MALTA
DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)
ID-DISA' PARLAMENT
Seduta Nru. 442
Il-Ġimgħa, 1 ta' Diċembru, 2000
Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
MALTA
Prezz Lm1
ID-DISA' PARLAMENT
Seduta Nru. 442
Il-Ġimgħa, 1 ta' Diċembru, 2000
Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,
il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-9.11 a.m.
Talba
SEDUTA NRU. 442
Il-Ġimgħa, 1 ta' Diċembru, 2000
WERREJ
MINUTI 42
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 42
TQEGĦID TA' KARTI 45
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 46
KUMITAT TA' PROVVISTA 46
ESTIMI ĠENERALI 2001 46
L-EWWEL JUM STABBILIT 46
MINISTERU TAL-FINANZI 46
AĠĠORNAMENT 83
Ordnijiet tal-Ġurnata 83
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 84
MINUTI
Il-Minuti tas-seduta nru. 441 li saret fit- 30 ta' Novembru 2000, ġew konfermati.
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI
POWER STATION - ĦSARAT
21358. L-ONOR. JOE CILIA (f'isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jgħid kemm swew lill-Enemalta l-ħsarat fil-power station ta' Delimara matul 1999 u din is-sena? Kemm swew lill-Enemalta l-ħsarat fil-power station tal-Marsa matul l-istess perijodu? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament?
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi): Tajjeb jingħad li t-terminu "ħsarat" huwa wiesa' ħafna u jkun aħjar li wieħed jgħid "nefqa fuq manutenzjoni ta' l-impjant", li allura tkun tikkomprendi overhauls programmati, manutenzjoni preventiva u manutenzjoni ordinarja li naturalment tkun meħtieġa ta' kuljum f'impjant ta' dan il-kobor. L-ispejjeż konnessi mal-manutenzjoni, li jinkludu l-pagi tal-ħaddiema tal-maintenance workshop fiż-żewġ power stations, kienu kif ġej:
|
Marsa
|
Delimara
|
1/10/98 -30/09/99
|
Lm2,995,513
|
Lm1,112,679
|
1/10/99 -31/08/2000
|
Lm1,883,676
|
Lm1,215,613
|
Mr Speaker, għadni kif ġejt informat mill-Enemalta li għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar ġimgħatejn sar possibbli li l-gas turbine terġa' tagħti back-up service, peress li mhux qed tiġi wżata kontinwament, kif kien qed jiġri biex tissupplixxi l-area ta' Pembroke, Sliema, San Ġwann u dawk in-naħat. Minħabba l-ħsara li seħħet wara l-ħruq li kien hemm, il-power station tal-Marsa kien qed ikollha taħdem non-stop bir-riżultat li ma kellna l-ebda back-up f'każ li jinqala' xi ħaġa fil-gas turbine. Għalkemm il-panels li nħarqu ma setgħux jiġu replaced - għax s'issa m'hemmx spares għalihom - saret modifikazzjoni billi l-linja li dieħla fi switchboard minnhom tfajniha fuq switchboard ieħor u b'hekk seta' jibda jsir ix-xogħol biex din il-parti ta' Malta tkun tista' tieħu post dik il-linja li nqalgħet. B'hekk stajna nagħtu d-dawl u nerġgħu nitfgħu l-gas turbine għal back-up system. Pero' tajjeb li ngħid li għad hemm erba' circuit breakers li għad iridu jiġu ttestjati - minħabba li jrid jiġi xi apparat mill-Ingilterra - għax wara li kienu xxarbu ma nafux jekk baqgħux jiffunzjonaw.
Waħda miż-żewġ busbars li kien hemm fl-iswitchroom tal-Marsa għadha m'hijiex operattiva, bir-riżultat li tnaqqas ħafna ċertu safety element. L-ispare parts għaliha għadhom kif waslulna - anke dawn huma diffiċli li ssib minnhom, għax fl-Ingilterra hemm domanda kbira għalihom, speċjalment minħabba l-ħsarat li kien hemm dan l-aħħar - pero' għad hemm nuqqas ta' flessibbilta'. Għall-grazzja t'Alla kellna xi spare capacity fi switchboard oħra ta' dan it-tip li għandna fil-Mellieħa u allura stajna nittrasferixxu xi partijiet minnha għall-Marsa. Pero' jibqa' l-fatt li l-flessibbilta' li normalment kienet qed topera biha l-power station, biex tkun tista' tittrasferixxi dawn is-circuit breakers f'din is-switchroom skond il-ħtieġa, skond programmi ta' manutenzjoni u skond programmi li wieħed jista' jkollu dejjem aktar back-up service, għadha m'hijiex tiffunzjona perfettament kif kienet qabel ma sar il-ħruq.
Qed ngħid dan kollu biex napprezzaw kemm kienet serja s-sitwazzjoni u, għalkemm issa hija aħjar, għad hemm xi komplikazzjonijiet. Trid tqis li sakemm isiru l-bidliet meħtieġa ma tistax twaqqaf is-sistema, u allura baqa' għaddej xogħol perikoluż għal 24 siegħa kuljum għal ġimgħatejn sħaħ sakemm saru l-modifikazzjonijiet. Iċ-ċirkostanzi kienu straordinarji, għadhom ma ġewx għan-normal kif wieħed jixtieq u għad hemm limitazzjonijiet ta' flessibbilta'. Fil-fatt it-task force li jien waqqaft għadha għaddejja bix-xogħol tagħha u bil-preparamenti biex tagħmel replacement taż-żewġ switchboards li huma ta' dan it-tip, pero' dawn l-affarijiet ma tistax tagħmilhom mil-lum għal għada. (Interruzzjoznijiet) Iva, nirringrazzja lill-inġiniera u lill-ħaddiema li għamlu xogħol bla waqfien b'periklu kbir għal ħajjithom.
Ta' min isemmi li hawnhekk qed nittrattaw vultaġġ ta' 33,000 - li huwa l-vultaġġ ta' sajjetta - fejn l-elettriku jkisser l-insulation ta' l-arja, u allura rridu nifhmu li m'hijiex kwestjoni li sempliċement tagħmel extension f'kamra u tipplakkja u tisplakkja kif trid, imma hawn għandna vultaġġ perikoluż li jinvolvi teknika speċjali biex wieħed ikun jista' jaħdem fuqha. Għalhekk għal darb'oħra nieħu l-opportunita' biex nerġa' nirringrazzja lill-ħaddiema ta' l-Enemalta għax-xogħol siewi li taw.
MR SPEAKER: L-Onor. Leo Brincat, domanda supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, ta' spiss jirriżulta - taħt diversi amministrazzjonijiet - li ċertu maintenance work jiġi kkawżat mill-fatt li jew ikun hemm supplies difettużi mingħand suppliers barranin, jew ikun sar xi xogħol ta' refurbishment li mhux dejjem ikun up to scratch. Jista' l-Ministru b'kontro-partita ma' dawn l-ispejjeż ta' manutenzjoni li għadu kif ta tagħrif dwarhom, jagħtina xi ħjiel tat-total claims li għandha pendenti l-Enemalta kontra suppliers barranin f'instances bħal dawn?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOSEF BONNICI: Dan li qed jgħid l-Onor. Membru huwa veru. Per eżempju, dan l-aħħar kien hawn nuqqas ta' 3-phase meters. Li ġara hu li ġiet supply ta' meters, kienu difettużi, intbagħtu lura u meta kien hemm insistenza mas-supplier biex jagħmel replacement tagħhom, għadda daqsxejn ta' żmien u l-Enemalta kellha tixtri kwantitajiet żgħar mis-suq lokali biex tagħmel tajjeb għalihom. Ċertament kien hemm inkonvenjent għall-konsumaturi minbarra li l-Enemalta ma setgħetx taqdi d-doveri tagħha għal kollox. Meta jkun hemm spares li ma jkunux tal-livell adattat is-sitwazzjoni mhux dejjem tkun l-istess. Jista' jkun li l-agreement ikun, bħal f'dan il-każ, li jintbagħat kollox lura, jiġi replaced u in the meantime dak li tixtri tħallsu l-kumpannija.
Fil-każ ta' din il-ħsara li qed nitkellmu fuqha, għadu qed jiiġi ddeterminat x'passi jistgħu jittieħdu. Din hija xi ħaġa kumplessa, għax si tratta ta' kumpannija f'pajjiż ieħor u wieħed irid jara jekk ikunx għaqli li jimxi b'dak il-mod jew ikunx aħjar li jsir xi arranġament ieħor. Irridu niftakru li l-goal primarju ta' l-Enemalta m'huwiex li toqgħod tirbaħ kawżi u titħallas tad-danni, imma li tagħti s-servizz kollu li għandha bżonn tagħti. U jekk ikun hemm l-iċken ħjiel li dak is-servizz jista' ma jingħatax għax tkun għaddejja b'xi kawża jew b'xi ħaġa ta' litigazzjoni, l-ewwel ħaġa li għandu jkun hemm huwa l-arranġament biex jingħata s-servizz kollu. Kultant tkun qed tittratta affarijiet li tant ikunu speċjalizzati li trid toqgħod attent kif timxi. Ċertament li hawnhekk ma rridux ngħaġġlu. Jiena nfakkar li l-ewwel dover tagħha hu li tissuplixxi lill-pajjiż u mbagħad li tipproteġi l-interessi tagħha b'mod legali. Kultant dawn ikunu konflinġenti.
Area oħra li fiha kellna problema kbira hija dik tal-bozoz. Kellna lot bozoz ordnati minn pajjiż partikolari, irriżulta li persentaġġ kbir minn dawn kienu difettużi, fis-sens li wara ftit li jitwaħħlu kienu jinqatgħu jew inkella joqogħdu jixegħlu u jitfu. Fil-fatt meta saret l-isplużjoni fuq il-combined cycle l-ġdida ta' Delimara, ix-xogħol kien dam ma sar u kien intlaħaq ftehim permezz ta' agreement mal-kumpannija biex bħala compensation ta' dak it-tul ta' żmien ningħataw numru ta' bozoz li kienu ta' ċerta kwalita' bi prezz ridott. Allura kien jaqbel li jsir hekk għax kultant it-tendering system mhux dejjem taħdem bl-aktar mod ideali, peress li jkollok il-prezzijiet, it-technical specifications tal-bozoz ikunu jidhru qishom kollha l-istess - għax basically ikunu standard - u allura jkollok tmur bilfors għall-irħas prezzijiet. U kultant dan jiġik aktar għoli, u kellna każi bħal dawn.
Jien niftakar li meta dħalt għall-ewwel darba f'dan il-parlament, kont għamilt xi xahar sħiħ nirrispondi għal xi 150 mistoqsija, waħda wara l-oħra, dwar bozoz ġodda u bozoz difettużi ma' Malta u Għawdex. Għall-grazzja t'Alla llum is-sitwazzjoni hija differenti għax għamilna dan il-long-term agreement dwar bozoz, u veru ħarġu tajbin. M'huwiex faċli li tkun taf kemm ġietek l-ispiża minħabba li dawn il-bozoz kienu nxtraw xi tliet snin ilu u persentaġġ kbir minnhom kienu qed joħolqu ħafna problemi. Għax dawn ma jinvolvux biss spejjeż għax wara li twaħħalhom ikollok terġa' tibdilhom, imma trid tħallas ukoll lill-ħaddiema li jagħmlu dak ix-xogħol. Waqt li napprezza l-punt li qed isemmi l-Onor. Interpellant, li wkoll kien responsabbli mill-Enemalta taħt gvern preċedenti u allura japprezza d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, ikolli nammetti li m'huwiex faċli li tasal għall-ispiża li jikkaġunaw dawn t-tip ta' problemi għalkemm jista' jkollok xi indikazzjonijiet.
Fil-fatt għadni kif ġejt informat li l-ispiża ta' l-ispare parts li ntużaw biex tissewwa parti mill-busbar fl-iswitchroom tal-Marsa telgħet għal madwar Lm60,000 u għadha out of action. Ikun hemm partijiet li tkun tista' tidentifikahom minħabba l-ħsara partikolari li jkun fihom u oħrajn li ssirilhom manutenzjoni normali, speċjalment meta jkollok impjant li jkun tad-daqs u kumplessita' bħal dak li hemm fil-power stations tagħna.
MR SPEAKER: L-Onor. Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Mr Speaker, hawnhekk qed nitkellmu dwar nefqa fuq manutenzjoni. Ovvjament m'iniex qed nippretendi li jkun hemm breakdown li tiddistingwi bejn manutenzjoni ta' natura relattiva u manutenzjoni preventiva. Wieħed mid-difetti kroniċi li kellha tul is-snin l-Enemalta kienet li mhux dejjem issir preventive maintenance daqs kemm suppost. Għalhekk nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk hemmx il-ħsieb li l-Enemalta tiżviluppa programm li jkun intensiv u anke estensiv ta' preventive maintenance, li jista' jwassal biex jiġu evitati ħafna komplikazzjonijiet aktar 'il quddiem fl-iżvilupp ta' l-intrapriża nnifisha.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOSEF BONNICI: Kieku s-sitwazzjoni ideali hi li ma noqogħdux niddependu mill-power station tal-Marsa, fejn għandna apparat illi jmur lura għas-snin 50, li kien inxtara second-hand, ġie refurbished mill-gvern preċedenti u qed ikompli jiġi refurbished kontinwament biex inżommuh in service sakemm ikollna combined cycle oħra. Jiena ta' spiss immur fil-power station biex nara x-xogħol li qed isir u l-verita' hi li f'parti tal-generation hemm apparat li huwa pjuttost antik. Apparat ieħor, dak ta' l-iswitchroom, per eżempju, ġie stallat fl-1982 u m'huwiex daqshekk antik meta mqabbel ma' apparat li jmur lura għal 30 sena qabel. Pero' jekk nieħdu l-power station ta' Delimara, per eżempju, hemm steam turbines li għalkemm m'humiex daqshekk antiki, ilhom jaħdmu għal tmien snin prattikament non-stop. Fil-fatt is-sena li għaddiet intefa' boiler minnhom u sar maintenance fuqu.
Trid tiftakar ukoll li meta jkollok apparat ġdid, għandek programm ta' manutenzjoni li jmur miegħu u trid tagħmlu biex iżżomm to the manufacturer's specifications and maintenance programmes. Meta qed nitkellmu fuq apparat ta' 50 sena ilu, trid tqis li dawn kienu joperaw b'sistemi differenti u allura l-maintenance jkun aktar żviluppat in-house. Pero' huwa veru li aktar ma nimmodernizzaw l-impjanti tagħna aktar se nkunu f'pożizzjoni li jkollna skedi kif wieħed irid jagħti dan il-preventive maintenance biex ikollok aktar safety margin fejn inti trid tibdel kull tant żmien, eċċ. Pero' fejn tidħol il-generating capacity għandna makni li huma tajbin, ilhom jaħdmu għal dawn is-snin kollha u allura wieħed irid jaħseb biex jissostitwihom. Meta bnejna l-power station ta' Delimara u tal-Marsa l-pjan kien li nkunu nistgħu nissostitwixxu waħda ma' l-oħra.
Il-verita' hi li d-domanda tant kibret li kull meta nżidu xi ħaġa, id-domanda tkun qed tiġri magħha b'mod illi biex inlaħħqu mad-domanda rridu nkomplu nżidu l-generating capacity. Huwa ppjanat, kif għedt diġa', li nibnu combined cycle oħra f'Delimara u nkunu nistgħu nagħlqu nofs il-Marsa biex fil-futur jintrama' xi impjant ieħor.
MR SPEAKER: Grazzi. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Dalli.
Dostları ilə paylaş: |