357. X’rabta hemm bejn il-ħajja morali nisranija u l-fidi s-sagramenti?
1691-1698
Dak li jistqarr is-Simbolu tal-fidi jagħtuhulna s-sagrament. Fil-fatt, permezz tas-sagramenti, l-insara jirċievu l-grazzja ta’ Kristu u d-doni tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtuhom il-qawwa jgħixu l-ħajja ġdida ta’ ulied Alla fi Kristu, li huma jkunu laqgħu bil-fidi.
“Agħraf, o Nisrani, il-kobor tiegħek.” (San Iljun il-Kbir)
L-EWWEL KAPITLU
ID-DINJITÀ TAL-PERSUNA UMANA
IL-BNIEDEM XBIEHA TA’ ALLA
358. X’inhu l-għerq tad-dinjità umana?
1699-1715
Id-dinjità tal-persuna umana għandha l-għeruq tagħha fil-ħolqien tal-bniedem fis-sura u x-xbieha ta’ Alla. Imżejna b’ruħ spiritwali u immortali, b’intelliġenza u rieda ħielsa, il-persuna umana hi kollha kemm hi għal Alla u msejħa b’ruħha u b’ġisimha għall-hena ta’ dejjem.
IL-VOKAZZJONI TAGĦNA GĦALL-HENA
359. Kif jista’ l-bniedem jikseb l-hena?
1716
Il-bniedem jikseb l-hena permezz tal-grazzja ta’ Kristu, li tagħtih sehem mill-ħajja ta’ dejjem. Fil-Vanġelu, Kristu juri lid-dixxipli tiegħu t-triq li twassal għall-hena bla tmiem: il-beatitudnijiet. Il-grazzja ta’ Kristu taħdem ukoll f’kull bniedem li, filwaqt li jimxi b’kuxjenza retta, ifittex u jħobb dak li hu sewwa u tajjeb, u jaħrab dak li hu ħażin.
360. Għaliex il-beatitudnijiet huma important għalina?
1716-1717
1725-1726
Il-beatitudnijiet huma fil-qalba tal-predikazzjoni ta’ Kristu. Huma jtennu u jwasslu għall-perfezzjoni l-wegħdiet li Alla għamel sa minn żmien Abraham. Il-beatitudnijiet juru wiċċ Ġesù Kristu nnifsu, idawlu l-qagħdiet karatteristiċi ta’ ħajja awtentika nisranija u juru lill-bniedem l-aħħari ta’ kulma jagħmel: il-hena ta’ dejjem.
361. X’inhi r-rabta bejn il-beatitudnijiet u x-xewqa tal-bniedem li jkun hieni?
1718-1719
Il-beatitudnijiet huma t-tweġiba għax-xewqa naturali tal-bniedem li jkun hieni; xewqa li Alla qegħedha fil-qalb tal-bniedem biex jiġbdu lejh, għax hu biss jista’ jagħmel hieni l-bniedem.
362. X’inhi l-hena ta’ dejjem?
1720-1724
1727-1729
Hi li naraw lil Alla fil-ħajja ta’ dejjem, fejn aħna “nissieħbu fin-natura ta’ Alla” (2 Peter 1:4), fil-glorja ta’ Kristu u fil-hena tal-ħajja tat-Trinità. Hena bħal dan jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem: hu don sopranaturali ta’ Alla mogħti lilna b’xejn, bħall-grazzja li tħejji l-bniedem ħa jidħol fil-hena. L-hena mwiegħed ipoġġilna quddiemna għażliet morali decisive dwar il-ġid ta’ l-art u jgħinna nħobbu lil Alla fuq kollox.
IL-LIBERTÀ TAL-BNIEDEM
363. X’inhi l-libertà?
1730-1733
1743-1744
Hija s-setgħa mogħtija minn Alla lill-bniedem li jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, li jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, li jagħmel din jew dik il-ħaġa, u hekk minn rajh, il-bniedem jagħmel għemil maħsub sewwa minnu nnifsu. Aktar mal-bniedem jagħmel dak li hu tajjeb, aktar isir ħieles. Il-libertà tilħaq il-perfezzjoni tagħha meta dak li tagħmel tagħmlu għal Alla, li hu l-ogħla ġid u hena tal-bniedem. Il-libertà titlob ukoll għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin. L-għażla tal-ħażin hi abbuż mil-libertà, li jwassal għall-jasar tad-dnub.
364. X’rabta hemm bejn il-libertà u r-responsabiltà?
1734-1737
1745-1746
Il-libertà tagħmel il-bniedem responsabbli ta’ għemilu skond kemm l-għemil ikun volontarju, ukoll jekk il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jitnaqqsu jew jispiċċaw għal kollox minħabba injoranza, vjolenza, biża’, drawwiet u fatturi psikiċi.
365. Għaliex kull bniedem għandu dritt juża’ l-libertà tiegħu?
1738
1747
Kull bniedem għandu dritt jagħmel użu mil-libertà tiegħu, minħabba l-istess dinjità umana tiegħu. Għalhekk dan id-dritt għandu dejjem jiġi rrispettat b’mod speċjali f’materja morali u reliġjuża, u għandu jiġi magħruf u mħares ċivilment, fil-limiti tal-ġid komuni u ta’ l-ordni ġust pubbliku.
366. X’post għandha l-libertà tal-bniedem fil-pjan tas-salvazzjoni?
1739-1742
1748
Il-libertà tagħna hija mdgħajfa minħabba l-ewwel dnub u kompliet tiddgħajjef bid-dnubiet li ġew wara. Imma “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa” (Gal 5,1). Bil-grazzja tiegħu, l-Ispirtu s-Santu jrawwimna għall-ħelsien fir-ruħ, biex jagħmel minna kollaboraturi ħielsa tiegħu fil-Knisja u fid-dinja.
367. Liema huma l-għejun tal-moralità ta’ l-għemil tal-bniedem?
1749-1754
1757-1758
Il-moralità ta’ l-għemil tal-bniedem tiddependi minn tliet ħwejjeġ: mill-oġġett magħżul, li jista’ jkun ġid veru jew immaġinat, mill-intenzjoni tal-bniedem li jkun qed jagħmel xi ħaġa, jiġifieri mill-għan li bih jagħmel att, miċ-ċirkustanzi tal-għemil, kif ukoll mill-konsegwenzi tiegħu.
368. Meta għemil hu moralment tajjeb?
1755-1756
1759-1760
Għemil moralment tajjeb jistenna li jkunu tajba kemm l-oġġett, u kemm l-għan u ċ-ċirkustanzi. L-oġġett magħżul jista’ waħdu biss iħassar l-art kollu kemm hu, ukoll jekk l-intenzjoni tkun tajba. Mhux permess tagħmel il-ħażin biex minnu joħroġ it-tajjeb. Għan ħażin iħassar l-att, ukoll jekk l-oġġett fih innifsu jkun tajjeb. Min-naħa l-oħra, għan tajjeb ma jiġġustifikax imġiba li l-oġġett tagħha jkun ħażin, ladarba l-għan ma jiġġustifikax il-mezzi li wieħed juża biex jilħqu. Iċ-ċiekostanzi jistgħu jnaqqsu jew iżidu r-responsabbiltà ta’ min qiegħed jagħmel l-att, imma ma jistgħux jibdlu l-kwalità morali tal-atti nfushom u qatt ma jistgħu jibdlu att ħażin fih innifsu f’wieħed tajjeb.
369. Hemm għemejjel li huma dejjem ħżiena?
1756
1761
Hemm għemejjel li l-għażla tagħhom hi dejjem ħażina minħabba l-oġġett tagħhom (bħad-dagħa, il-qtil u l-adulterju). L-għażla tagħhom turi diżordni fir-rieda, jiġifieri l-għażla tagħhom hi moralment ħażina. Mhux permess tagħmel dak li hu ħażin biex minnu toħroġ it-tajjeb.
IL-MORALITÀ TAL-PASSJONIJIET TAL-BNIEDEM
370. X’inhuma l-passjonijiet?
1762-1766
1771-1772
Il-passjonijiet huma sentimenti, tqanqil tas-sensi, emozzjonijiet - kollha parti naturali mill-ħajja psikika tal-bniedem – li jwasslu lill-bniedem biex jagħmel xi att jew ma jagħmlux, għax iħoss li ħaġa hi tajba jew ħażina. Il-passjonijiet ewlenin huma l-imħabba u l-mibegħda, ix-xewqa u l-biża’, il-ferħ, id-dwejjaq, l-għadab. L-imħabba titqanqal mill-ġibda għal dak li hu tajjeb. Aħna nħobbu biss it-tajjeb, veru jew immaġinarju.
371. Il-passjonijiet huma moralment tajbin jew ħżiena?
1767-1770
1773-1775
Ladarba l-passjonijiet huma tqanqil tas-sensi, fihom infushom la huma tajbin u lanqas ħżiena: huma tajbin jekk iwasslu għal għemejjel tajba u ħżiena jekk iwasslu għal dak li hu ħażin. L-emozzjonijiet u s-sentimenti jistgħu jsiru virtujiet jew jispiċċaw f’vizzji.
IL-KUXJENZA MORALI
372. X’inhi l-kuxjenza morali?
1776-1780
1795-1797
Il-kuxjenza morali, li tinsab fil-qalb ta’ kull bniedem, hi ġudizzji tar-raġuni li, meta jkun il-waqt, twassal lill-bniedem biex jagħmel it-tajjeb u jżomm ruħu ‘l bogħod mill-ħażin. Permezz tal-kuxjenza morali, il-bniedem jagħraf il-kwalità morali ta’ għemil li jkun se jagħmel jew li jkun ġa wettaq u tgħinu jieħu r-responsabbiltà tiegħu. Meta jagħti widen għall-kuxjenza morali, il-bniedem bil-għaqal jista’ jisma’ lil Alla jkellmu.
373. X’titlob id-dinjità tal-bniedem quddiem il-kuxjenza morali?
1780-1782
1798
Id-dinjità tal-bniedem titlob u trid li l-kuxjenza morali tkun retta (jiġifieri li tkun taqbel ma’ dak li hu ġust u tajjeb skond ir-raġuni u skond il-Liġi ta’ Alla). Minħabba din l-istess dinjità tiegħu, il-bniedem m’għandux jiġi mġiegħel imur kontra l-kuxjenza tiegħu u lanqas għandu jiġi mfixkel, fil-limiti tal-ġid komuni, milli jimxi skond il-kuxjenza tiegħu, l-aktar f’materja reliġjuża.
374. Kif tifforma kuxjenza morali retta u vera?
1783-1788
1799-1800
Il-kuxjenza morali retta u vera tiġi ffurmata bl-edukazzjoni, u billi nagħmlu tagħna l-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Il-kuxjenza hi megħjuna bid-doni tal-Ispirtu s-Santu u bil-pariri ta’ nies għaqlija. It-talb u l-eżami tal-kuxjenza jgħinu wkoll fil-formazzjoni morali tal-kuxjenza.
375. X’regoli trid timxi fuqhom il-kuxjenza?
1789
Hemm tliet regoli li l-kuxjenza trid timxi dejjem fuqhom: 1) qatt ma hu permess tagħmel dak li hu ħażin biex minnu joħroġ it-tajjeb; 2) ir-Regola tad-deheb: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom” (Mt 7,12); 3) l-imħabba tidher dejjem fir-rispett ta’ dawk ta’ madwarna u tal-kuxjenza tagħhom, imma dan ma jfissirx li taċċetta bħala tajjeb dak li hu oġġettivament ħażin.
376. Kuxjenza morali tista’ tagħmel ġudizzju żbaljat?
1790-1794
1801-1802
Il-bniedem għandu dejjem jobdi l-ġudizzju ċert tal-kuxjenza tiegħu, iżda jista’ jagħmel ġudizzju żbaljat li mhux dejjem ikun ħieles mill-ħtija. Il-bniedem mhux ħati tal-ħażen li jsir b’injoranza involontarja, minkejja l-fatt li l-ħażin jibqa’ dejjem ħażin. Għalhekk wieħed jeħtieġlu jaħdem biex jikkoreġi l-kuxjenza morali mill-iżbalji tagħha.
IL-VIRTUJIET
377. Il-virtù x’inhi?
1803
1833
Il-virtù hi dispożizzjoni abitwali u soda biex tagħmel it-tajjeb. “L-għan ta’ ħajja mżejna bil-virtù hu li ssir tixbah lil Alla (San Girgor ta’ Nissa). Hemm virtujiet tal-bniedem u virtujiet teologali.
378. X’inhuma l-virtujiet tal-bniedem?
1804
1810-1811
1834
1839
Il-virtujiet tal-bniedem huma perfezzjonijiet abitwali u stabbli ta’ l-intelliġenza u tar-rieda li jirregolaw l-għemil kollu tagħna, li jżommu l-ordni fil-passjonijiet tagħna u jmexxu l-imġiba tagħna skond ir-raġuni u l-fidi. Dawn il-virtujiet morali jinkisbu u jissaħħu permezz ta’ għemil tajjeb u b’ħafna perseveranza. Il-grazzja ta’ Alla ssaffihom u tgħollihom.
379. Liema huma l-virtujiet prinċipali?
1805
1834
Huma l-hekk imsejħa virtujiet kardinali, li madwarhom jinġabru l-virtujiet l-oħra kollha. Dawn huma l-għaqal, il-ġustizzja, il-qawwa u l-qies (rażan, temperanza).
380. X’inhu l-għaqal?
1806
1835
L-għaqal iħejji r-raġuni biex tagħraf, f’kull ċirkustanza, il-veru ġid tagħna u biex tagħżel il-mezzi ġusti biex jinkiseb. L-għaqal imexxi l-virtujiet l-oħra kollha u jurihom il-qies tagħhom u sa fejn għandhom jaslu.
381. X’inhi l-ġustizzja?
1807
1836
Il-ġustizzja hi r-rieda soda u kostanti li nagħtu lill-oħrajn dak li jistħoqqilhom. Il-ġustizzja lejn Alla tissejjaħ “il-virtù tar-reliġjon.”
382. X’inhi l-qawwa?
1808
1837
Il-qawwa tagħtina li nkunu sodi fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom u li ma nieqfu qatt milli nfittxu t-tajjeb. Din il-virtù tħejjina biex naslu saċ-ċaħda u s-sagrifiċċju ta’ ħajjitna biex niddefendu kawża ġusta.
383. X’inhi t-temperanza?
1809
1838
It-temperanza jew ir-rażan hi dik il-virtù li tgħinna nikkontrollaw il-ġibda għall-pjaċiri, tiżgura setgħa lir-rieda fuq l-istinti u twassalna biex nużaw bil-qies il-ġid ta’ l-art.
384. X’inhuma l-virtujiet teologali?
1812-1813
1840-1841
Huma l-virtujiet li għandhom lil Alla bħala l-bidu, il-motiv u l-oġġett immedjat tagħhom. Jitnisslu fil-bniedem permezz tal-grazzja li tqaddes, huma jħejju lill-insara biex jgħixu f’relazzjoni mat-Trinità Qaddisa u huma l-pedament ta’ l-imġiba morali tan-Nisrani u jagħtuha l-ħajja filwaqt li jsaħħu l-virtujiet umani. Huma r-rahan tal-preżenza u tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-fakultajiet tal-bniedem.
385. Liema huma l-virtujiet teologali?
1813
Il-virtujiet teologali huma l-fidi, t-tama u l-imħabba?
386. X’inhi l-fidi?
1814-1816
1842
Il-fidi hi dik il-virtù teologali li biha nemmnu f’Alla u f’dak kollu li rrivelalna u li l-Knisja tgħidilna li għandna nemmnu, għax Alla hu l-istess Verità. Permezz tal-fidi, il-bniedem jintelaq kollu kemm hu minn rajh f’Alla. Hu għalhekk li min jemmen ifittex li jkun jaf x’inhi r-rieda ta’ Alla u jagħmilha għax “il-fidi taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5,6).
387. X’inhi t-tama?
1817-1821
1843
It-tama hi dik il-virtù teologali li biha nixtiequ u nistennew mingħand Alla l-ħajja ta’ dejjem bħala hena tagħna, aħna u nafdaw fil-wegħdiet ta’ Kristu, waqt li nafdaw fil-għajnuna tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu biex tkun tistħoqqilna s-Saltna tas-sema u nibqgħu nżommu sħiħ sa l-aħħar ta’ ħajjitna fuq din l-art.
388. X’inhi l-imħabba?
1822-1829
1844
L-imħabba hi dik il-virtù teologali li biha nħobbu ‘l Alla iktar minn kull ħaġa oħra, u l-proxxmu tagħna bħalna nfusna, għall-imħabba ta’ Alla. Ġesù għamel mill-imħabba l-kmandament il-ġdid, il-milja tal-Liġi. Hi l-“qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3,14) u s-sies tal-virtujiet l-oħra. Mingħajr l-imħabba “jien ma kont inkun xejn” u “xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13,1-3).
389. X’inhuma d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu?
1830-1831
1845
Id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu huma dispożizzjonijiet li jibqgħu dejjem u li jgħinu l-bniedem joqgħod għal kulma jnebbħu Alla. Id-doni tal-Ispirtu s-Santu huma seba’: għerf, fehma, kunsill, qawwa, xjenza, pjeta’ u biża’ t’Alla.
390. X’inhu l-frott ta’ l-Ispirtu s-santu?
1832
Il- frott ta’ l-Ispirtu s-Santu huma l-perfezzjonijiet li jsawwar fina bħala l-bidu tal-glorja ta’ dejjem. It-tradizzjoni tal-Knisja ssemmi tnax: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħlewwa, it-tjubija, il-ħniena, il-fedeltà, il-paċenzja, il-modestja, il-kastità” (Gal 5,22-23, vulg).
ID-DNUB
391. X’inhu meħtieġ għalina biex naqilgħu l-ħniena ta’ Alla?
1846-1848
1870
Biex naqilgħu l-ħniena ta’ Alla rridu nagħrfu ħtijietna u nindmu minn dnubietna. Alla nnifsu, permezz tal-Kelma u l-Ispirtu tiegħu, jurina d-dnubiet tagħna, jagħtina d-don tal-verità tal-kuxjenza u t-tama tal-maħfra.
392. X’inhu d-dnub?
1849-1851
1871-1872
Id-dnub hu “kelma, għemil jew xewqa kontra l-liġi ta’ dejjem” (Santu Wistin). Hu offiża lil Alla għax imur kontra l-imħabba tiegħu. Id-dnub jidrob in-natura tal-bniedem u jhedded is-solidarjetà bejn il-bnedmin. Fil-Passjoni tiegħu, Kristu jurina bis-sħiħ il-gravità tad-dnub u jirbħu bil-ħniena tiegħu.
393. Jeżistu suriet differenti ta’ dnub?
1852-1853
1873
Hemm varjetà kbira ta’ dnubiet. Nistgħu nagħżlu d-dnubiet skond l-oġġett tagħhom jew skond il-virtujiet jew il-kmandamenti li jiksru. Id-dnubiet jistgħu jkunu kontra Alla, kontra għajrna jew kontra tagħna nfusna. Nistgħu ukoll nagħżluhom bħala dnubiet bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemil jew b’nuqqas ta’ għemil.
394. Kif jingħaraf id-dnub mill-gravità tiegħu?
1854
Id-dnub jista’ jkun dnub mejjet jew dnub venjal.
395. Meta nagħmlu dnub mejjet?
1855-1861
1874
Hu dnub mejjet kull dnub li bħala oġġett tiegħu għandu materja gravi, min jagħmlu jkun jaf sewwa x’qiegħed jagħmel, u jagħmlu b’rieda sħiħa. Dan id-dnub jeqred fina l-imħabba, iċaħħadna mill-grazzja li tqaddes u jwassalna għall-mewt ta’ dejjem fl-infern jekk aħna ma nindmux minnu. Dan id-dnub jinħafer b’mod ordinarju permezz tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Qrar jew tar-Rikonċiljazzjoni.
396. Meta nagħmlu dnub venjal?
1862-1864
1875
Id-dnub venjal, li jingħaraf tajjeb mid-dnub il-mejjet, jitwettaq f’ħaġa żgħira jew f’ħaġa kbira jekk ma jkunx hemm il-kunsens jew l-għarfien sħiħ. Id-dnub venjal ma jiksirx il-patt ma’ Alla imma jdgħajjef l-imħabba; juri ġibda diżordinata għall-ħwejjeġ maħluqa; ixekkel il-progress tar-ruħ fit-tħaddim tal-virtujiet u fil-ħarsien tal-liġi morali; jistħoqqlu pwieni temporali bħala mezz ta’ tisfija.
397. Kif joktor fina d-dnub?
1865
1876
Id-dnub iwassal għal dnub ieħor u l-istess għemil ripetut ta’ spiss iwassal għall-vizzju.
398. X’inhuma l-vizzji?
1866-1867
Il-vizzji li huma l-kuntrarju tal-virtujiet, huma drawwiet ħżiena li jdallmu l-kuxjenza u jbiddlilha l-kapaċità li tagħżel sewwa bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-vizzji nistgħu norbtuhom ma’ l-irjus tad-dnubiet il-mejta, li huma: il-kburija jew is-suppervja, ix-xeħħa, l-għira, il-korla, iż-żina, l-ikel u x-xorb żejjed u l-għażż.
399. Għandna responsabbiltà fid-dnub ta’ l-oħrajn?
1868
Inkunu responsabbli jekk nikkoperaw fihom ħtija tagħna.
400. X’inhuma l-istrutturi tad-dnub?
1869
Huma sitwazzjonijiet jew istituzzjonijiet li jmorru kontra l-liġi ta’ Alla; huma espressjoni u effett tad-dnubiet personali.
KAPITLU TNEJN
IL-KOMUNITÀ TAL-BNEDMIN
IL-PERSUNA U S-SOĊJETÀ
401. X’inhi d-dimensjoni soċjali tal-bniedem?
1877-1880
1890-1891
Flimkien mas-sejħa personali għall-hena, il-bniedem għandu ħajja soċjali li hi parti mill-istess natura u sejħa tiegħu. Fil-fatt, il-bnedmin kollha huma msejħa għall-istess għan, li hu Alla nnifsu; hemm ċertu xebh bejn il-komunjoni tat-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa u l-għaqda li l-bnedmin iridu jibnu bejniethom bħala aħwa fil-verità u fl-imħabba; l-imħabba tal-proxxmu ma tistax tinfired mill-imħabba ta’ Alla.
402. X’inhi r-rabta bejn il-bniedem u s-soċjetà?
1881-1882
1892-1893
Il-persuna umana għandha tkun il-prinċipju, is-suġġett u l-għan tal-istituti soċjali kollha . Xi soċjetajiet, bħalma hi l-familja u l-komunità ċivika, huma bżonn għall-bniedem. Huma ta’ ġid ukoll għaqdiet oħra, kemm fi ħdan il-komunità politika kif ukoll fuq livell internazzjonali, sakemm jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarità.
403. X’inhu l-prinċipju ta’ sussidjarità?
1883-1885
1894
Skond dan il-prinċipju, ebda soċjetà ta’ grad aktar għoli m’għandha tindaħal fil-ħajja ta’ komunità ta’ grad inqas, u hekk iċċaħħadha minn dak li hu tagħha, iżda minflok għandha tgħinha meta jkun hemm bżonn.
404. X’titlob aktar konvivenza awtentika umana?
1886-1889
1895-1896
Soċjetà vera titlob minna li nirrispettaw il-ġustizzja u l-ġerarkija ġusta tal-valuri li jqiegħdu d-dimensjonijiet fiżiċi u istintivi wara d-dimensjonijiet interjuri u spiritwali. B’mod speċjali fejn id-dnub ħassar l-ambjent soċjali, jeħtieġ isir appell għall-konverżjoni tal-qlub u għall-grazzja ta’ Alla, sabiex jinkiseb tibdil soċjali li tassew ikun ta’ qadi għal kull bniedem u għall-persuna sħiħa. L-imħabba, li titlob minna u tagħmilna kapaċi nkunu ġusti, hi l-aqwa kmandament soċjali.
IT-TISĦIB FIL-ĦAJJA SOĊJALI
405. Fuqiex tinbena l-awtorità fis-soċjetà?
1897-1902
1918-1920
Kull komunità tal-bnedmin teħtieġ awtorità leġittima u li tiżgura l-ordni u l-ġid komuni fis-soċjetà. Din l-awtorità għandha l-pedament tagħha fin-natura tal-bniedem għax hi parti mill-ordni mwaqqaf minn Alla stess.
406. L-awtorità meta titħaddem b’mod leġittimu?
1901-1904
1921-1922
L-Awtorità titħaddem b’mod leġittimu meta tfittex il-ġid komuni u meta tuża mezzi li huma moralment leċiti. Għalhekk il-mod kif jitmexxew is-sistemi politiċi għandu jitħalla għar-rieda ħielsa taċ-ċittadini u kull sistema politika trid tirrispetta l-prinċipju li l-liġi hi sovrana u mhux fl-arbitriju ta’ dak li jkun. Il-liġijiet inġusti u l-miżuri li huma kontra l-ordni morali ma jobbligawx fil-kuxjenza.
407. X’inhu l-ġid komuni?
1905-1906
1924
B’ġid komuni nifhmu dawk il-kundizzjonijiet soċjali kollha li fihom il-gruppi u l-membri tagħhom jilħqu l-perfezzjoni tagħhom b’mod mill-iktar sħiħ.
408. X’jitlob il-ġid komuni?
1907-1909
1925
Il-ġid komuni jitlob ir-rispett tal-persuna u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; l-iżvilupp tal-ġid materjali u spiritwali tal-persuni u tas-soċjetà; il-paċi u s-sigurtà ta’ kulħadd.
409. Fejn jitwettaq bl-akbar mod sħiħ il-ġid komuni?
1910-1912
1927
Il-ġid komuni jitwettaq bl-ikbar mod sħiħ fil-komunitajiet politiċi li jiddefendu u jġibu ‘l quddiem il-ġid taċ-ċittadini u tal-gruppi kollha fi ħdan is-soċjetà ċivili, mingħajr ma jiġi ttraskurat il-ġid universali tal-familja umana.
410. X’inhu s-sehem tal-bniedem fit-twettiq tal-ġid komuni?
1913-1917
1926
Kull bniedem jagħti sehmu skond il-post u x-xogħol li għandu, filwaqt li jirrispetta l-liġijiet ġusti, biex iġib ‘il quddiem il-ġid komuni. Huwa għandu jieħu ħsieb ukoll dawk l-oqsma li hu responsabbli personalment tagħhom, bħalma hi l-familja tiegħu u l-impenn tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Iċ-ċittadini mbagħad, għandhom jieħdu sehem attiv, sakemm ikun possibbli, fil-ħajja pubblika.
IL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI
411. Kif tista’ s-soċjetà tiżgura l-ġustizzja soċjali?
1928-1933
1943-1944
Is-soċjeta tiżgura l-ġustizzja soċjali meta tirrispetta d-dinjità u d-drittijiet tal-persuna, l-iskop proprju tas-soċjetà stess. Barra minn hekk, is-soċjetà tħares il-ġustizzja soċjali, li hi marbuta mal-ġid komuni u ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità, meta tara li jkun hemm dawk il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-għaqdiet u lill-individwi li jiksbu dak kollu li għandhom dritt għalih.
412. Fuqiex tinbena l-ugwaljanza fost il-bnedmin?
1934-1935
1945
Il-bnedmin kollha għandhom l-istess dinjità u drittijiet fundamentali, għaliex huma, maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla l-waħdieni u mogħnijin bl-istess ruħ razzjonali, għandhom l-istess natura u nisel, u huma msejħin, fi Kristu s-Salvatur waħdani, għall-istess hena divina.
413. Kif tkejjel in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-bnedmin?
1936-1938
1946-1947
Id-differenzi ekonomiċi u soċjali kbar li jolqtu miljuni ta’ bnedmin imorru kontra l-Evanġelju, kontra l-ġustizzja, kontra d-dinjità tal-bniedem, kontra l-paċi. Imma hemm ukoll differenzi bejn il-bnedmin li huma parti mill-pjan ta’ Alla. Fil-fatt, Alla jrid li kull wieħed jikseb dak li jeħtieġ mingħand ħaddieħor, u li dawk li għandhom xi “talenti” partikulari jaqsmuhom ma’ l-oħrajn. Dawn id-differenzi jħajru, u ħafna drabi jobbligaw, lin-nies biex juru qalb kbira, tjieba liema bħalha u xewqa li jaqsmu dak li jkollhom ma’ l-oħrajn. B’hekk, il-kulturi differenti jgħinu lil xulxin.
414. Kif tidher is-solidarjetà bejn il-bnedmin?
1939-1942
1948
Is-solidarjetà, li ġejja mill-fraternità umana u nisranija, tidher l-ewwel u qabel kollox fit-tqassim ġust tal-ġid, fil-ħlas xieraq tax-xogħol u fl-impenn għall-ordni soċjali aktar ġust. Il-virtù tas-solidarjetà titħaddem ukoll fil-qsim tal-ġid spiritwali tal-fidi, li huwa wisq aktar important minn dik materjali.
KAPITLU TLIETA
IS-SALVAZZJONI TA’ ALLA: IL-LIĠI U L-GRAZZJA
IL-LIĠI MORALI
415. X’inhi l-liġi morali?
1950-1953
1975-1978
Il-liġi morali hi opra ta’ l-għerf ta’ Alla. Hi turi lill-bniedem it-triqat u l-imġiba li jwasslu għall-hena mwiegħed u tordnalu biex ma jaqbadx it-toroq li jbegħduh minn Alla.
416. X’inhi l-liġi morali naturali?
1954-1960
1978-1979
Il-liġi naturali, miktuba mill-Ħallieq f’qalb kull bniedem, hi s-sehem mill-għerf u t-tjieba ta’ Alla u tesprimi s-sens morali li sa mill-bidu mexxa l-bniedem biex, permezz tar-raġuni, jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Hi liġi universali u ma tinbidilx u tqiegħed il-pedamenti tad-dmirijiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll tal-komunità umana u ta’ l-istess liġi ċivili.
Dostları ilə paylaş: |