THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, mhux se ntawwal għax naħseb li m’aħna se nispiċċaw qatt u fir-realtà qed induru u nirrepetu l-istess punti. Ħalli nerġa’ nikkonstata l-fatti. Il-fatti juru li d-dejn ta’ pajjiżna huwa ta’ 70%. Din mhijiex xi ħaġa li qed jivvinta l-Gvern imma kif imkejjel mill-Eurostat bil-proċeduri Ewropej, u fih jidħol mhux biss id-dejn dirett tal-Gvern imma dak tal-entitjaiet li huma dipendenti fuq il-Gvern. Jekk hemm entità li, skont ir-regoli tal-Eurostat, mhijiex dipendenti fuq il-Gvern, dak huwa dejn tagħha li mhuwiex impliċitu li hu fuq il-Gvern. Ħafna mill-garanziji li għandu l-Gvern huma garanziji li huma fuq id-dejn li diġà huwa accounted for fis-70% jiġifieri ma tridx terġa’ tgħoddu fuqu, minkejja li hemm garanzija. Jekk għall-argument issellift ammont ta’ flus minn bank għall-entità li diġà d-dejn tagħha huwa accounted for fil-Gvern, ma tgħoddx il-garanzija fuq l-istess dejn għax il-garanzija hija biex tagħti ċertezza lill-bank li dak id-dejn li hemm se jitħallas mill-Gvern jekk jiġri xi ħaġa minn dik l-entità u allura jibqa’ l-istess dejn, ma terġax tgħoddu.
Irrid ngħid li d-dejn mhuwiex kollu hekk. Hemm garanziji, bħall-garanzija li qed nagħtu fuq l–EFSF, li hija barra minn dak u allura trid teħodha in konsiderazzjoni imma ma naħsibx li huwa l-każ li niġu hawnhekk u nallarmaw lin-nies li pajjiżna għandu dejn ta’ 90%. Jekk inhu hekk, naħseb li l-Partit Laburista għandu jiddikjaraha fil-programm elettorali u jgħidilna x’se jkun il-programm biex inaqqas id-dejn li hu qed jara li hu ta’ 90% għax huwa perikoluż ħafna jekk veru jkun hekk. Jekk il-Partit Laburista veru jemminha nispera li nsibu miżuri ta’ korrezzjoni għal dan id-dejn ta’ 90% u mhux sempliċement issir l-akkuża. Mhux nibqgħu sejrin b’kampanja elettorali nisimgħu l-wegħdiet kollha, kif diġà qed nisimgħu, imbagħad meta jitilgħu hemmhekk jerġa’ jkollna l-istess kantaliena tal-1996 li sibna ħofra u ma konniex nafu biha. Jekk issa qed jgħidulna li d-dejn huwa 90%, allura dak kollu li wiegħdu ma jistgħux jagħmluh u minflok jagħmlu programm ta’ awsterità. Nassigura lil kulħadd li b’dik it-tip ta’ politika l-Partit Laburista se jġib lill-pajjiż għarkobbtejh u f’sitwazzjoni li jkollu jitlob bailout bħalma għamlu pajjiżi oħrajn. Dan ma nawgurahx għal pajjiżna u huwa ħażin li jkollna min għal skopijiet politiċi biss jesaġera dak li huwa l-veru stat ta’ fatt li wara kollox huwa ċertifikat mill-Eurostat u mhux xi ħaġa li jgħidha l-Gvern.
Dwar is-sitwazzjoni ekonomika, ma naqbilx kompletament mal-analiżi li qed jagħmel l-Onor. Sant. L-ekonomija tagħna ma kibritx biss minħabba s-settur finanzjarju u s-settur tal-online gaming. Il-gross value added żdied fis-settur tat-turiżmu. Ma rridux ninsew li kellna erba’ snin record fis-settur tat-turiżmu, żdidna fil-manifattura fejn rajna espansjoni ta’ fabbriki, ħloqna 20,000 post tax-xogħol imma anke jekk tieħu biss il-gainfully occupied, it is at record levels. Kellna tnaqqis mis-settur pubbliku u żieda fis-setturi produttivi ta’ pajjiżna.
L-Onor. Alfred Sant irid jagħlaq għajnejh għal dan kollu. Kollox sew, m’għandix problema, imma jien inħeġġeġ li niddiskutu aktar il-klawsoli milli sempliċement nintilfu kull darba f’dawn it-tip ta’ dibattiti li mhux se jwasslu biex nifhmu l-klawsola.