ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA
MALTESE CITIZENSHIP (AMENDMENT) BILL
L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mit-18 ta' Jannar.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet. MR SPEAKER: L-Onor. Gulia huwa in possession of the House.
ONOR. GAVIN GULIA: Mr Speaker, meta dalgħodu kelli nieqaf minħabba li kien sar il-ħin kont qed nitkellem proprju dwar iż-żweġijiet ta' konvenjenza. Fil-fatt kont qed ngħid li dan l-abbozz ta' liġi huwa fotokopja tal-white paper li kien ippreżenta l-gvern Laburista f'Awissu ta' l-1998 u għalhekk aħna ħadna pjaċir li tressaq mill-gvern preżenti u nappoġġjawh. Issa ħalli nitkellem dwar iċ-ċirkostanza ta' meta ċittadin barrani jiżżewweġ ċittadina Maltija, pero` għall-mument ikun aħjar jekk ninsew il-kwestjoni taċ-ċittadinanza doppja għax dan li qed ngħid hawnhekk m'għandu x'jaqsam xejn maċ-ċittadinanza doppja.
Mr Speaker, huwa fatt aċċettat minn kulħadd, kemm mill-Istat kif ukoll mill-Knisja, li hekk kif ċittadin barrani jiżżewweġ ċittadina Maltija - jew inkella vice versa - iċ-ċittadin barrani jakkwista n-nazzjonalita` Maltija, u dan proprju għaliex l-Istat ikun irid jittratta lil din il-koppja l-istess u ma jagħmilx diskriminazzjoni bejniethom it-tnejn. Madanakollu, kif spjegajt tajjeb dalgħodu, maż-żmien beda jidher ovvju li qed ikun hemm ċerti każi - issa hawn irrid ngħid li dawn kienu biss eċċezzjonijiet u mhux ir-regoli ġenerali, pero` jekk wieħed ma jarax kif jista' jikkontrolla dawn l-eċċezzjonijiet bil-mod il-mod tibda ssir ir-regola ġenerali - fejn din is-sistema kienet qed tiġi abbużata, u hawnhekk qed nirriferi proprju għaż-żweġijiet ta' konvenjenza fejn ċittadin barrani jew ċittadina barranija jiżżewġu ċittadin Malti jew Maltija, skond kif ikun il-każ, biex permezz ta' dak iż-żwieġ jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija bl-iskop li jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu hawn Malta kif ukoll jakkwistaw kull benefiċċju li jgawdu ċ-ċittadini Maltin. Fil-fatt kien hemm anke min iżżewweġ ċittadini Maltin sabiex ikun jista' jidħol fl-Ewropa b'ċerta trankwilita` minħabba li f'pajjiżu kulmin ikun irid jidħol f'xi pajjiż Ewropew ikollu bżonn visa. Għalhekk meta kien qed ifassal dan l-abbozz ta' liġi l-leġislatur kellu l-intenzjoni li jevita kemm jista' jkun illi jsiru żweġijiet sabiex wieħed jinqeda bil-liġijiet Maltin ħalli jkun jista' jgħix hawn Malta jew inkella jkun jista' jidħol f'xi pajjiż Ewropew ieħor.
Ovvjament dawn iż-żewġ ċirkostanzi t-tnejn huma immorali pero` issa, permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi, se nipprovaw nevitawhom, u għalkemm m'aħniex se nevitawhom kompletament - għaliex kif inħobbu ngħidu aħna l-avukati facta lex inventa fraus, jiġifieri l-ewwel tagħmel il-liġi u mbagħad tara minn fejn se tgħaddi biex tevitaha - bla ebda dubju issa se jkun inqas faċli li jsir żwieġ ta' konvenjenza. Għaliex? Għaliex fejn sal-lum hekk kif ċittadin barrani jiżżewweġ ċittadina Maltija jiġi intitolat għaċ-ċittadinanza Maltija, issa se jibda jiġi applikat terminu ta' żmien qabel ma tkun tista' tiġi akkwistata ċ-ċittadinanza. Għalhekk fi kliem ieħor, issa ċ-ċittadinanza m'hijiex se tibqa' tiġi akkwistata biż-żwieġ innifsu. Fil-whitepaper li kien ippreżenta l-gvern Laburista kien ġie propost illi jgħaddu tliet snin qabel ma ċittadin barrani li jkun iżżewweġ ċittadina Maltija jew vice versa jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija. Issa l-gvern Nazzjonalista qed ikun iktar riġidu f'dan ir-rigward u qed jipproponi li jgħaddu ħames snin qabel dan isir, pero` aħna naqblu ma' din il-proposta wkoll għax għalina l-aqwa hu li ċittadin barrani ma jakkwistax iċ-ċittadinanza Maltija qabel ma jkunu għaddew tliet snin minn mindu jkun iżżewweġ.
Mr Speaker, jien nixtieq li noqogħdu xi ftit iktar attenti meta nkunu qed nittrattaw dan il-qasam għaliex dan l-aħħar qed jirriżulta li qed isir saħansitra negozju f'dan ir-rigward. Qed ngħid dan għaliex dan l-aħħar, waqt li kienu għaddejjin proċeduri kriminali kontra xi ħadd li kellu x'jaqsam mad-droga, irriżulta li sar arranġament biex dan jaġixxi ta' ħuttab, jikkuntratta żwieġ ta' konvenjenza u saħansitra jieħu l-flus. S'issa aħna nafu b'dan il-każ biss, u terġa' dan il-bniedem ma tressaqx il-qorti minħabba l-fatt li aġixxa ta' ħuttab biex jikkuntratta żwieġ ta' konvenjenza imma, kif għedt diġa', aħna sirna nafu b'dan il-każ tramite proċeduri kriminali oħrajn li m'għandhom xejn x'jaqsmu mal-kwestjoni taċ-ċittadinanza. Għalhekk dan il-każ għandu jservi bħala a very serious eye-opener għal dak li jkun għaddej f'pajjiżna.
Issa hawnhekk jien m'iniex qed ngħid li dan huwa xi fenomenu kbir li qiegħed jipperikola s-sigurta` soċjali ta' pajjiżna imma dan għandu jservi ta' eye-opener għall-fatt li hemm min jinqeda biż-żweġijiet ta' konvenjenza biex jagħmel il-flus. Jien inħares lejn dan l-abbuż b'mod serju u aggressiv u nħoss li minbarra li dan għandu jitqies bħala abbuż immorali għandu jitqies ukoll bħala abbuż illegali u kriminali. Għalhekk hemm bżonn nibdew naħsbu anke biex nilleġislaw kontra din it-tip ta' attivita`, għaliex din it-tip ta' attivita` m'hijiex qed issir biss minn min irid jagħmel a quick buck imma wkoll minn min imexxi ċrieki ta' kriminalita`. Biżżejjed ngħid illi jien għandi informazzjoni - u naħseb illi l-gvern huwa informat b'dan ukoll - li qed iżewwġu anke prostituti żgħar, ta' xi 18 jew 19-il sena, ma' barranin, u dan sempliċement sabiex il-barrani jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija.
Jien naħseb li m'għandniex nagħmlu bħall-ostrich u ngħaddsu rasna fir-ramel quddiem realtajiet bħal dawn imma għall-kuntrarju għandna niftħu għajnejna iktar għal dawn ir-realtajiet, u l-gvern għandu r-responsabbilta` li jara kif jista' joħloq mekkaniżmi legali sabiex jiġu evitati abbużi ta' dan it-tip. Aħna nafu li l-prostituzzjoni fiha nnifisha diġa' hija abbuż, u hija abbuż għaliex f'din it-tip ta' attivita` hemm l-isfruttament tal-flus, jiġifieri aħseb u ara kemm ikun qed jabbuża iktar min ikun qed jikkuntratta żweġijiet ta' konvenjenza bejn prostituti u ċittadini barranin għal skopijiet ta' flus. Il-gvern għandu jħares b'mod partikolari lejn dawk iż-żweġijiet li jsiru b'mod ċivili għax normalment iż-żweġijiet ta' konvenjenza jsiru biċ-ċivil biss billi jmorru quddiem id-direttur tar-reġistru pubbliku jew quddiem ir-rappreżentant tiegħu u jikkuntrattaw żwieġ ta' malajr malajr, u dan huwa żwieġ validu għall-finijiet u l-effetti tal-liġi Maltija. Għalhekk qabel ma dan il-fenomenu jkompli jikber jeħtieġ li nibdew nħarsu lejn din l-attivita` bħala waħda kriminali u li titwaqqaf sanzjoni legali opportuna sabiex isservi ta' deterrent.
Mr Speaker, kif għedt diġa', dan l-abbozz ta' liġi qed jagħmilha iktar diffiċli sabiex jiġi kkuntrattat żwieġ ta' konvenjenza, pero` minkejja kull intenzjoni tajba li teżisti f'dan ir-rigward, kemm min-naħa tal-gvern kif ukoll min-naħa ta' l-oppożizzjoni, xorta waħda għad hemm il-possibbilta` li wieħed joqgħod idur mal-liġi u jabbuża xorta waħda. X'irrid ngħid b'dan? Huwa veru li llum aħna qed nipproponu emenda biex ċittadin barrani li jiżżewweġ ċittadina Maltija jew vice versa ma jkunx jista' jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija qabel ħames snin, pero` jien wisq nibża' li se jkun hemm min jgħidlek: U iva, ma jimpurtax għax biż-żwieġ prattikament xorta se nakkwista d-drittijiet kollha li nakkwista biċ-ċittadinanza! Għax għal min ma jafx kull barrani li jiżżewweġ Maltija jew Maltija, anke jekk stess huwa ma jkunx akkwista ċ-ċittadinanza mal-ewwel, dan għandu l-freedom of movement, ir-right to work u kważi d-drittijiet kollha li għandhom iċ-ċittadini Maltin. Fil-fatt waħda mill-ftit affarijiet li wieħed ma jistax ikollu qabel ma jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija huwa d-dritt tal-vot, għalkemm jidhirli li dan xorta waħda għandu d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Għalhekk żgur li se jkun hemm min jirraġuna: U iva, ma jimpurtax! Aħna niżżewġu, dak il-ħin stess li niżżewġu inti mur għal rasek u jien immur għal rasi u mbagħad wara ħames snin nakkwista ċ-ċittadinanza! Issa jien m'iniex qed ngħid dan bi kritika għall-gvern għax il-gvern Laburista kien se jgħaddi l-istess emenda li se jgħaddi l-gvern Nazzjonalista llum, pero` jien inħoss li rridu noħolqu xi deterrent ieħor ħalli nagħmluha xi ftit iktar diffiċli li wieħed iwettaq dawn it-tip t'abbużi.
Jien lanqas ma jien qed insemmi kif wieħed jista' jinjora l-emenda li qed jagħmel il-gvern biex nuri lil min qed jagħmel dawn it-tip t'abbużi kif jista' jibqa' jabbuża pero` naħseb li hemm min hu intelliġenti biżżejjed biex jara kif jista' jdur mal-liġijiet, u żgur li m'huwiex se jkun l-Onor. Gavin Gulia li se jgħallmu jagħmel dan. Jien persważ illi din l-emenda li qed jipproponi llum il-gvern Nazzjonalista se tnaqqas in-numru ta' żweġijiet ta' konvenjenza li jsiru, u fil-fatt nittama li dawn l-abbużi jinqatgħu bil-kbir, pero` naħseb li jkun ferm aħjar jekk nipprovdu xi deterrent ieħor għal min iwettaq dawn l-abbużi. Jien anke kkonsultajt ruħi ma' nies taċ-ċivil li kellhom x'jaqsmu mad-drafting ta' dan l-abbozz ta' liġi u dawn ikkonfermawli li għalkemm issa qed indaħħlu l-ħtieġa li ċittadin barrani jrid ikun ilu ħames snin miżżewweġ Maltija biex jakkwista ċ-ċittadinanza, il-ministru xorta se tibqagħlu d-diskrezzjoni li jirrifjuta li tingħata din iċ-ċittadinanza fejn ikun jidhirlu. Jien naqbel perfettament illi lill-ministru tħallietlu din id-diskrezzjoni, pero` hawn nixtieq nagħmel xi ftit mistoqsijiet u nittama li l-ministru jkollu l-opportunita` li jirrispondihom waqt il-winding-up.
Ħalli nibdew minn hawnhekk: Taħsbu li din id-diskrezzjoni għandha titħalla f'idejn il-ministru biss? Ma taħsbux illi għandu jkun hemm kriterji oġġettivi li mill-bidu nett jeskludu lil xi ħadd illi jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija jekk ikun ovvju li dan huwa żwieġ ta' konvenjenza? Il-ministru semma li se jkun hemm xi bord apposta. (Interruzzjonijiet) Għalfejn għandu jkun il-ministru biss li jkollu din id-diskrezzjoni? Jien m'iniex qed ngħid li d-diskrezzjoni tal-ministru għandha titneħħa anzi ngħid illi huwa importanti li tkun hemmhekk, pero` f'ċerti ċirkostanzi, fejn huwa ovvju mill-bidunett ... Għax wara kollox jekk lill-ministru jressqulu isem, dan fejn se jkun jafu? Mhux fuq l-informazzjoni li jagħtuh irid joqgħod! Il-ministru li huwa responsabbli miċ-ċittadinanza, kif se jkun ċert li dan huwa żwieġ ta' konvenjenza? Forsi hawn wieħed jista' jgħidli li din hija xi ħaġa soġġettiva. Le, m'hijiex xi ħaġa soġġettiva għaliex jeżistu kriterji amministrattivi li jekk wieħed jeżaminahom - u dwar dan wieħed jista' jiddibatti anke fl-istadju ta' kumitat - għandu jinduna li, per eżempju, it-tali żwieġ huwa żwieġ ta' konvenjenza u ma jistax ikun mod ieħor. Huwa veru li koppja tista' tidher li tkun ilha miżżewġa ħames snin u huwa veru wkoll illi l-ministru għandu d-diskrezzjoni li jirrifjuta li tingħata ċ-ċittadinanza jekk kemm-il darba tingħatalu ċerta informazzjoni. Jien m'għandix dubju li jekk il-ministru attwali jkun jaf b'ċerti ċirkostanzi huwa jiddeċiedi li dan huwa żwieġ ta' konvenjenza, pero` jien naħseb li jkun tajjeb ukoll jekk wieħed jesplora wkoll ċerti kriterji oġġettivi.
Mr Speaker, dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna qed jagħmilha ċara li ġaladarba koppja tkun ilha miżżewġa ħames snin il-persuna barranija għandha dritt takkwista ċittadinanza Maltija, pero` mbagħad kollox jiddependi minn jekk il-ministru jaċċettax li tingħata din iċ-ċittadinanza jew le. Għalhekk jien nistaqsi: Il-ministru fuq xiex se jeħodha din id-deċiżjoni? Żgur li se jeħodha fuq l-informazzjoni li jagħtuh dwar dik l-applikazzjoni partikolari. Mhux hekk! Ma jistax ikun mod ieħor għax żgur illi l-ministru m'huwiex mistenni li jkun jaf il-karattru ta' kull persuna li tikkwalifika għaċ-ċittadinanza Maltija. Imma min se jagħtih dik l-informazzjoni, id-dipartiment taċ-ċittadinanza, il-pulizija ...? Jien naħseb li din l-informazzjoni se tiġi ċċirkolata bħalma jiġu ċċirkolati l-work permits u nimmaġina li se jkunu l-istess l-pulizija jew id-dipartiment taċ-ċittadinanza stess li jipprovdu din l-informazzjoni. M'għandix dubju li l-ministru se joqgħod fuq il-pariri li jagħtuh dawn l-entitajiet. Forsi dalgħodu l-ministru fehemni ħażin imma jien għalhekk tkellimt dwar il-bżonn ta' iktar trasparenza; għaliex il-ministru jrid bilfors jieħu l-parir ta' min ikun qed jgħaddilu l-informazzjoni u għalhekk ma jkunx jaf jekk dik l-informazzjoni hijiex idonea jew reliable.
Jien naħseb li hawnhekk il-ministru jgħidli ġustament: Allura jien fuq min irrid noqgħod? Fil-fatt jien għalhekk nixtieq li jkun hemm xi ftit iktar trasparenza fl-għoti taċ-ċittadinanza; għax ma jidhirlix illi min jingħata ċ-ċittadinanza ismu jidher fuq xi reġistru. Issa hawn wieħed jista' jgħidli li jekk iċ-ċittadinanza tkun diġa' ngħatat, ikun tard wisq li din tiġi ppubblikata fuq xi reġistru. Għalhekk, għalkemm jien xorta waħda nemmen li għandu jkun hemm xi forma ta' sodisfazzjon anke wara li tingħata ċ-ċittadinanza, nissuġġerixxi li jkun magħruf kulmin ikun qed japplika għaċ-ċittadinanza. Wara kollox ma naħsibx li din hija xi ħaġa konfidenzjali u filwaqt li din is-sistema tkun qed tgħin lil kulmin ikun irid jieħu deċiżjoni, fosthom lill-ministru, forsi b'hekk anke l-perception tan-nies tinbidel xi ftit. Qed ngħid dan għax, ħaġa ta' l-għaġeb, ma' kulmin tkellimt għandu l-perception - u jien naħseb li din hija perception żbaljata - illi xi drabi jkun hemm diskriminazzjoni fl-għoti taċ-ċittadinanza. Issa jien ngħid li xejn ma jista' jkun 'il bogħod mill-verita`.
Dalgħodu l-ministru spjega li ċ-ċittadinanza ngħatat minħabba raġunijiet umanitarji u la ngħatat taħt dan il-gvern u lanqas ingħatat taħt il-gvern preċedenti. Jien naqbel miegħu mija fil-mija għax hekk hu pero`, kif għedt qabel, jien niskanta kemm hawn min għandu l-perception illi ssir diskriminazzjoni fl-għoti taċ-ċittadinanza. Għalhekk jien naħseb li ma tkunx idea ħażina li jinħareġ regolament - u fil-fatt jidhirli li kemm f'dan l-abbozz ta' liġi kif ukoll fl-Att innifsu hemm illi l-ministru responsabbli għandu d-dritt joħroġ regolamenti - biex ikun hemm kriterji amministrattivi trasparenti għal kulmin ikun applika għaċ-ċittadinanza, anke għaliex jista' jkun illi l-persuna li tkun qiegħda tissottometti l-applikazzjoni tagħha għaċ-ċittadinanza Maltija tkun magħrufa hawn Malta li kienet imdaħħla f'attivitajiet kriminali barra minn Malta u minkejja li l-pulizija jkollha records għal dawk ir-reati li dik il-persuna tkun ikkommettiet matul il-perijodu li kienet hawn Malta, hija ma tkunx taf eżattament x'reati tkun wettqet din il-persuna meta kienet għadha barra minn Malta. Għalhekk huwa importanti li jkollna gwidi amministrattivi f'dan il-qasam ħalli tiġi riflessa iktar trasparenza, speċjalment issa li se niftħu ċ-ċittadinanza doppja iktar.
Kif spjega tajjeb il-ministru, issa ċ-ċittadinanza doppja ġejja iktar libertarja, fosthom għaliex, per eżempju, m'hemmx terminu ta' żmien. Fil-fatt artiklu 9 ta' Taqsima IV kif propost fi klawsola 5 - jgħid l-istess ħaġa li kienet tgħid il-white paper li kien ippreżenta l-gvern Laburista, jiġifieri persuna li kienet residenti f'xi pajjiż barra minn Malta għal mill-inqas sitt snin u tilfet ċ-ċittadinanza Maltija, tista' titqies awtomatikament bħallikieku qatt ma tilfitha. Hawn ta' min iżid jgħid ukoll li artiklu 8 ta' Taqsima IV - dejjem kif propost fi klawsola 5 - jgħid illi anke jekk meta persuna titlef iċ-ċittadinanza tkun ilha residenti f'xi pajjiż barra minn Malta għal inqas minn sitt snin, għalkemm hija ma tiġix meqjusa bħallikieku kienet dejjem ċittadina Malti, hija tista' tapplika biex terġa' ssir ċittadina Maltija, u f'dan il-każ il-ministru m'għandux diskrezzjoni biex jirrifjuta applikazzjoni bħal din, għax hawnhekk qed nitkellmu dwar ċittadinanza li tkun ingħatat minħabba twelid u dixxendenza u mhux dwar ċittadinanza li tkun ingħatat minħabba żwieġ. Għalhekk hawn qegħdin ngħidu li lanqas jekk jirriżulta li persuna tkun ikkommettiet reati serji barra minn Malta, il-ministru ma jistax jirrifjuta li din il-persuna tingħata ċ-ċittadinanza għax jekk persuna tkun twieldet barra minn Malta minn ġenituri li twieldu Malta - u hemm differenza bejn min twieled Malta u bejn min hu Malti - f'dawk iċ-ċirkostanzi l-applikazzjoni biex din il-persuna tikseb iċ-ċittadinanza Maltija tkun trid tiġi aċċettata bilfors.
Mr Speaker, kif qed naraw f'dawn iċ-ċirkostanzi l-ministru m'għandux id-diskrezzjoni li għandu f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċittadinanza li wieħed jottjeni biż-żwieġ u għalhekk naħseb li jkun tajjeb jekk hawnhekk wieħed jitkellem dwar il-metodi ta' trasparenza li jistgħu jiddaħħlu hekk kif issir applikazzjoni ħalli ħadd ma jkun jista' jġib l-iskuża li ma kienx jaf li saret it-tali applikazzjoni għaċ-ċittadinanza. Kif għedt qabel, jien ma nara xejn ħażin lanqas li jsir reġistru, liema reġistru jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern minn żmien għall-ieħor, fejn fih ikunu mniżżla dawk kollha li jkunu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija jew inkella jkunu akkwistaw ċittadinanza doppja, u ġaladarba qed insemmi ċ-ċittadinanza doppja hawn nixtieq nagħmel argument ieħor.
Mr Speaker, kemm fid-diskussjoni li kellna aħna bħala Partit Laburista, kemm fil-korrispondenza li rċevejna u anke waqt li konna qed nitkellmu man-nies kien hemm min issuġġerixxa li jekk min jikseb iċ-ċittadinanza, kemm dik singla kif ukoll dik doppja, jinstab ħati ta' reat serju, ikun hemm mekkaniżmi li dan jitlef iċ-ċittadinanza Maltija.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO BORG: Fil-fatt kull tliet xhur jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern registered jew naturalisedpersons illi jsiru ċittadini Maltin u li ma jiġux ippubblikati huma biss dawk il-persuni li japplikaw biex jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija, pero` hekk kif tingħata ċ-ċittadinanza, l-ismijiet ta' dawn il-persuni jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Mr Speaker, għar-rigward ta' dawk il-persuni li jkunu kkommettew xi reat u li jkunu applikaw biex jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija, irrid ngħid illi l-liġi tipprovdi li kulmin jikkommetti reat li għalih jieħu piena ta' iktar minn sena, iċ-ċittadinanza Maltija tiegħu tista' tiġi rtirata sakemm dan ma jispiċċax stateless. Fil-fatt peress li sal-lum id-dual nationality ma kenitx aċċettata fil-maġġoranza tal-każi, din is-sistema ma setgħetx tiġi applikata għax jekk lill-persuna in kwestjoni kont tirtiralha ċ-ċittadinanza Maltija, din kienet tispiċċa bla ċittadinanza. Issa li se jkun hemm il-possibbilta` ta' dual citizenship, dan se jkun possibbli li jsir għaliex jekk għall-grazzja ta' l-argument, ikun hemm individwu li ma jkunx Malti by birth or by descent imma jkun Malti permezz taż-żwieġ jew inkella bin-naturalisation, u dan iwettaq hold-up, allura jekk stess iċ-ċittadinanza Maltija tiegħu tiġi rtirata jkun jifdallu ċittadinanza oħra.
MR SPEAKER: L-Onor. Gulia.
ONOR GAVIN GULIA: Il-ministru qal illi l-liġi tipprovdi li kulmin jikkommetti reat li għalih jieħu piena ta' iktar minn sena, iċ-ċittadinanza Maltija tiegħu tista' tiġi rtirata sakemm dan ma jispiċċax stateless. Issa hawnhekk irridu nikkonsidraw ukoll jekk fil-każ li wieħed li jkun qed iġorr miegħu piena ta' iktar minn sena jingħata sentenza sospiża, f'dak il-każ tkunx tista' titneħħielu ċ-ċittadinanza wkoll. Forsi fi stadju ta' kumitat inkunu nistgħu nidħlu iktar fil-profond fuq din il-ħaġa sabiex naraw jekk hemmx xi xkiel biex dak il-mekkaniżmu li diġa' hemm ipprovdut fil-liġi jiġi applikat ukoll f'dawk il-każi fejn ikun hemm sentenzi sospiżi.
Mr Speaker, nixtieq nitlob lill-ministru biex jiċċarali l-proviso li hemm f'subparagrafu (b) ta' subartiklu (2) ta' artiklu 6 ta' Taqsima III - kif propost fi klawsola 5 - liema proviso jitkellem dwar iċ-ċittadinanza li tiġi miksuba b'reġistrazzjoni wara żwieġ. Fil-fatt fost affarijiet oħra dan il-proviso jgħid hekk:
"Iżda ħadd ma jkollu dritt li jiġi hekk reġistrat ħlief jekk dik il-persuna, fid-data ta' l-applikazzjoni, tkun għadha miżżewġa ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta u kienet hekk miżżewġa għal mill-inqas ħames snin u f'dik id-data kienet qiegħda tgħix ma' dak iċ-ċittadin jew, jekk f'dik id-data kienet separata de jure jew de facto, kienet għexet ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta għal mill-inqas ħames snin wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ...".
Mela hawnhekk għandna quddiemna żewġ ċirkostanzi; każ ta' żwieġ normali li għadu għaddej u każ ta' separazzjoni. L-ewwel parti ta' dan il-proviso li tgħid:
"... ħlief jekk dik il-persuna, fid-data ta' l-applikazzjoni, tkun għadha miżżewġa ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta u kienet hekk miżżewġa għal mill-inqas ħames snin u f'dik id-data kienet qiegħda tgħix ma' dak iċ-ċittadin ...".
huwa każ normali. Jiġifieri hawnhekk qed ngħidu li f'dak il-mument illi l-persuna barranija tkun qed tapplika biex tikseb iċ-ċittadinanza Maltija tkun miżżewġa ma' ċittadin Malti u tkun qed tgħix miegħu bħala miżżewġa. Issa f'dan il-każ ma teżisti l-ebda problema, allavolja din jistgħu jduru magħha xorta waħda. Fil-fatt il-problema tqum fit-tieni parti ta' dan il-proviso li tgħid:
"... jew, jekk f'dik id-data kienet separata de jure jew de facto, ..."
- jiġifieri b'kuntratt, bil-qorti jew bħala stat ta' fatt fil-mument ta' l-applikazzjoni -
"... kienet għexet ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta għal mill-inqas ħames snin wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ...".
Issa hawnhekk jien nixtieq inkun naf xi jrid eżattament il-ministru.
Kif qed nifhem jien, il-ministru jixtieq jirregola kemm il-pożizzjoni ta' dawk li jkunu għamlu ħames snin miżżewġin u li jkunu għadhom jgħixu bħala miżżewġin kif ukoll il-pożizzjoni ta' dawk li fil-mument li kienu applikaw huma kienu separati bħala stat ta' liġi jew bħala stat ta' fatt. Issa biex jiġi pprovat li dak il-ħin li l-parti barranija tkun qed tapplika għaċ-ċittadinanza Maltija tkun għadha qed tgħix bħala miżżewġa, il-kliem:
"... kienet għexet ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta għal mill-inqas ħames snin wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ..."
ma naħsibx li huma suffiċjenti għax jista' jkun hemm każi fejn koppja tkun isseparat wara biss sena ta' żwieġ u jibqgħu jgħixu flimkien xorta waħda, u dan l-abbozz ta' liġi m'huwiex qed jaħseb għal din iċ-ċirkostanza. (Interruzzjonijiet) Kif għedt diġa', jista' jkun hemm każi ta' koppji li minkejja li jkunu sseparaw saħansitra bil-liġi, ikunu baqgħu jgħixu flimkien għal perijodu ta' ħames snin u għalhekk il-parti barranija tkun tikkwalifika għall-ksib taċ-ċittadinanza. Nerġa' nirripeti li dan il-proviso jgħidlek:
"... jekk f'dik id-data kienet separata de jure jew de facto, kienet għexet ma' dak iċ-ċittadin ta' Malta għal mill-inqas ħames snin wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ...",
pero` ma jgħidlekx jekk matul dawk il-ħames snin kenitx għexet bħala miżżewġa jew bħala separata maċ-ċittadin ta' Malta. (Interruzzjonijiet)
Ministru, jien għedtlek mill-bidu li naf x'qed tipprova tagħmel inti pero` jibqa' l-fatt li d-dipartiment jista' jiġih quddiemu każ ta' persuna li żżewġet seba' snin ilu, li sseparat wara sena u li baqgħet tgħix ma' dik il-persuna ta' ċittadinanza Maltija li żżewġet għal ħames snin. B'hekk din xorta waħda tikkwalifika għaċ-ċittadinanza Maltija. Issa jien naf li l-ministru għandu d-diskrezzjoni li jirrifjuta li jagħti ċ-ċittadinanza Maltija pero` nixtieq li nkomplu nitkellmu fuq din iċ-ċirkostanza li semmejt jien fl-istadju ta' kumitat. (Interruzzjonijiet) Is-sitwazzjoni li qed tirriferi għaliha l-Onor. Helena Dalli, li m'għandix dubju li se titkellem fuqha, tista' tiġi protetta f'ċirkostanzi oħrajn, imma mbagħad irridu noqogħdu attenti li biex insalvaw dik iċ-ċirkostanza ma niftħux ukoll metodi ta' abbuż. Forsi l-ministru ma jaqbilx miegħi imma jien jidhirli li għandu jiġi ċċarat li matul dawk il-ħames snin l-applikant irid ikun għex bħala miżżewweġ ma' dik iċ-ċittadina Maltija li jkun iżżewweġ u mhux sempliċement ... Għax ejjew ngħiduha kif inhi, jekk quddiem id-dipartiment jiġi każ ta' individwu li jkun iżżewweġ seba' snin ilu, issepara s-sena ta' wara u qal li hu u l-mara baqgħu jgħixu flimkien għal ħames snin min se jipprova l-kuntrarju? Id-dipartiment kif se jkun jaf jekk dawn kenux jgħixu flimkien? (Interruzzjonijiet) Kif inhu qiegħed, dan l-abbozz ta' liġi qisu huwa kompliċi għal min irid jakkwista żwieġ ta' konvenjenza, u dan meta l-proviso huwa proprjament intiż sabiex ma jkunx hemm żwieġ ta' konvenjenza. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm iktar trasparenza fil-metodi amministrattivi. Per eżempju, aħna kif se nkunu nafu fiż-żgur jekk persuna separata kenitx qed tgħix ta' miżżewġa meta kienet għadha miżżewġa? De jure dan tista' tapprovah għax ikollok sentenza l-qorti jew kuntratt, imma de facto ma tistax. (Interruzzjonijiet) Wieħed jittama biss li ż-żewġ partijiet imorru quddiem id-dipartiment u jugżaw lil xulxin!
Mr Speaker, issa hawnhekk jien m'iniex qed ngħid li dan l-abbozz ta' liġi huwa dgħajjef u, kif għedt qabel, seta' kien gvern Laburista li ppreżentah. (Interruzzjonijiet) Naf li dan huwa diffiċli li jsir pero` minħabba li l-gvern għandu l-interess li kemm jista' jkun ma jkunx hemm żweġijiet ta' konvenjenza, jien nissuġġerilu biex ma jagħmilx liġijiet li eventwalment ma jkunx jista' jagħmel maintenance tagħhom b'mod tajjeb. Għalhekk ġaladarba l-gvern se jagħmel dan il-provvediment sabiex jevita żweġijiet ta' konvenjenza, liema provvediment aħna naqblu miegħu mija fil-mija, ikollu jara kif se jarma lilu nnifsu amministrattivament ħalli jiġi evitat li jkun hemm min jinqeda proprju bil-liġi stess sabiex jabbuża.
Mr Speaker, jien naf li l-Onor. Dalli se titkellem dwar każ ta' mara li tkun miżżewġa raġel Malti jew vice versa, ikollhom it-tfal u wara sentejn jisseparaw. Fil-fatt il-principal immigration officer għandu kull dritt li jibgħat lill-persuna barranija barra minn Malta, anke fejn ikun hemm it-tfal. Jien din naraha minn punto di vista oħra, li raġel barrani li jkun separat minn ċittadina Maltija jkun obbligat bil-qorti sabiex iħallas tal-manteniment u l-principal immigration officer joħroġlu removal order. F'dak il-każ, għalkemm il-mara jkollha dritt - u dan id-dritt jista' jkun ingħatalha kemm minn sentenza tal-qorti kriminali kif ukoll minn sentenza ta' separazzjoni mill-prim'awla - tieħu l-manteniment mingħand żewġha, il-principal immigration officer għandu d-diskrezzjoni li jibgħat lir-raġel barra minn Malta u joħroġ removal order. B'hekk inkunu qed nixxuttjaw il-ballun f'saqajna stess u ċ-ċittadina Maltija tiġi ppreġudikata proprju għaliex minħabba li l-principal immigration officer ikun uża din id-diskrezzjoni li għandu. Issa jien lill-principal immigration officer nafu u naf li juża d-diskrezzjoni tiegħu tajjeb ħafna, pero` huwa fatt li xi darba jista' jinqala' dan il-każ.
Mr Speaker, nixtieq nikkonkludi dan id-diskors billi nerġa' nitkellem dwar il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, liema kwestjoni diġa' semmejtha dalgħodu, pero` l-ministru qalli li din m'għandha x'taqsam assolutament xejn ma' dan l-abbozz ta' liġi. (Interruzzjonijiet) Jekk persuna ta' nazzjonalita` Awstraljana tapplika għad-dual nationality volontarjament, skond il-liġi Awstraljana hija titlef iċ-ċittadinanza Awstraljana. Jien mhux dak huwa l-punt li rrid inqajjem.