Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 294,85 Kb.
səhifə4/5
tarix27.07.2018
ölçüsü294,85 Kb.
#59996
1   2   3   4   5

AĠĠORNAMENT



ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI (Segretarju Parlamentari): Mr Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 10 ta’ Ottubru 2005 fis-6.00 p.m. b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Rifuġjati - Tieni Qari (Kont.);
Diskussjoni dwar ir-Rapport “L-Implimentazzjoni taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar - X’sar?” - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Privattivi Industrijali u d-Disinni - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur - Tieni Qari; u
Xi aġenda oħra li tista’ tiġi komunikata aktar tard.
-----------------------------------
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Vjolenza Domestika - Kumitat Permanenti.
Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali – Kumitat Permanenti.
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ – Kumitat Permanenti.

Abbozz ta’ Liġi dwar Azzjonijiet Ġudizzjarji (Miżuri Varji) - Kumitat Permanenti.


MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Karl Chircop.
ONOR. KARL CHIRCOP: Mr Speaker, illum se nitkellem dwar suġġett Ii huwa ferm importanti għall-għajxien tal-pajjiż u għall-kumplament tal-poplu, u hawn qiegħed nirreferi proprju għall-qasam ta’ l-impjiegi. Dan huwa suġġett li l-gvern ta’ spiss juża biex ikun jista’ jagħmel enfasi partiġġjana, imma sfortunatament jidher ċar illi l-messaġġ tal-gvern m’huwiex qiegħed jasal kif fil-fatt wieħed jixtiequ. Naturalment hemm diversi raġunijiet għal dan u raġuni partikolari hija proprju l-labour force survey li ġie ppubblikat fl-aħħar ġranet tal-ġimgħa l-oħra. Dan addirittura jgiddeb il-ftaħir kollu li smajna mill-prim ministru ripetutament matul dawn l-aħħar ġimgħat meta fl-attivitajiet tal-festa ta’ l-indipendenza qal illi l-qgħad fil-pajjiż qiegħed jonqos.
Irrid ngħid bla tlaqliq ta’ xejn li l-labour force survey f’tabella 4 igħid ċar u tond li r-rata ta’ impjieg tan-nisa kif ukoll dik globali reġgħet naqset matul din is-sena. Agħar minn hekk l-unemployment rate żdiedet ukoll, għax dik maskili minn 6.9% telgħet għal 7.2%, filwaqt li dik femminili żdiedet b’rata allarmanti għax minn 3.8% telgħet għal 9.3%. B’hekk ir-rata tal-qgħad globalment żdiedet minn 7.3% għal 7.8%. Irrid ngħid li l-prim ministru Malti għandu jkun kuraġġjuż biżżejjed u meta jitkellem fuq il-qasam ta’ l-impjiegi jikkwota dawn il-figuri lill-counterparts tiegħu li huma prim ministri tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Illum hija standard practice, mhux f’pajjiżna biss imma b’mod internazzjonali, li meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar kemm għandna nies impjegati jew inkella diżimpjegati jintużaw surveys li jkunu komputati u kkalkulati, proprju kif isir fil-każ tal-labour force survey li huwa ppubblikat mill-uffiċċju nazzjonali ta’ l-istatistika ta’ Malta stess.
Illum il-ġurnata fuq bażi internazzjonali kulħadd jaqbel li dan huwa l-aktar metodu accurate li jista’ jintuża biex inkunu nafu eżatt kemm għandna nies impjegati u diżimpjegati fil-pajjiż. Allura x’inhi l-pożizzjoni vis-a-vis l-miri imposti fuqna mill-istess Unjoni Ewropea li kellhom jiġu ndirizzati fin-National Action Programme li suppost il-gvern kien vara aktar minn sena ilu b’tant pompa u ftaħir? Sfortunatament fin-NAP hemm żewġ chapters sħaħ li jittrattaw il-parteċipazzjoni femminili fil-qasam tax-xogħol kif ukoll il-fattur tal-long-term unemployed. Jiġifieri hawn insibu ħafna xewqat sbieħ li rridu ntejbuhom, fosthom dik li nżidu l-parteċipazzjoni femminili fil-qasam tax-xogħol kif ukoll li nnaqqsu l-long-term unemployment.
Fl-aħħar budget speech intqal ħafna diskors u teoriji pero` fil-konkret x’sar? Irridu naraw x’sar. Dan għaliex skond l-aħħar statistika, kif diġa` semmejt, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol mhux talli ma żdeditx, talli naqset b’mod allarmanti, filwaqt li n-numru tal-long-term unemployed fil-qasam tax-xogħol tagħna kompla dejjem jiżdied. Huwa tajjeb li nistaqsu: X’għamel il-gvern sabiex l-ambjent ekonomiku in ġenerali li joħloq l-impjiegi jitjieb? Kellna diżastru fis-settur tat-turiżmu u dan meta ż-żewġ naħat tal-Kamra naqblu li huwa wieħed mill-eħfef biex tirranka ‘l quddiem, għax għalina bħala pajjiż strateġiku fiċ-ċentru tal-Mediterran suppost jiġi second nature li nkunu nistgħu nirrankaw dan is-settur.
Imbagħad naraw il-famuża giljottina li ħabbar il-Ministru Austin Gatt fis-settur tal-manifattura. Fil-fatt l-istess labour force survey jindika li l-akbar tnaqqis li seħħ fil-qasam ta’ l-impjiegi kien proprju f’dan il-qasam. Is-settur tat-turiżmu u tal-manifattura huma żewġ pilastri kbar li jiġġeneraw ħafna impjiegi imma sfortunatament dan il-gvern mhux qiegħed jindirizzahom b’mod serju. Huwa għalhekk li għandna dan il-kaos sħiħ anke fil-figuri, għaliex għalkemm il-headcount ta’ l-ETC jindika li l-qgħad naqas, aħna nafu x’ġara. Għandna ħafna nies li issa qed nibagħtuhom fuq skemi ta’ volontarjat u allura ma jibqgħux jirriżultaw fuq il-kotba ta’ l-ETC. B’hekk awtomatikament il-qgħad jidher li naqas. Imma skużi, meta aħna qegħdin nibagħtu lil dawn in-nies lock, stock and barrel f’dawn l-iskemi ta’ volontarjat jew skemi oħra, dan ifisser li dawn qegħdin jaħdmu b’mod produttiv jew inkella sempliċement għaddejnihom minn benefiċċju soċjali għal benefiċċju soċjali ieħor? Qed ngħid dan għaliex dawn xorta m’humiex qegħdin jaħdmu u l-gvern mingħalih li jrid jidħak bil-poplu billi jilgħab bil-figuri b’dan il-mod. Imma sfortunatament naraw kif imbagħad l-istess labour force survey li ġie ppubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-uffiċċju nazzjonali ta’ l-istatistika jgiddeb dan il-ftaħir kollu tal-gvern.
Minkejja ż-żieda li naraw fin-numru ta’ dawk li jaħdmu, wieħed irid janalizza ż-żieda l-kbira li seħħet fl-impjiegi part-time. Sfortunatament illum f’pajjiżna għandna iktar minn 20,000 ruħ li l-uniku introjtu tagħhom huwa minn impjieg part-time u allura nistgħu napprezzaw it-tbatijiet ta’ dawn in-nies għaliex kulħadd jaf li xogħol part-time għandu ħafna inqas benefiċċji milli għandu full-time job. U nafu kif jiġu sfruttati dawn il-ħaddiema, għax dawn huma affarijiet li jaf bihom kulħadd. Irrid ngħid li jekk dan kollu qed insejħulu progress, ma nafx x’inhuwa rigress f’dan il-pajjiż għaliex ir-rigress allura jrid ikun kollass totali. Ta’ min igħid x’effett ħallew fuq is-suq tax-xogħol il-mijiet ta’ work permits li nħarġu mill-ETC dan l-aħħar lill-ħaddiema li huma barranin u ħafna drabi lanqas biss qegħdin jagħmlu follow-up ħalli jaraw jekk ix-xogħol li qegħdin jagħmlu huwiex skond il-work permit li ngħatalhom biex ikunu żguri li l-liġi qed tiġi osservata.
Jien ma nistax nagħti work permit lil wieħed biex jaħdem bħala kaħħal imbagħad dan imur jaħdem bħala plumber, għax b’mod inġust ikun qiegħed jikkompeti ma’ ħutna l-Maltin stess. Din hija xi ħaġa li qiegħda sseħħ u hija sfortuna li dan il-gvern stess qiegħed jinkoraġġiha. Jiġifieri mhux talli mhux qegħdin naraw x’nagħmlu biex niġġieldulha ħalli nipproteġu l-interessi ta’ ħutna l-Maltin stess, talli qegħdin ninkoraġġuha għax għandna erbat iħbieb tal-qalba u rridu naraw kif se nagħmlu biex nakkomodawhom. Dawn huma businessmen li jridu jimpjegaw u jisfruttaw ħaddiema barranin biex iħallsuhom biċ-ċekċik pero` mbagħad addirittura jkunu qegħdin imorru kontra l-interessi ta’ ħutna l-Maltin li qegħdin ifittxu x-xogħol.
Xi ħaġa oħra li rrid nitkellem dwarha hija l-mod faħxi, nsejjaħlu jien, ta’ l-istrike- offs li qed ikollna fl-ETC. Jien ngħid bla tlaqliq li ninsab kontra l-abbuż u dan bħala partit Laburista għidnih kemm-il darba u nibqgħu nirrepetuh, li fejn hemm l-abbuż il-gvern se jsibna warajh. Pero` jien naf b’ħafna każi - u għandi l-provi f’idejja – ta’ ħaddiema li jkunu qed ifittxu x-xogħol u jkunu fuq il-kotba ta’ l-ETC, li sfortunatament jiġu struck off minn fuq ir-reġistru, imbagħad Alla jaf kemm iridu jgħaddu xhur biex issir ġustizzja magħhom għaliex biex jerġgħu jiddaħħlu fir-reġistru dawn iridu jappellaw u l-appell tagħhom irid jiġi kkonsidrat min-National Employment Authority. Dan il-proċess tant huwa twil li kellna ħafna każi li damu iktar minn għaxar xhur jistennew biex jerġgħu jiddaħħlu lura fir-reġistru ta’ l-ETC ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jiggwadanjaw mill-benefiċċju tal-qgħad.
Sfortunatament dawn in-nies huma kapijiet ta’ familja li għandhom l-obbligi tagħhom għax għandhom it-tfal u jridu jħallsulhom il-kontijiet. Kif nafu l-kontijiet dejjem ġejjin u għalhekk huwa mod faħxi u diżonest li l-gvern jaqbad u jneħħihom minn fuq ir-reġistru, imbagħad ikollhom jistennew dawk ix-xhur kollha biex jerġgħu jsibu l-opportunita` li jieħdu xi ħaġa mill-benefiċċju tal-qgħad. Din hija xi ħaġa li l-gvern irid jara x’se jagħmel fuqha għaliex ma jistax ikun li dawn il-ħaddiema jibqgħu jiġu trattati b’dan il-mod. Issa hawn m’iniex qed nidħol fl-argument jekk dan huwiex ġust jew inġust. Ejja ngħidu li l-gvern għandu raġun għaliex lil ċerta persuna jaqbad u jneħħiha minn fuq ir-reġistru. Allura din il-persuna għandha tistenna għaxar xhur sħaħ biex issir ġustizzja magħha u nkunu nafu eżattament l-eżitu ta’ dan il-każ? Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk u hemm bżonn li dan il-proċess jitħaffef.
Sur President, nerġa’ ngħid li l-gvern Nazzjonalista qiegħed iqarraq bil-poplu meta jgħid illi l-qgħad naqas. Il-figuri dwar il-qgħad tal-labour force survey jikxfu dan il-qerq tal-partit Nazzjonalista fil-gvern u skond dawn il-figuri nafu li bħalissa hemm 12,626 persuna li jinsabu bla xogħol. Irrid nerġa’ nenfasizza li l-prim ministru għandu jkun onest biżżejjed mal-poplu li jirrappreżenta u meta jkun qiegħed jippubblika figuri ta’ xogħol għandu jikkwota l-figuri tal-labour force surveys. Hemmhekk inkunu nistgħu nibdew nitwemmnu. U l-gvern jista’ jibda jitwemmen li verament għandu għal qalbu dan il-faxx tas-soċjeta` li huma sfortunati għax m’għandhomx xogħol proprju meta naraw li l-parteċipazzjoni femminili fil-qasam tax-xogħol terġa’ tibda tiżdied u mhux tibqa’ tonqos - allavolja nisimgħu dik ir-retorika kollha għal sena wara l-oħra – u meta l-long-term unemployed jerġgħu jibdew jonqsu. Hemmhekk biss inkunu nistgħu naċċertaw ruħna li qbadna rankatura pożittiva f’dan il-qasam. Dan għidnih mill-ewwel fil-konferenza stampa li ħriġna jien u d-deputy leader l-Onor. Charles Mangion madwar xahar u nofs ilu. Aħna għedna li ma jistax ikun li l-qgħad qed jonqos b’dan il-mod meta l-istess gvern għadu kif ammetta li l-esportazzjoni naqset bi 15% u l-ordnijiet għar-ri-esportazzjoni naqsu bi 18% din is-sena. Allura kif jista’ jkun li l-qgħad naqas b’dan il-mod? Dan joħroġ mill-labour force survey li dlonk igiddeb lill-partit Nazzjonalista fil-gvern. Dan m’għandux ikun. Għandna nkunu onesti magħna nfusna u hemm bżonn li naqbdu l-barri minn qrunu ħalli ngħinu lil dawn in-nies li huma verament fil-bżonn. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joseph Abela.
ONOR. JOSEPH ABELA: Sur President, nixtieq niddedika dan l-aġġornament għall-problema li qed tolqot lit-tfal tagħna u hawn qed nirriferi għall-ħxuna u l-obeżita`. Nafu li sfortunatament f’pajjiżna qed ikollna rata qawwija ta’ tfal li jkollhom piż żejjed u proprju ħassejt li dan huwa mument opportun biex nitratta dan is-suġġett, aktar u aktar meta l-Ġnus Magħquda dalwaqt se tiċċelebra l-jum internazzjonali kontra l-obeżita` biex tqajjem kuxjenza fuq din il-problema. Għaliex qed tiżdied din il-problema, Sur President?
Sfortunatament bit-tip ta’ ħajja li qed ngħixu llum il-preparazzjoni ta’ l-ikel m’għadhiex daqshekk sensittiva. Kawża oħra għal dan hija n-nuqqas ta’ eżerċizzju fejn it-tfal qegħdin jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom bil-qiegħda quddiem il-play station, quddiem il-computer jew quddiem it-televiżjoni fejn ma jkunux qegħdin jeżerċitaw irwieħhom. Il-problema ta’ l-obeżita` hija ta’ natura soċjali minħabba li persuna ħoxna tista’ twassal għal perception negattiva tagħha nnifisha u ma tħarisx lejha nnifisha b’mod pożittiv. Din hija wkoll problema ekonomika minħabba li l-ħxuna twassal għal diversi mard, fosthom il-mard tal-qalb, id-dijabete kif ukoll il-pressjoni. Dan it-tip ta’ mard lill-gvern jiswieh ħafna flus u allura m’hijiex biss problema ta’ saħħa, imma hija wkoll problema ekonomika.
Waħda mill-problemi li għandna hija li m’aħniex qed nagħtu edukazzjoni tajba lit-tfal fl-iskejjel dwar x’għandhom jieklu. Barra minn hekk trid tingħata edukazzjoni lill-ġenituri fuq x’inhu l-ikel ideali għat-tfal. Forsi l-ġenituri qed iserrħu rashom li t-tfal fl-iskejjel qed jagħmlu eżerċizzju biżżejjed, mentri l-lezzjoni tal-PE hija l-unika lezzjoni li ssir għal siegħa jew sagħtejn fil-ġimgħa. Dan żgur m’huwiex biżżejjed meta nafu li fi skejjel Amerikani, Ġermaniżi, Franċiżi u Taljani t-tfal għandhom ħin iddedikat għall-isports ta’ siegħa jew sagħtejn kuljum mentri fl-iskejjel tagħna din il-ħaġa hija limitata ħafna għal madwar sagħtejn fil-ġimgħa. Huwa fatt magħruf li fattur ieħor li jikkontribwixxi ħafna għall-ħxuna huwa l-luminati u s-soft drinks.
Fl-Amerika, fl-Ingilterra u fi Franza saru ħafna studji f’dan ir-rigward fejn sar comparison ta’ kemm qed ikun hemm konsum ta’ luminata mit-tfal ta’ l-iskola minn sena għall-oħra. Saħansitra wasalna biex fl-Amerika l-assoċjazzjoni tal-paediatricians irrikkmandat lill-bordijiet li jmexxu l-iskejjel Amerikani li ma jħallux il-vending machines tal-luminati fl-iskejjel għaliex kien qed ikun hemm sfruttament. Kulħadd jaf li kumpanniji tas-soft drinks multinational jinvestu miljuni ta’ liri f’reklamar effettiv li jħajjar lit-tfal biex jixtru. Normalment it-tfal ma jkollhomx kontroll fuq il-konsum ta’ dawn il-minerali u għalhekk dan qed jikkawżalhom żieda fil-piż. Fl-Amerika, skond il-gazzetta “Herald Tribune” sar studju li minnu jirriżulta li r-rata ta’ tfal ħoxnin hija ta’ madwar 15%. F’pajjiżna din ir-rata wkoll hija kbira u fil-fatt niġu ranked minn ta’ quddiem kemm fost il-pajjiżi Ewropej kif ukoll internazzjonalment.
Huwa importanti li nkunu nafu x’inhu jiġri fl-iskejjel f’dan il-qasam. Per eżempju, xi ħaġa li tista’ ssir hija li t-tuck shops fl-iskejjel jiġu monitored fejn għallinqas issir statistika biex naraw kemm qed ikun hemm konsum ta’ luminati. Barra minn hekk, il-head teachers għandhom jitgħabbew bir-responsabbilta` li fl-iskola jkun hemm pjan - illum jeżistu l-professjonisti biex ikun jista’ jsir dan il-pjan - ta’ dieta tajba. Per eżempju, nafu li ħafna tfal filgħodu jmorru l-iskola mingħajr ma jieħdu breakfast meta nafu li bniedem ma jistax jassorbi t-tagħlim neċessarju mingħajr ma jkun kiel xi ħaġa. Fil-fatt naf li kien hawn skejjel li ħadu l-inizjattiva li filgħodu jagħmlu breakfast session - għax din hija tip ta’ edukazzjoni wkoll – u b’hekk it-tfal ikollhom mod tajjeb ta’ kif ikunu jistgħu jieħdu kolazzjon nutrittiv u jkunu ppreparati aħjar biex jitgħallmu dak li għandhom jitgħallmu.
Sur President, hemm bżonn li l-ministru jieħu azzjoni jekk jara li qed ikun hemm abbuż u ninsab żgur li qed ikun hemm abbuż kemm f’dak li huwa minerali kif ukoll fil-fast food. Ma jistax ikun li l-kumpanniji tal-fast food f’pajjiżna jibqgħu għaddejjin b’din ir-rata qawwija ta’ reklamar fejn qed iħajru lit-tfal biex minn eta` żgħira jibdew jieklu ikel li jagħmel ħsara lil saħħithom, qisu ma ġara xejn. U nafu li tista’ ssir xi ħaġa. Fl-Ingilterra l-gvern Ingliż intervjena u ġiegħel lill-kumpanniji multinazzjonali, bħalma huma l-McDonald’s u l-Burger King, biex jibdew jikkontribwixxu sabiex jitwaqqfu ċentri ta’ l-isport. Kien hemm ukoll it-theddida li dawn jiġu intaxxati, imma hemm bżonn li l-problema neħduha bis-serjeta` u mhux il-ministeru ta’ l-edukazzjoni jiġi juża lil Ronald McDonald bħala wieħed mill-isponsors tiegħu.

Jien nemmen li din il-problema għandha tittieħed bis-serjeta` u l-awtoritajiet għandhom jitgħabbew bir-responsabbilta` li jaraw x’tip ta’ ikel ikun hemm fit-tuck shops, filwaqt li tingħata informazzjoni lill-ġenituri fuq x’tip ta’ nutriment għandhom jagħtu lit-tfal. Huwa importanti wkoll li jkun hemm statistika kemm fuq it-tfal li huma obese u kif ukoll fuq x’qed jieklu t-tfal fl-iskejjel għax ma nistgħux infejqu din il-problema mingħajr ma nkunu nafu x’inhu s-sors tagħha. Barra minn hekk hemm bżonn li nagħtu aktar importanza lill-isport.


M’huwiex biss l-istudju li jkabbar il-bniedem. Inti tkabbar il-karattru tiegħek mhux biss billi toqgħod bil-qiegħda titgħallem u tirċievi l-informazzjoni, imma anke permezz ta’ l-isport biex tkun tista’ tissoċjalizza, titgħallem titlef u titgħallem tirbaħ b’mod diċenti, għax l-isport ikabbar il-personalita` tal-bniedem. Huwa fatt xjentifikament ippruvat li dawk l-istudenti li jipprattikaw l-isport normalment imorru tajjeb ukoll akkademikament. F’pajjiżna ilna s-snin nirrepetu li l-ħxuna fost it-tfal qed tiżdied u nafu bl-ispejjeż li diġa` għandu l-pajjiż biex ikun jista’ jassumi r-responsabbilta` ta’ dawk in-nies li jbatu minn problemi ta’ ħxuna, li huma ħafna. Allura meta nafu li pajjiżna għandu waħda mill-iktar rati għoljin ta’ dijabete fl-Ewropa għaliex ma neħdux azzjoni konkreta? X’inhu jżomm milli nieħdu azzjoni konkreta biex fl-iskejjel indaħħlu r-riżorsi u naraw li parti integrali mill-curriculum tkun proprju l-eżerċizzju fiżiku? Għaliex kull meta tissemma din il-ħaġa qisha dejjem taqa’ fuq widnejn torox? Huwa minnu li rridu nedukaw lill-ġenituri li ħafna drabi dan jarawh ħin moħli, imma xi ħadd irid jibda minn x’imkien għax ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk!
L-istess ngħid fuq il-kumpanniji tas-soft drinks u tal-fast food dwar ir-reklamar tagħhom. Hawnhekk ikun tajjeb li wieħed jistaqsi jekk teżistix kuxjenza soċjali f’dak li huwa reklamar, għaliex aħna nafu li għandu jkun hemm ċerti livelli ta’ etika. Kif nafu l-moħħ tat-tfal jixrob kollox u dawn il-kumpanniji jinvestu miljuni ta’ liri f’esperti biex jibdew jikkundizzjonaw lil dawn it-tfal minn kmieni ħalli anke meta jikbru jkollhom addiction għal dawn is-soft drinks u għal dan it-tip ta’ ikel li m’huwiex tajjeb għas-saħħa. Dan meta aħna għandna dieta Mediterranja li hija tant tajba għas-saħħa u llum hija rakkmandata mhux biss fil-Mediterran imma fid-dinja kollha bħala waħda mill-iktar dieti tajbin.
Sur President, x’aħna nagħmlu fl-iskejjel biex nedukaw lit-tfal dwar kif għandhom jieklu l-ikel li huwa verament tajjeb għal saħħithom? Kemm qed nagħtu importanza lil dan l-aspett? Jekk aħna qed ngħidu li l-kumpanniji multinazzjonali qed jilħqu lit-tfal tagħna u qed jibdlu l-kultura ta’ kif għandu jiġi ppreparat l-ikel fejn qed tidħol kultura ta’ fast food, allura l-gvern m’għandux jintervjeni sabiex iwassal messaġġi pożittivi? X’tip ta’ nvestiment qiegħed isir min-naħa tal-ministeru ta’ l-edukazzjoni, tad-dipartiment tas-saħħa pubblika u tad-dipartiment tal-promozzjoni tas-saħħa biex ikollna dieta bilanċjata fil-familji tagħna, speċjalment fit-tfal tagħna li se jkunu ċ-ċittadini ta’ għada jekk aħna verament qed nemmnu li rridu ngħixu aħjar, kif jgħid proprju s-slogan tal-gvern tal-ġurnata? Jekk il-ġenerazzjoni tal-lum se nderruha tiekol dan it-tip ta’ ikel, nafu li fil-futur se niffaċċjaw problemi serji li eventwalment ikunu jfissru ħafna iktar spejjeż għas-settur tas-saħħa. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 10 ta’ Ottubru 2005 fis-6.00 p.m., bl-aġenda kif ikkomunikata mis-Segretarju Parlamentari.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 294,85 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin