THE CHAIRMAN: Ippermettili Ministru. Qegħdin fi stadju ta’ Kumitat, u kulħadd għandu d-dritt jitkellem. Il-Kap tal-Opożizzjoni.
ONOR JOSEPH MUSCAT: Din diżonestà, għax jekk wieħed jara l-proposti tagħna u kif tkellimna l-ġimgħa li għaddiet konna qed ngħidu ċar u tond li l-prinċipju huwa dak tar-reġistrazzjoni għat-taxxa bil-provisos kollha - u dan hu l-kliem li għedt – “inkluż għall-istudenti, għall-pensjonanti, għan-nies li jagħmlu xogħol volontarju”, u żgur li l-minimu tal-onestà, Onor. Ministru, huwa li ma nipprovawx nimplikaw li qed niddifferenzjaw bejn xi nies li ma jħallsux it-taxxa mid-dritt għall-vot. Jien dik ma naċċettahiex! Dak għalija huwa kumment totalment diżonest min-naħa tiegħek.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Jista’ jkompli l-Ministru.
ONOR. AUSTIN GATT: F’dan il-pajjiż hawn viċin is-60,000 votant li mhumiex reġistrati għat-taxxa. Mela r-reġistrazzjoni tat-taxxa m’għadhiex tgħodd. (Interruzzjonijiet) Le, mhux veru! Skorrett! Bħala fatt inti skorrett! Ħalli nsemmi każ ieħor. Kemm għandna Maltin li jaħdmu xahar Malta, xahar il-Libja u jħallsu t-taxxa l-Libja, u ma jħallsu xejn Malta? Dawk se neżentawhom ukoll, mhux hekk? Mela se nagħmlu liġi li għandha iktar eżenzjonijiet jew caveats milli għandha lil min irridu nagħmlu. Għamilna proposta li hija unworkable! Jien nifhem x’qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed imur għal ħaġa waħda. Qed jgħid li aħna għandna loophole fil-liġi tagħna, li hija d-definizzjoni tar-residenza tas-6 months in 18 months, li hemm nies li jgħaddu minnha. Jien ngħidlek li iva. M’għandi ebda problema ta’ xejn biex ngħid li veru, u tista’ tmur tgħid kemm trid li l-Ministru Gatt ma jagħtix garanzija li r-reġistru elettorali huwa korrett. Daqskemm tista’ tagħti garanzija int li l-voti li kellkom intom id-darba l-oħra ġew minn votanti li ma kenux tilfu l-kwalifiki tagħhom! Imma dawn ngħiduhom għall-platea!
Ir-realtà hija waħda, li jekk inbiddlu dik il-kwalifika għal kwalifika ta’ residenza oħra, hi x’inhi, loopholes se jkun hemm dejjem. M’hemm l-ebda reġistru elettorali fid-dinja kollha li jista’ qatt jiggarantixxi li m’hemmx loopholes ta’ reġistrazzjoni fih. M’hemm l-ebda metodu kif din tiggarantiha. L-unika ħaġa li tista’ tiggarantixxi, u dan għamilnieh bil-liġi - u jekk irridu nkunu onesti l-Partit Laburista ma jgorrx fuq din – hi li l-partiti, hu min hu fil-gvern, illum awtonomament għandhom poteri li jistgħu jiċċekkjaw il-proċess elettorali kollu. Jiddependi minnhom biss jekk jagħmlux ir-rikorsi biex jaqtgħu jew iżidu n-nies fuq ir-reġistru elettorali. Issa jekk hemm il-kritika pubblika, tiddeċiedi int teħodhiex jew le! Int trid tiddeċiedi! Jien meta kont segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għamilt rikorsi, ġejt ikkritikat, tlift, irbaħt, u kultant kien hemm sentenzi oxxeni, fl-opinjoni tiegħi, mill-qrati tagħna.
Però kien hemm ukoll is-sentenza li kkwota l-Onor. Borg tal-Imħallef Tonio Mallia li ddefinixxa x’inhi “residenza”. Tajjeb jew ħażin, fil-każ ta’ Arnold Cassola, stabbilixxa linja. Issa jekk dan il-parlament ma jaqbilx ma’ dik il-linja, nilleġiżlaw. Però hu stabbilixxa dik il-linja u, kif nafu, u nispera li l-Onor. Farrugia isostnini fuq din, jekk għandna sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ddefinietha, bilfors irridu nimxu fuqha. Fil-fatt, kien appell minn revising officer lill-Appeals li jagħmlu imħallef wieħed. Issa nistgħu nilleġiżlaw bil-kontra, ngħidu li l-bażi tar-residenza se nneħħuha, jew inkella trid tkun physical evidence li int tgħix fil-pajjiż għal 185 ġurnata fis-sena, kif nużaw fl-Unjoni Ewropea. Però xorta trid l-evidenza, u tagħmel x’tagħmel xorta trid tikkontesta x’imkien il-qorti. Issa jekk nagħżlu li ma nikkontestawx, allura ħaġa oħra. Aħna jidhrilna li l-proposta għar-recommitted clause għandha tendenza li tieħu lura l-leġislazzjoni li għandna, u allura m’aħniex favur tagħha.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Kap tal-Opożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Nixtieq nagħmel rimarki ta’ sustanza biex niġġustifika għaliex l-emendi tagħna jagħmlu sens, u mhux talli ma jħarsux lura talli jħarsu ’l quddiem. Jien naħseb li l-prinċipju bażiku li rridu naqblu miegħu huwa li kull min għandu dritt għall-vot jivvota, u kull min m’għandux dritt għall-vot ma jivvotax. Il-Ministru Gatt qalli li nista’ ngħidha, u nibqa’ ngħidha, li lanqas hu ma jista’ jagħti garanzija. Dażgur li se ngħidha, Ministru, li ma tagħtina l-ebda garanzija! Anzi int għedt li hemm loophole li qed jgħaddu n-nies minnha. Għalija mhix aċċettabli, speċjalment meta ġejja minn gvern li rebaħ l-elezzjoni li għaddiet b’xiber, b’1500 vot, u qed jikkonfermawlna għal darb’oħra li hemm toqba fil-liġi elettorali tagħna, u għaddew xi voti minn dik it-toqba! Din is-serjetà?! Din is-serjetà?!
Il-Ministru Gatt semma każijiet ta’ min kellu sitt ID cards, u jien nista’ nsemmilu ħafna affarijiet. Il-ħażin dejjem jibqa’ ħażin, and two wrongs do not make a right. Min jaf fis-sittinijiet x’ġara aktar, imma jien insemmilu każijiet tal-lum, u anke dak li qed jingħad fil-qorti. Persuna ġiet fuqi u semmietli każ ta’ wieħed li jiġi minnha, imma qaltli li qatt mhi se titla’ l-qorti tixhed kontra familjari tagħha. Dan individwu li ilu 15-il sena jgħix barra u jiġi darba kull ħames snin biex jivvota biss. Dan jittella’ l-Qorti, imma ma jitla’ ħadd jixhed, m’hemm l-ebda evidenza, u fl-aħħar mill-aħħar m’hemm l-ebda mod kif dan tneħħih mir-reġistru elettorali. Jekk irid jista’ jitkellem il-Ministru u nkompli wara.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Skorrett bħala fatt. Hemm proċedura fil-liġi li inti f’dan il-każ kulma trid tagħmel hu li tikteb lill-Kummissjoni Elettorali u din tmexxi hi awtonomament fuq dan il-każ. Tiktbilha, m’għandekx għalfejn tmur il-qorti!
THE CHAIRMAN: Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Dan każ wieħed li nafu bih. Min jaf kemm hemm każijiet oħra! Kif qed jgħid il-Ministru, xogħolna hu li jekk hemm loophole nagħlquha. Dak huwa xogħolna hawnhekk. (Onor. Membri: Hear, hear) Iż-żewġ naħat qed nirrikonoxxu li hemm problema. Huma kuntenti bil-problema, imma aħna m’aħniex! Irridu nipprovaw insewwuha. Aħna tfajna l-punt tat-tassazzjoni, issa nistenna suġġerimenti min-naħa l-oħra. Bil-qalb kollha! Żgur huwa diżonest li tgħidu li aħna qed ngħidu li min ma jħallasx it-taxxa jew ma jikkwalifikax biex iħallas it-taxxa jitneħħa mir-reġistru. Hija diżonestà li tipprova tgħawweġ argument b’dak il-mod, speċjalment meta storikament din in-naħa tal-Kamra kienet il-partit li ta l-vot lill-persuni kollha, inkluż lin-nisa u liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena. Jiġifieri żgur ma nistenniex dik it-tip ta’ akkuża!
Aħna se nsostnu l-emendi tagħna għax naħseb u persważ li jagħmlu sens. Jidher li min-naħa tal-gvern il-ħsieb li r-residenti ta' San Vinċenz jivvotaw qabel mhux qed jeskluduh totalment, imma mhux għalissa, aktar 'il quddiem, għax qalulna li hija kwestjoni naqra problematika. Jiġifieri dan qed jaqta' qalbu li jorganizza votazzjoni f’post wieħed, f'San Vinċenz, ġurnata qabel, imbagħad se joħroġ b'sistema fejn ma nafux kemm se jivvotaw nies ġimgħa qabel! Aħna ma nafux kemm se japplikaw nies biex jivvotaw ġimgħa qabel. Jistgħu japplikaw 1,000 ruħ u jistgħu japplikaw 60,000 ruħ.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Jiddispjaċini, immiskwotani. Jien m'għedtx hekk, anzi għedt li jien naqbel, però l-emenda hija miktuba ħażin, kif inhuma miktubin l-oħrajn. Allaħares noqgħod inkun legalistiku fuq kif inhuma miktubin l-emendi, għax ma kontux tressqu waħda! Għedtlek li rridu iktar żmien għax hemm cross references mar-retirement homes l-oħra u ma' tal-assistant commissioners li rridu nagħmluhom u hawnhekk mhumiex. Hekk għedtlek, u mhux li ma norganizzawx il-votazzjoni ġurnata qabel. Dażgur li norganizzawha ġurnata qabel! Organizzajna dawk l-elezzjonijiet kollha u irbaħniehomlkom kollha! Dawn affarijiet żgħar! (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Grazzi. Ikompli l-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Issa forsi għandna r-raġuni għaliex hemm din ir-reżistenza kollha għall-bidla, għax ladarba jkun hemm bidliet, forsi r-riżultat ma jkunx daqshekk ċert. Issa qed nifhem għaliex, Onor. Austin Gatt! (Interruzzjonijiet) Issa qed nifhem għaliex! Il-Viċi Prim Ministru tkellem dwar il-punt li naslu biex kull min jagħlaq it-18-il sena sal-ġurnata tal-vot ikollu d-dritt li jivvota. Dik ħaġa li jien naqbel magħha, imma mbagħad irridu l-assigurazzjonijiet. Teknikament dak jgħidulu rolling register, jiġifieri r-reġistru elettorali jkun il-ħin kollu miftuħ, u ma jkunx closed register kif spjega l-Ministru Gatt. Jiġifieri rridu naraw issa fuq liema naħa se tkun qed ixxaqleb l-argumentazzjoni.
Għalhekk hemm bżonn l-assigurazzjoni tal-ID cards, speċjalment jekk se mmorru għal sitwazzjoni bħal din fejn qed ngħidu li sal-ġurnata tal-elezzjoni, kull min jagħlaq it-18-il sena, ikollu d-dritt li jivvota. Jien ngħidlek iva, ejja nagħmlu s-sistema tal-ID cards u ndaħħlu dak il-proviso. Jien immur pass iktar 'il quddiem. Jien xtaqt li nibdew niddiskutu wkoll biex iktar 'il quddiem indaħħlu anke vot ta' nies ta' età iżgħar, l-ewwel nett għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Għaliex le? (Onor. Membri: Hear, hear) Din hija xi ħaġa li jekk nistgħu niddiskutu, niddiskutuha hawnhekk, jew fejn naraw li huwa xieraq.
Bla dubju ta' xejn, għalija l-punt prinċipali huwa li in-naħa tal-gvern se jivvotaw kontra emendi li huma immirati biex l-ewwel nett, min se jieħu ġurament biex jivvota ġimgħa qabel, iġib prova li se jsiefer. Jiġifieri kif ħadt l-intrigu biex tieħu l-ġurament, iġġib il-prova li veru se ssiefer. Xejn speċjali. It-tieni punt li qed nitolbu fl-emenda li qed inressqu min-naħa tagħna hu li jekk ingħatajt id-dritt tal-vot ġimgħa qabel u ma wżajtux, titilfu dak id-dritt. Jien ma naħsibx li hemm xi inġustizzja f'dan kollu. Aħna rridu nieħdu l-benchmark tas-sitwazzjoni kif inhi bħalissa. Is-sitwazzjoni bħalissa hija li ħadd m'għandu d-dritt li jivvota jew darba jew oħra, u sakemm ma naqblux fuq sistema differenti aktar 'il quddiem, jien personalment miftuħ għal ħafna sistemi differenti kemm-il darba jkolli l-assigurazzjonijiet kollha. Jekk m'għandniex dik l-assigurazzjoni, le. Għandna ngħidu li jekk inti applikajt biex tivvota ġimgħa qabel u ma vvotajtx, titlef id-dritt tal-vot tiegħek, kif jiġrilhom l-assistenti kummissarji elettorali jekk ma jivvotawx ġurnata qabel. Jitilfu awtomatikament dak id-dritt tal-vot.
Qegħdin insostnu wkoll il-punt dwar d-dar ta' l-anzjani San Vinċenz. Imma se nerġa' lura u nikkonkludi hawnhekk, Sur President. Għalija l-punt kruċjali huwa li llum reġa' kellna l-assigurazzjoni li għandna loophole fil-liġi. Jekk aħna kuntenti b'din il-loophole, naħseb li d-demokrazija ta' pajjiżna mhux qed nagħmlulha ġustizzja għas-sempliċi raġuni li llum qegħdin f'pożizzjoni fejn elezzjoni tintrebaħ b'1,500 vot. Forsi għada jiġi gvern li jirbaħha bi 800 vot, u forsi pitgħada jiġi gvern jirbaħha b'20,000 vot! Irrilevanti. Imma l-fatt li qed nammettu li wħud minn dawk in-nies li qed jivvotaw f'dawk l-elezzjonijiet - u għalija huwa irrelevanti għal min qed jivvotaw dawk in-nies - u se jkomplu jivvotaw, m'għandhomx id-dritt li tagħtihom il-liġi li jmorru jivvotaw, allura dik hija sistema li jien inqisha bħala immorali u timmina d-demokrazija. U jekk il-gvern huwa kuntent biha, timmina anke l-kredenzjali demokratiċi ta' dan il-gvern.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Ħalli nibda bil-punt li jkun eliġibbli għall-vot min iħallas it-taxxa hawn Malta. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jippreżenta din il-proposta tat-taxxa bħala xi ħaġa innovattiva. Mid-dehra l-Onor. Michael Falzon ma tantx informah għax hemm bil-miktub - m'għandix id-dokument miegħi hawn imma nġibulek – li d-diskussjonijiet bejn il-partiti fl-2001 u fl-2005 fuq l-emenda tal-kwalifiki waqgħu għaliex il-Partit Laburista ġab 'il quddiem dan l-istess prinċipju li qed issemmi int, u aħna għedna kategorikament li ma rriduhx. Jiġifieri din hija t-tielet darba li l-Partit Laburista qed jipproponiha.
Mhi ġdida xejn assolutament, daqskemm mhijiex ġdida r-risposta tal-Partit Nazzjonalista li le, mhux se jiġi kkonsidrat il-ħlas tat-taxxa bħala bażi għall-eliġibilità għall-vot, bl-eċċezzjonijiet li tiktibhom u ddur magħhom kif trid. Għax illum forsi rridu nipprovaw li persuna ilha sitt xhur minn 18-il xahar tgħix hawn Malta, imma mbagħad irridu nibdew nipprovaw li persuna tħallas it-taxxa fil-Libja u rridu nġibu ċ-ċertifikati mil-Libja. U forsi din hija studenta li qed taħdem kumbinazzjoni f'Peruġa, imma mhux qed tistudja f’Malta. Ara kemm ikollna taħwid imbagħad! (Interruzzjonijiet) Onor. Kap tal-Oppożizzjoni, din hija t-tielet darba li l-Partit laburista qed jagħmel din il-proposta. Għat-tielet darba ngħidu le, u le se nibqgħu ngħidu!
Ħalli niġi għall-kwalifiki l-oħra, għax meta nitkellmu fuq il-kwalifika tar-residenza qisha din l-unika kwalifika li għandna biex tivvota f'elezzjoni. Per eżempju, għandna l-kwalifika li inti ma tkunx interdett, u hemm metodu wieħed biss kif tipprova l-interdezzjoni, li huwa s-Sekond’Awla. Għandek kwalifika oħra, jekk m'intix inkapaċitat, li hija aħjar. Issa l-Kap tal-Oppożizzjoni jista' jagħtini ċertifikat li l-250,000 votant li kellna fir-reġistru elettorali m'hemm ħadd minnhom li kien inkapaċitat? Mentalment qed ngħid! Jista' jagħtihieli? Dażgur li le! Hemm metodu xjentifiku kif tipprovaha? Għandna dottore hawn li naħseb jaf kemm aħna soġġetti għal interpretazzjonijiet differenti.
Ipprovajna nsolvuha fil-liġi billi għamilna bord ta' psikjatra appuntat mill-Partit Laburista, psikjatra appuntat mill-Partit Nazzjonalista u psikjatra appuntat mill-Kummissjoni Elettorali. Però billi nagħmlu tliet psikjatri ma jfissirx li psikjatra wieħed mhux tajjeb. Jiġifieri r-realtajiet jibqgħu realtajiet. Naħseb li t-tnejn naqblu li persuna li hija inkapaċi mentalment m'għandhiex tivvota. Naħseb li hemmhekk naqblu. Però min se jiċċertifikaha? Qabel kellna d-diffikultà li l-Kummissjoni Elettorali kienet tuża ċertu psikjatra ta' ċerti tendenzi politiċi Laburisti, u aħna konna ngħidu li dan jiċċertifika lil min irid. Fl-1981 u fl-1987 xi ħadd tana garanzija - fl-1981 irbaħnieha l-elezzjoni u fl-1987 irbaħnieha wkoll - li f'dawk ir-reġistri ma kienx hemm min hu imsiefer, min hu inkapaċi, min hu interdett, u min ma joqgħodx Malta?
Sur President, hawn kwalifika oħra fil-liġi, li persuna biex tivvota tista' tiġi reġistrata biss fid-distrett elettorali fejn toqgħod.
Ħalli naqrahielek:
"No person shall vote at the election of members of the House in any division other than the division in which he is registered as a voter.".
Nimmaġina li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jafx, għax kien qabel żmienu, li fl-1993 u fl-1994 - hawn mhux qed nitkellem fuq żmien u għomor ilu, 1993 u 1994 - il-Partit Laburista għamel 2,000 rikors biex jaqta' n-nies milli jivvotaw fuq din il-bażi, mhux għax Austin Gatt huwa imsiefer, imma għax Austin Gatt qiegħed Malta, irreġistra f'Tas-Sliema meta joqgħod il-Belt. Elfejn rikors għamiltu biex ittajruhom lil dawn, għax użajtu dan il-provvediment fil-liġi! Allura din inneħħuha wkoll issa għax dan abbuż?! Inneħħuha?! Tiġi reġistrat fejn trid?! (Interruzzjonijiet) Mela le! Iva naqblu, inneħħuha! Mela l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ir-regola li kulħadd jirreġistra fejn irid u fejn jogħġbu! (Interruzzjonijiet) Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid li kulħadd jirreġistra fejn irid u fejn jogħġbu, però xi ħadd li jgħix barra minn Malta u jiġi Malta u jikkwalifika biex jivvota, dak le! U xi ħadd li jgħix Malta u fil-ġurnata tal-elezzjoni se jsiefer, dak insibulu l-problemi kollha biex jivvota! U ejja!
Ejja nipprovaw inkunu saqajna mal-art u nimxu b'metodoloġija li nifhmuha lkoll. Jien nerġa' ngħid, jekk il-Partit Laburista għandu suspett f'20,000 persuna m'għandux għalfejn imur il-Qorti. Aħna ktibna l-liġi biex nagħtu lil kulħadd l-ikbar libertà. L-uffiċċju elettorali tagħkom m’għandux għalfejn jagħmel ir-rikorsi. Kulma jrid jagħmel hu li jikteb lill-Kummissjoni Elettorali, li nofs il-membri tagħha huma mill-Partit Laburista, u din hi obbligata li tinvestiga kull każ, u jekk jidhrilha li għandha taqtagħhom, tikteb lil Austin Gatt u tgħidlu li mir-riċerka li għamlet jidhrilha li għandu jinqata' mir-reġistru elettorali immedjatament, u hu għandu 14-il ġurnata biex jappella. L-obbligu biex jappella huwa fuq min taqta' mir-reġistru. L-Onor. Michael Falzon jafha din, però ovvjament ma qalhiex lil kulħadd, jew għoġbu ma jgħidhiex lil min hu preżenti f'din il-Kamra llum. Din użajtuha! Mhux darba jew darbtejn użajtuha! Użajtuha kemm ridtu mingħajr ma mortu l-Qorti. Allura tgħidli li din hija sistema ħażina?!
L-ewwel nett il-gvern ma jagħti ebda garanzija lil ħadd fis-sistema elettorali. Fis-sistema elettorali l-prinċipju li ġġilidtu għalih intom u qbilna aħna wkoll hu li l-gvern m'għandux jidħol, u li għandu jkun hemm kummissjoni elettorali, unikament fid-dinja kollha nominata miż-żewġ partiti bi qbil, kif qal l-Onor. Borg. Illum għandna qbil fuq il-kummissjoni elettorali, fuq in-nies kollha, mhux nofs u nofs. U chairman maqbul. Maqbul kulħadd! Il-poter qiegħed f'idejn il-Kummissjoni u mhux f'idejn il-gvern. Il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tiggarantixxi li kull min qiegħed fir-reġistru verament għandu dritt għall-vot. Il-Kummissjoni tirċievi l-ilmenti mill-partiti. Per eżempju, partit jgħidilha: Austin Gatt, Tonio Borg u Anġlu Farrugia m'għandhomx dritt għall-vot, mur investiga! U din tagħmilha regolarment. Ejja ngħidu li din inneħħuha u ndaħħlu l-provvediment li d-dritt għall-vot irid ikun marbut mal-ħlas tat-taxxa.
Allura nibda ngħid li kull min iħallas it-taxxa jista' jivvota. Faċli tiċċekkja, apparti li rridu nibdew nikxfu l-ismijiet ta' min qiegħed iħallas it-taxxa. Imma ejja ngħidu li nagħlqu għajn waħda f'isem id-demokrazija, imbagħad nibdew ngħidu li l-istudenti huma eżenti. Mela kif se niddefinixxi student jien? Fejn irid imur l-istudent? Faċli nibdew ngħidu li jkun qiegħed l-MCAST, ikun qiegħed l-università, ikun qiegħed skola terzjarja, imma jekk qiegħed l-Università ta' Perugia? Mela le, jista'! Però x'garanzija għandi li dan qiegħed fl-Università ta' Perugia u mhux qiegħed Sqallija jaħdem u jġib ċertifikat li qiegħed fl-Università ta' Perugia, li jieħu ġurament? Le, lanqas nafdawh!
Sur President, kif se niddefinixxu mbagħad dawk li jaħdmu fuq l-oil rigs u jħallsu t-taxxa x'imkien ieħor? Ma nafux li kull liġi għandha d-definizzjonijiet tagħha u trid iġġib il-provi ta' kull definizzjoni, tagħmel x'tagħmel? Jien ġibt l-eżempju tal-persuni li huma dikjarati inkapaċi. Inġib eżempju iktar ċar. Ġieli kellna każijiet fuq ċittadinanza. Ftit, però l-bażi tal-liġi tagħna hi li trid tkun ċittadin Malti biex tivvota fl-elezzjoni ġenerali. Ġieli kellna każijiet fejn attakkajna ċ-ċittadinanza. Kollox huwa suġġett għall-prova, tagħmel x'tagħmel, u iktar ma tipprova tikkomplika l-liġijiet iktar isiru kkomplikati d-definizzjonijiet tagħhom.
Allura rridu nifhmu ħaġa waħda. Jien m'għedtx li r-reġistru elettorali tagħna għandu toqba, imma għedt li huwa korrett daqskemm huwa korrett kull reġistru elettorali ieħor ta' kull demokrazija. Iżda differentement mill-pajjiżi l-oħra, hawn Malta tajna ħafna iktar drittijiet lill-partiti politiċi u liċ-ċittadini ordinarji biex jikkontestaw dak ir-reġistru elettorali milli għandhom pajjiżi oħra. Jekk il-partiti politiċi, u speċifikament il-Partit Laburista taħt dan il-kap tal-Oppożizzjoni, kuntrarjament għall-Partit Laburista taħt il-kapijiet tal-oppożizzjoni preċedenti, ma jridx juża r-rikorsi, dik affari tiegħu!
Però jekk ma jridx imur il-qorti, jekk ma jridx juża r-rikorsi, nistiednu jikteb lill-Kummissjoni Elettorali jew, jekk irid jinħeba, jekk m'għandux il-kuraġġ, jagħti lill-membri tiegħu fuq il-Kummissjoni Elettorali lista ta’ nies li għandu suspett fihom u jgħidilhom jinvestigawhom. Jagħmluha internament, jagħmlu investigazzjoni fejn ma jidhirx il-Partit Laburista. No problem! Jiġu investigati u jaraw għandhomx il-kwalifiki. Jekk jidhrilhom li għandhom jaqtgħu lil xi ħadd mir-reġistru - nerġa' nirrepeti din hija l-proċedura – jaqtgħuh, u jgħidulu li għandu 14-il ġurnata biex jappella. Jekk ma jappellax ikun maqtugħ mir-reġistru, u dik hija sistema tajba.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Kif qed nifhem jien il-Ministru jrid sistema ta' partiti big brother, irid li l-partiti joqogħdu jissindikaw fuq in-nies biex jaraw min minnhom hu imsiefer u min minnhom mhux imsiefer. Dawn huma l-istess nies li jitkellmu ħafna fuq il-privacy u d-drittijiet tal-konfidenzjalità tal-individwu, u mbagħad is-soluzzjoni li ħareġ biha biex isewwi t-toqba li qed jammetti li hemm fil-liġi elettorali hija li għandna mmorru nispjunaw fuq in-nies, u jekk għandna suspett li xi ħadd mhux qed jgħix f'Malta, immorru nirrapportawh. Aħna rridu sistema li tkun awtomatika mingħajr il-bżonn li l-ebda partit politiku ma joqgħod jispjuna fuq in-nies.
Għall-kumment li għadda issa l-Viċi Prim Ministru meta qal: “Aħseb u ara li nitolbuh il-biljett tal-ajru”, inwieġeb li aħna ma morniex fuq in-nies u għednielhom jagħtuna dik l-informazzjoni, imma tlabnieha lil dawk li minn rajhom qed jitolbu li jużaw din is-sistema. Jekk se jużaw din is-sistema li l-gvern issa qed jinsisti li se tagħti d-dritt lil dawn il-persuni li jekk ma jivvotawx fil-ġurnata tal-elezzjoni jkollhom id-dritt, kuntrarju għall-kumplament tal-elettorat, li jivvotaw f'ġurnata oħra, għall-inqas juru evidenza li veru se jkunu msefrin. Hemm xi ħaġa skandaluża f'dan kollu?! Imma, nerġa' ngħid, is-soluzzjoni tal-gvern għal din il-problema, li jidhru li huma kuntenti biha, hija li l-partiti jispjunaw fuq in-nies biex jaraw min mhuwiex eliġibbli għall-vot u jirrapportawhom. Soluzzjoni dik ukoll!!
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Ħalli nibda billi nirrispondi lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Aħna rridu nippreżumu li kull min qiegħed fir-reġistru elettorali għandu dritt għall-vot u mhux issa s-sistema naqilbuha ta' taħt fuq. Qisna qed nippreżumu li min qiegħed fir-reġistru elettorali m'għandux dritt jivvota u issa jrid jipprova hu li għandu dritt jivvota! Mela hawn x'imkien fid-dinja fejn ir-reġistri elettorali jsiru hekk?! Anzi jien naħseb li r-reġistru elettorali ta' Malta tant hemm skrutinju tiegħu mill-Kummissjoni, anke għax aħna attivi ħafna politikament u l-partiti huma organizzati, li naħseb għandna wieħed mill-iktar reġistri elettorali li jersaq lejn il-perfezzjoni. Sinċerament nemmen hekk, u dan sar matul iż-żmien.
Jien niftakar żmien – m’iniex qed nagħti tort lil xi gvern partikolari, għax is-sistema kienet hekk - fejn min imut ma kienx jinqata' mir-reġistru għax ma kienx hemm sistema li biha lill-Kummissjoni Elettorali jgħaddulhom l-informazzjoni mill-Insinwa li persuna mietet. Meta l-partit beda jorganizza ruħu elettoralment konna nduru r-records tal-Insinwa, induru r-records tar-reġistru elettorali, u konna nsibu nies li kienu ilhom mejtin mhux xahar qabel, imma għaxar snin jew 15-il sena qabel! Dawn mhux imsefrin kienu imma mejtin fiċ-ċimiterju! Jiġifieri maż-żmien, imma anke bil-kontrolli interni, bdejna naslu għal reġistru elettorali fejn il-preżunzjoni qawwija, kważi b’ċertezza, hija li għandek dritt tivvota.
Naturalment dejjem ikun hemm każijiet ta’ kontestazzjoni. Inti tista’ tgħid li jien m’għandix dritt li nivvota għax kont residenti barra minn Malta. Dan bħalma ġara fil-każ ta’ Cassola, li fetaħ kawża u rebaħha. Hemm definizzjoni ta’ residenza li hija differenti mill-kriterju li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni tat-taxxa. Issa din kienet diġà ġiet proposta mill-Partit Laburista għax niftakar lil Dr. Michael Falzon meta kellna d-diskussjonijiet – u mbagħad ħarġet fil-pubbliku – jgħid li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista kienet dik li min iħallas it-taxxa u min iħallas il-bolla. Ma kienx hemm l-eċċezzjonijiet għall-istudenti. Dawn ħarġu issa waqt id-diskussjoni! Però l-isbaħ ħaġa hija, u hawnhekk se nqajjem point of order, liema emenda qiegħda ssemmi r-reġistrazzjoni tat-taxxa?!
S’issa ilna tliet kwarti niddiskutu - bil-Kap tal-Oppożizzjoni jiddiskuti bis-saħħa kollha u aħna nirribattuh – fuq kif dawk li għandhom id-dritt li jivvotaw ikunu dawk li jħallsu l-income tax. Imma fejn qiegħda l-emenda għaliha? Mela dan l-istorbju kollu bħallikieku aħna qegħdin nagħmlu xi reġistru elettorali li nafu li fih hemm nies li m’għandhomx dritt li jivvotaw, u li dawk in-nies kollha li m’għandhomx dritt li jivvotaw kollha qegħdin jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista! Dan l-għaġeb kollu! Il-botta politika, għax wara kollox aħna politiċi, hija li għandna reġistru mtaqqab għal tal-apposta u li dawk li m’għandhomx dritt jivvotaw, kollha jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista! Qisu dawk kollha li jinsabu msefrin u għandhom dritt li jivvotaw kollha jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista! Dawk kollha li mhumiex eleġibbli għall-vot u qegħdin fir-reġistru elettorali, kollha jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista, u kien għalhekk li l-Partit Laburista tilef l-aħħar elezzjoni u mhux minħabba r-raġunijiet li semma fir-rapport tat-telfa! Imma mbagħad lanqas biss ressquha l-emenda!
Issemmiet fit-Tieni Qari, però fl-emendi li għandna quddiemna, u allura teknikament konna kompletament out of order, insibu dawk fuq il-biljetti tal-ajru, fuq tal-boarding pass u fuq l-identity card bħala l-mezz tal-votazzjoni, li aktar se jikkomplikaw l-affarijiet. Imbagħad din, li kienet il-cavallo di battaglia prinċipali tal-Oppożizjzoni u li fuqha ħlejna tliet kwarti, lanqas biss ressqu emenda dwarha! Ara kemm hi importanti għall-Oppożizzjoni! Imma dan x’taħwid hu? Nagħmlu diskors sħiħ fuq il-bżonn li tidħol l-emenda fuq ir-reġistrazzjoni tat-taxxa u jgħidulna x’għarukaża għax aħna mhux qed naqblu magħha, meta l-Kap tal-Oppożizzjoni stess ma kienx hu li pproponieha l-ewwel darba!
Jien se nikkwota mill-pożizzjoni Laburista tal-2001 u li mbagħad ġiet ripetuta bl-emenda partikolari li tgħid hekk fuq id-dritt tal-vot:
“That such person is registered under the Income Tax Act 1948 and is paying social security contributions in Malta”.
Mela m’hemmx eċċezzjonijiet għall-istudenti, għal dawk li ma jħallsux it-taxxa u għall- ħaddiema li jmorru jaħdmu fuq l-oil rigs u li bi dritt għandhom dritt li jivvotaw għax jagħmlu 6 xhur f’Malta fl-aħħar sena. Issa l-isbaħ parti - u din turi l-konfużjoni li hemm f’moħħ l-Oppożizzjoni - għax ma tistax tagħmel dan il-plejtu kollu u titkellem biss persuna waħda għan-nom tal-Oppożizzjoni fit-Tieni Qari. Mela tgħidu li għandna nagħtu kas tar-reġistrazzjoni tat-taxxa u li jmissna niddiskutuha, imma mbagħad lanqas emenda għaliha ma tressqu! Tgħid għax qatgħu qalbhom minnha jew inkella għax ma jemmnux fiha? Issa jekk iridu jistgħu jressquha quddiem is-Select Committee għax jafu x’inhi l-pożizzjoni tagħna, imma m’hemm xejn ħażin li niddiskutuha hemmhekk. Nerġa’ ngħid iżda li la saret proposta fis-Select Committee u lanqas f’dan il-kumitat li fih qegħdin niddiskutu llum.
Dostları ilə paylaş: |