattitu rajna din il-biża’ dwar din l-emenda. Allura l-biża’ dwar din l-emenda wasslet lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex l-ewwel qajjem l-oġġezzjonijiet kollha immaġinabbli sabiex in-nies jivvotaw ġimgħa qabel jekk jipprovaw bil-ġurament li huma mhux se jkunu Malta dakinhar - uħud minnhom huma tad-daħk, u issa nsemmihom – u mbagħad biex iġib skuża għaliex se jivvota kontra din il-liġi, qal li jekk naqblu fuq din, din u din, u għamel shopping list twila, allura forsi jikkonsidraw li jivvotaw favur tagħha. Għall-inqas dik hija l-indikazzjoni li ħadna, għalkemm jista' jkun hemm xi bidla f'dan is-sens illum. Imma l-verità hija li qed jipprovaw isibu l-iskuża biex jivvotaw kontra tagħha mingħajr ma jgħidu li vvotaw kontra tagħha.
Ir-raġunijiet li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni huma verament tad-daħk. Per eżempju, qal li aħna s-soltu jkollna l-jum tas-silenzju, il-famużi 24 siegħa qabel il-jum tal-votazzjoni li fiha lanqas il-media kollha ma jistgħu jirrapportaw xi ħaġa dwar l-elezzjoni. Qal li jekk issa se nivvotaw ġimgħa qabel se nkunu qegħdin naħarbu mir-regola ta' dan il-jum tas-silenzju. Issa din tal-jum tas-silenzju ma toħroġx mill-Kostituzzjoni imma toħroġ mil-liġi, u allura aħna nistgħu ntajruha jew nillimawha. Jiġifieri m'hemm xejn xi jżommna milli ngħidu ġimgħa qabel nagħmlu elezzjoni limitata għall-persuni li se jkunu msefrin fis-6 ta' Ġunju u għal dawn ma japplikax il-jum tas-silenzju. Imma din hija oġġezzjoni serja għal din il-proposta?!
L-Italja wkoll għandhom il-jum tas-silenzju, però jekk toqgħod l-Awstralja, għandek il-passaport Taljan u trid tivvota, inti tista’ tibgħat il-vot tiegħek - lanqas tmur int - bil-posta fl-Ambaxxata Taljana fl-Awstralja. Però ħadd fl-Italja ma staqsa jekk dawn humiex se japplikawlhom il-jum tas-silenzju qabel, għalkemm għall-elezzjoni prinċipali għandhom dan il-jum tas-silenzju. L-oġġezzjoni l-oħra kienet li skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea l-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew jistgħu jsiru biss mill-4 sas-7 ta' Ġunju. U hekk se jiġri f'Malta wkoll. Aħna se nivvotaw fis-6 ta' Ġunju, però eċċezzjonalment għal dawk li ma jistgħux ikunu hawn fis-6 ta' Ġunju, li se jkunu l-minoranza, huma l-eċċezzjoni u mhux ir-regola, dawn ikunu jistgħu jivvotaw ġimgħa qabel, mhux matul il-ġimgħa kollha, is-Sibt ta’ qabel biss, jekk jipprovaw bil-ġurament li se jkunu imsefrin dakinhar.
Imbagħad kien hemm oħra li għoġbitni aktar bħala raġuni għaliex lill-Oppożizzjoni ma tistax tinżlilhom din l-emenda! Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’ġimgħa jistgħu jinqalgħu avvenimenti li l-konsegwenza tagħhom tkun li n-nies ibiddlu l-opinjoni ta’ kif se jivvotaw. Ifhmuh ftit dan l-argument. Issemma wkoll il-każ ta’ Spanja. Huwa veru li fi Spanja kien jidher li l-Partit Popolari ta’ Aznar kien se jirbaħ u mbagħad ftit ġranet qabel kien hemm attakk terroristiku u l-effett ta’ dak l-attakk terroristiku rebħuh is-Soċjalisti. Jiġifieri dawn ġabu l-argument li f’ġimgħa tista’ tinbidel is-sitwazzjoni. Dawn huma oġġezzjonijiet serji jew qed jaħbu l-oġġezzjoni dwar x’jaħseb il-Partit Laburista li għandha ħażin din l-emenda?! Il-Partit Laburista ffissa li din l-emenda qiegħda ssir għal skopijiet ta’ partiġġjaniżmu politiku u li dan huwa tbagħbis. Qed jgħidu li dan qed nagħmluh biex jiġu n-nies jivvotaw minn barra u ġeneralment dawn jissapportjaw aktar lill-Partit Nazzjonalista.
L-ewwel nett jien spjegajt u għedt fid-diskors tiegħi li mhuwiex minnu li din l-emenda hija intiża prinċipalment għal persuni li jgħixu barra imma din hija intiża prinċipalment għal dawk il-persuni li jgħixu Malta u għandhom id-dritt tal-vot, però li dakinhar se jkunu assenti minn Malta. U x’raġunament hu li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li minn inċident partikolari tal-Kumitat Olimpiku Malti issa ħloqna regola ġenerali li tapplika għal kulħadd anke għal min, mingħajr ġustifikazzjoni, se jkun assenti minn Malta? X’raġunament hu li rridu nindaħlu fil-ħajja tan-nies għax isiefru fit-6 ta’ Ġunju?!
Dan mar oltre minn hekk u qal li din imissha tkun limitata mhux biss għal min għandu raġuni ġustifikata u serja biex isiefer u ma jistax jagħmel mod ieħor. Fil-fatt ġab l-argument li d-data tal-elezzjoni għall-membri parlamentari Ewropej tkun tafha qabel, għax bħala regola din tiġi t-tieni Sibt ta’ Ġunju. Jiġifieri jekk, per eżempju, tkun sejjer cruise trid tara li ma tmurx fis-6 ta’ Ġunju għax in-nies iffissati fil-politika bħalna, imma trid tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżek! Din isbaħ! Mela ma rridux nillimitawha biss għal min ma jistax jagħmel mod ieħor imma rridu naraw li dak li jkun ikun se jirrappreżenta lin-nazzjon. Mela jekk tkun sejjer fuq xogħol, jekk tkun se tagħmel operazzjoni, jekk ikollok eżami jew interview barra minn Malta jew jekk tkun sejjer vaganza, dak la trid tmur bilfors u lanqas tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżek. Il-Kumitat Olimpiku Malti biss jirrappreżenta lil pajjiżu! Issa jien naqbel li dawn jirrappreżentaw lill-pajjiż, imma l-affarijiet l-oħrajn mhumiex importanti wkoll?!
Allura filli jitkellmu fuq li nwessgħu d-dritt tan-nies li kemm jista’ jkun jipparteċipaw fl-elezzjonijiet u fl-istess ħin iġibu dawn l-argumenti li jaħbu dak li għedt jien qabel. L-Oppożizzjoni ffissat li din l-emenda qiegħda biex in-nies li qegħdin barra minn Malta jiġu Malta u jivvotaw ġimgħa qabel. Issa jien mhux qed neskludi li min se jkun imsiefer fis-6 ta’ Ġunju, għandu dritt għall-vot u jgħix barra minn Malta, jista’ jiġi jivvota fil-31 ta’ Mejju, imma t-thrust prinċipali ta’ din l-emenda - din spjegajtha għax erġajt mort naqra eżatt x’għedt – hija proprju għall-Maltin residenti f’Malta li għandhom dritt tal-vot u mhux se jkunu hawnhekk dakinhar. Issa din li ripetutament irridu nsibu skuża għaliex tlifna u nwaħħlu fuq il-Maltin ta’ barra, jalla jibqgħu jgħiduha għax jaljenaw aktar lin-nies li jgħixu barra minn Malta u għandhom id-dritt għall-vot! Jekk ikunu jridu jkunu jafu r-raġunijiet għaliex tilfu l-elezzjoni, ikunu onesti magħhom infushom u minflok iwaħħluha fuq il-Maltin li jgħixu barra jaraw ftit ir-rapport tat-telfa, li llum ġibtu miegħi, u jsibu lista ta’ tmien raġunijiet għaliex tilfu!
Waħda minnhom tirrigwarda nies li jaġixxu fl-interess tal-klikka tagħhom aktar milli fl-interess tal-Partit. Mela mhux il-Maltin ta’ barra tellfu l-elezzjoni lill-Partit Laburista! Raġunijiet oħra huma numru ta’ deputati u kandidati li jindukraw l-interessi tagħhom fid-distrett ħafna aktar minn dawk nazzjonali u tal-Partit, assenteiżmu qawwi kemm għal-laqgħat tal-grupp parlamentari kif ukoll għas-seduti tal-parlament u nies - din isbaħ – li jissabutaġġjaw il-ħidma tal-Partit! Mela dawn huma r-raġunijiet għala l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni! Mela għax ġew jivvotaw il-Maltin li għandhom dritt jivvotaw minn barra jew minħabba ċ-chairman tal-Air Malta tilfu l-elezzjoni!!
Ħalli nkomplu bil-lista. Raġunijiet oħrajn huma d-diżgwid fl-apert bejn kandidati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali - jiġifieri l-marda donnu li mhux nazzjonalment biss qiegħda imma anke lokalment - stqarrijiet minn kandidati prospettivi u deputati li jikkontradixxu l-pożizzjonijiet uffiċjali tal-Partit – dawn ma ssemmew imkien fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni – u nuqqas ta’ etika fid-diskors li ntqal waqt viżiti fid-djar. Ismagħha ftit, Onor. Farrugia! Kien hemm min irrapporta, mingħajr ma ssemmew ismijiet, li xi kandidati u canvassers tagħhom tkellmu b’mod dispreġġjattiv dwar il-mexxej tal-partit jew dwar kandidati meqjusin bħala rivali fid-distrett tagħhom!
Imbagħad nippretendu li nirbħu l-elezzjoni! Dawn huma deputati u kandidati li ħassewhom kważi barranin f’darhom, b’nies fil-kwartieri li jħarsu lejhom infushom bħala aktar ta’ ġewwa mill-istess nies li jirrappreżentaw lill-Partit b’mod uffiċjali. Fl-aħħar nett, donnu dawn ir-raġunijiet ma kenux biżżejjed biex jitilfu l-elezzjoni, hemm kandidati jew nies oħrajn li jirrappreżentaw lill-Partit li jisfidaw b’mod apert id-direttivi tal-Partit. Mela nwaħħlu t-telfa fuq il-Maltin li għandhom dritt li jivvotaw li ġew jivvotaw f’Malta jew inkella għax l-Air Malta ibblokkat is-siġġijiet fuq l-ajruplani! Dawn kienu r-raġunijiet għaliex il-Partit Laburista, li kien konvint li se jirbaħ, spiċċa biex tilef l-elezzjoni ġenerali li għaddiet!
Kif għedt fil-bidu tad-diskors tiegħi l-Kap tal-Oppożizzjoni x’għamel? Forsi anke hu nduna li dawn ir-raġunijiet li poġġa ‘l quddiem kienu raġunijiet dgħajfa u allura pprova jgħid: Aħna nikkonsidrawha din l-emenda basta tagħmlu dawn l-affarijiet. U x’inhuma dawn l-affarijiet? L-ewwel nett li l-vot fir-reġistru elettorali jkun marbut mar-reġistrazzjoni fit-taxxa. Din ma naqblux magħha u lanqas tagħmel sens, u l-Onor. Fenech Adami spjega għaliex ma tagħmilx sens. L-ewwel nett hawn nies li ma jħallsux taxxa. Allura lil dawn se nċaħħduhom mid-dritt tal-vot? It-tieni, jien nista’ nkun residenti barra minn Malta, naħdem barra minn Malta u għandi dritt għall-vot. Ħalli nagħti eżempju. Il-Kostituzzjoni tgħid li biex titlef il-vot trid tkun assenti sena u ġurnata barra minn Malta għax malli tgħaddi sena u ġurnata ma tkunx għamilt sitt xhur aggregate f’Malta. Mela jekk immur naħdem l-Italja, m’għadx għandi t-tax registration f’Malta u qiegħed hemmhekk għal sena, jien ma nitilfux il-vot.
Mela din il-proposta wkoll mhijiex prattikabbli anke għax, kif qal l-Onor. Fenech Adami, hemm sentenza - tista’ taqbel magħha u tista’ ma taqbilx imma mhux aħna niddeċiedu kif tiġi interpretata l-liġi – dwar il-każ ta’ Arnold Cassola li kien jaħdem barra minn Malta, però ma kienx emigrant. L-Imħallef Tony Mallia, u allura l-Qorti, interpretat ir-residenza b’tali mod li jekk m’għandekx l-intenzjoni li temigra jew tinqata’ kompletament minn Malta, il-fatt li tkun qed taħdem barra minn Malta temporanjament, ma titlifx id-dritt tal-vot. Dan ma qaluhx il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista imma kien każ ta’ partit ieħor li lil wieħed mill-esponenti tiegħu kienu se jneħħulu l-vot u dan għamel kawża u rebaħha. Hemm interpretazzjoni tar-residenza. Dik kienet waħda mir-raġunijiet għaliex dak li qed jipproponi l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jiġi aċċettat, u fl-opinjoni tiegħi lanqas jagħmel sens.

L-istess fuq St Vincent De Paule. Jien diġà spjegajt is-sistema trasparenti ta’ kif issir il-votazzjoni hemmhekk. Imbagħad hemm ix-xandir. Allura issa biex nagħtu l-vot lill-Maltin li jgħixu hawn u li se jkunu msefrin jew oħrajn li se jkunu msefrin dakinhar u jiġu minn barra imma għandhom dritt tal-vot, irridu niftiehmu fuq ix-xandir!Imissna għamilnieha fl-1981 din meta x-xandir kien immexxi kompletament mill-gvern! Meta kien rebaħ il-Partit Laburista kien hemm dawk il-filmati u programmi moqżieża li qatt ma saru bħalhom, bl-arma tal-Partit fuq it-televiżjoni. (Interruzzjonijiet) L-istess dwar l-identity cards. (Interruzzjonijiet) Skont il-liġi mhijiex skaduta! Jekk hemm il-liġi li tgħid li mhijiex skaduta, mhijiex skaduta. (Interruzzjonijiet) Onor. Farrugia, aħna ma nivvotawx bl-identity card. Aħna nivvotaw bil-voting document.


THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili ftit. L-Onor. Noel Farrugia, bil-permess tal-Viċi Prim Ministru.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jien użajt l-identity card Maltija skaduta fi stat tal-Unjoni Ewropea u qaluli li ladarba hija skaduta, ma jirrikonoxxuhiex. Jiġifieri dan hu lil hinn minn dak li qed jaħseb il-poplu Malti. Fil-fatt dakinhar imn’Alla kelli l-European card!
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni): Sur President, bħal kull persuna oħra f’Malta, l-Onor. Noel Farrugia li jsiefer bl-identity card jista’ jinżel l-Evans Laboratory u jbiddilha.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Hekk għamilt!
ONOR. AUSTIN GATT: Allura! Missek għamilt hekk qabel!

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Ikompli l-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, bħala skuża - jalla b’effett tad-diskors tiegħi l-membri tal-Oppożizzjoni jbiddlu l-opinjoni tagħhom - il-membri tal-Oppożizzjoni qed jgħidu li jekk ma nġeddux l-identity cards kollha minn issa sas-6 ta’ Ġunju, se jivvotaw kontra din l-emenda. Dan huwa l-istaġun politiku ġdid?! Dan huwa l-ispirtu progressiv?! Ħlief il-kelma “progressiv” mhux qed nisimgħu! U anke fis-Select Committee irrid ngħid li l-gvern għamel ċerti proposti anke fuq il-liġi elettorali. Per eżempju, fuq l-Ombudsman se nagħmlu xi proposti wkoll u fis-sotto-kumitati qed jiġu diskussi proposti oħrajn. Issa forsi jkun hawn min jistaqsi: Din għandha tkun l-unika emenda għal-liġi elettorali? Dażgur li le! Ħalli nagħti xi eżempji ta’ x’nixtieq nara aħjar fir-reġistru elettorali.
Per eżempju, għaliex persuna li tagħlaq 18-il sena l-għada li jagħlaq ir-reġistru elettorali ta’ qabel l-elezzjoni jew inkella jkollha 18-il sena u nofs neqsin ġurnata ma tkunx tista’ tivvota? Dan huwa fair? Il-Kostituzzjoni tgħid li biex tivvota jrid ikollok 18-il sena, trid tkun ċittadin Malti u jrid ikollok residenza ta’ sitt xhur fl-aħħar 18-il xahar f’dak il-pajjiż mentri aħna, fl-elezzjonijiet kollha sal-lum – hawnhekk mhux qed nagħti tort lil xi naħa jew oħra - din dejjem interpretajnieha bil-liġi elettorali li trid tkun reġistrat, u r-reġistru elettorali jiftaħ u jagħlaq fl-aħħar ta’ Marzu u fl-aħħar ta’ Settembru. Issa peress li suppost kulħadd ikun jaf id-data tat-twelid tiegħu għax din tkun reġistrata pubblikament, aħna nkunu nafu meta n-nies ikunu se jagħlqu 18-il sena. Allura għaliex neskludu mijiet ta’ żgħażagħ li dakinhar tal-elezzjoni jkollhom 18-il sena u nagħlqulhom il-bieb sitt xhur qabel? Ladarba nafu meta wieħed ikun se jagħlaq 18-il sena, dak awtomatikament għandu jkun fir-reġistru elettorali f’lista apposta li tiġi kontrollata miż-żewġ partiti. B’hekk wieħed ikun jista’ jivvota.
Per eżempju, għalfejn nagħmlu polling booths speċjali biss fid-dar tal-anzjani f’St Vincent De Paule u mhux fi djar oħra tal-anzjani tal-knisja jew privati li llum qegħdin jikbru bħala numru? Forsi wieħed irid jiddiskuti li dawn irid ikollhom ċertu numru ta’ anzjani. Per eżempju, għaliex ma nagħmlux dan ukoll fl-isptar meta f’kull elezzjoni – din semmejtha anke fid-diskors tal-introduzzjoni tiegħi - naraw nies ħerġin bl-istrechers, bid-drip u bin-nurses magħhom biex jivvotaw! Jien nammira s-sens ċiviku tagħhom, però dan jista’ jkun ukoll frott tal-persważjoni tal-qraba u l-ħbieb li jgħidulhom biex imorru jivvotaw. Allura possibbli ma nistgħux insibu sistema biex persuna tkun tista’ tivvota fl-isptar stess kif isir f’St Vincent de Paule? B’din l-emenda, Sur President, qegħdin ngħidu li għall-elezzjoni li ġejja u għall-elezzjonijeit l-oħrajn dawn in-nies li huma msefrin ikunu jistgħu jivvotaw. Kif qal l-Onor. Fenech Adami saru proposti fis-Select Committee li qed jiġu analizzati mill-Oppożizzjoni, u issa jkompli l-proċess tal-aġġornament tal-proċess elettorali. Dak hu li kelli xi ngħid dwar din il-liġi u nittama li l-opinjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan l-abbozz ta’ liġi tinbidel. Nirringrazzjak.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354)” ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY SPEAKER: Skont il-ftehim milħuq fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, il-votazzjoni tittieħed fil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol. Dak il-ħin titqiegħed il-mistoqsija u mbagħad il-votazzjoni tittieħed wara 20 minuta.
Skont il-ftehim milħuq fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra wkoll, il-Kamra tirriżolvi ruħha f’Kumitat biex tiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Elezzjonijiet Ġenerali.
L-ordni għall-Kumitat ġie moqri
FIL-KUMITAT
L-Onor. Carmelo Abela, President tal-Kumitati, jippresjedi
Klawsola 2 – Emenda tal-artikolu 77 tal-Att prinċipali.
Clause 2 – Amendment of article 77 of the principal Act.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, se nipproponi din l-emenda:
“A” Klawsola 2 għandha tiġi emendata kif ġej:
(i) fis-subparagrafu (a) tas-subartiklu (3A) kif propost, il-kliem “bil-ġurament quddiem il-Kummissjoni Elettorali” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “bil-ġurament quddiem il-Kummissjoni Elettorali jew persuni oħra maħturin mill-Kummissjoni sabiex jagħmluha minflok il-Kummissjonarji;”; u
(ii) is-subparagrafu (ċ) tas-subartiklu (3A) kif propost għandu jiġi mħassar u sostitwit bis-subparagrafu (ċ) ġdid kif ġej:
“(ċ) Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-Att li japplikaw għall-votazzjoni mill-Assistenti Kummissjonarji għandhom, mingħajr preġudizzju għal dan is-subartiklu, japplikaw mutatis mutandis għal dawk il-persuni reġistrati bħala votanti li jkollhom il-jedd li jivvotaw qabel il-jum tal-votazzjoni skond il-paragrafu (a):
B’dana però illi min jieħu l-ġurament fuq indikat u ma jkunx irċieva d-dokument tal-votazzjoni, għandu jingħata mill-Kummissjoni jew persuni oħra maħturin mill-Kummissjoni sabiex jagħmluha minflok il-Kummissjonarji, dak id-dokument hekk kif jieħu quddiemhom il-ġurament; jew fin-nuqqas, dan id-dokument jista’ jinġabar b’mod personali mill-imkien imħejji apposta mill-Kummissjoni sabiex persuna tivvota sebat ijiem qabel jum il-votazzjoni u dan wara li l-persuna tipproduċi karta ta’ l-identità tagħha lir-rappreżentant tal-Kummissjoni Eletto1rali delegat għal daqshekk mill-istess Kummissjoni sabiex issir il-kunsinna tad-dokument:
B’dana però wkoll li persuna, wara li tkun għamlet dikjarazzjoni ġuramentata skond il-paragrafu (a) u ma tivvutax fil-jum stabbilit sabiex persuni jivvutaw qabel il-jum tal-votazzjoni jkollha l-jedd li tivvota fil-jum tal-votazzjoni.”.
“A” Clause 2 shall be amended as follows:
(i) in subparagraph (a) of subarticle (3A) as proposed, the words “on oath before the Electoral Commission” shall be substituted by the words “on oath before the Electoral Commission or such other persons appointed by the Commission to act instead of the Commissioners”; and
(ii) subparagraph (c) of subarticle (3A) as proposed shall be deleted and substituted by the following new subparagraph (c):
(c) All the provisions of this Act applicable to voting by Assistant Commissioners shall, without prejudice to this subarticle, be applied mutatis mutandis to registered voters entitled to vote before polling day in accordance with paragraph (a):
Provided that any person who takes the oath as aforesaid and who did not receive his voting document, shall be given, by the Commission or persons nominated by the Commission to act on behalf of the Commissioners, such document when such person takes such oath; or in default, such document may be collected by such person himself from the place designated by the Commission for the purpose of such person voting seven days prior to polling day; provided that such person produces his identity card to the representative of the Commission who is delegated by the Commission for the purpose of delivering such document:
Provided further that a person who, after having made a sworn declaration in accordance with paragraph (a) does not vote on the day established for voting before polling day, shall have the right to vote on polling day.”.
Sur President, l-ewwel regola li qed nintroduċu ma saritx emenda dwarha, u dik hija li ġimgħa qabel il-jum tal-votazzjoni, kemm jekk hija votazzjoni tal-elezzjoni ġenerali, kemm jekk hija votazzjoni tal-membri tal-parlament Ewropew kif ukoll jekk hija elezzjoni ta’ kunsill lokali, kull persuna li għandha jedd li tirċievi d-dokument tal-votazzjoni - allura bilfors trid tidher fuq ir-reġistru elettorali u għandha dritt għall-vot – trid tiddikjara bil-ġurament quddiem il-Kummissjoni Elettorali li hija mhix se tkun Malta fil-jum tal-votazzjoni. Din ikollha l-jedd li tivvota fil-post indikat fil-paragrafu (a) tas-subartiklu (3) ta’ dan l-artiklu. Dan huwa l-post li ddeċidiet il-Kummissjoni fejn jistgħu jivvotaw ġimgħa qabel, u dan jista’ jsir bejn is-7.00 a.m. u l-10.00 p.m., sebat ijiem qabel il-jum tal-votazzjoni. F’dan il-każ, l-elezzjoni tkun is-Sibt 30 ta’ Mejju.
L-emenda li introduċejna hawnhekk hija li l-ġurament m’hemmx għalfejn tieħdu quddiem il-Kummissjoni Elettorali jew il-kummissjunarji nfushom imma tista’ tieħdu quddiem persuni oħrajn maħturin mill-Kummissjoni sabiex jagħmluha minflok il-kummissjunarji. Però dan tiddeċidieh il-Kummissjoni. Mela hawnhekk qed nagħtu l-għażla li l-ġurament m’hemmx għalfejn jittieħed quddiem il-Kummissjoni jew quddiem il-kummissjunarji nfushom li jkunu nominati bil-Kostituzzjoni imma wkoll minn persuni oħra maħturin mill-Kummissjoni. L-emenda l-oħra hija għall-paragrafu (ċ). F’paragrafu (b) qed nipproponu li, bi dritt, tista’ tieħu ġurament sa nofsinhar tal-jum tal-Ġimgħa li jkun jaħbat minnufih qabel il-jum stabbilit. F’dan il-każ, jekk se jkun hemm id-dritt li wieħed jivvota ġimgħa qabel is-Sibt, sal-Ġimgħa f’nofsinhar jista’ jieħu dan il-ġurament. Dan il-ġurament isir b’dik il-forma u skont dik il-proċedura kif il-Kummissjoni Elettorali tista’ tiddeċiedi.
Issa ma’ din qed nintroduċu li jekk meta tieħu l-ġurament ma tkunx għadek irċevejt id-dokument tal-votazzjoni, biex wieħed iħaffef il-proċess tal-konsenja tal-voting documents, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħti dak il-voting document lil persuna meta tiġi quddiemna għall-votazzjoni. Jien naħseb li din tagħmel sens għax jekk jien se nieħu l-ġurament, minflok noqgħod indur Malta kollha biex nieħu l-voting document, il-Kummissjoni stess tagħtini l-voting document. Inkella meta mmur biex nivvota u nipprova l-identità tiegħi b’identity card, tagħtini l-voting document u dan jiġi kkonsenjat lill-Kummissjoni Elettorali ħalli żgur ma jkunx hemm abbuż. Bis-sistema li għandna aħna nagħtu l-voting document, u l-assistenti kummissjonarji jagħtuk il-ballot paper. Il-partiti għandhom aċċess sħiħ anke għal min ma vvotax u għal min ivvota. Darba minnhom l-ismijiet kienu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. (Interruzzjonijiet)
Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin