MR SPEAKER: Il-ministru.
ONOR. TONIO BORG: Kulmin illum huwa Malti Awstraljan u għandu ċ-ċittadinanza Awstraljana biss minħabba li jekk jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija jitlef dik Awstraljana, meta pajjiżna jidħol membru ta' l-Unjoni Ewropea jekk kemm-il darba dan il-Malti Awstraljan jikseb iċ-ċittadinanza Maltija jkun qed jingħata ċ-ċavetta li jmur jgħix fi kwalunkwe pajjiż Ewropej.
MR SPEAKER: L-Onor. Gulia.
ONOR. GAVIN GULIA: Jien mhux dak huwa l-punt li ridt inqajjem. Il-punt huwa li b'dan l-abbozz ta' liġi aħna qed nestendu ċ-ċittadinanza Maltija għal kategoriji ta' Maltin li taħt il-liġijiet preċedenti ma kenux jibbenefikaw biex jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Issa ħaġa li semmejtha dalgħodu u li l-ministru baqa' ma rrispondinix dwarha għax qalli li m'għandhiex x'taqsam, pero` jien nixtiequ jgħid xi ħaġa dwarha fil-winding-up xorta waħda, hija li jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea - assolutament mhux "meta" iżda "jekk" - imbagħad mhux il-Maltin tal-Kanada, il-Maltin ta' l-Awstralja u l-Maltin ta' l-Istati Uniti biss ikunu jistgħu jibbenefikaw miċ-ċittadinanza Maltija imma anke l-Ġermaniż, il-Franċiż, it-Taljan, l-Ispanjol u l-Olandiż li lanqas biss għandu lil ħadd mill-ġenituri tiegħu Malti. Huwa veru li huma xorta ma jkunux jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b'daqshekk imma prattikament dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet kollha. (Interruzzjonijiet) Fil-fatt dawn mhux mill-freedom of movement biss ikunu jistgħu jibbenefikaw imma ... (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Jekk jogħġobkom żommu l-ordni.
ONOR. GAVIN GULIA: Mr Speaker, li se jiġri huwa li dak l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż li m'għandu l-ebda konnessjoni ma' Malta, jiġifieri la għandu konnessjoni ta' demm, la għandu konnessjoni ta' dixxendenza, la għandu konnessjoni ta' twelid, la għandu konnessjoni ta' żwieġ, la għandu konnessjoni ta' reġistrazzjoni, la għandu konnessjoni ta' naturalisation u lanqas għandu konnessjoni ma' l-ebda waħda mill-kriterji li jikkwalifikaw għal ċittadinanza Maltija, għalkemm ma jkollhomx iċ-ċittadinanza Maltija se jkollhom id-drittijiet kollha li jgawdu dawk kollha li huma ċittadini Maltin. Jien persważ li n-Nazzjonalisti se jgħiduli: U min se jkollu interess li jiġi jgħix hawn Malta? Morru staqsu lill-Isqallin li bħalissa ħafna minnhom qed jinqdew b'kumpanniji Maltin u jiġu jaħdmu bla permess! Eventwalment b'dan l-abbozz ta' liġi lil dawk li m'għandhom l-ebda konnessjoni ma' Malta se nagħtuhom l-opportunita` li jgawdu l-istess drittijiet li b'dan l-abbozz ta' liġi se jgawdu dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Fil-fatt permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi anke r-refuġjati se jingħataw ċerti benefiċċji għax għandna diversi obbligazzjonijiet internazzjonali lejhom, aħseb u ara kemm se jingħataw benefiċċji ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea ġaladarba Malta tissieħeb f'din l-unjoni! Per eżempju, hekk kif Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea dawn se jkunu jistgħu jgawdu minn servizzi edukattivi, minn servizzi ta' saħħa u mill-implikazzjonijiet kollha li jġib miegħu l-freedom of movement, fosthom mid-dritt li jaħdmu u li jixtru proprjeta` hawn Malta. Jien naqbel li d-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini Maltin, fosthom id-dritt li jgħixu hawn Malta, li jaħdmu hawn Malta u li jixtru l-proprjeta` minn hawn Malta jiġu estiżi għal dawk iċ-ċittadini barranin li tra virgolette huma Maltin, anzi nixtieq li dawn il-virgolette jitneħħew mil-lum għal għada għax dawn għandhom id-dritt li jsiru Maltin bħalna. Madanakollu bis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea dan id-dritt se jiġi estiż ukoll għal min assolutament m'għandu l-ebda dritt għaċ-ċittadinanza Maltija, jiġifieri la kien imwieled Malta, la għandu dixxendenza Maltija u lanqas iżżewweġ persuna ta' ċittadinanza Maltija. Għalhekk fi ftit kliem nistgħu ngħidu li bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea dawk id-drittijiet li llum qegħdin nagħtu b'ċertu sens ta' kburija lil dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta se jkunu jridu jingħataw ukoll lil persuni li assolutament m'għandhom l-ebda konnessjoni man-nisel Malti. Grazzi, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Helena Dalli.
ONOR. HELENA DALLI: Mr Speaker, ma nistgħux niddiskutu l-emendi li qed jipproponi dan l-abbozz ta' liġi mingħajr ma nidħlu fl-element uman. Huwa fatt aċċettabbli minn kulħadd li għandna numru kbir ta' Maltin emigranti - biżżejjed ngħid li llum preżenti għal din id-diskussjoni hawn tnejn minnhom li qed isegwu din id-diskussjoni b'interess kbir - u filwaqt li minn banda ma naffordjawx li jkun hemm numru kbir ta' persuni li jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija, mill-banda l-oħra rridu nkunu umani, iktar u iktar għaliex aħna, bħala rappreżentanti tal-poplu, ilkoll kemm aħna nafu kemm jeżistu każijiet ta' ċerta tbatija u ta' nuqqas ta' drittijiet. Fil-fatt il-gvern Laburista kien inkwetat ħafna fuq dawn il-problemi u iktar ma kien qed jiltaqa' ma' dawn il-każi, iktar kien qed jiltaqa' ma' ċirkostanzi ġodda. Kien għalhekk li fiż-żmien qasir li l-Partit Laburista għamel fil-gvern, minkejja li ma laħaqx ressaq emendi għal-liġi f'dan il-parlament, irnexxielu jippreżenta ħafna mix-xogħol li kien sar f'dan il-qasam f'white paper għad-diskussjoni ta' dawk kollha konċernati u tal-pubbliku in ġenerali.
Mr Speaker, iktar ma jgħaddi żmien iktar jinqalgħu ċirkostanzi li m'humiex koperti bil-liġi u, kif qal il-ministru dalgħodu, din hija xi ħaġa li tevolvi dejjem għaliex l-affarijiet jinbidlu maż-żmenijiet u għalhekk huwa importanti li aħna nilleġislaw skond it-tibdil li jkun qed isir fis-soċjeta` tagħna. Per eżempju, nista' ngħid li parti mill-feedback kbir li kellha l-white paper, li kien ħareġ il-gvern Laburista kienet dovuta għal dik il-parti li tgħid illi meta persuna barranija tiżżewweġ persuna ta' ċittadinanza Maltija jridu jgħaddu tliet snin qabel ma l-persuna barranija tikseb iċ-ċittadinanza Maltija. Fil-fatt meta kien hemm din il-proposta fuq il-white paper ħafna kienu tal-fehma li dan il-perijodu għandu jitwal b'sentejn oħra, jiġifieri jitwal għal ħames snin, ħalli jkompli jitnaqqas in-numru ta' żwiġijiet ta' konvenjenza, u għalhekk il-gvern Nazzjonalista tawwal dan iż-żmien. Kif l-Onor. Gulia qabli, iż-żweġijiet ta' konvenjenza m'humiex xi ħaġa rari u naħseb li kull membru parlamentari xi darba jew oħra ltaqa' ma' każi ta' persuni barranin li jiżżewġu ċittadini Maltin, u xi drabi anke jħallsu biex isir iż-żwieġ, ħalli jkunu jistgħu jaħdmu f'pajjiżna. Aħna nafu li fil-maġġoranza tal-każi l-persuna Maltija, li ħafna drabi tkun mara, ma tkunx taf li hija daħlet għal żwieġ ta' konvenjenza u għalhekk tispiċċa vittma ta' din is-sitwazzjoni. Per eżempju, dan l-aħħar jien iltqajt ma' każ fejn wieħed mill-Afrika ta' Fuq iżżewweġ persuna Maltija u fl-istess waqt kien qiegħed jikkorrispondi mal-ħabiba tiegħu f'pajjiżu biex imbagħad hekk kif dan il-bniedem ħa l-work permit huwa mar f'pajjiżu, iżżewweġ lill-ħabiba tiegħu hemmhekk, ġie lura f'pajjiżna u ġabha miegħu. Kif għedt diġa', fil-ftit żmien li kien għamel fil-gvern il-Partit Laburista kien daħal sew f'din is-sitwazzjoni u aħna, bħala segretarjat parlamentari għad-drittijiet tan-nisa, kellna sehem importanti f'dan ix-xogħol għaliex konna nidħlu fil-fond f'ċerti każijiet ta' nisa li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet tassew koroh, speċjalment meta dawn ikunu każijiet ta' separazzjoni.
Mr Speaker, hawnhekk nixtieq nagħmel ukoll il-punt illi filwaqt li jien naqbel illi biex persuna tingħata ċ-ċittadinanza Maltija, anke jekk din tkun separata, hija trid tkun għamlet ħames snin tgħix mar-raġel tagħha, ġejna informati mill-international wives' association li jeżistu każi ta' nisa li huma separati minn ma' l-irġiel Maltin tagħhom u minħabba li ma damux jgħixu ħames snin mar-raġel tagħhom, huma m'hux se jkunu jistgħu jingħataw id-drittijiet li għandhom ċittadini Maltin. Naturalment ir-raġuni li għaliha dawn in-nisa jkunu jridu jibqgħu hawn Malta hija biex almenu t-tfal ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin ma' missierhom ukoll għax jekk huma jkunu qed jgħixu f'pajjiż differenti jkun diffiċli għalihom li jibqa' jkollhom kuntatt kontinwu ma' missierhom. Fi kliem ieħor, minħabba dan it-timeframe li qed jiġi impost fl-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna, l-omm, minkejja li tkun għamlet erba' snin miżżewġa raġel Malti u jkollha tlett itfal Maltin, mhux se jkun jista' jkollha l-istess drittijiet li għandha ċittadina Maltija. Issa hawnhekk jien m'iniex qed nirriferi biss għal dawk in-nisa li ż-żwieġ tagħhom kien żwieġ ta' konvenjenza imma anke għal dawk il-każi li ż-żwieġ tagħhom ikun sfaxxa minħabba raġunijiet ġenwini. Jien wisq nibża' wkoll li hekk kif dan l-abbozz ta' liġi jgħaddi mill-parlament, se jkun hemm każi fejn dawn il-ħames snin jintużaw bħala rikatt, fis-sens illi raġel barrani jirrikatta lill-mara biex din tgħix miegħu bilfors sakemm jagħlqu ħames snin miżżewġin, anke jekk tkun qed issofri vjolenza, għaliex inkella r-raġel jitlef id-dritt għaċ-ċittadinanza Maltija. Sfortunatament jien naħseb li se jkollna anke każi ta' nisa barranin li minkejja li jkunu qed isofru l-vjolenza mir-raġel tagħhom, li jkun Malti, huma jiddeċiedu li jkun aħjar jekk jibqgħu jissaportu sakemm jgħaddu dawk il-ħames snin ħalli mbagħad jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Għalhekk, Mr Speaker, hemm bżonn li nħarsu wkoll lejn l-aspett uman ta' dan l-abbozz ta' liġi, iktar u iktar għaliex f'każijiet bħal dawn mhux l-omm biss tbati imma wkoll l-ulied, li jkollhom jgħixu f'ambjent ta' vjolenza kontinwa sakemm jgħaddu l-ħames snin.
Kif għedt diġa', jien naħseb li f'dawn il-każi l-omm ma tkunx qed tippretendi ħafna meta tkun tixtieq li jkollha l-istess drittijiet li għandhom ċittadini Maltin għax wara kollox it-tfal tagħha jkunu Maltin u jkunu trabbew Malta filwaqt li missierhom ikun Malti wkoll. Għalhekk jien nappella biex ma naqtgħux linja għal kulħadd f'dawn il-każijiet, speċjalment meta jkun hemm involuti wkoll it-tfal. Jien ma naħsibx li nkun qed ngħid xi ħaġa ta' barra minn hawn meta ngħid illi f'erba' snin mara jista' jkollha żewġt itfal jew tlett itfal. Issa biex inkun fair, hawn irrid insemmi wkoll li ġeneralment meta jkunu involuti t-tfal hija l-omm li tirbaħ il-każ, pero` huwa fatt li ġaladarba l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna jgħaddi minn dan il-parlament, l-ommijiet li jixtiequ jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija u li għadhom m'għalqux ħames snin miżżewġin mhux se jkollhom is-serħan tal-moħħ għaliex jafu li jekk jgħaddu minn xi sitwazzjoni li semmejt, minbarra li jkunu jridu jgħaddu minn ħafna legalitajiet ma jkunux jafu kif se jispiċċa l-każ tagħhom u x'se jkun il-ġejjieni ta' wliedhom. Għalhekk, kif għedt diġa', filwaqt li aħna, bħala Partit Laburista, naqblu li biex tingħata ċ-ċittadinanza Maltija lil persuna barranija li tkun iżżewġet persuna Maltija din trid tkun għamlet ħames snin miżżewġa ħalli b'hekk jitnaqqas in-numru ta' żweġijiet ta' konvenjenza, min-naħa l-oħra ninsabu nkwetati fuq kif dan li qed jiġi impost se jolqot lil dawk il-persuni barranin li jisseparaw qabel ma jkunu għalqu ħames snin miżżewġin u li jkollhom tfal żgħar. Mr Speaker, issa nixtieq ngħaddi biex nitkellem ftit dwar subartiklu (2) ta' artiklu 3 ta' Taqsima I.
Fil-fatt hawnhekk hawn problema ta' gender għax qed ngħidu li min twieled barra minn Malta qabel l-1989 u għandu missieru Malti huwa għandu dritt għaċ-ċittadinanza Maltija filwaqt li min twieled qabel l-1989 u minflok missieru għandu lil ommu Maltija, m'għandux dritt għal din iċ-ċittadinanza. Kif kont dieħla l-parlament illejla ġew ikellmuni Lawrence Dimech u Charles Mifsud mill-Maltese community ta' Sydney fl-Awstralja, u dawn tawni ittra li tindirizza preċiżament din il-problema. Din l-ittra tgħid hekk:
"The council feels that this section goes against the principle of equality of the sexes and is therefore discriminatory. In the case of Australia, where two out of every five Maltese women marry non-Maltese, it will be disadvantaging a significant number of children of migrants. We also have the scenario where children of siblings, male and female, with Maltese citizenship are treated differently.".
Huwa ovvju li din hija kwestjoni ta' diskriminazzjoni. Jiġifieri għalkemm il-kostituzzjoni tgħid li m'għandux ikollna diskriminazzjoni abbażi ta' sess, fl-istess waqt għandna din l-anomalija għax li filwaqt li min hu iben jew bint raġel Malti u kien imwieled barra minn Malta qabel l-1989 għandu dritt jingħata ċ-ċittadinanza Maltija, min hu iben jew bint mara Maltija u kien imwieled barra minn Malta qabel l-1989 m'għandux dan id-dritt. Bla ebda dubju, hemm bżonn li din id-diskriminazzjoni titneħħa mil-liġi
Fil-fatt hawn irrid ngħid li jien iltqajt ma' każ ta' żewġ kuġini fejn filwaqt li t-tfal tar-raġel kienu eliġibbli biex japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, it-tfal t'oħtu ma kenux eliġibbli għal dan. Issa s-sabiħa hi li f'dan il-każ partikolari t-tfal tar-raġel, minkejja li għandhom dritt għaċ-ċittadinanza Maltija, m'humiex interessati li jieħdu din iċ-ċittadinanza filwaqt li t-tfal tal-mara, li m'għandhomx dritt għaċ-ċittadinanza Maltija, jixtiequ li jkunu intitolati għaliha għax kieku kienu jeħduha. (Interruzzjonijiet) Il-ministru qed jgħidli: U jekk jiġu hawn jeħduha! Jien nixtieq li l-ħajja kienet daqshekk faċli! Biex nieħdu ftit il-perspettiva ta' dawk in-nies Maltin li ilhom snin twal jgħixu l-Awstralja jiena nirrakkmanda lil din il-Kamra u lil kulmin qed jisma' din id-diskussjoni biex jaqra d-dokument ta' Lawrence Dimech "Citizenship - A Sense of Belonging" - għax nemmen li huwa biss meta npoġġu lilna nfusna fil-post tagħhom li nkunu nistgħu nifhmu aħjar x'iħossu dawn in-nies. Jien naħseb li min jaqra dan id-dokument ta' Lawrence Dimech ikun jista' jifhem iktar il-perspettiva ta' min ilu jgħix snin sħaħ f'pajjiż barrani, f'dan il-każ fl-Awstralja. J'Alla nieħdu l-affarijiet mill-perspettiva ta' dawn in-nies għaliex b'hekk inkunu qed niffaċilitaw il-ħajja tal-Maltin kollha, kemm ta' dawk li qed jgħixu hawn Malta kif ukoll ta' dawk li qed jgħixu barra minn Malta.
Mr Speaker, sabiex inkunu nistgħu nifhmu lil dawn in-nies verament aħjar, matul dan is-sajf il-Partit Laburista, mill-bankijiet ta' l-oppożizzjoni, waqqaf kumitat biex jifli l-proposti li kienu qed jagħmlu dawn ħutna l-Maltin. Fil-fatt dan il-kumitat organizza saħansitra laqgħat pubbliċi li matulhom stajna nisimgħu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn in-nies. Jien qed ngħid dan sabiex nuri li dawn ir-rimarki li qed nagħmel jien, li għamel l-Onor. Gavin Gulia u li se jagħmel l-Onor. Anġlu Farrugia warajja ġejjin minn nies li qed jgħaddu minn dawn l-esperjenzi. Aħna m'aħniex qed ngħidu dawn l-affarijiet biex sempliċement ngħidu xi ħaġa imma qegħdin ngħiduhom wara li tkellimna ma' dawn in-nies. Jien naħseb illi huwa l-għan taż-żewġ naħat tal-Kamra li nbiddlu l-liġijiet li jitressqu quddiem dan il-parlament biex titnaqqas it-tbatija ta' l-ikbar numru ta' nies possibbli, u aħna għamilna dan billi l-ewwelnett ħriġna l-white paper li semmejt iktar kmieni fid-diskors tiegħi u mbagħad organizzajna diversi laqgħat pubbliċi biex nisimgħu lin-nies jitkellmu mill-esperjenzi tagħhom fuq dan il-qasam. Għalhekk jien nistenna li wara dan ix-xogħol li għamel il-partit Laburista flimkien ma' dak illi kompla bena fuqu l-gvern Nazzjonalista għandu jkollna liġi li kemm jista' jkun tkun komprensiva u tgħin lil dawk kollha li minkejja li huma Maltin, sal-lum għadhom ma jistgħux igawdu d-drittijiet illi jgawdu ħuthom l-oħra l-Maltin.
Mr Speaker, issa nixtieq nagħmel punt tekniku li għalkemm m'għandux x'jaqsam ma' dan l-abbozz ta' liġi biss imma għandu x'jaqsam mal-liġijiet kollha, jien xi kultant inħobb inqajmu, u hawnhekk qed nirriferi għal-lingwaġġ li jintuża fit-test tal-liġijiet tagħna. Sfortunatament minkejja li issa dħalna fis-seklu 21, għadna nużaw kollox fil-maskil. Jien naf li l-Ministru Borg se jgħidli li fl-Interpretation Act hemm miktub li kull fejn hemm "his" fil-liġi din tfisser ukoll "her". Pero` jien naħseb li ġaladarba l-plural tal-lingwa Maltija huwa gender neutral, fil-ġurnata tal-lum la għandna nużaw il-"his" u lanqas il-"her" imma għandna nużaw il-gender neutral.
Irridu nifhmu li anke t-tip ta' lingwaġġ li nużaw jagħti messaġġ u għalhekk jekk inbiddlu ftit it-tip ta' lingwaġġ li għadna nużaw sal-lum fejn dejjem nitkellmu fil-maskil, anke l-vokabolarju tal-liġijiet tagħna jkun jirrifletti tassew dak li aħna qed nipprovaw nagħmlu, jiġifieri li jkollna soċjeta` verament ugwali. Grazzi, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Farrugia.
ONOR ANĠLU FARRUGIA: Mr Speaker, kulmin sema' dan id-dibattitu s'issa żgur ikkonkluda li dan l-abbozz ta' liġi għandu interess nazzjonali, u meta qed ngħid dan m'iniex qed inħares biss lejn l-aspett ġeografiku ta' pajjiżna. Malta u Għawdex huma dak li huma u qatt ma jistgħu jikbru imma l-popolazzjoni Maltija kibret ħafna, kemm f'Malta u Għawdex kif ukoll barra minn Malta. Madanakollu l-poplu Malti u Għawdxi ma kibirx biss f'dik li hija popolazzjoni imma kiber ukoll fl-interess li għandu lejn art twelidu. Fil-fatt meta wieħed isiefer u jkollu l-opportunita` li jiltaqa' ma' ħutu l-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu barra minn Malta jkun jista' japprezza ħafna iktar l-interess li dawn għandhom lejn art twelidhom, u xiehda ta' dan huwa anke l-mod li bih dawn żammew it-tradizzjonijiet Maltin ħajjin u b'saħħithom biex il-kultura Maltija tibqa' teżisti anke barra minn pajjiżna. Għalhekk il-Parlament Malti u l-poplu Malti u Għawdxi li jgħixu hawn Malta għandhom debitu kbir illi lil ħuthom jagħtuhom rikonoxximent, u dan jistgħu jagħmluh biss billi jtejbulhom il-liġijiet li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tal-Maltin. Wara kollox irridu nifhmu li l-maġġoranza l-kbira ta' l-emigranti Maltin ma telqux minn art twelidhom għall-gost u l-pjaċir imma kien hemm raġunijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi li ġiegħluhom imorru jgħixu f'pajjiż ieħor. Għalhekk qabel ma ngħaddu dan l-abbozz ta' liġi li qed jipproponi l-ministru, irridu naraw jekk fihx xi nuqqasijiet li b'xi mod jistgħu joffendu lil ħutna l-Maltin li qed jgħixu f'pajjiż ieħor u ħadd m'għandu jieħu għalih meta nagħmlu dan. Aħna, bħala oppożizzjoni, qed naqblu ma' dan l-abbozz ta' liġi li qed jipproponi l-ministru, pero` hemm fejn wieħed jista' jikkummenta fuqu u għalhekk l-aħjar ħaġa hija li nikkonsidraw kull klawsola fl-interess tal-Maltin u ta' l-Għawdxin kollha, jinsabu fejn jinsabu.
Mr Speaker, kif qalu l-kollegi ta' qabli, il-gvern Laburista kien ta bidu għal dan id-dibattitu meta ppreżenta white paper dwar dan il-qasam. Fil-fatt nista' ngħid li din il-white paper li kien ippreżenta l-gvern Laburista - liema white paper kienet ir-riżultat ta' ħafna diskussjonijiet li saru f'dan ir-rigward - kienet il-kick-off li wasslet biex jiġi mfassal dan l-abbozz ta' liġi li qed niddiskutu llum. Ta' min jgħid ukoll li din il-white paper ma titkellimx biss fuq iċ-ċittadinanza doppja imma titkellem anke fuq diversi problemi soċjali li jkollu jgħaddi minnhom il-poplu Malti u Għawdxi. Kif qalet tajjeb l-Onor. Helena Dalli, il-Partit Laburista, anke mill-bankijiet ta' l-oppożizzjoni, iddiskuta ma' kulmin b'xi mod jista' jiġi affettwat minn dan l-abbozz ta' liġi, u ejjew ngħiduha kif inhi, jien naħseb li kull familja Maltija u Għawdxija għandha relatives li jew huma miżżewġin barranin, jew huma emigranti jew inkella qed jgħixu barra minn Malta minħabba raġunijiet ta' studju jew ta' xogħol, jiġifieri xi ftit jew wisq taffettwa lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Jien għadni niftakar il-laqgħa pubblika li saret fit-2 t'Ottubru fiċ-ċentru nazzjonali Laburista fejn minnha ħarġu ħafna ideat interessanti għaliex iċ-ċentru tagħna, li huwa mill-isbaħ, huwa attrezzat biex fih isiru dawn it-tip ta' laqgħat. Fil-fatt aħna, bħala Partit Laburista, ninsabu kburin li anke minn fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni pprovdejna l-ispazju neċessarju sabiex kulmin irid ikun jista' jiddiskuti l-problemi soċjali u politiċi li qed ikollu jħabbat wiċċu magħhom il-poplu Malti u Għawdxi, fosthom il-problemi li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza. Ġaladarba qed ngħid dan nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor għenu sabiex tiġi organizzata l-laqgħa pubblika li semmejt u lil kull min attenda għal din il-laqgħa. Fil-fatt għal din il-laqgħa attendew Maltin u Għawdxin li kienu ġejjin mill-erbat irjieħ tad-dinja, fosthom mill-Awstralja, mill-Kanada, mill-Amerka u mill-Ingilterra, u mingħandhom smajna diversi esperjenzi, l-iktar ta' dak li kellhom jgħaddu minnu minħabba l-anomaliji li jeżistu fil-kostituzzjoni tagħna.
Mr Speaker, irridu nammettu li għalkemm għadna kif emendajna l-kostituzzjoni u issa qed nemendaw ukoll l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, għad fadlilna diversi anomaliji li kien bellagħhomlna l-Gvern Ingliż meta Malta saret indipendenti fl-1964, jiġifieri dawn l-anomaliji ma ħloqnihomx aħna għax riedna. Per eżempju, jien persważ li ħadd minna ma jixtieq li llum għadna f'sitwazzjoni fejn persuna li l-ġenituri tagħha ma kenux Maltin imma li hi twieldet Malta, għexet dejjem Malta u minkejja li żżewġet Ingliż, għexet xi 30 jew 40 sena l-Ingilterra u awtomatikament ħadet ċittadinanza Ingliża, baqgħet dejjem Maltija, kemm fi ħsebijietha, kemm fl-ispirtu kif ukoll fil-mod li bih rabbiet lill-familja tagħha, meta reġgħet ġiet Malta ġiet informata li hi qatt ma tista' ssir Maltija minħabba l-anomaliji li jeżistu fil-kostituzzjoni. Kif qal anke l-ministru, dawk il-persuni li twieldu Malta jew inkella li għandhom ġenituri Maltin, kemm dawk li għandhom missierhom Malti kif ukoll dawk li għandhom ommhom Maltija, għandhom dritt jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija, irrispettivament minn jekk din tingħatax b'mod awtomatiku jew inkella b'applikazzjoni. Per eżempju, jien naħseb li anke l-Onor. Dalli tiftakar lil dik l-anzjana li tkellmet waqt il-laqgħa pubblika li saret fit-2 t'Ottubru. Fil-fatt kulmin sema' lil din l-anzjana tirrakkonta ġietu ħasra minnha, speċjalment meta bdiet tibki u tistaqsi: Imma jien kif ma nistax niġi rikonoxxuta bħala Maltija meta kont dejjem Maltija?
Mr Speaker, punt ieħor li ħareġ matul din il-laqgħa kien jikkonċerna dak tat-tfal ta' l-emigranti Maltin, pero` issa dan l-abbozz ta' liġi għamel ċertu titjib f'dan ir-rigward, u din hija xi ħaġa pożittiva. Għaliex qed ngħid dan? Għax sal-lum dawn, meta jaslu fl-eta` ta' 19-il sena, kellhom jiddeċiedu jekk iżommux iċ-ċittadinanza Maltija jew dik tal-pajjiż li jkunu qed jgħixu fih - hawn ta' min isemmi wkoll li huma jkunu jridu jieħdu din id-deċiżjoni f'perijodu qasir - u għalkemm huma kienu jkunu jixtiequ jżommu ż-żewġ ċittadinanzi, dan sal-lum ma kienx possibbli li jsir u għalhekk minħabba raġunijiet ovvji huma kien ikollhom jiddeċiedu li jirrinunzjaw għaċ-ċittadinanza Maltija u jżommu dik barranija. Pero` issa, permezz ta' artiklu 8 ta' Taqsima IV, dawn se jingħataw id-dritt li jerġgħu jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija. Kif wieħed jista' jimmaġina, din l-emenda saret minħabba li dawk l-emigranti Maltin li reġgħu ġew jgħixu Malta bi tfal żgħar u laħqu reġgħu integraw fis-soċjeta` Maltija - għax ġeneralment meta l-emigranti Maltin jerġgħu jiġu jgħixu Malta bit-tfal, it-tfal ikunu għadhom żgħar, u dan għaliex jekk ikunu laħqu kibru huma ma jiġux u jibqgħu hemmhekk minħabba li jkunu laħqu draw is-soċjeta` ta' barra - it-tfal kienu qed jiġu mġiegħla jieħdu deċiżjoni kiefra ħafna meta kienu jkunu jridu jagħżlu bilfors bejn ċittadinanza u oħra, pero` almenu din hija xi ħaġa li llum ġiet ikkonsidrata. Issa ħalli ngħaddi biex nitkellem fuq meta jsiru żweġijiet ta' konvenjenza bl-iskop li tiġi mogħtija ċ-ċittadinanza Maltija.
Mr Speaker, kif spjega tajjeb l-Onor. Gulia, illum qed isir racket sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' żweġijiet ta' konvenjenza u issa li wieħed jaspira hu li permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi n-numru ta' abbużi li qed isiru f'dan ir-rigward jibdew jonqsu. Fil-fatt il-kummissjoni tal-Partit Laburista daħlet fil-fond f'dan il-qasam u minn korrispondenzi li sarulha, liema korrispondenzi hija investigathom bir-reqqa, irriżulta li f'pajjiżna qed jiġu regolarment nies ta' nazzjonalitajiet differenti, ġeneralment minn pajjiżi Għarab u qed ikun hemm middlemen - dawn daqqa jkunu Maltin u daqqa jkunu barranin - li jlaqqgħuhom ma' nisa Maltin biex isiru żweġijiet ta' konvenjenza. Fil-maġġoranza l-kbira tal-każi l-vittmi f'dan l-arranġament ikunu nisa, li jitħallsu xi Lm500 jew Lm1000 talli jaċċettaw li jidħlu għal dan iż-żwieġ. Għalhekk issa dan l-abbozz ta' liġi qed jesiġi li biex persuna barranija li tkun iżżewġet persuna Maltija tieħu ċ-ċittadinanza Maltija, trid tkun ilha miżżewġa u għexet mal-mara jew mar-raġel tagħha għal ħames snin, u jekk dan ma jsirx ma jkunx jista' jiġi kkonsidrat li l-persuna barranija tingħata ċ-ċittadinanza Maltija. Madanakollu jiddispjaċini ngħid li dan xorta waħda jista' jagħti lok għal abbuż għaliex jista' jkun hemm min ikun lest li jissapporti żwieġ ta' ħames snin, anke jekk dan ikun żwieġ ta' konvenjenza u, kif qal sieħbi l-Onor. Gulia, għalkemm de facto jista' jkun hemm separazzjoni, sakemm ma jkunx hemm separazzjoni de jure ħadd ma jista' jipprova li dawn ma jkunux għamlu ħames snin jgħixu bħala miżżewġin. (Interruzzjonijiet) Ministru, jien naf b'każi fejn koppji li daħlu għal żwieġ ta' konvenjenza rnexxielhom saħansitra jġibu l-annullamenti u jerġgħu jiżżewġu. Kif intqal iktar kmieni f'dan id-dibattitu, iż-żweġijiet ta' konvenjenza kollha bir-reġistru jsiru u mhux bil-knisja. Il-kummissjoni tal-Partit Laburista, li nerġa' ngħid ħadmet bla heda f'dan il-qasam, għandha diversi każi ta' żweġijiet ta' konvenjenza quddiemha. Fil-fatt waħda mill-persuni li rrakkontat l-esperjenza tagħha lil din il-kummissjoni qalet li hi qed tirrakkonta l-esperjenza tagħha biex ħaddieħor ma jgħaddix minn dak li għaddiet hi. Hija qaltilna: Issa ħajti spiċċat imma jien ma rridx li ħaddieħor jgħaddi minn dak li għaddejt jien.
Mr Speaker, ħadd ma jista' jinnega l-fatt li dak li hemm propost f'dan l-abbozz ta' liġi bil-għan li jitnaqqas in-numru ta' żweġijiet ta' konvenjenza huwa pass 'il quddiem, pero` xorta waħda jista' jkun hemm barrani li jiġi Malta, jiżżewweġ Maltija per convenienza u wara ħames snin jirnexxielu saħansitra jieħu annullament filwaqt li jkun moħħu moħħu mistrieħ li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija, u f'dan il-każ hija l-mara Maltija li tibqa' ssagrifikata. Forsi hawn wieħed jista' jgħid li jkun hemm każi fejn il-mara Maltija tkun taf minn qabel ma tiżżewweġ li tkun dieħla għal żwieġ ta' konvenjenza u allura jekk tibqa' ssagrifikata, dan ikun kollu tort tagħha. Dan huwa veru, imma allura taħsbu li lil dak il-barrani li sar Malti għax huwa brikkun għandna nħalluh jieħu dan il-vantaġġ? Bla ebda dubju jeħtieġ li fl-istadju ta' kumitat nesploraw dawn il-loopholes li ħallejna f'dan l-abbozz ta' liġi.
Jien ngħid li kull meta jirriżulta li barrani jkun iżżewweġ sempliċement biex jikseb iċ-ċittadinanza u mill-bidu nett taż-żwieġ ikun infidil lejn martu, dan il-parlament huwa responsabbli li jara li dan m'għandu qatt jibqa' jżomm iċ-ċittadinanza Maltija. Ovvjament hawnhekk m'iniex qed nirriferi għal dawk il-persuni barranin li żżewġu lil Maltin bi skop ġenwin u li għal xi raġuni jew oħra li ma kellhomx kontroll fuqha ż-żwieġ ma rnexxiex u allura sseparaw jew ġabu l-annullament, għax f'dawn il-każi jien naqbel li l-persuna l-barranija għandha tibqa' tgawdi ċ-ċittadinanza Maltija. (Interruzzjonijiet) Imma b'dan l-abbozz ta' liġi xorta waħda jistgħu jibqgħu jsiru l-abbużi li semmejt. Per eżempju, il-kummissjoni li waqqaf il-Partit Laburista ġiet informata wkoll li f'Malta jiġu persuni barranin, speċjalment minn pajjiżi Għarab - jien ma neħux pjaċir insemmi kull darba lill-pajjiżi Għarab pero` bilfors ikolli ngħid li ġeneralment f'dawn it-tip ta' każi l-persuni involuti jkunu ġejjin minn pajjiżi Għarab - u għalkemm hawn Malta dawn ma jkunu għamlu l-ebda reat, jirriżulta li dawn ikunu għamlu diversi reati fil-pajjiż of origin tagħhom u wħud minnhom ikunu ġew Malta minħabba li kienu ġew maħrubin minn pajjiżhom.
Ikun hemm ukoll każi fejn dawn ikunu imfittxija minn pajjiżhom għal xi reat li jkunu kkommettew jew inkella jkollhom każ il-qorti li jkun għadu ma ġiex riżolt, u ovvjament ġaladarba l-akkużat ikun qiegħed hawn Malta iktar u iktar il-każ tiegħu ma jkunx jista' jiġi riżolt. Per eżempju, riċentement kellna każi ta' nies li telqu mill-Alġerija - u l-ministru jaf b'dawn il-każi għax l-informazzjoni li għandi jien qiegħda għandu wkoll - għax kienu mdaħħlin fil-kwestjoni taħraq li hemm f'dak il-pajjiż minħabba t-terroriżmu, u ġew Malta għax kienu jafu li f'pajjiżna se jsibu lil xi ħadd li jlaqqagħhom ma' Maltija, imbagħad huma jiżżewġu lil din il-Maltija għall-konvenjenza u b'hekk ikunu jistgħu jibdew ħajja oħra f'pajjiżna. Dawn huma każi illi bilfors irridu nsemmuhom ġaladarba jiġru u l-oppożizzjoni tkun irresponsabbli jekk kemm-il darba tkun taf b'dawn il-każijiet u ma ssemmihomx.
Mr Speaker, hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha li jgħixu barra minn Malta u bagħtulna xi forma ta' korrispondenza biex jgħinuna nagħrfu d-diffikultajiet li huma jiltaqgħu magħhom meta jiġu biex japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, partikolarment lil dawk il-komunitajiet li jgħixu fil-Kanada u fl-Awstralja. Fil-fatt, kif qalet tajjeb l-Onor. Dalli matul id-diskors tagħha, illum hawn preżenti għal dan id-dibattitu żewġ rappreżentanti tal-komunita` Maltija f'Sydney, is-Sur Lawrence Dimech li għamel u għadu jagħmel ħafna xogħol mal-Maltin, u s-Sur Charles Mifsud, li bħas-Sur Dimech, ta kontribut kbir f'dan il-qasam, kemm meta kien fil-gvern il-Partit Laburista kif ukoll illum li jinsab fil-gvern il-Partit Nazzjonalista. Wara kollox hekk għandu jkun għaliex il-komunita` Maltija mhijiex kwestjoni ta' Nazzjonalisti jew Laburisti imma għandek rappreżentanza qawwija tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għalhekk mhux sew li meta tmur biex taqra subartiklu (2) t'artiklu 5 taħt taqsima II - kif propost fi klawsola 5 - issib li dan jgħid hekk dwar il-ksib ta' ċittadinanza bi twelid jew dixxendenza:
"Min jitwieled barra minn Malta fi jew wara l-ġurnata stabbilita ..."
- u hawn ta' min ifakkar li meta dan l-abbozz ta' liġi jsemmi l-"ġurnata stabbilita" ikun qed jirriferi għal dakinhar li pajjiżna ħa l-indipendenza, jiġifieri fil-21 ta' Settembru, 1964 -
"... jitqies li jkun sar jew isir ċittadin ta' Malta fil-ġurnata tat-twelid tiegħu:
(a) fil-każ ta' persuna mwielda fi jew qabel il-31 ta' Lulju, 1989, jekk fil-ġurnata tat-twelid ta' dik il-persuna, missierha kien ċittadin ta' Malta b'mod ieħor milli bis-saħħa ta' dan is-subartikolu jew tas-subartikolu (2) ta' l-artikolu 3 ta' dan l-Att; ...".
Mela dan l-artiklu qed jgħid li jekk minflok ma huwa ċittadin ta' Malta l-missier hija ċittadina ta' Malta l-omm, f'dan il-każ il-bint jew l-iben ma jikkwalifikawx għall-ksib taċ-ċittadinanza Maltija. Jeħtieġ li l-leġislatur li għamel id-drafting ta' dan l-abbozz ta' liġi jirranġa din id-diskriminazzjoni li qed issir hawnhekk għaliex dan is-subartiklu huwa stupidu, u l-komunita` Maltija ta' New South Wales għamlet sew li kitbitilna fuq dan is-subartiklu u qaltilna: Tafu x'qegħdin tagħmlu meta hawnhekk se tiddiskriminaw bejn mara u raġel? Jien naħseb li ħadd minna f'din il-Kamra m'għandu l-intenzjoni li jiddiskrimina u nassumi li l-ministru diġa' għamel osservazzjoni biex din id-diskriminazzjoni titneħħa.
Mr Speaker, issa nixtieq nagħmel punt dwar artiklu 9 ta' taqsima IV li jgħid hekk:
"Persuna li f'xi waqt kienet ċittadin ta' Malta skond l-artikoli 3 jew 5 ta' dan l-Att jew skond l-artikoli 22 jew 25 tal-Kostituzzjoni kif kienet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-Att ta' l-1999 li jemenda l-Kostituzzjoni, u kienet residenti f'xi pajjiż barra minn Malta għal żmien li b'kollox jammonta għal mill-inqas sitt snin, tkun akkwistat jew żammet iċ-ċittadinanza ta' pajjiż li fih kienet residenti għal xi perjodu matul dawk is-sitt snin, għandha titqies bħala li qatt ma tkun temmet milli tkun ċittadin ta' Malta.".
Hawnhekk jien se nġib eżempju ta' familja Maltija li tkun ilha iktar minn sitt snin li emigrat u terġa' tiġi Malta qabel ma t-tfal ikunu għalqu s-sitt snin. Issa f'dan il-każ wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni wkoll tal-fatt illi mhux kull familja jkollha t-tfal mal-ewwel, u dan għal diversi raġunijiet, fosthom għaliex mhux in-natura ta' kulħadd hija l-istess. Allura hawn jien nistaqsi: Dak it-tifel li għandu lil missieru Malti u li wara 20 sena jgħix l-Awstralja reġa' ġie biex jgħix Malta flimkien mal-familja tiegħu, jekk dan it-tifel ikun għadu m'għalaqx is-sitt snin meta reġa' ġie ma' missieru hawn Malta imma jkollu ħames snin u 11-il xahar ma jikkwalifikax għaċ-ċittadinanza doppja? Jien naħseb li hawnhekk irridu noqogħdu attenti għax inkella wisq nibża' li meta niġu biex inħaddmu din il-liġi, insibu li din hija liġi drakonjana u dan m'għandux ikun għaliex l-ispirtu ta' dan l-abbozz ta' liġi huwa li ħutna l-Maltin li jgħixu barra minn Malta jiġu rikonoxxuti bħala Maltin daqsna, li ngħixu hawn Malta. Jien persważ li l-ministru qed jifhem illi b'dan l-artiklu se tinħoloq diskriminazzjoni bejn dawk it-tfal ta' l-emigranti li jkunu reġgħu ġew jgħixu hawn Malta qabel ma jkunu għalqu s-sitt snin u bejn dawk li jkunu laħqu għalquhom, u dan m'huwiex sew, iktar u iktar meta nafu li hekk kif dawn jikbru jsiru jafu li huma ma sarux Maltin sempliċement minħabba l-medjokrita` li fih dak l-artiklu li semmejt.
Sur President, dalgħodu smajt lill-ministru jgħid li ċ-ċittadinanza doppja tingħata lil dawk li huma ċittadini ta' pajjiż li jirrikonoxxi ċ-ċittadinanza doppja.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, forsi s-Sedja tippermettili nagħmel point of explanation.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru, bil-permess ta' l-Onor. Farrugia.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, nixtieq niċċara li aħna m'aħniex qed norbtu l-għoti taċ-ċittadinanza doppja mar-reċiproċita`. Kieku huwa hekk, lill-Maltin ċittadini ta' l-Awstralja m'aħniex se nintitolawhom għaċ-ċittadinanza doppja għaliex l-Awstralja ma tagħtix ċittadinanza doppja fil-veru sens tal-kelma. Għalhekk jien niftakar li meta konna qed niddiskutu din il-materja fil-kabinett, il-gvern kien ħa d-deċiżjoni li ma jorbotx l-għoti taċ-ċittadinanza doppja mal-prinċipju tar-reċiproċita`. Fil-fatt ir-reċiproċita` daħħalnieha biss f'xi ħaġa totalment differenti, ċioe' fl-elezzjonijiet tal-kunsill lokali, għaliex f'dak il-każ tajna d-dritt tal-vot lil dawk li huma ġejjin minn pajjiżi li lill-Maltin li jgħixu hemmhekk jagħtuhom id-dritt tal-vot għall-kunsilli lokali tagħhom, u peress li hija l-Ingilterra biss li tagħti dritt lill-Maltin li jgħixu hemmhekk li jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, huma biss l-Ingliżi mill-barranin kollha li jgħixu f'Malta li jistgħu jivvotaw għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta' pajjiżna.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Il-punt li għamel il-ministru fhimtu pero` jien ma kontx qed nitkellem minn dak l-aspett. Matul dan id-dibattitu ssemmiet il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea pero` m'iniex beħsiebni nidħol fiha, u m'iniex se nidħol fiha minħabba li m'hijiex is-suġġett li qed niddiskutu llum għax mill-bqija nieħu pjaċir niddiskuti din il-kwestjoni. Dalgħodu l-ministru semma l-Italja, Spanja u xi pajjiżi oħra. Huwa veru li fil-liġi taċ-ċittadinanza ta' dawn il-pajjiżi hemm ċerti vantaġġi. Per eżempju, dan l-aħħar mort Ġibilta` fuq xogħol. Issa jekk hawn poplu li jiftaħar għall-fatt li fostu hemm bosta individwi ta' demm Malti dan huwa l-poplu ta' Ġibilta`. Fil-fatt iċ-chief minister ta' Ġibilta' kunjomu Caruana u dan appertament jiftaħar li l-antenati tiegħu huma Maltin. Issa hawn ta' min jgħid li għalkemm dawn sal-lum għadhom kolonja Ingliża, il-liġi taċ-ċittadinanza tagħhom m'hijiex wiesgħa daqs, per eżempju, dik ta' l-Italja.
Hawn irrid ngħid ukoll li mhux il-pajjiżi kollha li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom l-istess tip ta' leġislazzjoni u għalhekk mhux kull leġislazzjoni ta' dawn il-pajjiżi hija wiesgħa daqs dik ta' l-Italja. Per eżempju, hemm ċerti riżervi fil-liġi Spanjola għal dawk l-Ispanjoli li l-antenati tagħhom, li għexu madwar 150 sena jew 160 sena ilu, kienu Maltin u meta dawn jiġu biex jieħdu ċ-ċittadinanza doppja l-liġi mhux biss tkun trid tassigura li dawn għandhom roots Spanjoli imma tagħmel ukoll ċerti kondizzjonijiet, anke jekk il-pajjiżi li dawn l-Ispanjoli jkollhom l-antenati ġejjin minnhom ikollhom rabtiet speċjali ma' Spanja. Issa l-ministru qal li jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea l-Maltin li jgħixu l-Awstralja jkun jaqblilhom, imma jiddispjaċini ngħid li l-verita` m'hijiex din.
Il-verita` hija li jekk kemm-il darba Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni l-Maltin li jgħixu l-Awstralja, għalkemm ikollhom iċ-ċittadinanza doppja, din iċ-ċittadinanza ma tagħtihomx dritt awtomatiku li jkollhom l-istess drittijiet li għandhom il-Maltin. Dan biex ma nsemmux ukoll li jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni aħna nibdew insibu problema anke meta niġu biex nemendaw il-liġijiet tagħna. Per eżempju, jekk Malta tibqa' ma tisseħibx fl-Unjoni Ewropea aħna jkollna kull dritt li nerġgħu nemendaw din il-liġi meta rridu biex, ngħidu aħna, nibdew nirrikonoxxu anke għal dawk il-Maltin li saru ċittadini Maltin mhux għaliex imweldin hawn Maltin imma għaliex missirijiethom jew ommijiethom huma Maltin. Illum dan l-abbozz ta' liġi m'huwiex qed jagħti dan ir-rikonoxximent imma jekk 'il quddiem inħossu li jkun tajjeb li nibdew nirrikonoxxu din iċ-ċirkostanza wkoll, s'issa li għadna m'aħniex membri ta' l-Unjoni għandna kull dritt li nagħmlu dan, pero` hekk kif insiru membri ta' l-Unjoni dan ma nkunux nistgħu nagħmluh awtomatikament. Issa ħalli ngħaddi rimarka oħra fuq dan l-abbozz ta' liġi li qed niddiskutu llum.
Sur President, jekk wieħed jara l-proviso ta' subartiklu (1) ta' artiklu 3 taħt taqsima I isib li dan jgħid hekk:
"Iżda persuna ma titqiesx li tkun saret ċittadin ta' Malta bis-saħħa ta' dan is-subartikolu jekk ebda wieħed mill-ġenituri tagħha ma kien imwieled Malta.".
Issa fil-bidu tad-diskors tiegħi jien diġa' għedt li nħoss illi waqt dibattitu bħal dan ta' min ifakkar li meta Malta kienet għadha kolonja Ingliża, ħafna Maltin kienu emigraw lejn Tuneż, l-Alġerija u l-Eġittu u dawn tgħidx kemm batew matul is-snin ħamsin, li kienu żmenijiet turbolenti għall-Afrika ta' Fuq, u meta ġew biex jieħdu l-protezzjoni ta' l-Ingliżi - għax, kif għedt diġa', ma setgħux jieħdu l-protezzjoni tal-Maltin ġaladarba pajjiżna kien għadu kolonja Ingliża - ma tantx sabu ħajt ta' kenn għaliex dawn lanqas passaport ma riedu jagħtuhom. Għalhekk ejjew ma ninsewhomx dawn l-affarijiet, iktar u iktar meta nafu li wħud minn dawn il-Maltin għadhom ħajjin. Minn hawn nixtieq nieħu l-okkażjoni li nirringrazzja lil dawk il-Maltin li qed jgħixu barra minn Malta u għadhom jaħdmu biex jingħataw rikonoxximent li huma Maltin, irrispettivament mill-problemi li kellhom jgħaddu minnhom matul ħajjithom.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Farrugia, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema'.
ONOR. TONIO BORG: Nipproponi li l-Onor. Farrugia jkompli jinstema'.
ONOR. JOE CILIA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Farrugia jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed. Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Per eżempju, minn hawn jien nixtieq insellem lis-Sur Magri Overend, li baqa' joħroġ rivista regolari kull erba' xhur - liema rivista huwa dejjem jibgħathieli - biex b'hekk dawk il-Maltin li kellhom jitilqu mill-Eġittu u li ħafna minnhom spiċċaw l-Ingilterra, l-Awstralja u saħansitra f'pajjiżi Afrikani jibqgħu jżommu kuntatt bejniethom permezz ta' din ir-rivista. Fil-fatt meta kont l-Ingilterra jien iltqajt ma' wħud minnhom, u dawn jgħidulek li meta kienu tkeċċew mill-pajjiż li kienu qed jgħixu fih, il-Gvern Ingliż lanqas biss kien offrielhom il-passaport. Dawk il-Maltin li tkeċċew mill-Alġerija u mit-Tuneżija u wħud minnhom xtaqu jiġu Malta, dawn lanqas biss ġew rikonoxxuti bħala Maltin mill-Gvern Ingliż u mbagħad ingħataw protezzjoni mill-Franċiżi. Mhux ta' b'xejn li ġo Franza hemm iktar minn 400,000 kunjom Malti, jiġifieri kważi nofs miljun kunjom Malti! Jien niftakar li meta kont mort Franza kont iltqajt ma' waħda ta' madwar 92 jew 93 sena li toqgħod Toulouse u li kellha lil xi ħadd mill-ġenerazzjonijiet ta' qabilha Malti. Fil-fatt kunjom din l-anzjana huwa Lapira u skantajt kemm għadha titkellem Malti tajjeb; naħseb aħjar minn kif jitkellmuh ħafna mill-Maltin li jgħixu hawnhekk! - u din l-anzjana, b'Malti semitiku klassiku, irrakkontatli minn xiex kellha tgħaddi meta kien hemm ir-rivoluzzjoni ta' Ben Bella fl-Alġerija, fejn wara li kellha titlaq mill-Alġerija ma kellhiex għażla oħra ħlief li tmur fil-pajjiż li kien offrielha l-protezzjoni, jiġifieri fi Franza. Forsi hawn wieħed jistaqsi: Għaliex qed ngħid dan kollu llum?
Fil-fatt qed ngħid dan kollu għaliex inħoss li f'dibattitu bħal dan għandna nfakkru ftit minn xiex kellhom jgħaddu l-Maltin li għexu barra minn Malta meta pajjiżna kien għadu ma ħax l-indipendenza. Meta qrajt il-proviso ta' subartiklu (1) ta' artiklu 3 taħt taqsima I, mill-ewwel ftakart f'dawn il-Maltin li minkejja li llum huma anzjani ħafna għadhom jixtiequ jieħdu ċ-ċittadinanza Maltija. Wara kollox dawn meta kienu riedu jiġu lura Malta kienu ġew imċaħħda milli jagħmlu dan u għalhekk ta' min jaħseb xi ftit iktar f'dawn il-Maltin. Per eżempju, jien naf wieħed minn dawn il-Maltin li llum għandu l-eta` sabiħa ta' 102 sena. Dan il-bniedem, li l-antenati tiegħu huma mix-Xagħra, Għawdex, jitkellem bil-Malti u kull meta tissemma Malta jemozzjona ruħu. Ta' min jgħid li dan tant irnexxielu jimxi fil-ħajja li t-tifel tat-tifel tiegħu kien ġie mqabbad mill-President Mitterand biex jinvestiga l-każ ta' meta kienu għarrqu dak il-yacht tal-Greenpeace fis-South Pacific, peress li dan l-individwu, kunjomu Farrugia, huwa wieħed mill-kapijiet tal-pulizija ta' Pariġi. Jien nifhem li issa ma nistgħux noqogħdu nikkonsidraw li nagħtu ċ-ċittadinanza Maltija lil dawn ukoll għax x'imkien trid taqta' linja, pero` naħseb li jkun xieraq li dan il-parlament juri xi ġest t'apprezzament lil dawn il-Maltin, li llum jaqbżu t-80 sena, id-90 sena u saħansitra l-100 sena.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru, bil-permess ta' l-Onor. Farugia.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, jien napprezza l-kumment li għamel l-Onor. Farrugia rigward il-proviso ta' subartiklu (1) ta' artiklu 3 ta' Taqsima I, pero` rrid ngħid li dan qed nikkopjawh kelma b'kelma mill-proviso ta' subartiklu (1) t'artiklu 22 tal-kostituzzjoni, jiġifieri ma biddilna xejn minnu. Hawn ta' min jgħid li mhux ir-regoli ta' kif wieħed isir ċittadin Malti se jinbidlu. Fil-fatt kulma qed nagħmlu hawnhekk huwa li qed nestendu l-possibbilta` li tingħata ċ-ċittadinanza doppja, pero` r-regoli li bihom wieħed isir ċittadin Malti se jibqgħu l-istess. Issa hawnhekk irrid niġbed l-attenzjoni li meta nbiddlu, irridu nbiddlu minn dakinhar 'il quddiem u ma nistgħux inbiddlu affarijiet li diġa' għaddew. Ħalli nagħti eżempju biex wieħed jifhem x'qed ngħid.
Per eżempju, aħna għedna li m'hux sew li fil-każ ta' trabi mweldin barra minn Malta l-omm tiġi injorata għal skopijiet ta' ċittadinanza u fil-fatt kien għalhekk li għamilna emenda fejn għedna li f'każ ta' trabi mweldin barra minn Malta, jekk ikollhom jew lil missierhom jew inkella lil ommhom ċittadini Maltin, ikunu jistgħu jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija. Madanakollu meta nagħmlu emendi bħal dawn, dan it-tibdil ikun applikabbli biss għal minn dakinhar 'il quddiem. Per eżempju, jekk nemendaw subartiklu (2) t'artiklu 3 taħt taqsima I, li jgħid:
"Kull min, imwieled barra minn Malta, kien fil-ġurnata qabel il-ġurnata stabbilita ċittadin tar-Renju Unit u Kolonji għandu, jekk missieru jkun sar, jew li ma kienx għal mewt tiegħu kien isir, ċittadin ta' Malta ...",
din nistgħu nemendawha biss għal mil-lum 'il quddiem għaliex min twieled qabel il-ġurnata ta' l-indipendenza diġa' jeżisti jew miet, u għalhekk ir-regola għal min twieled qabel il-ġurnata ta' l-indipendenza bilfors trid tibqa' dik li huwa jista' jsir ċittadin ta' Malta biss "... jekk missieru jkun sar, jew li ma kienx għal mewt tiegħu kien isir, ċittadin ta' Malta ...". Se mai dan is-subartiklu jista' jiġi emendat għall-futur imma għal min twieled qabel il-ġurnata ta' l-indipendenza r-regola hija li biex isir ċittadin Malti ried ikun ċittadin tar-Renju Unit u Kolonji fil-ġurnata ta' qabel ma pajjiżna kiseb l-indipendenza.
Fi kliem ieħor, jekk għall-grazzja ta' l-argument jien u l-Onor. Farrugia, li t-tnejn li aħna twelidna qabel l-1964, konna ċittadini tar-Renju Unit u Kolonji u wieħed mill-ġenituri tagħna kien imwieled Malta aħna sirna ċittadini Maltin fil-21 ta' Settembru, 1964, pero` dik ir-regola ma tistax terġa' tinbidel għalija u għall-Onor. Farrugia ġaladarba aħna diġa' twelidna.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Jien napprezza l-kumment li għadu kemm għamel il-ministru u naf li f'din il-ħaġa la għandu tort hu, la għandi tort jien u jkolli nammetti li lanqas għandu tort il-gvern ta' dak iż-żmien, ġaladarba wieħed jikkonsidra l-fatt li l-kostituzzjoni kienet inkitbet bil-parteċipazzjoni tal-Gvern Ingliż. Imma issa ħalli ngħaddi biex nagħmel punt ieħor.
Sur President, f'subartiklu (1) t'artiklu 4 taħt taqsima I qed ngħidu li:
"Kull persuna li fil-ġurnata qabel il-ġurnata stabbilita kienet miżżewġa, jew kienet u ma għadhiex miżżewġa, lil xi ħadd -
(a) li sar ċittadin ta' Malta bis-saħħa ta' l-artikolu 3 ta' dan l-Att; jew
(b) li, billi jkun miet qabel il-ġurnata stabbilita, kien, li ma kienx għall-mewt tiegħu jew tagħha, isir ċittadin ta' Malta bis-saħħa ta' dak l-artikolu,
ikollha dritt, wara li tagħmel applikazzjoni b'dak il-mod li jista' jkun preskritt u wara li tieħu l-ġurament ta' lealta`, tkun reġistrata bħala ċittadin ta' Malta.".
Issa hawnhekk jien se nerġa' nirriferi għal dawk l-anzjani li baqgħu bix-xewqa li jsiru ċittadini Maltin u l-kostituzzjoni ma tippermettiex dan.
Jien naf anzjana f'Ġibilta` li llum se tagħlaq il-100 - ta' min jgħid li lil din l-anzjana jmur iqarbinha kuljum qassis Għawdxi, Dun Coronato Grima, u qed insemmih b'ismu biex nuru l-apprezzament tiegħi għall-ġid li qed jagħmel dan l-individwu; u ta' min jgħid ukoll li n-neputija ta' din l-anzjana ta' Ġibilta` hija waħda mill-aħjar avukati li hemm f'dak il-pajjiż fil-kamp kriminali, kunjomha Grech - u għalkemm hija a distant Gozitan, baqgħet titkellem bil-Malti sal-ġurnata tal-lum u ma titkellimx bl-Ispanjol, kif jitkellmu dawk kollha li jgħixu f'Ġibilta`. Kif għedt diġa' iktar kmieni f'dan id-dibattitu, din l-anzjana u oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tagħha jinfaqgħu jibku hekk kif issemmilhom lil Malta, imma sfortunatament, minħabba li l-kostituzzjoni tagħna kellha tinkiteb kif kellha tinkiteb, dawn ma jistgħu qatt isiru ċittadini Maltin. Għalhekk jien nittama li xi darba l-parlament tagħna jaqta' x-xewqa ta' dawn l-anzjani u fl-aħħar jagħmilhom ċittadini Maltin. Wara kollox, ejjew ngħiduha kif inhi, kemm jista' jgħix bniedem li llum iġib l-eta` ta' 92 sena? Kif għedt diġa', din l-anzjana li semmejt dalwaqt tagħlaq 100 sena u għalkemm baqgħet iżżomm ruħha tant li għadha tmur għand il-hairdresser biex tirranġa xagħarha, din ma tantx tista' tgħix iktar. Pajjiżi oħra jagħtu ċ-ċittadinanza onorarja u fil-fatt huma ħafna dawk il-heads of state li jmorru Buenos Aires u jingħataw iċ-ċittadinanza onorarja. Per eżempju, jien niftakar li meta l-ex-President ta' Malta, is-Sinjorina Agatha Barbara, kienet marret Buenos Aires, lil din kienu għamluha ċ-ċittadina onorarja ta' Buenos Aires u għalhekk nissuġġerixxi li dan il-parlament jagħmel xi ħaġa simili għar-rigward ta' dawn l-anzjani li semmejt.
Sur President, dalgħodu jien smajt lill-ministru jitkellem dwar iċ-ċittadinanza miksuba b'reġistrazzjoni wara ż-żwieġ b'attenzjoni kbira pero` wisq nibża' li, bħal kull ħaġa oħra, il-miżuri kollha li qed nieħdu f'dan ir-rigward xorta waħda jistgħu jiġu abbużati għax, kif nafu, għandna każi ta' koppji li ilhom separati de facto s-snin pero` f'għajnejn in-nies m'humiex separati. Imbagħad għandna wkoll każi ta' koppji li għalkemm ikunu separati de jure huma fil-fatt ma jkunu separati xejn imma jkunu għaddew mill-proċess ta' separazzjoni de jure sempliċement biex jieħdu r-relief mid-dipartiment tas-sigurta` soċjali. Għalhekk ta' min jieħu konsiderazzjoni ta' dawn l-affarijiet li għadni kemm semmejt biex nagħlqu kemm jista' jkun loopholes. Issa ħalli niġi biex nerġa' nagħmel punt rigward iċ-ċittadinanza doppja, liema punt diġa' qajjimtu iktar kmieni f'dan id-dibattitu imma nixtieq li l-ministru jweġibni fuqu.
Artiklu 9 taħt taqsima IV kif propost fi klawsola 5 jgħid hekk:
"Persuna li f'xi waqt kienet ċittadin ta' Malta skond l-artikoli 3 jew 5 ta' dan l-Att jew skond l-artikoli 22 jew 25 tal-Kostituzzjoni kif kienet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-Att ta' l-1999 li jemenda l-Kostituzzjoni, u kienet residenti f'xi pajjiż barra minn Malta għal żmien li b'kollox jammonta għal mill-inqas sitt snin, tkun akkwistat jew żammet iċ-ċittadinanza ta' pajjiż li fih kienet residenti għal xi perjodu matul dawk is-sitt snin, għandha titqies bħala li qatt ma tkun temmet milli tkun ċittadin ta' Malta.".
Issa f'każ li jkun hemm familja li tkun ilha 20 sena jew 15-il sena tgħix l-Awstralja - fil-fatt dwar dan kitbuli anke mill-Awstralja - u din tiddeċiedi li terġa' tiġi tgħix Malta, jekk wieħed minn uliedhom ikun għadu m'għalaqx is-sitt snin meta jiġi jgħix Malta mal-familja tiegħu, dan jitlef id-dritt għaċ-ċittadinanza doppja għal dejjem?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Borg, bil-permess ta' l-Onor. Farrugia.
ONOR. TONIO BORG: Hawnhekk qed ngħidu li jekk persuna Maltija tkun għamlet mill-inqas sitt snin tgħix barra minn Malta, din awtomatikament titqies bħala li qatt ma tilfet iċ-ċittadinanza Maltija. Anzi meta naslu għall-istadju ta' kumitat, se nagħmel emenda żgħira biex nagħmilha li anke jekk matul dawk is-sitt snin il-persuna konċernata ma tkunx akkwistat iċ-ċittadinanza barranija tal-pajjiż li kienet qed tgħix fih matul dawk is-sitt snin imma tkun akkwistat iċ-ċittadinanza ta' xi pajjiż ieħor, din xorta waħda tkun tista' takkwista ċ-ċittadinanza Maltija.
Issa ħalli nara jekk fhimtx il-każ li qed iqajjem l-Onor. Farrugia tajjeb. Jien qed nassumi li l-Onor. Farrugia qed jirriferi għal xi ħadd imwieled minn Maltese parents fl-Awstralja, li tilef iċ-ċittadinanza Maltija u li mbagħad, wara li tilifha, reġa' ġie lura Malta.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Hekk hu.
ONOR. TONIO BORG: Issa jekk dan jiġi lura Malta bħala ex-Maltese citizen, illum dan jista' japplika bin-naturalisation u jkun jista' jingħata ċ-ċittadinanza Maltija għaliex għal ex-Maltese citizen lanqas biss hemm ir-residence requirement.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Jien qed nieħu pjaċir b'dak li qed jgħid il-Ministru, iktar u iktar għaliex naf li din kienet xi ħaġa li kienet qed tinkwieta lil ħafna Maltin li qed jgħixu f'xi pajjiż ieħor, u dan bir-raġun għaliex dan l-abbozz ta' liġi tant huwa tekniku li xi kultant anke aħna l-avukati nsibu diffikulta` biex ninterpretawh.
ONOR. TONIO BORG: Id-diffikulta` baqgħet rigward dawk il-Maltin li qed jgħixu fl-Awstralja biss għaliex bil-liġi Awstraljana, jekk huma jagħmlu a voluntary act li permezz tiegħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija, huma awtomatikament jitilfu ċ-ċittadinanza Awstraljana.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Fil-fatt hawnhekk il-Ministru għandu raġun għaliex taħt il-liġi Awstraljana jekk it-tfal ta' l-emigranti jkollhom ċittadinanza Awstraljana u japplikaw għal dik Maltija, awtomatikament jitilfu ċ-ċittadinanza Awstraljana.
Sur President, punt ieħor li nixtieq nagħmel jirrigwarda l-kwestjoni tal-foundlings. Jien ħadt pjaċir ninnota li dan l-abbozz ta' liġi qed jestendi d-drittijiet tal-foundlings, pero` dan qed jitkellem biss fuq trabi tat-twelid u għalhekk nixtieq inkun naf x'pożizzjoni tittieħed fil-każ li jinstab xi tifel jew tifla abbandunati. Qed ngħid dan għaliex f'waħda mill-gżejjer tal-Greċja ġara każ fejn tefgħu l-baħar minn fuq il-yacht tifel żgħir ta' bejn sentejn u tliet snin - mn'Alla kellu tyre ma' qaddu - u dan, b'xi mod, sab ruħu f'beach. Issa jekk f'pajjiżna jiġri każ bħal dan, lil dan it-tifel se nċaħħduh milli nagħtuh iċ-ċittadinanza Maltija? Dan x'tort għandu, hu min hu, kemm jekk inhu abjad kif ukoll jekk inhu iswed? Ara kieku tinstab tarbija tat-twelid fl-airport jew inkella wara xi bieb ...
Kif semma l-Ministru dalgħodu, f'pajjiżna kien hemm każ fejn instabet tarbija l-airport u kien hemm żewġ każi ta' trabi li nstabu wara l-bibien tan-nies għax ġeneralment dawn it-trabi jitpoġġew f'postijiet fejn ikun faċli li jinstabu. Madanakollu dan l-abbozz ta' liġi m'huwiex qed ikopri ċ-ċirkostanza ta' meta jinstab tifel jew tifla ta' sentejn, tlieta jew erba' snin. Ma rridux ninsew li fil-Mediterran ma jeżistix biss it-traffikar tad-droga jew it-traffikar ta' l-armi imma jeżisti wkoll it-traffikar tat-tfal, li għalkemm m'huwiex b'saħħtu daqs l-Asja, xorta waħda jeżisti. Fil-fatt anke meta konna qed niddiskutu dan l-abbozz ta' liġi fil-kummissjoni tal-Partit Laburista qam il-punt li għalkemm il-kwestjoni tal-foundlings is self-explanatory, jiġifieri huwa ovvju li ġaladarba tinstab tarbija f'pajjiżna din se tingħata ċ-ċittadinanza Maltija, m'hijiex daqshekk ovvja fil-każ ta' tfal li jkunu xi ftit imfarfrin, u jien naħseb li din hija xi ħaġa li ta' min jikkonsidraha.
Sur President, l-aħħar punt li nixtieq nagħmel jirrigwarda l-freedom of movement għaliex inħoss li hawnhekk hawn anomalija. Issa jien naf li l-Ministru qal li trid issir emenda kostituzzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-freedom of movement, pero` jien informat li l-MalteseCommunity Council ta' New South Wales diġa' kitbet lill-ministru rigward subartiklu (2) t'artiklu 5 taħt taqsima II kif propost fi klawsola 5, liema subartiklu jgħid hekk:
"Min jitwieled barra minn Malta fi jew wara l-ġurnata stabbilita jitqies li jkun sar jew isir ċittadin ta' Malta fil-ġurnata tat-twelid tiegħu:
(a) fil-każ ta' persuna mwielda fi jew qabel il-31 ta' Lulju, 1989, jekk fil-ġurnata tat-twelid ta' dik il-persuna, missierha kien ċittadin ta' Malta ...".
Issa kif intqal kemm-il darba matul dan id-dibattitu, dan is-subartiklu diġa' qed jinħass ikrah minħabba li filwaqt li qed jagħti l-possibbilta` lil dak li jkun li għandu jew kellu lil missieru ċittadin Malti li jsir ċittadin Malti, m'huwiex qed jagħti l-istess possibbilta` lil min għandu jew kellu lil ommu ċittadina Maltija. (Interruzzjonijiet) Jien m'iniex qed ngħid li din id-diskriminazzjoni saret b'intenzjoni imma qed ngħid sempliċement li tinħass kerha. Fil-fatt diskriminazzjoni oħra li qed tinħass f'dan l-abbozz ta' liġi hija dik illi dan qed jipprovdi li filwaqt li l-foreign wife ta' ċittadin Malti għandha dritt tgawdi l-freedom of movement,il-foreign husband m'għandux dan id-dritt.
Mr Speaker, nixtieq nikkonkludi dan id-diskors billi ngħid illi jien ħadt pjaċir ħafna li dan l-abbozz ta' liġi qed jitressaq quddiem il-parlament proprju f'dawn iż-żmenijiet, meta fi ftit ġranet oħra se tiġi organizzata f'pajjiżna l-konvenzjoni ta' l-emigranti. Jien m'iniex se noqgħod naħli l-ħin insemmi min kellu jkun preżenti għal dan id-dibattitu u min le, pero` żgur li huwa xieraq li f'dan il-mument nirringrazzja lil dawk in-nies li ġejjin mill-komunita` tal-Maltin fl-Awstralja u li kienu preżenti għal dan id-dibattitu għaliex hija xi ħaġa ta' ġieh għall-parlament kollu li qed noffru ħajja aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li qed jgħixu jew li xi darba jew oħra għexu 'l bogħod minn xtutna. Irrid inżid ngħid illi huwa importanti li dan l-abbozz ta' liġi tressaq quddiem dan il-parlament anke biex jiġi assigurat li ma jsirux abbużi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija.
Fl-aħħarnett, Mr Speaker, nixtieq nirringrazzja lilek u lill-parlament kollu talli ħa paċenzja jismagħni llejla. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Issa nitlob lill-Viċi Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.