Malta debates tal-kamra tad-deputati


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA KUMITAT TA' PROVVISTA - ESTIMI ĠENERALI 1997



Yüklə 319,16 Kb.
səhifə3/5
tarix15.01.2019
ölçüsü319,16 Kb.
#96562
1   2   3   4   5

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA - ESTIMI ĠENERALI 1997

IT-TIELET JUM STABBILIT

MINISTERU TAT-TURIŻMU


Il-Kamra marret f'Kumitat.


FIL-KUMITAT
L-Onor Anglu Farrugia, Viċi President tal-Kumitati, ippreseda.

THE DEPUTY CHAIRMAN: Nixtieq ninforma lill-Kumitat li skond il-Mozzjoni Nru 37 tal-15 ta' Jannar, 1997 il-ħin tad-diskussjoni tal-lum għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-Gvern.
Issa jekk jogħġbu l-Ministru tat-Turiżmu jressaq ir-riżoluzzjoniiet tiegħu.
ONOR. KARMENU VELLA Ministru tat-Turiżmu): Mr Chairman, nipproponi:
VOT 30 - MINISTERU TAT-TURIŻMU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 2,501,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 30 - Ministeru tat-Turiżmu, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.

VOT VI - MINISTERU TAT-TURIŻMU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 5,901,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot VI - Ministeru tat-Turiżmu, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1997.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Michael Angelo Refalo.
ONOR. MICHAEL ANGELO REFALO: Sur President, f'din il-Kamra issa ili aktar minn 25 sena u kelli għadd ta' okkażjonijiet li nitkellem u niddibatti kemm dwar it-tmexxija ġenerali u kemm fuq ċerti aspetti partikolari ta' dak li jien u ħafna Maltin inqisu u nħossu hija l-akbar u l-aktar industrija importanti ta' Malta. Għalkemm limitati f'territorju żgħir u mingħajr rikkezzi naturali, aħna l-Maltin, kif tixhed l-istorja millenarja tagħna, kellna l-ħila nfasslu u nsostnu l-għajxien tagħna bil-kapaċitajiet u bil-ħila tagħna stess. Il-ħafna telgħat u ostakoli li kellu l-poplu tagħna matul iż-żmenijiet, jgħallmuna li sew fl-imgħoddi kif ukoll illum - u aktar u aktar għada u pitgħada - il-ġejjieni ta' pajjiżna huwa fil-fatt marbut intimament mal-qasam tas-servizzi. F'dan il-qasam, is-settur l-iktar importanti huwa ċertament dak ta' l-industrija tat-turiżmu li minnu jgawdi u jiekol kulħadd.
Sur President, sew min-naħa tal-Gvern kif ukoll minn din in-naħa, jien dejjem sħaqt li hu fl-interess ta' kulħadd li l-industrija tat-turiżmu għandha tiġi trattata bis-serjeta', oġġettivament u mingħajr passjoni u kulur għax fuqha jiddependi l-għejxien ta' ħafna nies li jaħdmu direttament fl-industrija tat-turiżmu kif ukoll hemm ħafna nies li l-qligħ u l-għajxien tagħhom hu marbut indirettament mal-progress jew mar-rigress ta' din l-industrija. Ladarba din hi industrija ta' dimensjoni u ta' firxa nazzjonali jenħtieġ li kulħadd, sew min jaħdem fit-turiżmu kif ukoll dawk li ma jaħdmux fit-turiżmu - għax anke dawk li ma jaħdmux b'xi mod igawdu wkoll - jagħti l-kontribut tiegħu u jħares l-interessi ta' l-industrija li tħaddem u titma' eluf ta' eluf ta' nies. Għalhekk naħseb li t-tema f'dawn id-diskussjonijiet għandha tkun li t-turiżmu hi l-industrija ta' kulħadd, l-industrija kemm tan-Nazzjonalisti kif ukoll tal-Laburisti.
Sur President, dan m'huwiex kliem li qed ngħid illum. Dan huwa kliem li għidt diversi drabi f'din il-Kamra u anke barra, u nerġa' ngħidhom illum għax tabilħaqq nemmen fihom. Il-verita' ma tinbidilx skond is-siġġu li tpoġġi fuqu u skond il-perspettiva li int tħares lejn ħaġa, imma l-verita' ma tinbidilx. Għalhekk nerġa' nisħaq li l-media - it-tv, l-istazzjonijiet tar-radio, il-gazzetti - għandhom jittrattaw dan is-suġġett bis-serjeta', mhux donnhom meta ma jkollhomx x'jgħidu iħarbxu xi ħaġa fuq it-turiżmu. Hawnhekk irrid inżid li dawn la għandhom ibigħu rwieħhom u lanqas jaqdu l-interessi, speċjalment ta' barranin li jużawhom għall-iskopijiet ta' moħħhom u ta' buthom, kif ukoll lanqas għandhom iħallu l-passjoni politika tagħmihom. L-agħar ħaġa li tista' tiġri f'dan il-qasam, sew minn min hu mdaħħal fis-settur kif ukoll minn min imexxi l-media, hu li jitkellem pubblikament b'mod kritiku - ħafna drabi sfortunatament leġġerment u mingħajr għarfien xieraq tal-fatti fuq is-suġġett - dwar xi aspett jew ieħor ta' l-industrija u wisq iktar meta mingħajr raġuni - u xi drabi anke meta jkun hemm raġuni - noqogħdu nbassru xi kriżi f'dan is-settur. Fl-imgħoddi, Sur President, kellna kriżijiet u għax irnexxielna niġbru l-interessi ta' kulħadd - għax tabilħaqq din hija industrija li tħaddan l-interess ta' kulħadd - u rnexxielna nagħmlu sforzi kollettivi, għelibna dawn il-kriżijiet. Irrid infakkar hawnhekk li anke fiż-żmien il-kriżi tal-Golf, meta l-Mediterran kollu tilef mit-turiżmu, kienet Malta - u Malta biss - li rnexxielha tmur relattivament tajjeb u twaqqaf anke records u dan għax irnexxielna norbtu flimkien il-ħidma ta' kulħadd. Għalhekk huma x'inhuma ċ-ċirkostanzi jien nemmen li kliem bħal dan jiswa biss ta' deni u ta' ħsara għall-ekonomija ta' Malta. Jien qabel illum qatt ma kelli l-opportunita' li niddibatti t-turiżmu mal-Ministru Vella, iżda l-predeċessuri tiegħu - jien ma niftakarx kienx jagħmel hekk hu jew le - u ċertament il-gazzetti ta' l-Union u tal-Partit Laburista kienu jiżbaljaw bl-aħrax meta f'Ġunju jew Lulju ta' kull sena - qisu t-turiżmu huwa xi ħaġa li titfaċċa fis-sajf biss - kienu joħorġu jgħajtu b'diżastri, problemi, fallimenti u anke bi kriżijiet. Sfortunatament il-passjoni kienet tagħmihom. Jien qed nagħti dan il-messaġġ - għax illum qiegħed fl-Oppożizzjoni u allura nista' liberament nagħtih - li minflok ġid għamlu ħsara kbira lil dan is-settur u għamlu wkoll ħsara kbira għall-kredibilita' tagħhom stess, għax għal darba wara l-oħra, dawn kellhom jibilgħu kliemhom għax minn dawk il-famużi kriżijiet li kienu jbassru konna nispiċċaw, sena wara l-oħra, b'records ġodda.
|n-numru ta' turisti donnu hu numru maġiku li kulħadd iħares lejh. Imma fil-fatt dan għandu importanza, imma ċertament li din hija importanza relattiva. Il-volum trid tarah ċertament fi stampa sħiħa, fi kwadru sħiħ għax trid tkejlu ma' l-infiq, man-numru tal-guest nights, mal-ħolqien ta' mpjiegi fis-settur u anke b'riżultat ta' espansjoni f'setturi oħrajn. Trid tara wkoll kemm jiġi nvestit, it-tip u l-kwalita' ta' investiment u fejn qed imur it-turist. Meta naslu biex inkejlu kollox, żieda ta' guest nights b'volum inqas jew żieda ta' dħul effettiv b'guest nights inqas, ċertament m'humiex motivi għalfejn bniedem għandu joqgħod jitħassab. Min imexxi l-industrija għandu jitħasseb u jinkwieta ruħu meta jibda jonqos kollox mis-swieq kollha.
Fir-rapport li sar, Deloitte & Touche qed jissuġġerixxu ż-żamma tal-Forward Buying Rate - l-FBR - jew xi sistema simili għax dawn qed jgħidu li din hija għodda neċessarja biex tiġġenera volum ikbar ta' turisti. Jien nemmen li din hi xi ħaġa dibattibbli ħafna, għax min jara x'ġara fl-imgħoddi jsib li filwaqt li kien qed jonqos is-sussidju jsib li l-volum tat-turiżmu mill-Ingilterra jew baqa' kostanti jew inkella żdied. Meta naqas it-turiżmu, bħal ma ġara fl-1995 u fl-1996, dan kien għal raġunijiet oħra kif nispjega aktar 'il quddiem u kif konfermat anke issa b'dikjarazzjonijiet min-naħa tal-Gvern. Iżda Deloitte & Touche bir-raġun igħidu li FBR m'hijiex għodda cost effective. Hawnhekk jien innżid ngħid li fiċ-ċirkostanzi tal-lum l-FBR hija biss ħela ta' flus, meta tissussidja suq fejn huma t-tour operators il-kbar li jiffissaw u jiddeċiedu l-volum u mhux il-konsumatur jew aħna,. Dawn il-flus l-NTOM u l-Ministeru tat-Turiżmu jistgħu jutilizzahom f'riklamar aħjar, f'titjib ta' prodott, fi proġetti u inizjattivi dejjiema u mhux biex jiġbed lejn pajjiżna nies li jiġu hawnhekk minħabba l-prezz u li forsi xi drabi lanqas kellhom biss il-ħajra li jsiefru, aħseb u ara li jiġu Malta.
Għal Malta, Sur President, it-turiżmu għandu jkun biss mutur li jiġġenera ġid, attivita' ekonomika u ħolqien ta' mpjiegi. M'għandhux ikun xi strument li jagħmel piż fuq l-infrastruttura tal-pajjiż u joħloq problemi ambjentali, għax dawn ikunu jfissru spejjeż u mhux qligħ għall-pajjiż. Li jeħtieġu t-tour operators Ingliżi - u jien ngħid it-tour operators tal-pajjiżi kollha - hu li l-Bank Ċentrali jiffissa base rates minn kmieni ħafna, rata li la jkollha element ta' sussidju u lanqas ikollha l-element ta' qligħ għas-Central Bank, li fuqha t-tour operators ikunu jistgħu jiffissaw il-prezz tal-btajjel qabel ma jiġi varat il-brochure. Jien naħseb li dik hi l-iżjed ħaġa importanti li wieħed jistenna minn dan il-pajjiż. B'dan il-mod ukoll jista' jiġi eleminat ir-riskju ta' surcharges minħabba ċaqliq fil-valur tal-flus. Meta int ikollok base rate maħruġa kmieni, mingħajr sussidju u mingħajr xejn aktar, tkun tista' tagħti lil ħaddieħor ċertu element ta' ċertezza. Jien ngħid li din kienet il-linja li kien miexi biha l-Gvern Nazzjonalista u jien nerġa' nisħaq li dan jagħmel sens u għalhekk nissuġġerixxi biex dan il-Gvern jikkonsidraha u jibqa' miexi fuq dik il-linja. Kien għalhekk li l-FBR kellha tiġi phased out f'Mejju ta' din is-sena u minflokha l-Gvern Nazzjonalista daħħal is-sistema ta' Tour Operator Support Scheme - it-TOSS .
Sur President, jien naħseb li huwa għodda rikonoxxuta fin-negozji kollha li tagħmel payment by performance - payment by results - jiġifieri li tagħti premju jew inċentiv lil min iġiblek ix-xogħol u l-business.
Din hi s-sistema li titħaddem illum għax hija waħda li tagħmel sens u ma tmurx kontra r-regoli ta' l-International Monetary Fund - l-IMF. Din is-sistema tista' u għandha tinfirex mas-swieq kollha u mhux tibqa' limitata għas-suq Ingliż, qisu l-Ingliż xi poplu fqir li għandu bżonn l-għajnuna. Dan qed ngħidu għax illum l-ekonomija Ingliża qegħda b'saħħitha u għax irridu niftakru wkoll li Malta tiġġenera ħafna turiżmu mill-Ingilterra u minn pajjiżi oħra li ma jiġux direttament mit-tour operators il-kbar. Biex jiġu nċentivati sew l-operaturi li jipprovdu l-volum, kif ukoll dawk li jispeċjalizzaw f'ċerti setturi tat-turiżmu li l-aktar li jiġi Malta huwa fix-xitwa u fis-shoulder months, jien nemmen li huwa għaqli li t-tour operator support scheme tiġi mfassla u targeted aħjar biex la tħalli lok għall-abbużi, kif kienet tħalli s-sistema ta' l-FBR meta ġiet introdotta, u lanqas tingħata indiskriminatament. Il-mira tal-FBR kienet dik li terġa' tikseb il-volum mis-suq Ingliż. Dik ma kenitx sistema li tattira t-turist ta' kwalita', għax it-turist ta' kwalita' qabel ma jiddeċiedi fejn imur għal holiday, la se joqgħod iħares jekk hemmx sussidju u lanqas se joqgħod iħares lejn il-prezz. Is-siwi ta' TOSS hu li l-Gvern ikun f'pożizzjoni li jsaħħaħ dak is-settur li Malta trid u ma tiddependix - bħal f'każ ta' l-FBR - fuq deċiżjoni dwar in-numru ta' holiday packages li jikkuntratta tour operator barrani. It-TOSS tagħti aktar saħħa u aktar poter deċiżjonali lil Malta għaliex id-deċiżjoni l-aktar importanti, dik strateġika, teħodha Malta, preferibbilment b'kunsens u mhux f'konfront mat-tour operators.
Kuntrarju għal dak li jingħad diversi drabi mill-kelliema Laburisti - u riċentement anke mill-Ministru Karmenu Vella - il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ma segwiex politika ta' turiżmu 5-Star u ta' turiżmu up market. Hawn nistieden lil kulħadd biex iffittex fid-diskors li sar hawnhekk u dak li ntqal barra minni u minn sħabi - dan kollu huwa rrapportat u dokumentat - u jaraw kif bl-ebda mod aħna ma tajna l-impressjoni li qed infittxu dak it-tip ta' turiżmu biss. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet politika li rnexxiet għax hija waħda li gradatament immirat li ssaħħaħ u tgħolli l-profil soċjo-ekonomiku ta' min jiġi jżurana. Din la kienet politika elitista u lanqas politika diskriminatorja bejn klassi u oħra. Dan ma ġarax għax inċentivajna biss l-istabbilimenti kollha ta' akkomodazzjoni, mill-guest houses 'l fuq sa 5-Star, ta' kull kategorija li jtejbu l-prodott, iżda b'titjip infrastrutturali, edukattiv, promozzjonali, kulturali, l-organizzazzjoni ta' attivitajiet internazzjonali u storiċi u b'ħafna mezzi oħra. Il-bieb ta' Malta ma għalaqnih għal ħadd, u la ridna biss 5-Star u lanqas ridna - kif donnu jrid dan il-Gvern - turist ta' kwalita' medja biss. Meta nċentivajna l-bini ta' lukandi 5-Star kien biex niġu lura għal sitwazzjoni li kellna 25 sena qabel, li sa l-1987 kienet disintegrat, u kif ukoll biex insaħħu s-suq tal-konferenzi u incentive travel. Tajjeb li niftakru li llum - dan joħroġ ukoll minn tweġibiet li jagħti l-Ministru stess - il-perċentwali ta' sodod f'lukandi 5-Star, imqabbla man-numru ta' sodod liċenzjati, hi inqas minn dik li kienet 25 sena ilu. Id-differenza hija li f'dawn il-lukandi llum tieħu servizz ħafna aħjar minn qabel għax l-istaff huwa mħarreġ aħjar u l-klijent iħallas rata li kuntrarjament għal dawk li jgħidu x'uħud, hija rata li ma tikkompetix ma' ta' klassijiet inferjuri. Dan ngħidu bil-provi issa għaliex f'seminar riċenti tal-Malta Hotels and Restaurants Association - l-MHRA-, tressaq dokument mibni u mtella' minn kumpannija ta' consultancy fuq survey ta' l-MHRA li minnu joħroġ li bejn Jannar u Awissu ta' l-1996, l-achieved room rate fil-lukandi 5-Star kien ta' Lm34.80, waqt li tal-4-Star kien Lm18.06, ta' 3-Star kien Lm7.61, first class complex aparthotel kien ta' Lm10.48. Dawn huma ċifri mibnija fuq informazzjoni mogħtija mil-lukandiera stess u jgiddbu lil ħafna li jgħidu li tal-5-Star jiċċarġjaw daqs tat-3-Star.
Sur President, infakkar li li l-Gvern Nazzjonalista neħħa l-maximum rate u l-kontrolli żbaljati li l-Gvern Laburista kien impona fuq il-ħlasijiet tal-lukandi. Kien għalhekk li l-pajjiż seta' wkoll jikseb iżjed dħul għall-poplu. Ridt ukoll nieħu din l-okkażjoni, Sur President, biex nikkoreġi ukoll impressjoni żbaljata oħra għar-rigward il-pjan - jew il-proposta ta' pjan biex inkun iżjed korrett - ta' Howarth & Howarth. Hawn min qed jgħid li dan kien pjan ta' ħames snin imma biex inkunu eżatti, l-pjan huwa fuq medda ta' 15-il sena u min qrah jista' jikkonferma dan. Il-broad lines u l-istrateġiji wiesgħa tiegħu huma għal 15-il sena filwaqt li t-targets li ġew stabbiliti huma fil-fatt għal ħames snin. Allura ma nistgħux ngħidu li l-proposta ta' pjan kienet għal ħames snin. Li t-targets kienu fil-fatt għal 5 snin veru, imma mhux il-pjan.
Irrid nfakkar li fl-1993 beda proċess biex nieħdu snapshot tas-sitwazzjoni biex imbagħad jiġu stabbiliti t-targets sas-sena 2,000. Dan kien importanti li wieħed jagħmlu biex jara jekk ikunx hemm bżonn ta' fine tuning jew xi bidla ta' rotta. Irrid ngħid li s-settur privat kien rappreżentat sew fl-isteering committee, li kien back-up ta' Howarth & Howarth, kif ukoll fuq dan li qed ngħid jien, li kien qed jagħmel revision tat-targets ta' Howarth & Howarth. Kieku riedu - għaliex l-offerta kienet hemm, l-istedina kienet hemm - anke l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien setgħet tiġi għax konna stedinniha wkoll, imma ma kenitx aċċettat. Is-settur privat u diversi dipartimenti tal-gvern, l-Air Malta u kulmin seta' kellu interess issieħeb f'eżerċizzju mibdi fl-1993. Fil-frattemp, saru proposti għal bidliet fil-liġijiet u saru wkoll l-istudji tal-P.A. Cambridge dwar l-impatt fuq l-ekonomija ta' Malta. Fil-fatt dan huwa kollu dokumentat u jien qed ngħidu for the record.
Sur President, għalhekk min jgħid li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista t-turiżmu kien flying blind - fil-fatt xi ħadd qalha u qrajtha riċentement - juri biss li tabilħaqq ma studjax sew il-fatti, ma ndagax sew il-fatti u għandu għarfien ftit leġġer dwar is-suġġett. Il-verita' hija waħda u waħda biss, li r-riżultat tal-ħidma tal-Gvern Nazzjonalista kien li fil-qasam tat-turiżmu ħalla patrimonju ta' l-inqas id-doppju ta' dak li wiret mingħand il-Gvern ta' qablu. Min jixtieq jagħmel paraguni - jien ma nħobbx noqgħod naħli ż-żmien tal-Kamra niċċita ċ-ċifri għax iċ-ċifri aktar ħawwdu l-imħuħ - jista' jħares sew lejn l-Economic Survey ta' din is-sena, sew lejn l-istatistika li toħroġ minn sena għal sena, u jara kif sew fil-qliegħ kif ukoll fil-volum, fl-impjiegi u fl-investiment, t-turiżmu rreġistra riżultati bil-bosta aħjar, u xi drabi anke tlett darbiet aħjar, minn dak li l-predeċessuri tal-Ministru Vella rnexxielhom jiksbu sa' l-1986.
Ma naħsibx li nkun qed naħli ż-żmien tal-Kamra jekk infakkar x'sitwazzjoni sibna fl-1987. Ma ngħidx li ma kienx hemm it-tajjeb ukoll, għax huwa żball li tagħmel broad brush u tgħid li kollox kien iswed, imma sibna l-privat emarġinat, sibna ġlied kontinwu bejn il-Gvern u l-assoċjazzjonijiet, l-infrastruttura qegħda tisfaxxa, l-immaġini lokali u barranija ħafna drabi tal-mistħija u fuq kollox sibna, NTOM fewdu tal-Ministru. Jien naf li ma ħallejniex il-perfezzjoni jew li l-affarijiet mexjin fuq ir-rubini jew fuq l-auto-pilot, imma ċertament dak li ħallejna aħna hija industrija f'qagħda bosta aħjar milli sibniha u nittama li l-Ministru, mgħejjun minn sħabu fil-gvern - u nerġa' ngħid li mgħejjun minn sħabu fil-gvern - għax importanti jagħraf jindokra tajjeb u jiżviluppa dan il-patrimonju. Dan hu patrimonju f'termini ta' diversifikazzjoni sew ta' nazzjonalita', ta' interessi u ta' motivazzjoni, industrija li mhux taħdem għal staġun wieħed imma s-sena kollha u mhux offerta li tiddependi biss mill-attrazzjoni tal-baħar u tax-xemx. L-għaqda u s-sħubija ta' l-NTOM mas-settur privat u ma' l-assoċjazzjonijiet għandha tissaħħaħ dejjem aktar u li l-Hotels and Catering Establishments Board jiġi aktar rispettat. Fl-Istitut tat-Turiżmu għat-Taħriġ irid ikollok personnel kwalifikat. Irid ikollok network ta' outstations fl-ikbar swieq, network ta' komunikazzjoni bl-ajru, air terminal u infrastruttura, li f'ħafna aspetti tagħha hi eċċellenti. Tajjeb li tgħid li għalkemm bħalissa f'dan il-pajjiż it-turiżmu huwa miexi tajjeb, sfortunatament qatt ma smajt lil xi ħadd tan-naħa l-oħra jgħid prosit jew grazzi għal xi ħidma li stajna għamilna dwar dan.
It-triq ta' tant snin ta' suċċess - li j'Alla nkomplu ngawdu mertu ta' Gvern Nazzjonalista - nbniet fuq sisien ta' ħidma bla heda u ta' mpenn qawwi u fuq kollox ta' politika ċara li kapaċi tadatta ruħha minn żmien għal żmien għaċ-ċirkostanzi skond kif jinbidlu sew internazzjonalment kif ukoll lokalment. Iżda dan is-suċċess, skond ir-rivali politiċi Laburisti, kien biss riżultat ta' ċikek u li morna tajjeb għax ħaddieħor mar ħażin peress li kien hemm ħafna nkwiet f'destinazzjonijiet oħrajn. Għamilna wkoll żmien nisimgħu lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, illum il-Prim Ministru, jgħidilna li l-Gvern Nazzjonalista sejjer tajjeb fit-turiżmu għax kien qed isegwi l-policies tal-Gvern Laburista. Meta fl-1995 u fl-1996 l-affarijiet ma baqgħux sejrin tajjeb daqs kemm kienu, hemmhekk bdew iwaħħlu fil-politika żbaljata tal-Gvern Nazzjonalista. Fil-fatt kellu jkun id-diskors tal-budget biex jammettu li t-tnaqqis ġara għar-raġunijiet li ma kellhomx x'jaqsmu ma' Malta u hawn se niċċita lill-Ministru Lino Spiteri fejn jgħid:
"L-industrija tat-turiżmu kompliet tħabbat wiċċha ma' numru ta' problemi, kemm minħabba l-qagħda ekonomika fl-Ewropa, l-attrazzjoni ta' destinazzjonijiet imbiegħda u n-numru dejjem jikber ta' postijiet turistiċi fil-Mediterran."
Voldieri l-Gvern illum qed jgħid li n-nuqqas li kellna fl-1995 u fl-1996 kien minħabba dawn l-affarijiet u fil-fatt din hija l-verita'. Mhux qed jgħid li dan ġara għax aħna neħħejna l-forward buying rate jew għax daħħalna l-VAT jew minħabba l-politika żbaljata tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Imma minkejja l-inkwiet u x'jista' jiġri fil-Mediterran, aħna nieħdu pjaċir nisimgħu li dan il-pajjiż għal darba oħra ospita 'l fuq minn miljun turist, li ma ntilfux impjiegi, anzi naħseb li żdiedu xi ftit, u li per capita qlajna aktar flus.
Il-prattika hi li l-kelliem ta' l-Oppożizzjoni jressaq emenda b'turija ta' sfiduċja fil-politika tal-Gvern. Taħsbux li jiena insejt nagħmilha din l-emenda, imma ħallejtha għalissa, għax l-ewwel ridt nagħmel biċċa introduzzjoni mbagħad nipprova nimmotivaha. Hija l-prassi li din l-emenda ta' sfiduċja ma tkunx personali lejn il-Ministru - u fil-fatt mhijiex - u se naqraha:

VOT 30 - ministeru tat-tuRiżmu
Personal Emoluments
Item 11 - Ministru
Ħassar iċ-ċifra "Lm 10,297" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm 10,296”.
Delete the figure "Lm 10,297" and substitute therefor the figure "Lm 10,296”.
Fil-fatt din hija emenda formali li tfisser l-isfiduċja ta' l-Oppożizzjoni għal dik li hija politika tal-Gvern. Eżattament għadna ma nafux x'inhija l-politika tal-Gvern u jiena se nimmotivaha għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija li minkejja l-appoġġ apparenti - donnu anke l-Prim Ministru qal hekk - li jrid iħalli spazu biex it-turiżmu jkollu suċċess u jiżviluppa aħjar, il-Gvern ma għarafx isostni din l-industrija f'dan il-Budget. Dan qed inaqqas drastikament il-kontribut ta' l-Istat għall-industrija tat-turiżmu, inaqqas is-servizzi li jsostnuha u anke jżid l-ispejjeż. Hawnhekk m'inix qed nitkellem biss dwar il-pagi għax wieħed jistenna li dawn jiżdiedu, imma qed nitkellem dwar diversi spejjeż oħrajn. It-tieni raġuni nibbażaha fuq in-nuqqas ta' sens ta' leadership - għax min ma jitkellimx mhux qed jagħti leadership - u fuq in-nuqqas ta' politika ċara li l-Ministru Vella wera kemm ilu fil-kariga. Dawn iż-żewġ motivazzjonijiet m'iniex qed ngħidhom għall-effett u rrid insostnihom.
Qabel ngħaddi biex insostni r-raġunijiet li semmejt irrid nagħmel kumment dwar il-ġejjieni li l-Gvern tal-lum qiegħed ifassal għal din l-industrija u dwar il-mezzi u l-flus li qed jagħtiha biex issostni ruħha u biex tasal għall-għanijiet li ġew stabbiliti mill-istess tal-Gvern biex dan il-mutur ewlieni ta' din l-ekonomija jilħaq l-għanijiet tiegħu. Jiena nara li l-miri tal-Gvern jinġabru fi tliet policies prinċipali. L-ewwel li jiġu attirati middle income tourists - donnu ad esklużjoni ta' ħaddieħor - u hawn naħseb li din hija phrasing ħażin għax ma naħsibx li jridu nies skond id-daqs tal-portafoll biss, imma li wieħed irid titjib tal-livell soċjo-ekonomiku. It-tieni policy hi li jiġi msaħħaħ is-suq Ingliż u li jsir sforz ħalli jitjieb il-prodott u hawn jiddispjaċini ngħid li l-miżuri u l-mezzi li ġie mogħti l-Ministru Vella u anke l-Ministeru u l-NTOM ċertament ma jidhrux li jistgħu jwasslu għall-għanijiet. Dan għaliex anke kieku għall-grazzja ta' l-argument jien kelli naċċetta dak li qed jgħid il-Gvern, li l-finanzi tal-pajjiż huma fi stat diżastruż, jien kont nistenna li Gvern li għamel Ministeru ad hoc għat-turiżmu, kien se jiżgura wkoll li jagħtih l-ogħla prijorita' u appoġġ. Għax inkella hawn jiena nibda nissuspetta li qed nitkellmu biss fuq lip service għat-turiżmu u ngħid li allura din ċertament hija mossa kosmetika.
Qed ngħid hekk kontra qalbi għax jiena smajt lill-Prim Ministru jitkellem u fid-diskors tiegħu eloġja l-importanza tat-turiżmu. Qal ukoll li għas-settur tat-turiżmu ma jaqblilnix li nidħlu fl-Unjoni Ewropea u hawn jiena għadni ma fhimtx għaliex ma jaqblilnix u xi darba nixtieq li xi ħadd ifehemieli għax għalkemm huwa qal li hemm xi rapport jien fittixtu iżda ma sibtux. Għalhekk, Sur President, jiena kont nistenna li l-Gvern iżid il-budget għat-turiżmu u mhux naqqsu b'madwar Lm1 miljun. Għaliex meta tara l-Estimi taħseb li huwa Lm100,000 kif ħasbu n-nies, imma ċertament hemm Lm1 miljun neqsin. Mela meta qed jgħidu - nerġa' nuża l-kelma li uża l-Ministru Spiteri - li t-turiżmu huwa "mxengel", minflok ma żiedu l-vot biex isostnu t-turiżmu f'sena qed jaqtgħu Lm1 miljun.
Jien ngħid li anke kieku ġie vvotat l-istess ammont li kellu s-sena ta' qabel, it-tnaqqis xorta kien ikun jeżisti għaliex bl-inflazzjoni u biż-żidiet li ġew iġġenerati sew lokalment kif ukoll barra minn Malta biex issostni r-reklamar ta' barra u għalhekk dejjem għandek bżonn żieda minħabba l-eruzzjoni tal-flus. Per eżempju, il-fatt li l-isterlina qed tissaħħaħ huwa wieħed pożittiv għaliex jiġu iktar turisti Ingliżi hawn Malta, pero' biex issostni l-uffiċċju ta' Londra ħalli tagħmel il-pubbliċita', l-NTOM trid tħallas iktar. Fil-fatt, anke kieku l-affarijiet baqgħu l-istess xorta hemm tnaqqis ta' Lm1 miljun mill-budget ta' l-1997. L-NTOM hi mistennija li tħallas Lm0.5 miljun kontijiet ta' tour operators għat-tħaddim tat-TOSS ta' l-1996 u din wieħed jista' jaraha fid-diskors tal-Ministru. Minkejja l-kliem kollu - jien naħseb li anke t-tamiet u l-isperanzi - tal-Ministru Vella li jrid jara aktar titjib fil-prodott, jiddispjaċini għalih, iżda aktar u aktar għall-industrija, għaliex il-vot tal-product development minn Lm345,000 niżel għal Lm50,000, il-vot tat-TOSS naqas bi Lm0.25 miljun, u minflok Lm75,000 li ġew ivvotati għall-iżvilupp ta' l-Institute of Tourism Studies l-ITS - mezz ewlieni li jiggarantixxi professjonalita' fl-industrija għall-ġejjini, il-Ministru jrid ikampa b'Lm20,000 biss. Imbagħad hemm Lm0.5 miljun oħra li ġejjin mill-protokoll ma' l-Italja li jridu jintnefqu fuq il-proġett "Marketing the Mediterranean as a Region" fejn jien il-ħin kollu nistaqsi x'se jkun il-kontribut ta' pajjiżi oħra. Dan il-proġett kien maħsub u ppjanat minn sieħbi l-Onor. Joe Psaila Savona u huwa proġett tajjeb u nawguralu suċċess. Imbagħad il-kummenti tagħna f'dan ir-rigward nagħmluhom meta nibdew naraw xi riżultati. Ta' min ifakkar li l-proġett ġie varat taħt id-WTO u hawnhekk jidher ukoll ir-rispett li Malta kisbet internazzjonalment mad-WTO għaliex mhux biss għaddejna industrija b'saħħita lill-Gvern preżenti, imma għaddejna wkoll industrija rispettata u li tagħti għajnuna lill-pajjiżi barranin. Jien personalment mexxejt delegazzjonijiet il-Libja u Sqallija fuq talba tal-gvernijiet tagħhom u huwa sewwa li nkomplu nagħmlu dawn l-affarijiet għaliex jekk intejbu l-industrija ta' Sqallija u anke tal-Libja, ma nkunux biss qed ngħinu lil dak il-pajjiż, ma nkunux biss qed ngħinu lill-Mediterran imma nkunu qed ngħinu lilna nfusna. Iżda, Sur President, filwaqt li llum lesti biex nonfqu Lm0.5 miljun f'"marketing the Mediterran as a region", imbagħad għall-gżira ta' Għawdex iddedikajna biss Lm10,000 u hawnhekk jien nixtieq spjega għaliex naqas l-ammont allokat għal Għawdex.

Niġi issa għall-kummenti dwar l-istrateġija li qed jipproponu. Il-VAT bir-rata ta' 10% fir-room rate se tiġi mibdula għal 5%. Issa jekk din hijiex levy jew le ma nafx imma fuq pre-booked accommodation and catering packages ċertament jien ma naħsibx li din hija xi sistema kif tiġbed u tattira lejn Malta middle-income tourists. Naħseb li dan ir-roħs fil-fatt ma jkollu effett ta' xejn fl-1997 ħlief forsi biex jagħti lura lil xi lukandiera, li skond huma, kellhom jassorbuha meta ġiet introdotta l-VAT u biex ipatti għaż-żieda fil-prezz tal-fuel u enerġija. Jekk il-ħsieb tal-Gvern fl-1997 kien li jagħti bonanza żgħira lill-lukandi, allura ċertament li rnexxilu. Pero' jien naħseb li l-iskop ma kienx hekk, imma biex jonqos il-prezz għall-konsumatur, biex aħna nkunu iktar price competitive, u allura jien ngħid li ma naħsibx li kienet l-aħjar miżura li kellha ssir għax naħseb li l-vantaġġ għall-industrija f'dan il-każ se jkun iżjed ineżistenti milli attwali. Qed ngħid dan għax ir-roħs, anke kieku kien se jgħaddi għand il-konsumatur, mhux se jattira dawn il-middle-income tourists għax din il-kategorija ma tħarisx lejn il-prezz ta' Lm10 'l hawn u 'l hemm. It-tieni raġuni għaliex il-kuntratti issa kollha diġa' ffirmati u l-brochures ġew stampati. It-tielet raġuni hija għaliex it-tour operators diġa' rabtu l-progammi tagħhom, jiġifieri l-volum li jridu jġorru, ibbukkjaw iċ-charters u l-postijiet fuq l-ajruplan. Jien naħseb li dan ir-roħs jista' jkun biss ta' xi utilita' għal xi xogħol ġdid li fil-fatt jiffaċċja matul is-sena. Jien ukoll ngħid li ksibt kjarifika mingħand il-Ministru tal-Finanzi għaliex kif ġiet phrased "catering accommodation package" kienet tidher li min jiġi room-only u min jiġi fuq self-catering ma kien se jgawdi xejn, pero' l-Ministru kkonferma li s-sistema fil-fatt sejra tibbenefika wkoll dan it-tip ta' turist. Oltre dan, il-lukandiera se jkollhom japplikaw varjeta' ta' rati, 5% għal min ġie fuq pre-booked accommodation and catering package, 10% għall-walk-in trade u 15% għall-extras u għall-ikel. Forsi l-mira tal-Gvern hi li jżid il-volum u forsi jiddeversifika u naħseb li għalhekk ħabbar din il-miżura kmieni kif għamel, imma mbagħad dan messu għamilha applikabbli għall-1998. Bil-flus li ffranka seta' żied sostanzjalment il-budget ta' l-NTOM biex din ikollha aktar flus għall-attivitajiet tagħha bħal, riklamar u żvilupp fiżiku u organizzattiv tal-prodott. Bħalissa, l-isterlina qiegħda tissaħħaħ u qed jiġi mbassar li tul din is-sena kollha se tibqa' b'saħħitha u allura wieħed ma jarahiex diffiċli li jbassar ukoll li s-suq Ingliż jirreaġixxi pożittivament. Is-suq Ġermaniż din id-darba wkoll qed juri titjib bil-ħidma ta' ċerti tour operators. Jiena naf li kumpannija waħda se ġġib 35,000 turist ġdid u dawn l-iżviluppi kienu miftehmin minn qabel l-elezzjoni, jiġiferi ma ġrat bl-ebda mossa jew miżura mill-Gvern tal-lum. (Interruzzjonijiet) Jien m'għidtx li għamilha l-Gvern preċedenti imma għidt li t-tour operater għamilha.
Minkejja dak li jingħad huwa tajjeb li nfakkar li skond is-survey ta' kull sena ta' Thomas Cook, Malta toħroġ minn ta' quddiem għall-value for money holidays. Jekk inhu kif qalu ċerti operaturi Ingliżi, li l-prezz ta' btala f'Malta għola b'xi 39%, jien naħseb li huwa ovvju li l-prezz għal destinazzjonijiet oħra għola ħafna aktar, sakemm dawn it-tour operators Ingliżi m'humiex jgħoddu l-Lm20 departure tax li l-Ingilterra stess tiġbor mingħand kull min jiġi Malta u kull min imur f'pajjiż li m'huwiex membru ta' l-Unjoni Ewropea.
Jien ngħid li l-budget se jkollu ċertu effett negattiv fuq il-prezz tal-btala minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet ta' ċerti servizzi. Iż-żieda fil-prezz tal-petrol se taffettwa ċertament lill-car hire, lill-coaches u lill-mini vans filwaqt li l-prezz tal-pitrolju se jkollu impatt negattiv fuq il-laundries, il-fran u l-heating tal-lukandi. Iż-żieda fil-prezz tal-liċenzji, ta' l-alkoħol u tat-tabakk se tgħaddi fuq il-konsumatur u għalhekk huma government induced costs li se jkollhom impatt negattiv fuq it-turiżmu. Wieħed jista' jgħid l-istess għaż-żieda riċenti - din tħabbret il-bieraħ u l-bieraħt lura - fuq in-nol tal-Gozo Channel. Jekk wieħed iħares lejn il-budget jara wkoll li hemm Lm2 miljun inqas f'investiment fuq it-toroq li - naħseb kollha naffermaw - jeħtieġu li jsirilhom ħafna titjib u allura wieħed jistaqsi għaliex naqqastu Lm2 miljun minn dawk tas-sena li għaddiet? Naħseb li t-toroq kellhom jingħataw ċerta preferenza, imma donnu m'hemmx pjan għax meta staqsejt lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni x'toroq se jirranġaw din is-sena fiż-zoni turistiċi ħallieni bla risposta.
L-iktar ħaġa kerha li nara f'dan il-pajjiż huwa l-iżdingar ta' ċerti inħawi. It-tindif, il-ġbir ta' l-iskart, it-tiswija tat-toroq u l-bankini huma kollha responsabbilita' tal-kunsilli lokali, imma l-budget tal-kunsilli lokali għal dan ix-xogħol, li jiswa ħafna biex isostni t-turiżmu, qed jonqos b'Lm1 miljun. Allura wieħed ikollu jistaqsi: Irridu jew ma rridux insebbħuh dan il-pajjiż? Irridu jew ma rridux intejbu l-prodott turistiku? Din il-kontradizzjoni u ħafna oħrajn joħorġu mill-budget u minn dak li qed jiġri bħalissa. Nieħdu, per eżempju, l-eżerċizzju dwar it-titjib propost għal Buġibba. Jien attendejt is-seminar u nikkongratula lill-Ministru li rnexxielu jtella' miegħu ħamsa minn sħabu u mbagħad bdejt nisma' lill-Ministru jgħid li d-dipartiment tiegħu se jagħmel ħaġa, l-ieħor se jħallas daqs "hekk", l-ieħor se jagħmel ħaġa oħra, u bejni u bejn ruħi għidt: "Veru kulħadd donnu għandu rieda tajba pero' hemm xi ħaġa nieqsa, hemm xi koordinament, xi pjan li huwa nieqes? GĦaliex huwa importanti li jkollok xi pern li jikkoordina kollox". Jiena ma ridtx nitkellem dak il-ħin għax ma ritdx nagħti l-impressjoni li mort hemmhekk biex nikkritika, pero' wara bqajt hemmhekk u lil xi ministri li kienu hemm għidtilhom li huwa tajjeb li kulħadd jipprova jgħin imma hemm bżonn koordinament. Qaluli: Ħallina minnek! Għalfejn nagħmluhom dawn il-pjanijiet kollha, dan biex ma jsir xejn u noqogħdu nistennew il-pjan?! Allura jien għidt li jekk huma kuntenti li kull wieħed jara x'jagħmel biex jitfa' xi ħaġa fis-sasla ta' Buġibba, allura kuntent kulħadd. Pero' mbagħad jumejn wara tkellem il-Prim Ministru dwar il-pjani ta' Buġibba, Paceville u Marsascala, u ħabbar li għal kull lokalita' hemm pjan bid-dettall, bit-targets u bit-time frames. Jiena ħadt pjaċir nisimgħu dan. Allura kif wieħed jgħidli "ħallini minnek" imbagħad jiġi l-Prim Ministru u jgħid verament dak li tabilħaqq kellu jgħid! Allura nibda ngħid: Aħna aħna jew m'aħniex f'dawn l-affarijiet!
It-turiżmu għandu bżonn kulħadd, għandu bżonn kull area ta' l-amministrazzjoni u jien nappella lill-Prim Ministru biex jipprova jħeġġeġ lil sħabu kollha biex iqiegħdu t-turiżmu f'ċerta prijorita' fl-aġenda operattiva tagħhom. Per eżempju, fl-isport u fis-settur tal-kultura huwa importanti li jkollna konkorsi nternazzjonali u attivitajiet kulturali hawn Malta mhux biss bħala valur fihom infushom, imma għax dawn jistgħu jħajru iktar turiżmu ta' dik il-kwalita'. Għalina mhux li jkollna logħba internazzjonali huwa importanti imma li jkollna team wara team wara team jiġi jittrejnja Malta fix-xitwa. Per eżempju, meta l-Iżvezja u l-Fillandja jkun hemm is-silġ, allura inti tkun qed tospita hawn Malta it-timijiet sportivi tagħhom. It-turiżmu sportiv m'huwiex dawk li jiġu għat-tournaments tal-football imma anke dawk li jiġu biex jitħejjew u dawk ċertament idumu ħafna iktar minn dawk li jiġu għat-tournaments sportivi.
Jiena ngħid li jenħtieġ ukoll li l-mużewijiet jibqgħu jiġu upgraded u dan mhux għax huwa patrimonju tagħna biss. Il-bieraħt lura jien iddispjaċieni nisma' l-Ministru Bartolo jgħid li wieħed irid jara l-cost effectiveness tar-restawr tal-Hypogeum u tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija. Veru trid tara l-cost effectiveness, tara l-costs relatati mal-benefiċċji - mela le! - imma meta aħna qegħdin nitkellmu fuq patrimonju, li mhux patrimonju ta' Malta biss imma ħafna drabi patrimonju dinji, għandna nagħmlu ċerti eċċezzjonijiet, u jien naħseb li hawnhekk għandhom isiru eċċezzjonijiet. Il-mużewijiet m'għandhomx ikunu tajbin għall-iskejjel u għall-esperti biss imma fihom infushom għandhom ikunu attrazzjonijiet. Dak li smajt fid-dibattitu ta' nhar it-Tnejn iwassalni biex ngħid li ma naħsibx li ġejja wisq għajnuna kbira għat-turiżmu mill-kultura u mill-isport.
Jien qed nitkellem b'dan il-mod għax għal xi żmien kelli l-fortuna li nkun responsabbli għax-xandir, għall-kultura u għall-isport. Fil-ħidma tiegħi biex inġib dak is-settur 'il quddiem - issa jekk ġibtux 'il quddiem jew le hija kwestjoni dibattibbli għal kulħadd għax jekk jien ngħid "iva", ħaddieħor jista' jgħid "le" jew ikun hemm min jgħid li ġibtu 'l quddiem ftit jew ħafna - jien dejjem kont inżomm f'moħħi l-interessi tat-turiżmu, li hija l-ikbar industrija ta' dan il-pajjiż. Allura nistaqsi: Għaliex m'għadniex naraw inserts ta' x'qed jiġri f'Malta kulturalment fil-magazine "The European"? Dan huwa reklamar li jsir b'xejn! GĦaliex mhux qed jintuża s-servizz ta' l-"Euro News" biex nipproġettaw lil Malta? Dan qed ngħidu għax wara kollox Malta għandha x-shares fih u tista' ttella' programmi kulturali u ta' interess ġenerali li fihom infushom huma reklam għal Malta. Jiena kont daħħalt kultura ta' forward planning biex ikun hemm lead time aħjar għar-reklamar u għall-preparazzjonijiet tant li l-kumitat tal-Maltafest beda jaħdem fuq il-programm tas-sena 1997 minn Settembru li għadda. Issa x'ġara? Aħna ma nafux jekk l-istess kumitat baqax hemm jew le u jekk hux qed jaħdem ma' l-NTOM biex iservi ta' għodda promozzjonali għat-turiżmu. Ħadd ma jaf xejn. B'inqas minn Lm300,000 li għadhom jidhru fil-budget tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, aħna konna kapaċi ntellgħu wirja dwar il-preistorja ġewwa Firenze, norganizzaw sfilata storika fit-toroq ta' dik iċ-citta' d'arte, niżguraw li jiġi restawrat il-kwadru ta' Caravaggio - li waħdu jiswa iktar mill-flus li kellna fil-budget - nieħdu rwol prinċipali fi programm tat-television internazzjonali li jwassal l-kultura Mediterranja fl-erba' rjieħ tad-dinja u, permezz ta' l-European Open, konna qegħdin inwasslu lil Malta ġewwa 60 miljun dar fl-Ewropa.
Dwar il-Caravaggio nixtieq inwieġeb il-kumment li sar il-bieraħ. L-ewwel ħaġa kienet tkun deċiżjoni ta' mistħija kieku ma ħadt l-ebda azzjoni fuq il-kwadru ta' Caravaggio li kien qed jitmermer u li ż-żebgħa kienet nieżla minn fuqu. It-tieni ħaġa, l-Gvern ħa d-deċiżjoni - wara qbil bejn l-esperti u l-partijiet interessati - li kawża ta' l-esiġenzi tar-restawr speċjalizzat u urġenti, il-kwadru kellu bilfors jintbagħat barra biex isir ir-restawr peress li kien jeħtieġ mhux biss restawraturi kwalifikati u speċjalizzati iżda wkoll laboratorju attrezzat li f'Malta m'għandniex. Ir-restawr - inkluż it-trasport u kollox - huwa b'xejn. Jien kburi li ħadt parti f'din id-deċiżjoni li twassal biex insalvaw - kif fil-fatt salvajna - dak il-kapulavur mhux biss għal pajjiżna imma wkoll għall-umanita'. Irrid ngħid ukoll - biex nikkoreġi xi ħaġa li ntqalet hawnhekk - li jiena la qatt tlabt u lanqas qatt irċevejt parir mingħand ir-Royal Society of Arts, kif donnu xi ħadd ta' x'wieħed jifhem nhar it-Tnejn. Fl-1988 kienu kellmuhom mhux fuq ir-restawr imma dwar it-tiċrita li kien hemm f'dak il-kapulavur.

Sur President, mod ieħor kif tinkiseb il-pubbliċita' għall-pajjiż huwa li jsiru attivitajiet sportivi bħal, per eżempju, maratona, triathlon, l-ATP tat-tennis, para-olympics, il-Middle Sea Race u l-festival tal-korijiet. Jien naħseb li għal dawn l-affarijiet wieħed ma jridx jara biss kemm se jintnefqu flus imma jrid jara wkoll x'siwi se jkollhom għax din hija d-domanda li wieħed irid jagħmel. GĦalhekk jien inħeġġeġ lill-Ministru Vella biex jiżgura li sħabu jagħtuh l-għajnuna kollha u ma joqgħodx jara biss x'se joħroġ u x'se jdaħħal il-Gvern, imma jara wkoll is-siwi għall-istess ruħ ta' dan il-pajjiż u għall-but tal-poplu wkoll; siwi li ma jissarrafx billi ma ndaħħluhx fil-kolonna ta' dħul għax jien naħseb li dan ifisser ukoll investiment tajjeb fil-ġenerazzjoni ta' llum.



Sur President, qabel ma ndur fuq kwestjoni oħra rrid ngħid li jien ma nafx jekk il-Ministru Vella jafx li f'Ottubru li għadda ntlaħaq ftehim bejn l-Air Malta u l-Ministeru tal-Kultura biex iżur Malta għal żewġ kunċerti, il-London Philharmonic Orchestra. Parti minn din l-attivita' kienet sponsorjata mill-Air Malta u, fil-fatt, din il-kumpannija kienet se tgawdi benefiċċju kbir minnha. Fit-8 ta' Ġunju l-London Philharmonic kienet se tagħti kunċert f'ġieh l-Air Malta f'Londra, kunċert li bil-pubbliċita' għall-Air Malta u għal Malta nnifisha żgur li kien se jġib fix-xejn l-ispiża ta' l-isponsorship. S'issa hawn xi ħadd li kiteb lill-London Philharmonic biex igħidilhom li dan il-kunċert mhux se jsir? Jien ngħid li meta nittraskuraw dawn l-affarijiet u mmorru lura nkunu qed nonqsu minn ċerti affarijiet - ma ngħidx li nonqsu minn ċerti obbligi għax wara kollox dawn m'humiex obbligi - inkunu qed nirrelegaw lilna nfusna fil-livelli ta' repubblika tal-banana. Jekk din il-proposta ma togħġobhomx huwa importanti li lil-London Philarmonic igħidulhom b'dan u mhux iħalluhom imdendlin. Jien ma nafx jekk il-Ministru Vella jafx b'dan, imma jekk jaf, hemm bżonn li xi ħadd jieħu din id-deċiżjoni. Fl-opinjoni tiegħi jkun żball jekk nitilfu ċans ta' pubbliċita' bħal dan għall-Air Malta f'Londra; kunċert li se jiġi jiswa ħafna iktar minn advert ta' paġna sħiħa f'waħda mill-pubblikazzjoni tal-gazzetti ta' Londra, imma wara kollox kulħadd irid jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu hu. Pero' jidher li anke fil-qasam ta' l-Air Malta minflok mhu se jkollna s-serjeta' se niġu wkoll nilagħbu logħba politika. Sur President, min qed imexxi lill-Air Malta?
L-impressjoni li qed tingħata hi li l-Air Malta mhux il-bord qed imexxiha u lanqas il-management iżda l-Ministru Vella - li huwa politiku u li qed imexxiha personalment - u l-General Workers' Union. S'issa li għadu mhux ċar għalija huwa min minnhom għandu l-iktar saħħa. Jien naħseb li huwa d-dmir tal-Ministru tat-Turiżmu li jissensibilizza lil sħabu u, kif għidt qabel, iżomm l-interessi tat-turiżmu għoljin fl-aġenda operattiva ta' kull ministeru ieħor. Ċertament is-settur tat-trasport huwa parti integrali minn dan is-settur u jien naħseb li l-Ministru Vella ħa pjaċir li s-Sur Reno Calleja nħatar Chairman ta' l-Awtorita' tat-Trasport għaliex bħala ex-Ministru tat-Turiżmu dan huwa sensittiv għall-ħteġijiet u għall-problemi li hemm fit-turiżmu u l-kontribut li t-trasport immexxi tajjeb jista' jagħti lit-turiżmu. Ta' min igħid li ċertament it-trasport jgawdi wkoll mit-turiżmu. Jien naħseb li l-Ministru Vella ħa pjaċir jisma' lil sieħbu jgħidilna li jrid idaħħal kultura ta' dixxiplina li tabilħaqq verament hemm bżonnha f'dak is-settur.
F'dawn l-aħħar għaxar snin żdiedu wkoll il-yacht marinas u l-postijiet ta' l-irmiġġ. Hawnhekk ukoll naħseb li l-NTOM għamlet ħafna billi nidiet marketing għall-boat show u kien hawn il-middle sea race. Dawn huma katina waħda ma' l-oħra u naħseb li l-Ministru tat-Turiżmu għandu dmir isemma leħnu ma' kulħadd għaliex l-industrija hija strutturata orizzontalment u kull ħaġa li tapplika għal persuna - għax l-industrija tat-turiżmu hija dwar il-persuni - tapplika wkoll għall-Ministeru tat-Turiżmu. Fi żmieni kont indħalt dwar il-ħinijiet tal-ħwienet tal-merċa u tal-pompi tal-petrol u naħseb li konna għamilna ħaġa tajba. Jien nistaqsi: X'inhi l-linja li qed jagħti l-Ministru Vella dwar il-futur ta' din l-industrija? X'inhi din l-istrateġija? Ma nafu assolutament xejn. Sfortunatament l-impressjoni li jagħti l-Ministru, anke meta nistaqsuh mistoqsijiet f'din il-Kamra bħal, per eżempju, meta jien staqsejtu domanda li għandha x'taqsam mar-rapport ta' Deloitte & Touche kien irrispondieni hekk:
"L-Onor. Interpellant jifhem li r-rapport imsemmi jikkomprendi premessi u konsiderazzjonijiet li wasslu għall-konklużjonijiet ta' rakkmandazzjonijiet li ħarġu bihom il-konsulenti. Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li kull min jaqra r-rapport jista' jaqbel jew ma jaqbilx mal-kontenut tiegħu jew parti mill-kontenut tiegħu.".
Għalkemm tlabtu x'kienet l-opinjoni tiegħu din baqa' ma tahiex. Imma jien għandi noqogħod niġi hawnhekk u nistaqsih - issa about time li jikser is-silenzju tiegħu - x'inhi l-policy dwar it-turiżmu u x'beħsiebu jagħmel dwar l-investiment? Dan se jibqa' miexi fuq il-policies li kien hemm jew se jibdilhom? Il-Ministru għandu l-liberta' kollha li jagħmel dan kollu u huwa importanti li dan jagħmlu għax illum l-industrija kollha qed tistenna l-kelma tiegħu.

Fid-diskors tiegħi jien għamilt il-kritika u għamilt ukoll suġġerimenti kostruttivi. Nixtieq infakkar li għalkemm qabel il-Ministru Vella kellna ħafna ministri oħra Laburisti, ir-records qegħdin kollha f'idejn is-segretarji parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi nawgura li l-Ministru Vella jmur aħjar mill-ministri ta' qablu kollha għall-ġid tal-poplu u għaldaqstant inħeġġu li jindokra, jiżviluppa u jtejjeb il-patrimonju kbir li ġie fdat lilu. Dan irriduh u nixtiequh li jagħmlu l-aktar sabiex meta wara ħames snin jasal iż-żmien li nerġgħu nieħdu r-riedni f'idejna minflok sfrattu - kif sibna fl-1987 - insibu industrija tat-turiżmu b'saħħitha u miexja 'l quddiem. Grazzi.


Yüklə 319,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin