Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 319,16 Kb.
səhifə4/5
tarix15.01.2019
ölçüsü319,16 Kb.
#96562
1   2   3   4   5

THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. L-Onor. Joseph Psaila Savona.
ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA: Mr Chairman, jien nixtieq nibda d-diskors tiegħi minn fejn beda l-Onor. Michael Angelo Refalo. Illum il-Partit Laburista jagħlaq tliet xhur bir-riedni tal-gvern f'idejh, u allavolja tliet xhur huwa żmien żgħir, speċjalment fl-industrija kbira tat-turiżmu, aħna ppretendejna, kif qal sieħbi, li għalkemm ma jkunx hemm policies attwati imma għallinqas għandu jkun hemm policies iddikjarati. Tul dawn it-tliet xhur il-Ministru Vella mar on record li qal - bħalma kellhom direttiva mil-leader li jagħmlu sħabu l-ministri kollha - li kellu jibni fuq it-tajjeb li sab. Din ħaġa tajba li naqblu magħha u kieku neħħa xi affarijiet ħżiena konna nieħdu gost ukoll, imma minn dan kollu, ma sar xejn, baqa' l-istatus quo. Il-ġimgħa l-oħra meta fil-gazzetta "The Times" tal-25 ta' Jannar qrajt "Malta Beating Tourism Slump" għidt bejni u bejn ruħi: Għandna scoop għax forsi nqala' xi ħaġa. Biss imbagħad indunajt li din il-"Malta Beating Tourism Slump" kien qiegħed jirriferi għall-istatistika ta' Novembru li kienet għadha ħierġa mill-Amministrazzjoni Nazzjonalista. Xi smajna tul dawn it-tliet xhur, Mr Chairman? In a nutshell insibu li dak li ntqal huwa li se tinżamm l-FBR, se titnaqqas il-VAT biex inkunu aktar kompetittivi, se nattiraw il-middle income tourist u se nagħmlu upgrading ta' Buġibba.
Mr Chairman, nibdew fuq il-kwestjoni tal-forward buying rate Naħseb li llum il-ġurnata l-forward buying rate hija xi ħaġa irrilevanti u ħaġa tal-passat u dan minħabba r-rata tal-kambju tal-lira sterlina kif ukoll bil-mod kif ġiet ntrodotta t-tour operator support scheme. Il-ġimgħa l-oħra l-Prim Ministru qalilna li meta ġie rappreżentant ta' l-IMF hawn Malta qallu li għamel budget li ma tantx hu iebes, imma l-Prim Ministru ma qalilniex x'qalulu ta' l-IMF fuq l-iskema tal-forward buying rate u din hija ħaġa li l-Ministeru tat-Turiżmu jrid iżomm f'moħħu għal quddiem.
F'dan il-budget insibu wkoll li fit-turiżmu se titnaqqas il-VAT. Meta jien kont responsabbli mit-turiżmu għal kull ħaġa li kienet issir kienu jgħidu li din kienet too little, too late. Kif qal sieħbi, tant baqgħu għaddejjin bir-rankatura li njoraw il-fatt li l-brochures kienu diġa' ħarġu, u allura jekk kien hemm l-idea li se titnaqqas il-VAT naħseb li hawnhekk we have missed the bus. Kienu jgħidu li l-hoteliers ma kenux qed jgħaddu l-VATu allura dawn il-flus kienu qed imorru f'but il-hoteliers. Din ħaġa tajba, forsi jlaħħqu u jkunu jistgħu jlaħħqu ma' l-upgrading li għamlu fil-hotels tul is-sena l-oħra. Pero' din żgur ma rnexxilhiex tagħtina dik l-edge fuq il-kompetituri tagħna.
Fuq l-upgrading ta' Buġibba s'issa saru ħafna seminars imma għad irridu naraw sewwa sew x'se jiġri. Veru li tlaqqgħu ħafna ministri u kien hemm xi wħud mill-ministri li lanqas kienu jafu għal xiex qegħdin hemmhekk. Fil-fatt wieħed minnhom kien qiegħed hemmhekk għax il-kostitwenza hija tiegħu imma s'issa għadna ma rajna xejn. For the record ikun tajjeb jekk ngħidu li l-upgrading ta' Buġibba kien fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, biss dak iż-żmien, għax mal-Partit Nazzjonalista iktar nippoppaw sidirna, l-upgrading kellu jsir sa qabel il-Milied - peress li l-operaturi jiġu qabel il-Milied - imma issa milli jidher jekk isir wara l-Milied ma jkun ġara xejn, għax minkejja li issa l-Milied għadda u miegħu għadda Jannar ukoll l-upgrading ta' Buġibba għadu ma sarx!
Sur President, punt famuż ieħor kien li aħna rridu nħajru lill-middle income tourist. Fil-fatt, għamilt mistoqsija parlamentari f'dan ir-rigward lill-Ministru Vella, imma naħseb li dan il-Ministru se jibqa' on record f'dan il-Parlament bħala l-aqwa Ministru biex jiżgiċċa mill-interpellanzi. Biex inkompli ma dak li kont qed ngħid, jien ma qgħadtx fuq dak li qalli l-Ministru Vella u fittixt il-mission statement li hemm fil-budget u sibt li dan huwa totalment differenti minn kif qiegħed igħid il-Ministeru tat-Turiżmu għax fil-fatt il-mission statement jgħidlek:
"To ensure that Malta becomes a destination which can offer value for money, with the parameters of long-term sustainability, to travellers from a cross-section of socio-economic groupings, ...".
Mela allura aħna mhux qed nattiraw il-middle income tourist biss u hawnhekk ngħid li huwa tajjeb li jitwettaq dak li hemm fil-mission statement u fil-fatt dan isegwi fuq il-politika Nazzjonalista li tgħid li aħna rridu "travellers from a cross-section of socio-economic groupings". Biex ikollok a good cross-section irid ikollok l-upmarket u l-hotels five-star li kellhom jinbnew fi żmienna. Illum il-ġurnata mhux l-upmarket jew il-five-star tourist biss imur in a five-star hotel imma anke dak li l-Ministru Vella qed isejjaħlu l-middle income tourist ikun irid imur in a five-star hotel għalkemm dan jippretendi li jħallas inqas.
Sur President, dawn huma l-kummenti li smajna tul dawn it-tliet xhur u li huma kummenti ftit wisq ħdejn il-kritika li laqqatna speċjalment tul dawn l-aħħar sentejn. Dak iż-żmien aħna kellna kritika feroċi kontra l-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien li għadha sejra sal-ġurnata mqaddsa ta' llum. Huwa ta' għajb li f'waħda mill-gazzetti jiġi jitkellem bniedem, li suppost jaf aħjar fuq "faulty tourism policies". Faulty tourism policies għandu dan il-Gvern? Lanqas dawn m'għandu għax għadu ma għamel xejn! Fejn huma l-faulty tourism policies tal-Partit Nazzjonalista? Mela dan ma jafx li t-turiżmu huwa ċiklu? X'ġara f'dawn l-aħħar snin? L-epiċentru taċ-ċiklu li għaddiet minnu l-industrija tat-turiżmu kien l-1994. Qabel l-1994 aħna konna qegħdin reaping the benefits ta' l-avvanzi infrastrutturali li għamel pajjiżna. Bissa wara l-1994 konna ħadna daqqa ta' ħarta - jekk trid issejħilha hekk għalkemm dak it-tnaqqis fin-numri kien relattiv għal dak li kien sar fl-1994, għax fil-fatt, kif qal sieħbi l-Onor. Michael Refalo, la rajna t-tnaqqis fl-impjiegi u lanqas fil-per capita expenditure . Wara l-1994 dak li ġara għax sar iċ-ċiklu li jsir f'kull industrija.
Mr Chairman, jiena iktar kmieni għidt li tliet xhur m'humiex ħafna, imma l-ewwel tliet xhur huma importanti ħafna għax jien nippretendi li meta kellna dik il-kritika kollha, il-Ministru tat-Turiżmu jiġi kkargat bis-soluzzjonijiet kollha fil-komma. Ejjew naraw daqsxejn għalfejn kienu qegħdin jitkellmu fuq ħafna ħofor f'dan il-budget. Hawnhekk importanti li naraw minn fejn tlaqna u fejn qegħdin illum. JIena ngħid li l-Gvern Laburista tal-lum m'għandu ebda dritt jitkellem fuq ħofor u mhux ħofor, għax wara dawk il-ħames snin ta' nuqqas ta' demokrazija fil-bidu tas-snin tmenin, il-ħofra kbira fl-ambitu tat-turiżmu kienet ħofra tal-biki. Fl-ewwel snin tas-snin tmenin konna tlifna terz ta' l-industrija tat-turiżmu tant li minn tliet kwarti ta' miljun waqajna għal nofs miljun. Biss biss tlifna kwart ta' miljun fl-1985. Issa ħalli naraw x'għamilna aħna. Minn dan in-nofs miljun lil ħallewna bih il-Partit Laburista, ġejna bil-miljun turist fl-1992, jiġifieri sentejn qabel ma' suppost ilħaqna din il-figura, u dan baqa' jiġri sena wara l-oħra nklużi l-1995 u l-1996, meta aħna kellna nilqgħu għaċ-challenges bit-tnaqqis ta' l-FBR u bid-dħul tal-VAT.
X'sibna aħna fl-1987? Sibna industrija tat-turiżmu bħal qasba tixxejjer mar-riħ, la kap u lanqas kuda, la konna nafu fejn irridu naslu u lanqas konna nafu x'irridu minnha din l-industrija. X'għamel il-Gvern Nazzjonalista? Hekk kif tela' fil-gvern, ħa r-rakkmandazzjoni ta' Horwarth and Horwarth, kellna l-PA Cambridge u tfassal it-tourism master plan biex minn hemmhekk imbagħad bdew joħorġu l-miri ta' l-NTOM dwar id-diversifikazzjoni tas-swieq u li jkollna tqassim aħjar f'dak li hu stagonalita' fil-wasliet tat-turisti. Minn dawn l-istudji ħareġ ukoll li rridu nżidu n-nefqa fl-investiment u li dan l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli. Qabel ma kellna dawn il-miri f'moħħna, l-industrija tat-turiżmu kienet qisha qasba tixxejjer mar-riħ fejn kellna industrija b'infrastruttura bażwija, jew lanqas kienet biss teżisti, minn kwalunkwe angolu li tħares lejha, kemm f'dik li hija akkomodazzjoni u anke ristoranti. X'differenza mil-lum li għandek ristoranti u akkomodazzjoni ta' kull kwalita'! X'differenza l-airport li ħallejna aħna milli l-airport taż-żmien l-għirien lil sibna aħna fl-1987! L-istess ħaġa ngħid għall-Air Malta. Jiena nagħti krettu lill-Partit Laburista talli poġġa fuq sisien sodi il-linja nazzjonali tagħna imma x'differenza mid-destinazzjonijiet li kellha l-Air Malta dak inhar għad-destinazzjonijiet li għandna llum! L-ilma, l-enerġija u l-kommunikazzjoni - kollha infrastruttura zero! Ma setax ikun li l-industrija tat-turiżmu tiżviluppa b'infrastruttura bħal dik. Kemm-il darba għidna li l-Ministru tat-Turiżmu - miskin, huwa dipendenti fuq sħabu. U hekk hu għax l-industrija tat-turiżmu ta' dak iż-żmien kienet dipendenti fuq iz-zero.
Aħna niftakru li n-nies li kienu jsibu xogħol fl-industrija tat-turiżmu kienu jkunu nies miġburin minn nofs it-triq jew inkella nies li kienu mħarrġin fil-kantina tal-Mediterranean Conference Centre. X'differenza għal-lum! Kif dħalna waqqafna l-Institute of Tourism Studies u lanqas hawn ma konna kuntenti, jiġifieri b'istitut li kien qed iħejji studenti għal kull livell ta' tutoring, għax ftit wara, fl-1996, għamilna l-estensjoni ta' dan l-istitut u mbagħad ġibna r-recognition li b'dak li l-istudenti qegħdin jieħdu mill-Istitut tat-Turiżmu jkunu jistgħu jagħmlu degree course ġewwa l-Universita'. Dan ridnih ukoll biex minn dawn l-istudenti joħorġu l-lecturers ta' dan l-istitut. Dan kien ix-xogħol siwi li sar ġewwa l-istitut llum il-ġurnata u dawn jistgħu jaħdmu fejn iridu fl-Ewropa għax it-taħriġ li jsir ġewwa dan l-istitut huwa wieħed professjonali. Biżżejjed ngħid li fl-1996 ħarġu 150 student lesti biex jagħtu servizz ta' livell professjonali kif hemm bżonn jingħata fl-industrija tat-turiżmu.
X'sibna aktar fl-1987, Mr Chairman? Sibna industrija kif qal sieħbi tas-sajf biss. Dan ma kienx il-mod kif il-ħaddiem seta' jkollu mpjieg stabbilit u fiss. Hawnhekk kulħadd għadu jiftakar it-three day week u l-four day week u meta l-ħaddiema ma kellhomx futur f'din l-industrija. Fejn qabel kien hemm inqas minn 6,000 ruħ jaħdmu f'din l-industrija aħna wasalna għal employment figure ta' 9,800 ruħ, żieda ta' 64%. Mhux hekk biss imma, kollox żdied, is-sodod, l-istabbilimenti ta' l-ikel u d-dħul mit-turiżmu. Il-qligħ totali għall-pajjiż żdied minn Lm80 miljun għal Lm233 miljun u fejn minn fuq kull turist konna qegħdin naqilgħu Lm138, illum l-ġurnata l-qligħ minn fuq kull turist huwa 'l fuq minn Lm200.
Mr Chairman, bl-isforzi ta' l-NTOM bdejna noħorġu fid-deher dak li għandu x'joffri pajjiżna billi organizzajna l-Mdina Festival, il-Birgu fest u l-Pageant tal-Belt. Huwa inutli li noqogħdu ngħidu x'għandu x'joffri pajjiżna jekk dan ma joħroġx fid-deher u aħna rnexxielna noħorġu l-istorja u l-kultura fit-toroq tagħna. Anke l-Fortizza ta' Sant' Iermu u l-fortizzi l-oħrajn bdew jinfetħu għall-viżitaturi. Aħna kellna komunikazzjoni regolari mal-kunsilli lokali biex dak li għandu x'joffri kull raħal ikun jista' joħroġ fid-deher. Il-Gvern preżenti ġie mgħoddi industrija turistika b'saħħitha minn kull angolu li tħares lejha u għalhekk għandu s-sodda mifruxa biex ikompli fuq is-suċċessi li diġa' ksibna. Jekk hu jrid jista' jagħti biss l-irtokki imma aħna kellna biċċa xogħol ferm ikbar biex għamilna l-infrastruttura. Forsi fil-bankini ta' Buġibba għad jonqos xi embellishments, imma dawk huma affarijiet żgħar għalkemm xorta waħda bżonnjużi.
Mr Chairman, ix-xogħol huwa kollu lest sabiex titwaqqaf l-Awtorita' tat-Turiżmu. Hemm ukoll programm integrat għat-tisħiħ tal-lokalitajiet turistiċi. Hemm iċ-Ċentru ta' l-Istudji Turistiċi fil-Mediterran li huwa l-konċett tal-hub li kien tant għal qalb il-Gvern Nazzjonalista. Fuq l-istess konċett ta' hub hemm il-ċentru għat-traffikar tal-cruiseliners. Qabel ma spiċċajna mill-gvern kienet tlaqqgħet delegazzjoni bejn l-NTOM u l-Awtorita' Marittima fejn kien diġa' kollox lest biex ikollna cruiseline business li jagħti xogħol lil kulħadd, lill-airport, lill-MIA u lil dawk li għandhom x'jaqsmu mat-trasport u kien anke ġie suġġerit lill-Kabinett biex jibni terminal marittimu ġdid.
Mr Chairman, jien nixtieq nikkongratula r-rebħa Laburista li saret fl-aħħar elezzjoni, imma nispera li ma nerġgħux naraw il-ħerba li saret mit-turiżmu mill- gvernijiet Soċjalista ta' qabel. Nixtiequ narawhom ikomplu jibnu fuq din l-industrija u jekk il-Ministru Vella se jerġa' jitkellem fuq xi ħofra, ngħidlu li l-ħofra li qiegħed jara quddiem għajnejh hija l-minjiera tas-suċċessi kbar li ħallielu Gvern Nazzjonalista. Grazzi.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Grazzi, Mr Chairman. Fil-ftit minuti li baqa' nixtieq niddiskuti daqsxejn is-settur tat-turiżmu u b'mod partikolari nixtieq inqajjem xi ftit mistoqsijiet dwar il-budget. Fil-programm elettorali tal-Partit Laburista kien hemm imniżżel li se terġa' tidħol il-forward buying rate. Fil-fatt f'dibattitu li kelli ma' l-Onor. Vella qabel l-elezzjoni fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-television - mingħalija kien Smash Television - jien għidt li t-tour operators support scheme hija superjuri għall-forward buying rate għal diversi raġunijiet. L-ewwelnett din hija amministrata min-nies li huma esperti fil-qasam tat-turiżmu, u mhux min-nies li x-xogħol primarju tagħhom huwa x-xogħol finanzjarju, u t-tieni nett, din tagħti ferm aktar flessibilita'. Din il-flessibilita' mhux bilfors trid tużaha biex tissussidja r-rata tal-kambju - tista' tintuża għalhekk ukoll u kif fil-fatt intużat - imma, bħalma ġara s-sena li għaddiet, meta deher li n-numru ta' turisti Ingliżi kien se jkun tali li s-sussidju kollu mhux se jinġabar jew mhux se jkun hemm bżonnu kollu, jien kont awtorizzajt li jsir diversion tal-funds fil-marketing. Fil-fatt l-infiq fuq il-marketing żdied u dan kollu ħareġ mit-tour operator support scheme. Din turi l-flessibilita' u milli qiegħed nifhem jien jidher - nixtieq li l-Ministru jikkonferma b'mod ċar - li l-Gvern tal-lum se jkompli jimxi fuq il-passi tal-Gvern ta' qabel għar-rigward tat-tour operator suppost scheme minflok ma jdaħħal il-forward buying rate. Jien qatt ma stajt nifhem għaliex il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien daqshekk rasu iebsa fuq dan il-punt u għaliex dejjem kien isemmi l-forward buying rate meta hemm ħafna x'wieħed jargumenta favur is-sistema tat-tour operator support scheme. Jidher li kien hemm din il-bidla li, fil-fehma tiegħi, hija bidla tajba.
Rigward it-tour operator support scheme nixtieq nirrimarka li l-budget li konna qegħdin nippjanaw għal din is-sena kien ta' madwar Lm3 miljun u dan kien ġustifikat fuq il-bażi li t-tour operator support scheme s-sena li għaddiet ma daħlitx għas-sena kollha għaliex din ix-xitwa għadna qed noperaw il-forward buying rate. Allura, la jidher li s-sena li ġejja se tkun koperta kollha mit-tour operator support scheme, se jkun hemm bżonn ta' aktar fondi biex wieħed iżomm l-istess livell ta' assistenza f'sussidji jew f'marketing. Dik hija deċiżjoni li trid teħodha l-NTOM. Pero' meta wieħed iħares lejn il-budget isib li mhux talli m'hemmx aktar mis-sena li għaddiet - li kif għidt, kienet sena parzjalment koperta bil-forward buying rate - talli hemm madwar Lm0.25 miljun inqas. Dan huwa ta' tħassib għaliex mir-riżultati riċenti jidher li l-effett qed ikun wieħed pożittiv fuq it-turiżmu mis-settur Ingliż. Fil-fatt, l-aħħar statistika li ġiet ippubblikata turi li għall-ewwel darba f'ma nafx kemm-il xahar - naħseb f'dawn l-aħħar sentejn - għax-xahar ta' Novembru kien hemm żieda fit-turiżmu mill-Ingilterra. Dan huwa kollu frott tar-rata favorevoli li ġiet iffissata għal din ix-xitwa. Wieħed irid jikkonsidra wkoll li fejn hemm ħafna aktar kompetitivita' f'dan is-settur, wieħed irid ikun żgur li jsostni l-marketing effort li diġa' sar biex naturalment niġbdu lejn pajjiżna iżjed turisti li jirrendu aktar.

Jien nixtieq inqajjem ftit punti għall-qasam tat-turiżmu ta' interess. L-ewwelnett kif qalu sħabi, in terms of numbers, litteralment irdoppjajna t-turiżmu f'dawn l-aħħar għaxar snin u in terms of value ittripplajnieh. Għalhekk għandna nkunu realisti u ma nitkellmux b'mod li fil-qasam tat-turiżmu d-dinja donnha bdiet fis-26 ta' Ottubru. Ċertament, l-evidenza hija - naturalment dan it-tkabbir joħloq il-problemi - li hemm problemi u diffikultajiet. Din hija ħaġa li ma tieqafx u allura wieħed dejjem irid ikompli jtejjibha u dan mhux biss minħabba l-problemi li jġib miegħu t-tkabbir tat-turiżmu imma wkoll għax il-kompetituri tagħna wkoll qed itejbu l-prodott tagħhom. GĦaldaqstant, aħna rridu nkunu f'pożizzjoni illi nistgħu nibqgħu attraenti, mhux biss għal din is-sena jew is-sena d-dieħla imma anke għal ħames jew għaxar snin oħra, għax is-settur tat-turiżmu huwa wieħed mill-iktar riżorsi importanti li għandna u allura rridu nkunu ċerti illi jżomm il-pass ma' l-iżvilupp.


Tajjeb li wieħed isemmi li, waqt li l-ekonomija tagħna trid mill-anqas 1,500 impjieg fis-sena biex il-qgħad ma jiżdiedx, aħna ħallejna erba' hotels li għandhom jiftħu din is-sena u aktar tard is-sena d-dieħla, li huwa kkalkolat li se jimpjegaw madwar 3,000 ruħ. Hawnhekk jista' jkun li f'ċerti oqsma tax-xogħol m'aħniex se nsibu n-nies li nixtiequ. Illum hemm l-ITS u l-proċess tat-training irid jibqa' għaddej. Qabel dan ix-xogħol kien isir fil-Polytechnic imma sfortunatament, għal raġunijiet li qatt ma stajt nifhimhom, dan kien sfaxxa. Dak iż-żmien donnu kien hemm l-idea li fit-turiżmu, anke biex tkun waiter, m'għandekx bżonn training. Ċertament li dan mhux minnu u nispera li l-Gvern tal-lum tgħallimha din il-lezzjoni għax fil-femha tiegħi kien għamel żball fundamentali dak iż-żmien. Il-fatt illi llum qed jinbnew dawn l-erba' hotels ta' kalibru għoli u l-fatt li dawn se jipprovdu madwar 3,000 impjieg, jiena ngħid li mn'Alla kien hekk għax għallinqas qed nara x'imkien fejn se jiżdiedu l-impjiegi. Dan huwa importanti ħafna fl-ekonomija tagħna għax peress li l-popolazzjoni tagħna qed tikber, b'hekk in-numru ta' nies li japparteċipa fis-suq tax-xogħol qed jikber ukoll u allura jekk ma jkollokx tkattir ta' mpjiegi jiżdied il-qgħad. Jien ċert li ż-żewġ naħat tal-Kamra ma jridux li l-qgħad jiżdied.

Jiena, flimkien ma' l-Onor. Psaila Savona konna responsabbli għat-turiżmu għal dawn l-aħħar sentejn, u huwa tajjeb li wieħed jgħid li l-mistoqsija li l-Gvern irid isaqsi dwar it-turiżmu hija: X'għandha bżonn l-ekonomija tagħna mit-turiżmu? Din hija mistoqsija importanti għaliex wisq nibża' li għalkemm aħna kultant ngħidu li rridu naraw kif nillimitaw għax il-pajjiż ma jiflaħx għal dan it-tip ta' żvilupp fl-istess ħin wieħed irid jara ukoll x'għandu bżonn f'dak li hu żvilupp. Jekk it-turiżmu huwa wieħed mit-tliet pilastri ta' l-ekonomija tagħna wieħed ma jistax jiffriża l-iżvilupp fit-turiżmu għax jekk nagħmlu hekk, allura nkunu qed niffriżaw terz mill-iżvilupp ta' l-ekonomija tagħna. B'hekk inkunu qegħdin nagħmlu pressjoni akbar fuq il-pilastri l-oħra ta' l-ekonomija li huma l-manifattura u s-servizzi l-oħra, tant li jibda jkollhom diffikulta' to take up this slack, jew inkella nispiċċaw b'żieda fil-qgħad.


Jiena dan qed ngħidu bl-ikbar sinċerita' għax irridu nkunu ċerti li t-turiżmu għandu potenzjal u li dan il-potenzjal nisfruttawh b'mod li jagħti its fair share għat-tkabbir ta' l-ekonomija.
Jien s'issa għadni m'iniex ċert x'inhi d-direzzjoni eżatta ta' dan il-Gvern f'dan il-qasam, għalkemm hemm ħafna indikazzjonijiet parzjali, pero' xejn m'hu ċar għal kollox. Waħda mill-affarijiet li tinkwetani hija l-implikazzjoni fuq it-turiżmu fir-rigward tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Peress li skond il-Gvern, Malta issa m'hijiex se tkun sieħba fl-Unjoni Ewropea nixtieq nagħmel żewġ punti dwar dan.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Bonnici, infakkrek li fadallek żewġ minuti biss.
ONOR. JOSEF BONNICI: L-ewwelnett nixtieq inkun naf dan x'effett se jkollu fuq l-Air Malta li wkoll taqa' taħt dan il-ministeru, speċjalment meta hemm movimenti fl-Ewropa biex jiġi żviluppat it-third package fejn il-linji nazzjonali ta' l-ajru mhux biss ikunu jistgħu jmorru minn pajjiż għall-ieħor imma jieqfu f'ċerti pajjiżi in between. Dan huwa żvilupp importanti ferm għalina; fis-sens li l-linja nazzjonali tagħna jkollha dan id-dritt, pero' jidher li dan mhux se jkun possibbli jekk aħna ma nsirux membri ta' l-Unjoni Ewropea. GĦalhekk irridu dikjarazzjoni ċara fuq dan għaliex in the long-term din taf tagħmlilna ħafna ħsara.
It-tieni punt huwa li qegħdin inbatu fit-turiżmu mill-Ingilterra minħabba l-fatt li l-Ingilterra qed tintaxxa aktar lit-turisti li jiġu lejn Malta. Fil-fatt, bil-miżura li ħa ċ-Chancellor of the Exchequer, Kenneth Clarke, fl-aħħar budget, huwa ntaxxa lit-turisti li jiġu Malta LStg4 miljun li jiġu madwar Lm2.5 miljun, kważi daqs l-ammont li nagħtu fit-tour operators support scheme. Jiġifieri dan huwa żvantaġġ ieħor li m'aħniex fl-Ewropa u allura jiena nħeġġeġ lill-Gvern preżenti li fix-xewqa tiegħu li nkunu qrib ta' l-Ewropa, jirrealizza li hawn dawn il-problemi li qegħdin jaffettwaw l-iżvilupp ta' dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tagħna.
Mr Chairman, jien nagħlaq billi ngħid li ċertament m'huwiex tajjeb li jkun hemm inċertezza f'dan il-qasam u li hemm bżonn li jkun hemm l-istrateġija spellt out ċara b'mod li l-operaturi fis-settur privat ikunu jafu l-Gvern fejn hu sejjer. Grazzi.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin disponibbli għall-Oppożizzjoni. Issa l-ħin kollu li fadal huwa għall-Gvern. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Joe Farrugia.
ONOR. JOE FARRUGIA: Mr Chaiman, bħalma jaf kulħadd it-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ta' l-ekonomija tagħna iżda sfortunatament f'dawn l-aħħar sentejn kellna nuqqas fin-numru ta' turisti li jżuru Malta. Qisu ġara bħal meta wieħed ikollu xi tip ta' negozju jew industrija - li tkun bnejt b'tant sagrifiċċju matul iż-żmien - li x'ħin tara li dan in-negozju qiegħed iħalli ċertu qligħ u anke sodisfazzjon, tibda ma tagħtix kasu u tispiċċa tittraskurah. Jien naħseb li hekk ġralu t-turiżmu hawn Malta.
F'dan il-qasam mhux biss trid tikkompeti mal-pajjiżi ġirien iżda mal-kumplament tad-dinja. Per eżempju, il-btajjel long haul qegħdin isiru dejjem aktar kompetittivi, tant li żjarat minn turisti Ewropej lejn l-Amerika u l-lvant Imbiegħed ftit ftit qegħdin isiru aktar ta' attrazzjoni miż-żjarat lejn il-Mediterran u għalhekk irridu noqogħdu attenti għax-xejriet ġodda f'dan il-qasam. Illum il-pajjiżi kollha jafu bil-potenzjal kbir li għandha din l-industrija u li qiegħda tikber kontinwament fuq skala dinjija u kull

pajjiż qiegħed jagħmel kull sforz sabiex dejjem jattira aktar it-turisti.


Mr Chairman, jiena nemmen li biex inżidu t-turiżmu hemm bżonn li l-ewwel isir marketing plan ħalli nimmodernizzaw is-siti storiċi, inħarrġu aktar l-impjegati tagħna u nesponu aktar il-kultura Maltija. L-aktar ħaġa mportanti hi li nagħmlu kampanja nazzjonali biex infehemu lill-poplu tagħna l-importanza ta' din l-industrija. Ħaġa oħra li ma nixtieqx inħalli barra hija l-edukazzjoni sportiva. Jien nemmen li wasal iż-żmien li jsir marketing plan bis-serjeta' u ma naqbel xejn dwar kif l-NTOM kienet tonfoq il-budget tagħha fuq advertising f'dawn l-aħħar disa' snin. F'Malta llum għandna 42 channel fuq il-cable television u taqta' xi żewġ reklami li jsiru mill-Air Malta fuq l-istazzjonijiet televiżivi Sqallin, ngħid għalija, qatt ma rajt reklam wieħed fuq Malta, mentri tixba' tara reklami fuq it-Tunezija, l-Marokk, l-Eġittu u Ċipru. Dan meta nafu li llum it-televiżjoni huwa l-iktar mezz b'saħħtu ta' komunikazzjoni. Barra minn hekk, hemm bżonn li kull marketing plan li jsir jitħejja minn nies professjonali.
Għandu jiġi studjat ukoll kif jaħdem dan is-settur f'pajjiżi differenti. Nafu li waqt li fl-Ingilterra hemm minn tlieta sa ħames tour operators kbar li jikkontrollaw is-suq, fl-Italja hemm mijiet ta' tour operators u għalhekk trid tagħmel kampanja ta' pubbliċita' kompletament differenti bl-iskop li tattira turisti minn setturi soċjali differenti u anke biex tolqot pajjiżi differenti u mhux tibqa' biss fuq pajjiż wieħed jew tnejn. Kull kampanja ta' reklamar għandha tkun immirata lejn setturi speċifiċi u indirizzata lejn firxa akbar ta' pajjiżi. Ir-reklamar għandu jkun indirizzat u speċjalizzat biex jattira turisti minn kull livell tal-ħajja u fejn l-enfasi għandha tkun dwar x'joffru l-gzejjer tagħna. Barra minn hekk, hemm bżonn li kulħadd jifhem li jekk aħna ma ninvestux flimkien, ċioe' l-privat u l-gvern, qatt m'aħna se naslu biex intejbu l-livell eżistenti.
Mr Chairman, hemm bżonn ukoll li nimmodernizzaw u nikkommerċjalizzaw aħjar is-siti storiċi u l-mużewijiet. Jiddispjaċini ngħid li għalkemm il-mużewijiet tagħna għandhom ħafna x'joffru dawn m'humiex ta' livell internazzjonali. Jekk trid li t-turist iħallas, irid ikollok mużewijiet ta' attrazzjoni. Hemm bżonn li nsiru aktar kreattivi u nużaw mezzi moderni bħalma huma l-computers u l-elettronika. Jekk ikun hemm bżonn għandna nħallu lill-privat jipparteċipa jew noħolqu xi forma ta' korporazzjoni biex tieħu ħsieb dawn is-siti. Bla dubbju, jekk wieħed iżid id-dħul minn dawn il-postijiet żgur li nkunu f'pożizzjoni li nieħdu ħsieb aħjar dawn is-siti u l-mużewijiet. Meta jsiru r-reklami hemm bżonn li nagħtu importanza aktar lil dawn is-siti, speċjalment attrazzjonijiet uniċi bħalma huma t-tempji megalitiċi. Hemm bżonn ukoll li l-Gvern jindokra aħjar dawn is-siti storiċi u jara li d-Dipartiment tal-Mużewijiet iżomm inventarju dettaljat ta' kull oġġett li għandna fil-mużewijiet. Id-Dipartiment ta' l-Audit tal-Gvern irid jispezzjona kontinwament dan l-inventarju u jagħmel żjarat għall-għarrieda fuq bażi kontinwa biex jiżgura li ma jonqos xejn.
Mr Chairman, hemm bżonn li ntejbu t-taħriġ kemm ta' l-impjegati li diġa' qed jaħdmu u anke ta' dawk li jidħlu ġodda. Irid ikollna kultura edukattiva serja fejn iċ-ċittadin jgħin u jagħti sehemu, iżda l-aktar impenn serju u professjonali huwa mistenni minn dawk li qegħdin jaħdmu direttament f'dan is-settur. L-amorproprju fix-xogħol huwa nieqes ħafna u l-lealta' lejn min iħaddem u lejn pajjiżna donnu lanqas biss tinħass. Dawn il-karatteristiċi huma l-bażi ta' kull inizjattiva, kemm jekk ġejjin minn min iħaddem kif ukoll jekk ġejjin mill-impjegati kollha. Għalhekk il-Gvern qiegħed għal darba oħra jistieden lil kull min irid jagħti sehemu, sabiex jersaq 'il quddiem għax żgur se jsib l-appoġġ tal-Gvern, ġaladarba jkun hemm rieda soda u serjeta'.
Il-prioritajiet tal-Gvern huma ċari, u cioe', it-tisħiħ kontinwu fl-infrastruttura u l-professjonaliżmu fl-industrija turistika. Hemm bżonn li kull settur li jmiss ma' din l-industrija jifhem li jekk dan jagħti servizz ħażin ikun qiegħed jagħmel ħsara kbira lill-istess industrija. Hemm bżonn li l-Gvern, permezz ta' l-Institute for Tourism Studies, u l-privat isibu mezz ta' aktar koperazzjoni bejniethom dwar il-bżonn li t-taħriġ isir ukoll fuq il-post tax-xogħol. Nemmen ukoll li lill-istudenti fl-iskejjel għandna ngħallmuhom l-importanza ta' din l-industrija, speċjalment fit-tagħlim tal-lingwi li nħoss li għandu jibda mill-klassijiet tal-primarja.
Mr Chairman, hemm bżonn ukoll li nesponu aktar il-kultura Maltija. Meta t-turist iżur pajjiż ikun irid jara l-affarijiet li jappartjenu lil dak il-pajjiż partikolari, bħal per eżempju, li r-ristoranti Maltin għandhom joffru aktar ikel u nbid Malti u li f'ċerti siti storiċi għandna nlibbsu lill-istaff ilbies tradizzjonali. GĦandna naraw ukoll kif nistgħu norganizzaw fiċ-ċentri ta' l-irħula attivitajiet kulturali li jirriflettu l-passat tagħna bħal, per eżempju, li nżidu inizjattivi bħal Birgufest għaliex b'hekk inkabbru u nżommu l-kultura tagħna aktar ħajja kif ukoll insiru aktar kompetittivi.
Mr Chairman, nafu li kull turist bi dritt jippretendi effiċjenza u servizz ta' livell għoli. Skond l-istatistika li ġabar l-HCEB, l-għola numru ta' complaints fis-settur ġej mill-Ingliżi, u cioe' xi 73%. Dan it-tgergir kien prinċipalment jirrigwarda t-trasport pubbliku, it-taxis, kif ukoll it-tiswijiet ta' livell baxx f'ċerti lukandi, kwalita' baxxa fil-kmamar tas-sodda kif ukoll dwar servizz u atteġġament ħażin mill-impjegati u l-management. Għalhekk nixtieq nissuġġerixxi li jsir speċi ta' ombudsman għal din l-industija u għall-oqsma oħra konnessi mas-settur li xogħlu jkun li jilqa' l-complaints tat-turist u jieħu l-azzjonijiet neċessarji.
Kif għidt aktar qabel, ma nixtieqx ma nsemmix l-edukazzjoni sportiva li hija l-iktar ħaġa għall-qalbi. Minbarra li l-isport huwa ta' ġid għalina lkoll, speċjalment fejn tidħol saħħa u dixxiplina, dan jista' jkun ukoll ta' attrazzjoni tuistika. It-temp tagħna jippermetti u hija l-għira ta' ħafna pajjiżi Ewropej li f'Malta wieħed jista' jipprattika kważi kull tip ta' sport tul is-sena kollha. Pero' hawnhekk jiddispjaċini ngħid li f'dan il-kamp jeżistu nuqqasijiet kbar u jien nerġa' ntenni illi kieku jsiru ċerti faċilitajiet bejn il-Gvern u l-privat, barra li nżidu l-impjiegi, inkunu nistgħu nġibu għaqdiet sportivi minn pajjiżi diversi biex jipprattikaw l-isport fil-gżira tagħna. Jekk aħna noffru ċerti faċilitajiet dawn l-għaqdiet sportivi ikunu aktar interessati li jersqu lejn pajjiżna u barra minn hekk iservu wkoll ta' riklam għall-gżejjer tagħna.
Fl-aħħarnett, Sur President, hemm bżonn li nieħdu ħsieb l-ambjent ta' madwarna. Hemm bżonn li l-lokalitajiet turistiċi bħalma huma Buġibba, Marsascala u postijiet oħra ta' attrazzjoni turistika jiġu rranġati u ssir manutenzjoni kontinwa għax ma nistgħux nibqgħu nittraskuraw l-ambjent. Irridu naraw kif se nagħmlu biex nirranġaw it-toroq tagħna. Hemm bżonn li jsir pjan nazzjonali biex flimkien mal-kunsilli l-lokali u b'użu aħjar tan-nies tal-gvern, isir sforz biex insebbħu l-ambjent ta' madwarna. Nistgħu nibdew b'affarijiet żgħar li huma ta' importanza mhux biss għat-turist imma anke għall-poplu tagħna bħalma huma l-ħitan tas-sejjiegħ, li tħallew imġarrfa, is-sinjali tat-traffiku, li għandhom isiru b'żebgħa apposta, iż-żriegħ ta' aktar siġar, it-tindif tal-bajjiet u t-tneħħija ta' ħaxix ħażin.
Sur President, hemm bżonn illi fid-debates tal-budget ma noqogħdux niddiskutu biss il-politika tal-Gvern dwar is-settur turistiku iżda huwa importanti li ssir analisi kostruttiva ta' l-infiq li qed jiġi propost għad-diversi oqsma. Huwa b'hekk biss illi l-poplu jkun jista' jiġi informat dwar l-importanza li jsiru l-prioritajiet neċessarji u li l-infiq isir bil-għaqal. Nawgura lill-Ministru u lill-Ministeru tat-Turiżmu li jkollhom sena tajba. Grazzi.
Yüklə 319,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin