Dibattiti tal-kamra tad-deputati


THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Carmelo Abela)



Yüklə 294,85 Kb.
səhifə3/5
tarix27.07.2018
ölçüsü294,85 Kb.
#59996
1   2   3   4   5

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Carmelo Abela): Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Gavin Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA: Sur President, naħseb li d-dibattitu dwar dan l-abbozz ta' liġi huwa mistenni mhux biss għal dak li qed jipproponi, imma għaliex hija opportunita` għal-leaders ta' dan il-pajjiż, kemm mill-gvern kif ukoll mill-oppożizjzoni, sabiex jesprimu lilhom infushom fuq din il-problema li ma ngħidx saret endemika imma jekk tibqa' sejra kif inhi ssir endemika u ssir problema nazzjonali. U problema nazzjonali jeħtiġilha rimedju nazzjonali fl-interess nazzjonali. Niftakar li meta l-kap ta' l-oppożizzjoni reġa' fdani b'dan id-dekasteru wara l-elezzjoni ta' l-2003 l-ewwel artiklu li kont ktibt fuq “l-orizzont" - għandi kolonna kull nhar ta' Tlieta - kont semmejt li fost l-isfidi ta' dan id-dekasteru, il-problema prinċipali u ewlenija se tkun proprju dik ta' l-immigrazzjoni irregolari.
Ma rridx ngħid li kont profetiku imma s-sinjali taż-żmenijiet bdew juru. Meta konna qegħdin nitkellmu dwar l-immigrazzjoni irregolari fis-sena 2003 ċertament li l-problema ma kenitx aċċentwat ruħha bil-mod spjegat kif inhi llum fis-sena 2005 pero`, kif jgħidu l-Ingliżi, the writing was on the wall. Kien beda moviment demografiku mit-tramuntana ta' l-Afrika lejn in-nofsinhar ta' l-Ewropa u ovvjament, minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta' pajjiżna, aħna maqbudin proprju f'dan il-moviment u jrid jew ma jridx pajjiżna se jiġi effettwat minn dan il-fenomenu li se jkollu impatt fuq ir-riżorsi umani u tekniċi ta' pajjiżna. Ittamajna li forsi ma jkunx impatt li jitfa' piż qawwi fuq pajjiżna. Konna mdorrijin naċċettaw f'pajjiżna ċertu numru ta' immigranti irregolari li jkunu qegħdin ifittxu li jirrisjedu mhux f'Malta imma fil-pajjiżi ta' l-Ewropa, pero` l-esperjenza qed turina li n-numru ta' dawn l-immigranti irregolari qed ikompli jiżdied. Aħna konna nafu li dan il-fenomenu se jibqa' magħna għal ċertu żmien, imma issa rridu naċċettaw il-fatt li n-numri se jkomplu jikbru.
Mill-bidu nett, jien personali u anke l-oppożizzjoni Laburista, qatt ma ttrattajna l-problema ta' l-immigrazzjoni irregolari bħala issue ta' politika partiġjana. Mill-bidu nett, b'mod partikolari meta l-kriżi bdiet taċċentwa ruħha, ħadna pożizzjoni kawta. Dejjem ħadna pożizzjoni ta' kunsens fuq din il-problema għax nafu li mhux tort tal-gvern li l-immigranti irregolari jiġu f'pajjiżna. Ejja nkunu ġenwini, ejja nkunu onesti. L-immigranti irregolari ma jiġux f'pajjiżna għax tela' gvern Nazzjonalista. Kif qal il-viċi prim ministru nistgħu ma naqblux fuq il-mod kif għandna nindirizzaw il-problema pero` - ħalli nitkellem ċar għax inkella ma nkunx responsabbli - anke fuq il-mod kif il-gvern jista' jkun qed jindirizza l-problema għandna nagħmlu l-kritika tagħna, imma nagħmluha b'mod kostruttiv mingħajr ma nipprovaw nieħdu xi vantaġġ politiku.
Jista' jkun li l-gvern, li huwa ffokat fuq diversi fronti u mhux biss fuq l-immigrazzjoni irregolari, ma jkunx fuq il-ballun f'mument partikolari fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari. Bħala oppożizzjoni xogħolna huwa li niġbdu l-attenzjoni tal-gvern li l-politika tiegħu f'din il-materja m'hijiex tagħti r-riżultati neċessarji. Dan huwa l-obbligu tagħna imma qatt u qatt biex nieħdu vantaġġ politiku partiġjan. Imma fl-interess nazzjonali, fejn nistgħu ngħinu lill-gvern aħna ngħinuh, u dan għamilnieh. Fejn inqisu li l-gvern forsi qed jonqos f'ċerti partikolaritajiet ta' din il-problema għandna l-obbligu - apparti d-dritt - li niġbdulu l-attenzjoni għal din il-problema imbagħad affari tiegħu jekk jindirizzahiex.
Li nista' ngħid huwa li fil-parti l-kbira kull fejn l-oppożizzjoni Laburista ġibdet l-attenzjoni tal-gvern, il-gvern ħares lejn il-proposti li konna qegħdin nagħmlu b'mod importanti u f'ċerti ċirkostanzi ħa on board ċerti proposti li għamlet l-oppożizzjoni. Pero` jkun tajjeb li nispjegaw lill-poplu Malti u Għawdxi, għax nemmen li hawn ċerti misconceptions, dwar min hu u min m'huwiex immigrant li jagħmlu ħsara lid-dibattitu ġenerali dwar l-immigrazzjoni irregolari. Irridu nfissru lill-poplu x'qed jiġri madwarna fid-dinja, għaliex qed jinqalgħu dawn il-problemi u min huwa intitolat għall-protezzjoni taħt normi internazzjonali kif ukoll taħt normi lokali, u naturalment min m'huwiex intitolat għal dik il-protezzjoni.
Il-konvenzjoni internazzjonali li tirregola t-trattament tar-rifuġjati hija l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda li saret f'Ġinevra fl-1951 dwar l-istatus u t-trattament tar-rifuġjati. F'kull liġi domestika li ġiet promulgata f'diversi ġurisdizzjonijiet madwar id-dinja wżaw il-mudell tal-konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951. Allura wieħed irid iħares lejn x'tgħid din il-konvenzjoni għax jekk ma nifhmux minn fejn irridu nitilqu allura s-suġġett ta' l-immigrazjzoni irregolari f'pajjiżna se jkun inkwinat b'misconceptions waħda wara l-oħra.
L-uniċi persuni li huma intitolati għall-protezzjoni taħt il-konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951 huma dawk il-persuni li jaħarbu minn pajjiżhom għax ikunu ppersegwitati fuq bażi politika, fuq bażi ta' ġens, ta' razziżmu u fuq bażi ta' social groupings. Dawk huma l-iktar tliet ċirkostanzi importanti fost ċirkostanzi oħrajn li ssemmi l-konvenzjoni ta' Ġinevra. Mela, jekk xi ħadd jaħrab minn dak il-pajjiż għax ikun qed jiġi ppersegwitat abbażi ta' dawk iċ-ċirkostanzi li ssemmi l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda u jmur f'pajjiż ieħor u jirnexxielu jipprova, quddiem l-istituzzjonijiet ta' dak il-pajjiż, li huwa vittma ta' dik it-tip ta' persekuzzjoni, allura jingħata dik il-protezzjoni billi jiġi elevat għall-istatus ta' rifuġjat jew jingħata tip ta' protezzjoni sekondarja li aħna nsejħulu l-istatus umanitarju.
L-istatus ta' rifuġjat huwa stat permanenti filwaqt li l-istatus ta' protezzjoni umanitarja huwa status temporanju, sakemm jintemm it-tilwim li jkun hemm fil-pajjiż minn fejn ikun ħarab dak l-individwu, f'liema każ jiġi ritornat lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tiegħu. Dawn huma l-uniċi ċirkostanzi li jobbligaw pajjiż li jagħti protezzjoni lil immigrant billi jagħtih status ta' rifuġjat jew status ta' protezzjoni umanitarja.
Wieħed irid jifhem li meta fl-1951 il-konvenzjoni ta' Ġinevra tat dik il-protezzjoni lil dawn it-tip ta' immigranti konna għadna ħerġin mill-gwerra bierda. Wara l-gwerra bierda kien hawn il-problema ta' tensjoni bejn is-super-potenzi u minħabba hekk u anke minħabba l-esperjenzi ta' ġenoċidju li kien hemm fit-Tieni Gwerra Dinjija ġiet imwaqqfa l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda ta’ Ginevra u qed tagħti din il-protezzjoni. Bqajna hekk għal diversi snin u dak l-istrument internazzjonali fil-fatt serva l-iskop tiegħu u l-pajjiżi fl-Ewropa, fid-dinja ċivilizzata taw il-protezzjoni lil eluf ta’ immigranti li sofrew il-persekuzzjoni politika, li sofrew il-ġenoċidju u li sofrew il-persekuzzjoni abbażi ta’ razza. U Malta għamlet l-istess.
Anzi Malta kienet aktar ġeneruża minn hekk għax meta ffirmat il-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda ta’ l-1951 kienet daħħlet riżerva fejn qalet li aħna naċċettaw biss - wisq probabli għaliex Malta kienet diġa` ppreokuppata mid-daqs ġeografiku kif ukoll mid-densita` tal-popolazzjoni tagħna - immigranti mill-Ewropa u ma naċċettawx immigranti minn kwalunkwe post ieħor fid-dinja. Minkejja li Malta għamlet dik ir-riżerva, l-istorja xorta waħda turi li aħna aċċettajna immigranti li batew il-persekuzzjoni politika u razzjali, anke mill-pajjiżi ta’ l-Afrika, mill-pajjiżi tal-Balkani u mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Jiġifieri huwa fatt li pajjiżna, taħt żewġ gvernijiet, wera l-ġenerosita` tiegħu minkejja li kien għamel dik ir-riżerva.
Dik kienet is-sitwazzjoni sa ftit tas-snin ilu. Jien dejjem tennejt, anke meta għamilt l-input tiegħi fil-konferenza nazzjonali aktar kmieni din is-sena, li dak li qed jiġri bħalissa huwa kambjament totali ta’ dan il-fenomenu. Illum naqas il-fenomenu ta' immigrazzjoni minħabba persekuzzjoni politika. Ma rridx ngħid li m’għadhiex teżisti, pero` llum qed tiġi megħluba minn immigrazzjoni ta’ xorta oħra, l-immigrazzjoni minħabba raġunijiet ekonomiċi.
Dan kollu qiegħed jiġri minħabba l-avvanz mgħaġġel fit-teknoloġija, il-progress kbir li sar fil-pajjiżi ċivilizzati tal-punent u bil-miġja tal-fenomenu tal-globalizzazzjoni. U minkejja li l-globalizzazzjoni hija għodda importanti u kważi kważi indispensabbli għaż-żmenijiet tal-lum, din ġabet ċerti żbilanċi ekonomiċi bejn pajjiżi ċivilizzati li aċċelleraw ir-ritmu ta’ l-iżvilupp tagħhom, u allura komplew kabbru l-ekonomiji tagħhom, il-ġid tagħhom u l-kumdita` tagħhom, filwaqt li dawk il-pajjiżi li kienu għadhom qed jiżviluppaw jew li huma sotto-żviluppati u li m’għandhomx aċċess għall-għodda tal-globalizzazzjoni u t-teknoloġija, mhux talli baqgħu fejn kienu talli prattikament baqgħu sejrin lura. Allura kiber il-gap ekonomiku bejn dawn il-pajjiżi.
Sur President, li qed jiġri huwa li minħabba li dawn il-pajjiżi waqgħu f’ġuħ kbir, għandek emigrazzjoni ta’ massa minn dawn il-pajjiżi li qiegħda tissarraf f’immigrazzjoni ta’ massa fil-pajjiżi żviluppati. Il-konvenzjoni ta’ Ginevra ta’ l-1951 ma kienx possibbli għaliha li tantiċipa dan l-iżvilupp li ġara matul dawn l-aħħar ftit snin. Allura għandek konvenzjoni internazzjonali li baqgħet tipproteġi - u ġustament - lill-immigrant politiku, pero` bl-ebda mod m’għandha protezzjoni x’tagħti lill-immigrant ekonomiku. Għaldaqstant għandek vojt fil-kamp internazzjonali għax m’hemmx rimedju internazzjonali għall-immigrazzjoni ekonomika. U meta ma jkollokx rimedji l-pajjiżi li jirċievu l-immigranti ma jkollhomx gwida.
Il-pajjiżi li jirċievu lill-immigranti irregolari li huma immigranti ekonomċi, allura jkollhom jaraw kif se jagħmlu, iraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar, kif inħobbu ngħidu f’pajjiżna, għax fin-nuqqas ta’ gwida internazzjonali kulħadd jara kif se jagħmel biex jipproteġi l-interess nazzjonali tiegħu f’wiċċ din l-immigrazzjoni massa li jkun qiegħed jissubixxi. Tajjeb li wieħed jiftaħ din il-perspettiva ħalli nkunu nafu minn xiex inhu għaddej pajjiżna għax ikun tajjeb li nfiehmu lill-poplu d-distinzjoni importanti bejn l-immigrant politiku u l-immigrant ekonomiku. L-immigrant politiku huwa dak li jistħoqqlu l-protezzjoni mhux biss għaliex aħna obbligati moralment imma anke għaliex aħna obbligati legalment permezz ta’ trattati internazzjonali li nipproteġuhom, u jekk jipprovaw il-każ tagħhom aħna obbligati nintegrawhom. Pero` b’dispjaċir ngħid li l-immigrant ekonomiku ma jistax jingħata l-protezzjoni u meta ma jistax jingħata l-protezzjoni allura ovvjament irid jiġi ripatrijat lura lejn pajjiżu.
Sur President, ħalli nitkellem ċar. Jien imdorri nisma' lill-Ministru Tonio Borg jitkellem b’mod politiku partiġjan. Ħalli npoġġiha fil-pożittiv. Hija l-karatteristika tiegħu li jitfa’ xi erba’ botti lejn l-oppożizzjoni b’mod partiġjan, pero` d-diskors tiegħu llum għoġobni. Kien diskors fejn wieġeb għall-kritika ta' l-oppożizzjoni, pero` kien diskors li fiehem lill-poplu wkoll li l-oppożizzjoni trid tgħin f’din il-kwestjoni. Jien naħseb li dan huwa pożittiv ħafna. Hemm ħafna aktar affarijiet li ma kellux għalfejn jitkellem il-Ministru Borg għaliex minn kif żviluppaw l-affarijiet, speċjalment matul dawn l-aħħar ftit xhur, urew li hemm intesa - mhux ftehim imma intesa - fil-ħsieb bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fuq ċerti materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immigrazzjoni irregolari.
Sur President, ħalli mmiss ftit tal-punti li qajjem il-Ministru Borg fid-diskors tiegħu. Il-Ministru Borg qal li dawn l-immigranti mhux ġejjin għaliex dħalna fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa minnu. M'għandux x’jaqsam. Jekk hawn min qiegħed jaħseb li l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari aċċentwat ruħha għax Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, din assolutament hija misconception. L-immigranti irregolari ilhom ġejjin minn qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u tajjeb li naqtgħuhom dawn il-misconceptions. Anke li kieku Malta ma daħlitx fl-Unjoni Ewropea kien ikollna din il-problema xorta waħda. Din irridu nagħmluha ċara. Huwa veru li hemm min jikkummenta b’dak il-mod u jien irrid naqtagħha barra għax dan m’hu veru xejn.
Bħalma għedt qabel, la huwa tort tal-gvern u lanqas ta’ l-oppożizzjoni li dawn jiġu hawn. Il-biċċa l-kbira tagħhom dawn jiġu hawn mhux għax iridu jiġu hawn, għalkemm issib ukoll min ikun irid jiġi hawn, imma aħna nafu li madwar 70% kollha jridu jmorru fl-Unjoni Ewropea. Allura fejn qiegħed l-argument li dawn qed jiġu għax dħalna fl-Unjoni Ewropea? Dawn mhux hawn iridu jiġu imma l-maġġoranza tagħhom ikunu jridu jaqsmu għal Sqallija u mhux bilfors għax iridu joqogħdu fi Sqallija jew ġo l-Italja imma għaliex ikunu jridu jibqgħu telgħin u jmorru fil-kontinent Ewropew biex forsi jsibu ħajja aħjar. Good to them.
Dan huwa fatt li ġie pprovat u nafu jien stess għax jien kellimt lill-immigranti. Jien ma qgħadtx insaħħan is-siġġu u nagħmel il-kritika biss mingħalija naf kollox u ma mmurx inkellimhom lill-immigranti. Jien mort madwar ħames darbiet inkellimhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għax tant kont ilni nisma’ affarijiet li xi kultant iġibulek għajnejk wara widnejk li ridt nara jien stess. Hemm affarijiet li rridu nirranġawhom. Il-biċċa l-kbira ta’ l-immigranti li kellmuni kollha qaluli li huma mhux hawn riedu jiġu imma riedu jmorru fuq il-kontinent Ewropew. Allura din il-misconception trid tispiċċa darba għal dejjem.
Il-ministru semma li ġie kkritikat kemm-il darba, u anke l-oppożizzjoni ġiet ikkritikata fuq il-media għax f’dan il-pajjiż donnu li kulmin jemmen li għandna nattwaw politika ta’ detenzjoni jaqla’ xebgħa minn ċerti ġurnali. M'iniex se noqgħod insemmi liema huma l-ġurnali imma hemm slant ovvja f’ċerti ġurnali, ħalli ma ngħidx pro-immigrant għax billi tkun pro-immigrant m’hemm xejn ħażin. Ngħiduha kif inhi, dawn m’għandhomx protezzjoni u tajjeb li l-media tinvestiga u tara li waqt li l-immigranti jkunu f’pajjiżna jkunu qed jiġu trattati b’mod tajjeb.
Aħna ngħixu f’demokrazija, aħna parti minn demokrazija u parti mid-dinja ċivilizzata u allura jkun tajjeb li jkollna l-media bħala watchdog ħalli naċċertaw ruħna li l-immigranti li jiġu f’pajjiżna jkunu trattati tajjeb, anke dawk li jkunu ġew għal raġunijiet ekonomiċi u l-proċess tagħhom ikun għadu qiegħed jiġi studjat mill-kummissarju tar-rifuġjati u mill-bord ta’ l-appelli. Pero` hemm min qed jinqeda bil-media sabiex iħawwad l-imħuħ. Dan li jdejjaqni jien u għalhekk ħadt il-briga li nipprova nfiehem id-distinzjoni bejn l-immigrant li jistħoqqlu protezzjoni għax ikun verament ġie ppersegwitat politikament jew fuq bażi ta’ razza skond il-konvenzjoni ta’ Ginevra u l-immigrant ekonomiku. Jien spjegajt din id-distinzjoni għax hemm min qed jagħti x'jifhem li kull immigrant li jiġi ġewwa pajjiżna sofra xi forma ta’ persekuzzjoni politika jew razzjali fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu.
Sal-ġurnata tal-lum jien ma nistax nifhem din is-slant! Il-Ministru Tonio Borg qal li xi kultant jiġi kkritikat u kultant - għax jien inħoss li nappoġġjah - naqla’ xi xebgħa jien ukoll! Jista’ jkun li forsi nkunu qegħdin niżbaljaw - m’aħniex perfetti - imma ċerti affarijiet ngħiduhom u nagħmluhom b’intenzjonijiet tajbin u żgur li ngħiduhom fl-interess ta’ pajjiżna. Pero` daqskemm ma naqbilx li f’ċertu qasam ta’ ġurnaliżmu jkun hemm slant li jkun kontra l-immigrant - li jdejjaqni aktar addirittura - daqstant ma narahx ġust li niġu kkritikati għax nieħdu ċerti deċiżjonijiet li huma fl-interess nazzjonali. Mela tajba din! Minn wara l-2003 saret moda li nitkellmu dwar il-bżonn li jkun hawn il-consensus f’pajjiżna, pero` meta mbagħad ikollna l-consensus fuq ċerti oqsma niġu kkritikati wkoll! Allura ma nagħmlu xejn consensus mill-ewwel għax taqlagħha miż-żewġ naħat xorta waħda!
Il-Ministru Tonio Borg qal li hu tkellem fuq il-kwestjoni tad-detenzjoni sabiex jiddefendi ċerti dikjarazzjonijiet li mhux neċessarjament qalhom hu - pero` llum kien daqsxejn aktar ċar - imma saru minn ċerti uffiċjali li huma responsabbli jew li kienu responsabbli mit-tmexxija tal-qasam ta’ l-immigrazzjoni irregolari, li d-detenzjoni tista' tintuża bħala deterrent. Huwa veru li jien ikkritikajt lill-gvern li uża dik it-terminoloġija.
Sur President, jien inħobb ngħid li għandna napplikaw id-detenzjoni għaliex anke fil-liġi dwar l-immigrazzjoni jingħad li persuna li tidħol b’mod irregolari ġewwa pajjiżna hija immigrant ipprojbit għax l-istatus eżenti, li jitkellem dwaru l-Att dwar l-immigrazzjoni, ma japplikax għalih. L-istatus eżenti jfisser li l-liġijiet ta’ l-immigrazzjoni ma japplikawx għal ċerti persuni, per eżempju, għalija u għalik li aħna ċittadini Maltin, għal nies li jingħataw visa normali biex jidħlu f’pajjiżna u għal nies li qegħdin fl-uffiċċju diplomatiku ta’ pajjiżna bħall-ambaxxaturi. Dawn għandhom l-exempt status u l-liġijiet ta’ l-immigrazzjoni ma japplikawx għalihom. Imma kull persuna oħra li m’hijiex waħda mill-persuni li għadni kif semmejt, jiġifieri nies li m’humiex ċittadini Maltin jew ta’ l-Unjoni Ewropea, dawn huma ċittadini pprojbiti. U ladarba huma ċittadini pprojbiti tapplika d-detenzjoni. Id-detenzjoni hija legali mhux biss għax tgħid hekk il-liġi imma għaliex anke l-qrati ppronunzjaw ruħhom ukoll f’xi żewġ każi. Kien hemm min qal li qiegħed jinżamm fid-detenzjoni għalxejn għax m’huwiex akkużat b’xi att kriminali, iżda l-qorti qalet ċar u tond li dan m’hu veru xejn u żammithom f’detenzjoni.
Mela mhux biss il-liġi tipprovdi hekk imma hemm ukoll it-test ġudizzjarju, għalkemm naf li bħalissa l-liġi qiegħda tiġi ttestjata quddiem qrati oħrajn. Pero` s’issa l-qrati dejjem ippronunzjaw ruħhom favur il-liġi kif inhi. Jiġifieri din hija legali. Jien nappella lill-gvern li m'għandniex għalfejn noqogħdu nidħlu f'imbrolji ta’ jekk huwiex deterrent jew le għax dawn huma terminoloġiji li mbagħad jurtaw assoċjazzjonijiet jew organi esteri bħall-Amnesty International u organizzazzjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dawn jurtaw ruħhom għax imbagħad jibdew igħidulna: Mela intom tużaw id-detenzjoni u tħalluhom f’dawk il-kondizzjonijiet fiċ-ċentri tad-detenzjoni ħalli tbeżżgħu lill-oħrajn milli jiġu lejn pajjiżkom.
Sur President, dawn huma konsiderazzjonijiet li jieħdu pjaċir bihom mhux partiti demokratiċi politiċi li huma rappreżentati f’dan il-parlament jew forsi partiti politiċi li m’għandhomx rappreżentanza f’dan il-parlament, imma jieħdu pjaċir bihom movimenti li qed jinbtu bħalissa li jixprunaw ċerti attitudnijiet xenofobiċi. Jien ma neħux pjaċir b'dawn it-terminoloġiji. Għandna naqbdu u ngħidu li d-detenzjoni hija legali għax il-liġi tgħid hekk u għax il-qrati qalu li l-liġi hija tajba. Almenu sal-lum hekk qalu l-qrati. M’għandniex għalfejn nidħlu f’imbrolji ta’ tifsiriet għalfejn nagħmlu d-detenzjoni u dan kollu.
Il-Ministru Borg tkellem ukoll fuq il-problema ta’ l-akkomodazzjoni. Il-problema m’hijiex biss fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għax qabel konna nitkellmu dwar il-problema ta’ akkomodazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Naturalment illum in-numru ta’ immigranti qiegħed dejjem jikber u l-Istat huwa obbligat li jagħti protezzjoni lil min jistħoqqlu l-protezzjoni. Għalhekk wieħed li joħroġ miċ-ċentru ta’ detenzjoni jmur fl-open centre.
Għaldaqstant aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma jiġu immigranti l-problema ta’ akkomodazzjoni mhux se tibqa’ biss fiċ-ċentri ta’ detenzjoni imma diġa` qiegħda tenfasizza ruħha fl-open centres u se tkompli tikber fiċ-ċentri miftuħa. Aktar ma jiġu aktar se jiżdied dak il-persentaġġ żgħir - għax jien dejjem nibqa’ ntenni li l-biċċa l-kbira huma immigranti ekonomiċi - li huma immigranti politiċi li jistħoqqilhom il-protezzjoni li se jibqgħu jidħlu fl-open centres. Allura issa se jkollna problema fl-open centres għax m’għandhomx fejn imorru.
Sur President, m’hemmx obbligu sabiex immigrant li jingħata protezzjoni jmur ġo open centre. Jekk irid joħroġ barra għaliex prattikament għandu l-freedom of movement. Ladarba għandu l-protezzjoni jista’ imur jgħix fi kwalunkwe post ġo Malta jew Għawdex. Pero` l-fatt huwa li m’għandux il-mezzi biex jgħix u allura jinqeda bl-akkomodazzjoni li jipprovdilu l-istat. U aktar ma jmorru nies fl-open centres aktar qed jikbru l-problemi u jeħtieġ - u dan rajnieh anke mit-tiftix li għamlet it-task force – li ssir aktar regolamentazzjoni ta' kif jiġu amminstrati l-open centres għax il-problema ta' akkomodazjoni hekk qiegħda.
Kif għedt f'okkażjoni oħra, u llum qalha l-ministru, jekk hawn xi ħadd minn dawn li jikkritikaw il-politika ta' detenzjoni li lest li jagħti l-akkomodazjoni jagħtiha. Imma mill-istess entitajiet li l-iktar li jikkritikaw id-detenzjoni ma ssibx min jipprovdiha. Naf li l-gvern jipprova jsib u jekk inkunu aħna fil-gvern kapaċi nsibu l-istess problema. Dawn jgħidulek: Aħna m'għandniex x'nipprovdu imma intom tagħmlux id-detenzjoni għax hija ħażina, ħalluhom jitilqu 'l barra. Din hija pożizzjoni responsabbli? Mela ma nkunux nafu min huma, ma nkunux nafu minn liema pajjiż ikunu ġew, nafu mill-esperjenza li jgħidulek mod imma jkun mod ieħor - mhux kollha, ħalli nitkellmu ċar – u s-soluzzjoni hija li titlaqhom barra! Din hija assolutament pożizzjoni li sal-lum dejjem staqsejtha lil min jipprofessa opinjonijiet differenti minn politika ta' detenzjoni u ma jagħtux risposta għaliha. U dan iweġġagħni.
Irrid ngħid li hawn misconception li ċerti open centres jew ċerti NGOs huma proprjeta` jew immexxija mill-knisja. Illum ġejt hawnhekk biex nitkellem ukoll dwar ir-rwol tal-knisja f'din il-problema. M'hu minnu xejn li ċerti NGOs, bħall-Peace Lab u l-Jesuit Refugee Service, huma mmexxija jew ikkontrollati mill-knisja bħala istituzzjoni. Dawn huma inizjattivi ta' ċerti nies li għandhom x'jaqsmu mal-knisja għax ovvjament il-JRS hija tal-Ġiżwiti u l-Peace Lab hija mmexxija minn Fr Mintoff imma huma stess jgħidulek li m'humiex parti mill-istituzzjoni tal-knisja. Jien qed nistenna li, bħalma joħroġ għonqu l-gvern, bħalma toħroġ għonqha l-oppożizzjoni, ikun hemm aktar parteċipazzjoni tal-knisja bħala istituzzjoni fuq din il-problema ta' l-immigrazzjoni irregolari għax din m'hijiex biss problema legali, imma hija problema morali wkoll. Allura jeħtieġ li l-knisja mhux biss tesprimi lilha nnifisha fuq il-problema ta' l-immigrazzjoni irregolari imma nistenna wkoll li l-knisja tagħti l-għajnuna lill-istat.
Il-ministru miss ftit il-kwestjoni tar-ripatrijazzjoni ta' l-immigranti irregolari li daħlu dan l-aħħar fuq xi dgħajsa kbira ta' 150 ruħ jew aktar u li beda l-proċess tar-ripatrijazzjoni tagħhom. Jumejn ilu ntbagħtu 70 ruħ - prosit - u x'aktarx jintbagħtu 70 oħra għada. Almenu hekk irrapportat il-media. Pero` nixtieq li jkun hemm iktar ġenwinita` min-naħa tal-gvern għax kultant il-gvern - u hawn nagħmel ftit kritika - jgħajjarna li għalina l-ewwel jiġi l-interess nazzjonali u wara jiġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Apparti li ma ridniex ngħidu hekk eżattament, ejja nitkellmu ċar li anke l-liġi tippermetti li jekk jien u ieħor inkunu qed negħrqu - u l-Ministru Borg iħobb jirriferi għal sentenza li kien ta l-mibki zijuwi dwar il-ius necessitatis - u l-uniku mod kif nista' nsalva huwa billi niġġieled għas-salvauomo wieħed li għandna, jien għandi d-dritt li niġġieled għalih u nieħdu biex ma negħriqx. Ma rridx ngħid x'jiġrilu l-ieħor imma dak id-dritt tagħtihulek il-liġi.
Iżda hawnhekk m'għandhom x'jaqsmu xejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem meta tkun iffaċċjat b'sitwazzjoni antipatika u prekarja fejn inti stess tista' tmur minn taħt minkejja li d-dgħajsa tkun tiegħek. Id-dgħajsa li tkun qed tegħreq hija tiegħek, qiegħed ma' xi ħaddieħor u salvauomo wieħed biss għandek. Għalhekk tmur għal dak is-salvauomo. Hawn xi ħadd f'dan il-parlament jew barra li qed jismagħni, inklużi dawk li jipprofessaw kontra d-detenzjoni u kontra ċerti miżuri li jistgħu jidhru ebsin u odjużi, li se jgħid li s-salvauomo ma jeħdux għalih innifsu imma jagħtih lil ieħor? Jien ċert li ħadd f'dan il-parlament jew barra m'hu ġej jgħid li s-salvauomo jagħtih lil ħaddieħor. Ħadd! Għalhekk hija inġusta ċerta kritika li ssir fuq xi pożizzjonijiet li nieħdu fuq l-immigrazzjoni irregolari. Dan m'għandu x'jaqsam xejn mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Sur President, rigward dawn is-70 immigrant li ġew deportati jien tajt intervista lill-ġurnal "The Times" fejn iddikjarajt li naqbel mar-ripatrijazzjoni awtomatika f'ċerti ċirkostanzi. Jien għedt li jista' jkollna sistema ta' ripatrijazzjoni awtomatika lejn il-Libja għax intenni li bħalma għandhom ftehim it-Taljani għalfejn m'għandux ikollna wieħed aħna mal-Libjani? It takes two to tango u allura jridu jagħtuhulna l-Libjani bħalma tawh lit-Taljani, għalkemm mhux bil-miktub, imma hemm intendiment bejn it-Taljani u l-Libjani li meta jfettlilhom it-Taljani jistgħu jibagħtu lill-immigranti li jkunu għadhom kemm waslu fuq ix-xtut tagħhom lura lejn il-Libja.
F'intervista li kien ta lil "The Times" il-Ministru Borg kien wieġeb li ma jaqbilx mar-ripatrijazzjoni awtomatika, pero` għamel kwalifika u qal: "Having said that għandu jkollna arranġament mal-Libja. Jien qed naraha ftit kontradittorja għaliex x'arranġament trid li jkollna mal-Libja jekk mhux l-istess tip ta' arranġament li għandhom it-Taljani mal-Libjani? Jien għandi d-dubji tiegħi kemm dawn is-70 immigrant li għadhom kemm ġew deportati fil-fatt ġewx ripatrijati volontarjament.
Illum fil-question time għamilt mistoqsija diretta lill-viċi prim ministru u ta' ministru kapaċi li hu - għax nemmen li huwa membru parlamentari tajjeb - għamilli maratona u darli mar-risposta. Issa jew ma kienx jaf għax kien imsiefer imma r-risposta ma ssodisfatnix fis-sens li ntqal li dawn marru minn jeddhom. Veru li ma kienx hemm reżistenza, pero` lanqas għandi xi prova li dawn marru lura lejn pajjiżhom minn jeddhom. Jekk inhu hekk allura din m'hijiex ripatrijazzjoni awtomatika? Jiġifieri noqogħdu nitkellmu fuq drittijiet fundamentali tal-bniedem ... Ħalli nitkellem ċar, jien naqbel ma’ dak li sar.
Issa jekk kienx volontarju jew kienx awtomatiku ma nafx għax dawn għadhom kemm waslu nhar il-Ġimgħa u nhar it-Tnejn bgħatnihom. Jien u anke l-oppożizzjoni naqblu ma' dak li sar, imma mbagħad ejja nkunu ġenwini f'dak li ngħidu, mhux noqogħdu nsawtu lill-oppożizzjoni u ngħidu li l-oppożizzjoni ġġib l-interess nazzjonali qabel id-drittijiet fundamentali tal-bneidem. Having said that nerġa' nfakkar dak li għadni kemm għedt li fejn hemm salvauomo wieħed bejn tnejn, il-liġi tiddetta li jien għandi niġġieled għal dak is-salvauomo u ħadd m'hu ġej hawnhekk jew barra l-parlament igħid li se jċedi s-salvauomo lil ħaddieħor.
Saret kritika lill-kap ta' l-oppożizzjoni li qal li l-interess nazzjonali għandu jipprevali fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Apparti l-fatt li l-Onor. Sant ma qalx hekk u anke spjega ruħu x'ried jgħid eżattament, jiġifieri rridu nżewġu l-interess nazzjonali mad-dinjita` li rridu nuru lejn il-bniedem, anke l-Ministru Borg meta ġie, skond hu, ikkwotat ħażin minn ġurnal li qal li għandna nissospendu d-drittijiet internazzjonali jekk hemm bżonn, huwa spjega li ma qalx eżattament hekk imma ried jgħid li għandna nħallu l-options open u dak li nagħmlu nagħmluh skond id-dritt internazzjonali.
Meta qal li nħallu l-options open jien nifhimha li ma ċaħadx li jekk ikun hemm bżonn jissospendi l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta' pajjiżna, pero` qalilna li nagħmluhom skond id-dritt internazzjonali. Ejja ngħiduha kif inhi, din hija vaga għax il-ministru ma spjegax lilu nnifsu. Għalhekk nitolbu biex fl-aħħar tad-dibattitu jispjegali x'ried jgħid biha li nħallu l-options open u jekk hemm bżonn anke nissospendu l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħna dejjem skond id-drittijiet internazzjonali.
Il-ministru semma wkoll il-kwestjoni tas-search and rescue area. Huwa minnu li bħala wirt mill-era kolonjali Malta kellha search and rescue area li kienet parallela ma' dak li jissejjaħ l-FIR, il-flight information region, u fi żmien l-Ingliżi dan kien jibqa' sejjer addirittura saċ-Chad, sa taħt il-Libja. Imbagħad kienu saru ċerti konċessjonijiet fis-snin sebgħin u s-search and rescue area tagħna ġiet imnaqqsa drastikament, pero` xorta baqgħet kbira. Fil-fatt is-search and rescue area ta' pajjiżna testendi minn Tuneż sa Ċipru, sa taħt il-Greċja.
Is-search and rescue area tfisser li kwalunkwe emerġenza li tinqala' f'dik l-area hija responsabbilta` ta' Malta. Jeżistu żewġ interpretazzjonijiet ta' min hu responsabbli mis-search and rescue area. Hemm l-iskola tal-ħsieb li pajjiż għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe emerġenza li tinqala' fis-search and rescue area li tagħha jkun responsabbli. Imbagħad hemm l-iskola ta' ħsieb oħra li tgħid li minkejja li pajjiż jista' jkun responsabbli mis-search and rescue area kollha, jekk tinqala' emerġenza huwa l-pajjiż l-iktar viċin għal dik l-emerġenza li huwa responsabbli li jintervjeni f'dak l-inċident għax jista' jagħti għajnuna iktar malajr.
Ngħiduha kif inhi, jekk tinqala' emerġenza taħt Ċipru kif jista' wieħed jistenna li aħna l-Maltin - biżżejjed aħna limitati bil-Forzi Armati tagħna u limitati mir-riżorsi umani u tekniċi tagħna - noħorġu bil-patrol boats tagħna u mmorru nagħtu l-għajnuna madwar 24 siegħa wara inċident li jkun qed iseħħ taħt Ċipru? Daqshekk iddum biex tasal taħt Ċipru. Mhux ikunu laħqu għerqu! Jien wieħed minn dawk li naqbel ma' l-interpretazzjoni li minkejja li Malta tkun responsabbli għas-search and rescue area kollha tagħha, jekk tinqala' emerġenza qrib il-Greċja għandu jmur jagħti l-għajnuna l-eqreb pajjiż, li f'dan il-każ huwa l-Greċja. Jekk l-inċident ikun seħħ taħt il-Greċja għandhom imorru jagħtu l-għajnuna l-Griegi u mhux aħna l-Maltin. Kultant jivvintawhom l-interpretazzjonijiet li jagħtu barra minn Malta lil ċerti konvenzjonijiet.
Dan kollu ġara minħabba każ li nqala' madwar erba' snin ilu meta l-Prim Ministru Awstraljan John Howard, minkejja li kien responsabbli miż-żona fejn kien hemm ħafna immigranti li kienu qegħdin joqorbu lejn l-Awstralja, assolutament ma riedx idaħħalhom fil-pajjiż. Dan il-każ kien mar quddiem il-qorti marittima u ġie deċiż li huwa l-pajjiż li huwa responsabbli mis-search and rescue area li fiha jkun inqala' l-inċident li għandu jieħu ħsieb kwalunkwe emerġenza. Din kienet deċiżjoni kontra l-interess ta' pajjiżna.
Sur President, din hija l-problema, li f'każ li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ - fil-fatt se jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla - Malta tispiċċa responsabbli għal kwalunkwe emerġenza li tista' tinqala', anke jekk tkun taħt Ċipru, għax il-flight information region tagħna u s-search and rescue area tagħna jestendu sa dak il-punt. Għalkemm il-ministru ma qalhiex din, jien informat li l-gvern Malti qed jirreżistiha - u tajjeb li jirreżistiha - u li anke daħlet objection. U jekk tidħol objection fil-konfront ta' dawn l-emendi allura l-emenda ma tapplikax fil-konfront ta' Malta. Issa naraw x'se jiġri s-sena d-dieħla.
Dan huwa punt li l-Ministru Tonio Borg ma qalux, forsi m'huwiex au courant tiegħu, imma jien naħseb li jaf bih. Ma nixtieqx li l-Ministru Borg din jaqbad u jqegħedha fil-ġenb qisha m'hijiex problema. Din hija problema reali u rridu naffrontawha għax jekk diġa` għandna problema sabiex niġbru immigranti irregolari li jkunu qegħdin fil-periklu qrib xtutna, mhux neċessarjament fl-area territorjali ta' Malta imma fl-ibħra internazzjonali eqreb lejn Malta, ara xi problema ikbar ikollna - u dan mhuwiex fl-interess nazzjonali - jekk ikollna nagħtu wkoll l-għajnuna u nġibu lejn Malta immigranti irregolari li jkunu ħafna iktar 'il bogħod minn xtutna u iktar qrib pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Ewropa li huma ħafna ikbar minna, li għandhom forzi armati b'kapaċitajiet teknoloġiċi ħafna aktar minn ta' Malta.
Il-Ministru Borg semma l-kwestjoni tal-Libja, Malta u l-immigrazzjoni irregolari. Hija ħaġa pożittiva li l-Ministru Borg għadu kemm ġej mill-Marokk fejn kellem lill-konsulent ta' Gaddafi dwar din il-problema u dan il-konsulent wiegħdu - almenu wiegħdu - li se jqajjem dan is-suġġett ma' Gaddafi. Naħseb li kieku tqajjem is-suġġett qabel kien ikun aħjar.
Il-Ministru Borg qal ukoll li billi Malta ffirmat arranġament ta' ripatrijazzjoni ma' l-Italja, dan ma jiswa xejn għax fl-aħħar mill-aħħar taħt id-Dublin II aħna obbligati li nieħdu lura lejn pajjiżna dawk l-immigranti li jkunu fuq territorju Taljan u li jiġi pprovat li kienu telqu minn Malta. Jien ma nistax nifhem kif dan l-arranġament ma jiswa xejn. Jekk dan ma jiswa xejn għalfejn iriduh it-Taljani? U ma nistax nifhem għalfejn it-Taljani ma riduhx biss ma' Malta imma riduh ukoll mal-Libjani għax imbierek Alla t-Taljani milli jidher huma ħafna iktar kapaċi minna fil-mod kif jagħmlu l-arranġamenti mal-pajjiżi ġirien tagħhom.
Sur President, it-Taljani rnexxielhom jagħmlu trattat magħna biex nieħdu lura lill-immigranti li jaqgħu fit-territorju tagħhom u rnexxielhom jagħmlu wkoll trattat mal-Libjani biex jekk dawn l-immigranti jaqbżu Malta u jmorru l-Italja - għax jafu bħalma nafu aħna li l-biċċa l-kbira jiġu mil-Libja - it-Taljani jaqbdu u jagħmlu automatic repatriation, jiġifieri jibagħtuhom lejn il-Libja.
Jien naf ukoll li t-Taljani u l-Libjani m’għandhomx ftehim bil-mitkub imma, imbierek Alla, tant hemm relazzjonijiet tajbin bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li lanqas għandhom għalfejn jagħmlu arranġament bil-miktub, għax l-intendiment ta’ bejniethom huwa biżżejjed. Jiġifieri there is an unwritten agreement bejn l-Italja u l-Libja li l-Libjani jieħdu lura dawk l-immigranti li jmorru l-Italja mil-Libja.
Jien naf li l-gvern Malti qiegħed jipprova jagħmel dan l-agreement mal-Libjani, imma allura x’inhi l-problema? Qegħdin nagħmlu pressjoni biżżejjed sabiex nilħqu dan l-arranġament? Jien nieħu pjaċir nisma’ lill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg u lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo jgħidu li ltaqgħu ma’ dak u ma’ l-ieħor, imma at the end of the day hemm min jiltaqa’ inqas, jitkellem inqas u, imbierak Alla, l-agreements jagħmluhom iktar malajr.
Sur President, m’hu minnu xejn li l-ftehim ta' ripatrijazzjoni li hemm bejn Malta u l-Italja ġie effettwat darba biss, fil-każ taċ-Ċiniżi, imma kien ġie effettwat darba oħra u ma ntużax id-Dublin II. Kien intuża darba oħra meta għal xi raġuni jew oħra l-forzi armati kienu ssupplixxew bil-petrol dgħajsa mimlija bl-immigranti għax ma ridux jieqfu Malta u dawn baqgħu sejrin lejn l-Italja. L-Italja saret taf għaliex l-ambaxxatur hawn Malta m'huwiex ċass u informahom li dawn kienu Malta u tajnihom il-petrol, reġgħu bagħtuhom lura lejn pajjiżna u aċċettajnihom, imbierek Alla! U ħadd ma jista’ jgħid li skond in-normi internazzjonali dawn kienu in imminent peril of loss of life għax billi tiqaflek id-dgħajsa m’intix in imminent peril of loss of life sakemm ma jkunx hemm xi maltempata kbira jew id-dgħajsa tkun qiegħda tegħreq. Imma f’dik iċ-ċirkostanza partikolari ma kien hemm xejn ħażin qrib ħafna tal-kosta tagħna u kulma ġara kien li waqfitilhom il-makna.
Sur President, nibqa’ ntenni li l-arranġament li sar bejn l-Italja u l-Libja sar għaliex it-Taljani riduh, jgħid kemm jgħid il-viċi prim ministru li t-trattat ma jiswa xejn għax hemm id-Dublin II. Kieku t-Taljani ma kenux joqogħdu jieħdu l-briga biex jagħmlu arranġament magħna l-Maltin u lanqas kienu jieħdu l-briga li jagħmlu arranġament mal-Libjani.
Dan hu dak kollu li ridt ngħid dwar il-kummenti li għamel il-ministru, il-bqija rrid ngħid li kien diskors li jsaħħaħ il-pont bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fuq ċerti issues li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immigrazzjoni irregolari. Pero` rrid nisħaq dwar l-isforzi ta’ l-oppożizzjoni sabiex tilħaq kunsens. Hija sfortuna li nkunu bdejna ħażin, pero` tajjeb li finalment il-gvern jissensibilizza ruħu għat-talbiet ta’ l-oppożizzjoni li jkollna politika waħda nazzjonali. Aħna konna niġu kkritikati li m’għandniex politika dwar l-immigrazzjoni. L-aqwa suġġeriment li sar fuq is-suġġett ta’ l-immigrazzjoni irregolari sar mill-oppożizzjoni. Jien kburi li nifforma parti mill-grupp fuq din in-naħa tal-Kamra li ppropona li ssir konferenza nazzjonali dwar l-immigrazzjoni irregolari għax f'dan l-abbozz ta’ liġi hemm waħda mill-proposti li ħarġet minn dik il-konferenza.
Pero` ma rridux ninsew x’kienet ir-reazzjoni tal-gvern meta għamilna l-proposta. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg qal - u qed naqra testwalment minn artiklu li kiteb fuq il-gazzetta “The Times” - li:
"It is a totally mistaken strategy on the part of the opposition to attack the government in a most disloyal way instead of backing it in fighting and controlling the problems of illegal immigration.".
Dan intqal meta aħna konna qegħdin noffru l-id tal-ħbiberija u konna qegħdin nagħmlu proposta biex tinżamm konferenza nazzjonali.
Huwa kompla jgħid hekk:
"The Leader of the Opposition has once more engaged himself in a senseless and illogical public relations campaign. All this demonstrates that the opposition has no clear ideas of what is the national interest and all it is trying to do is to take cheap political mileage out of this human tragedy.".
Issa dan qal hekk għax sempliċement konna qegħdin nissuġġerixxu biex nagħmlu konferenza nazzjonali li tiġi chaired mit-tnejn u naraw x'joħroġ minnha.
Mhux hekk biss imam l-president tal-kunsill ġenerali tal-partit Nazzjonalista li miegħu kont qiegħed nieħu sehem fi programm "Realta`" ta' Brian Hansford fuq is-Smash TV kien qal:
"This country does not need national conferences as an excuse for a good business lunch. It is the Labour Party that needs to organise a general conference to iron out a policy on immigration."" .
Dan ifisser li kien hemm retiċenza kbira min-naħa tal-gvern biex issir din il-konferenza nazzjonali. Jien m'iniex se nkompli nħambaq fuq din għax finalment il-gvern kien aċċetta li ssir din il-konferenza nazzjonali. Għamel sew, u ħadna pjaċir għax għen biex iseħħ il-consensus fuq dawn l-affarijiet. Pero` biex issir ġustizzja mal-partit Laburista ma jistax ikun li bl-iskuża tal-consensus ma nsemmux minn fejn tlaqna.
Dwar dan se nieqaf hawn għax ma rridx niġi miżinterpretat li qed nipprova noħloq kontroversja minn din il-kwestjoni, pero` rrid ngħid li lanqas ħadna l-mertu minn ċerti sezzjonijiet tal-ġurnaliżmu li bis-saħħa tal-proposta tal-partit Laburista li tinżamm konferenza nazzjonali fil-fatt ħarġu proposti importanti ħafna minnha.
Waħda mill-proposti saret fir-rapport ta' l-espert, is-Sur Martin Scicluna, li tqabbad apposta fil-konferenza nazzjonali. Is-Sur Martin Scicluna kien uffiċjal għoli fl-armata u huwa espert f'affarjiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurta` u l-bon ordni f'pajjiżna. Ir-rapport li ssottometta lill-konferenza nazzjonali kien fih x'tomgħod. Hemm affarijiet li ma naqbilx magħhom u hemm affarijiet oħra li naqbel magħhom. L-istess il-gvern u l-istess l-NGOs li taw kontribut importanti f'dik il-konferenza nazzjonali. Pero` ħareġ prinċipju importanti tal-one chain of command, jiġifieri li l-affarijiet ta' l-immigrazzjoni jaqgħu taħt it-tmexxija ta' kap wieħed.
Din hija sistema differenti minn kif kienu jinħadmu l-affarijiet sa ftit żmien ilu - anke jekk forsi għadhom jinħadmu b'dan il-mod - fejn ir-responsabilitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-immigrazzjoni irregolari kienu jaqgħu kemm taħt ir-rwol tal-kummissarju tal-pulizija u kemm taħt ir-rwol tal-brigadier tal-forzi armati ta' Malta. Allura kellna dawn l-overlappings għax parti miċ-ċentri ta' detenzjoni kienu amministrati mil-korp tal-pulizija u oħrajn jaqgħu taħt l-armata. Ma kienx hemm policies ċari dwar kif għandhom jiġu amministrati dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni. Pero` llum, bis-saħħa tal-konferenza nazzjonali u bis-saħħa tar-rapport tas-Sur Martin Scicluna - li finalment tqabbad bħala konsulent tal-gvern biex jagħtih parir dwar kif għandu jitwaqqaf dan il-one chain of command - bħalissa qed jitwaqqaf dan id-dipartiment u llum f'dan l-abbozz ta' liġi hemm maħsub it-twaqqif ta' ċentru ta' detenzjoni.
Il-Ministru Tonio Borg ma tantx tkellem fuq dan id-dipartiment, forsi għax ma kellux ħin, imma jkollu ċans fil-winding up. Pero` huwa fatt li dan id-department for detention services li se jaqa' taħt it-tmexxija tal-Kurunell Brian Gatt se jieħu f'idejh jew diġa` qed jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tad-detenzjoni f'pajjiżna.
Naħseb li l-isforz li għamlet l-oppożizzjoni għall-kunsens ta l-frott u nieħu pjaċir li dan kien possibbli wkoll għax il-gvern irreaġixxa pożittivament għat-talba ta' l-oppożizzjoni sabiex tinżamm din il-konferenza nazzjonali. Pero` l-oppożizzjoni trid tmur oltre minn hekk, ma rridux nieqfu hawn. Aħna għamilna l-proposta tagħna, aħna nemmnu li l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari mhux se nsolvuha biss billi nipprovaw nilqgħu mill-aħjar li nistgħu għall-impatt tan-numri ta’ immigranti irregolari li ġejjin ġewwa pajjiżna. Aħna konxji, u ċerti li l-gvern jaqbel magħna, li biex il-problema tittaffa rridu soluzzjonijiet fil-kamp internazzjonali.
Dan huwa suġġett li għandu x’jaqsam mal-qasam ta’ l-intern, pero` trid jew ma tridx l-intern għandu l-aspett estern tiegħu li jmiss ma’ kwestjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-affarijiet barranin u ma' l-affarijiet Ewropej. Jien m’għandix dubju li l-kelliema ta’ l-oppożizzjoni fuq dawn is-suġġetti se jagħtu l-kontribut pożittiv tagħhom minn din il-perspettiva.
Pero` nixtieq nappella lill-gvern, bħalma diġa` għamilt permezz tal-media, sabiex ikollna a joint front fuq livell internazzjonali. B'dan il-mod we can do a better job, mhux għax il-gvern mhux qed jagħmel ħiltu fil-kamp internazzjonali, imma jkun aħjar jekk inkunu flimkien, gvern u oppożizzjoni, fuq front internazzjonali biex nagħmlu t-talbiet ġusti tagħna lil-Libja, li mingħandha qiegħda tibda l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari, kif ukoll mill-Unjoni Ewropea li jeħtieġ li tkun aktar sensittiva għall-problemi ta’ pajjiżna.
Waħda mill-affarijiet li dejqitni hija li, minkejja li hawn dan l-animu ta’ kunsens, jiġu f'pajjiżna personalitajiet bħall-Ministru Gianfranco Fini u l-Ministru Ingliż Tony McNulty jitkellmu fuq l-immigrazzjoni irregolari, u saret anke laqgħa bejn il-Prim Ministru Gonzi u l-Prim Ministru Tony Blair li bħalissa għandu l-presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea, u l-gvern biss mar jitkellem dwarhom. Min-naħa tagħkom ma ħassejtux li għandkom issejħulna, speċjalment meta l-oppożizzjoni qiegħda tiddikjara ruħha li trid tgħin f'din il-problema, sabiex aħna wkoll nagħtu l-kontribut tagħna ma’ dawn l-irjus li għandhom influwenza kbira fl-Unjoni Ewropea.
Anke meta jiġu l-Libjani hawnhekk ġewwa pajjiżna, sija fil-laqgħat politiċi fuq livell ministerjali kif ukoll fil-laqgħat tekniċi, l-oppożizzjoni tista’ tagħti kontribut. Aħna qed nerġgħu ntennu li aħna lesti li ngħinu lin-naħa l-oħra sabiex ikollna joint front fuq l-immigrazzjoni irregolari. In-nuqqas ġej min-naħa l-oħra. Aħna lesti li nikkooperaw magħhom u li nagħmlu front wieħed magħhom fuq livell internazzjonali dwar din il-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari.
Sur President, irrid ngħid żewġ affarijiet dwar is-sitwazzjoni li żviluppat matul iż-żmien anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Unjoni Ewropea. Għalkemm il-Ministru Tonio Borg forsi ma daħalx fil-fond fiha, l-Unjoni Ewropea hija mmexxija minn dik li suppost hija l-politika ta’ solidarjeta`. Bħalma qal Gianfranco Fini meta ġie Malta, il-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari m’hijiex biss problema ta’ Malta, imma hija problema wkoll ta’ l-Unjoni Ewropea. Allura jekk hija problema ta’ l-Unjoni Ewropea nistennew li jkun hemm għajnuna aktar importanti mill-Unjoni Ewropea.
Ħalli nitkellem ċar, fuq bażi personali ma jinteressanix tant li l-Unjoni Ewropea tagħtina l-flus, ikunu kemm ikunu, għax meta l-Unjoni Ewropea tagħtina l-flus tkun qed tgħidilna biex inżommu l-problema hawnhekk imma rridu nirranġaw iċ-ċentri ta’ detenzjoni u l-open centres. Sadanittant l-immigranti ġejjin, ġejjin, ġejjin u aktar ikollna bżonn il-flus ħalli nagħmlu iktar ċentri ta’ detenzjoni u iktar ċentri miftuħin. Veru li dawn il-flus igħinuna għax inkunu nistgħu nagħmlu kondizzjonijiet aktar diċenti għall-immigranti li jiġu ġewwa pajjiżna, pero` dik mhijiex is-soluzzjoni għal pajjiżna. Aħna rridu soluzzjoni oħra. Aħna rridu li l-Unjoni Ewropea taqsam il-piż li għandna.
Sur President, jien m’għandix dubju li l-Onor. de Marco, li qiegħed quddiemi, żgur jaqbel miegħi fuq din il-kwestjoni, bħalma jaqbel il-ministru u anke s-segretarju parlamentari. Għandu jkun hemm burden sharing fis-sens li l-Unjoni Ewropea tieħu numru ta’ immigranti irregolari li jkunu ngħataw status ta' rifuġjat fit-territorju tagħha u tintegrahom. B’dan il-mod ikollna soluzzjoni aktar importanti għall-piż kbir li għandna hawn Malta b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkostanzi tal-limitazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżna u d-densita` tal-popolazzjoni tagħna.
Aħna naqblu totalment mal-politika ta’ detenzjoni. Kif diġa` għedt fil-bidu ta’ l-intervent tiegħi, il-liġi tipprovdi d-detenzjoni u l-qrati pproteġew il-liġi. Jiġifieri aħna naqblu ma' dak li qiegħed isir, li l-immigranti irregolari jibqgħu f’detenzjoni sakemm il-proċess tat-talba tagħhom għal status ta’ rifuġjat tiġi determinata darba għal dejjem.
Pero` qed jippreokkupani żvilupp li qed jitwettaq fl-Unjoni Ewropea għax fejn qabel il-perijodu ta’ detenzjoni kien jitħalla f’idejn il-pajjiż sabiex jiddetermina skond il-ħteġijiet tiegħu u anke skond il-problemi nazzjonali li jistgħu jinqalgħu proprju minħabba l-influss ta’ immigranti, qed nara li hemm żvilupp sabiex il-perijodu ta’ detenzjoni jiċċekken. Kien hemm tibdil fis-sens li d-detenzjoni ma tistax iddum aktar minn sena u jidher li issa, għalkemm ma jidhirlix li għaddiet, qed jiġi maħsub sabiex il-perijodu ta’ detenzjoni jkompli jiċkien għal perijodu ta’ sitt xhur.
Sur President, issa ħalli nitkellmu ċar. L-istituzzjonijiet lokali li huma nkarigati sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta’ rifuġjati huma mgħobbija u l-proċedura tieħu fit-tul. Kultant irridu nammettu li l-proċedura tieħu fit-tul tort ta’ l-istituzzjonijiet, - għax hemm x’nikkritika fuq l-istituzzjoni ta’ l-uffiċċju tal-kummissarju għar-rifuġjati - kultant tieħu fit-tul ukoll għax ma jkunx hemm kooperazzjoni mill-immigrant innifsu, u ġieli la jkun tort tal-gvern u lanqas ikun tort ta’ l-immigrant imma għax ċerti dokumenti li jkun qed jitlob l-immigrant, ġustament, ma jkunux għadhom ġew mill-pajjiż minn fejn oriġina. Allura kultant it-tort ma jkun ta’ ħadd ħlief tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ partenza ta’ l-immigrant.
Allura jien kultant nibda nitaqsi jekk l-Unjoni Ewropea hijiex konxja minn dawn il-problemi meta hija tfassal dawn it-tip ta’ direttivi. Hija konxja mill-impatt li dawn it-tip ta’ direttivi jista’ jkollhom fuq pajjiż żgħir bħal Malta li għandu problema ta’ riżorsi umani, problema ta’ riżorsi tekniċi, problema ta’ densita` ta’ popolazzjoni u problema ta’ daqs ġeografiku?
Sur President, kif diġa` ddikjarajt l-oppożizzjoni se tivvota favur dawn l-emendi, pero` ma nafx kif il-gvern se jirnexxielu jżewweġ l-emenda li qed jipproponi - li persuna li qed tfittex l-ażil, li għadha ma ngħatat la protezzjoni umanitarja u lanqas protezzjoni ta’ status ta’ rifuġjat, tibqa’ f’detenzjoni f’każ li ma tikkooperax mal-kummissarju għar-rifuġjati biex tiġi rimpatrijata - mad-direttiva li qiegħda titfassal fl-Unjoni Ewropea sabiex l-immigranti irregolari jinħarġu mid-detenzjoni wara sitt xhur.
Hemm żewġ skejjel ta’ ħsieb fuq din. L-ewwel waħda tgħid li d-direttiva hija ċara. Pero` anke rigward il-fatt li bħalissa l-immigranti jinżammu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni għal sena hemm dubji jew inċertezzi dwar l-interpretazzjoni tagħha. Jiġifieri jekk tistax testendi d-detenzjoni anke ulterjorment, wara li tiskadi sena f’każ li l-immigrant ma jkunx qed jikkoopera jew f'każ li jieħu fit-tul il-proċess tad-determinazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-persuna li tkun qed tfittex l-ażil u dan ikun tort tal-burokrazija tal-gvern jew minħabba xi raġuni oħra.
Hemm l-iskola ta’ ħsieb l-oħra li tgħid li jekk ikun tort ta’ l-immigrant, tgħid x’tgħid id-direttiva, tista' ttawwal ulterjorment kif qed tipproponi din l-emenda. Jien nixtieq li fil-winding up il-ministru jgħidilna dwar il-legalita` o meno tagħha fil-kontest tad-direttiva attwali, li d-detenzjoni hija għal perijodu ta’ sena u ma tistax iżżomm immigrant ulterjorment wara li tiskadi dik is-sena. Aktar u aktar jekk dan il-perijodu ta’ detenzjoni se jiċċekken għal perijodu ta’ sitt xhur, kif inhu maħsub.
Għaldaqstant nieħu spunt minn dan biex ngħid għaliex il-proċess jieħu fit-tul. Hemm ċerti nuqqasijiet li bilfors iridu jiġu attribwiti lill-istituzzjonijiet tagħna. Per eżempju, rigward il-proċess ta’ determinazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l-immigranti għall-istatus ta’ rifuġjat, għandna kummissarju għar-rifuġjati li ngħollilu l-kappell għax jaħdem u jirsisti u jipprova jaqta’ każijiet kemm huwa umanament possibbli għalih, pero` għandu l-handicap li huwa part-timer.
Jien ma nistax nifhem għaliex għandna kummissarju għar-rifuġjati li huwa part-timer wara li daħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Rifuġjati li waqqaf l-uffiċċju tal-kummissarju għar-rifuġjati li huwa uffiċċju tant importanti u meta nafu li għandna din il-problema kbira, li qiegħda tikber minn sena għal oħra. Forsi tgħidli li dan jirnexxilu jaqtagħhom il-każi li jkollu, imma kemm jaqta’ aktar li kieku huwa full-timer. Għalfejn ma jkunx full-timer? Qed issir emenda - li se nivvotaw favur tagħha u Allaħares le - li jkun hemm kummissarji għar-rifuġjati oħra, imma ovvjament dawn se jkunu part-timers ukoll għax ma jagħmilx sens li inti għandek il-kap tiegħek li huwa part-timer u mbagħad l-oħra jkunu full-timers. Jiġifieri dawk kollha se jkunu part-timers.
Għaldaqstant filwaqt li l-oppożizzjoni taqbel ma’ l-emenda li jkun hemm iżjed kummissarji għar-rifuġjati għax minnha nnifisha teoretikament - imbagħad naraw fil-prattika - suppost se tħaffef il-proċess ta’ determinazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tal-persuni li qed ifittxu l-ażil, huwa fatt li l-importanza ta’ dak l-uffiċċju mhix qed tiġi riflessa fil-prattika. Jeħtieġ li mhux biss ikollok il-kap bħala full-timer, imma li jkunu full-timers kollha kemm huma. Issa dan qed ngħidu mingħajr ma nnaqqas mill-kapaċita` u l-ħeġġa tal-kummissarju għar-rifuġjati attwali li naf li jirsisti u jaħdem. Pero` kemm jista’ jirsisti u jaħdem aktar li kieku jkun full-timer!

Il-punt li nixtieq nenfasizza huwa li part-timer - nerġa’ ngħid, mingħajr nuqqas ta’ rispett lejn il-persuna li qed iżżomm il-kariga - huwa amateur u mhux professional. Jista’ jkun professional fi ħsibijietu imma fl-amministrazzjoni ta’ xogħlu huwa amateur. Aħna kif nistgħu nindirizzaw problema nazzjonali b’mod dilettantesk? Amateur huwa dilettant. Kif tista’ inti tattakka problema nazzjonali b’mod dilettantesk? (Interruzzjonijiet) Le, m'iniex qed ngħid li l-persuna attwali hija dilettanteska. Jien qed nitkellem għall-makkinarju, kif jitħaddem ix-xogħol, mhux fuq il-persuna. Qed nagħmilha ċara. (Interruzzjonijiet) Qed nagħmilha ċara li m'iniex qed innaqqas mill-merti tal-persuna konċernata. Jien qiegħed nattakka s-sistema li hija waħda dilettanteska. Għandek problema nazzjonali b’sistema dilettanteska għax b’part-timer ma taħdimx. (Interruzzjonijiet) Taħdem mela le, imma tista’ taħdem ħafna u ħafna aħjar.


Sur President, bħalissa l-makkinarju kollu ta’ l-uffiċċju tal-kummissarju għar-rifuġjati qiegħed jaħdem part-time u l-bord ta’ l-appelli jaħdem part-time, anzi għaddiet l-emenda li l-bord ta’ l-appelli li hu kompost minn tlieta, jekk irid, jaqtagħha wieħed. Kieku ma sarx hekk konna neħlu għax daqqa wieħed u daqqa l-ieħor ma jistax jidħol. Allura segwejna kif isir fil-bord tal-kera, fejn minkejja li l-bord ta’ l-appelli huwa kompost minn tlieta, anke persuna waħda tista’ tisma’ l-appell f’każ li xi wieħed jew tnejn mill-anġli kustodji li jkollu maġenbu l-president tal-bord ta’ l-appelli jonqsu li jiġu għal xi raġuni li tkun ġustifikata, jew minħabba mard jew minħabba xi impenji oħrajn. Għalhekk huwa antipatiku li taħdem bil-part-timers. Qed nagħmilha ċara li jien m'iniex qed nitkellem dwar persuni, imma dwar il-makkinarju. Problema nazzjonali tattakkha b’makkinarju professjonali u mhux bil-part-timers, Sur President.
Sur President, jien se nagħlaq fuq l-aħħar punt tar-razziżmu u xenofobija. Kif spjegajt fl-introduzzjoni tiegħi, minħabba l-mases ta’ immigrazzjoni ta’ dawn iż-żmenijiet id-dinja ċivilizzata, id-dinja tal-punent kif inħobbu nsejħulha, qiegħda tmiss din il-problema għall-ewwel darba b’mod dirett. Qabel il-persekuzzjonijiet politiċi mhux kont tgħoddhom fuq ponot subgħajk imma ma kienx ikollok mases ta’ immigrazzjoni minn pajjiżi ħlief sporadikament minħabba xi ġenoċidju jew minħabba xi diskriminazzjoni politika wiesgħa fuq sezzjonijiet ta’ popolazzjoni. Dawk kienu ftit. Illum nafu li l-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni tbiddel minħabba problemi ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi l-foqra.
Allura meta f’daqqa waħda jiġu dawn il-mases, sfortunatament jitwieldu wkoll dawn il-movimenti xenofobiċi u razzisti. F'dawn l-aħħar snin dawn rajnihom jikbru fl-Ewropa u jippożaw addirittura ta’ partiti politiċi. Hemm min għandu rappreżentanza anke fil-parlament Franċiż u meta tismagħhom jitkellmu ġġib għajnejk wara widnejk bil-mod kif jitkellmu. Imbierek Alla dawn għandhom anke rappreżentanza f’parlamenti demokratiċi!
Sur President, sfortunatament anke hawn Malta qegħdin jikbru dawn l-elementi xenofobiċi. Minkejja li għandna problema, anke jekk il-problema tkompli tikber, m’hijiex ġustifikazzjoni li jkun hawn dan il-fundamentaliżmu kontra l-immigranti. Huwa ħażin li l-poplu Malti u Għawdxi jiġi xprunat jew jintrikeb minn dan il-kurrent li għalissa huwa stream, għadu m’huwiex xmara, pero` jekk il-poplu Malti u Għawdxi ma joqgħodx attent minn stream jagħmlu xmara. U hija responsabbilta` tagħna, mhux f’dan il-parlament biss imma anke barra l-parlament, li nedukaw lill-poplu li kull persuna, mhux biss ir-rifuġjat imma anke l-immigrant ekonomiku huwa bniedem bid-dinjita` tiegħu, li jixraqlu l-protezzjoni u li jeħtieġ ukoll ir-rispett tagħna. M’huwiex ġustifikat li jkun hemm movimenti li jindirizzaw il-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari b’mod li jweġġa’ d-dinjita` tal-bniedem. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Is-Segretarju Parlamentari, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.
Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.


Yüklə 294,85 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin