THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur biex, jekk jogħġbu, jagħmel il-winding up.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, ma tantx għandi xi ngħid fil-winding up għax ninnota b’sodisfazzjon li hemm qbil. Forsi nieħu l-okkażjoni li nerġa’ nagħmel ftit ta’ riferenza jew enfasi fuq messaġġ li qed jintbagħat minn din il-Kamra kemm lin-nutara kif ukoll lill-pubbliku inġenerali. Dan il-Parlament qed jilleġiżla, kif għamel is-sena li għaddiet, biex iħares id-dinjità tal-professjoni notarili. In-nutar huwa uffiċjal pubbliku. Lanqas avukat mhu uffiċjal pubbliku. Tant hu veru – u hawnhekk jikkoreġini l-Onor. Mangion li huwa nutar prattikanti – li lanqas tant tista’ titkellem fuq klijent ta’ nutar. Peress li nutar huwa uffiċjal pubbliku lanqas tant tista’ tgħid li għandu klijent iżda partijiet. Ara avukat iva. Dan ikollu klijent imma peress li nutar huwa uffiċjal pubbliku b’ċerti doveri li jiġbor l-erarju għall-Istat, id-dmir tiegħu mhuwiex tant lejn klijent. U meta tara l-każistika ssib li din mhux tant tirriferi lejn il-klijent iżda lejn xi ħaġa ogħla minn hekk li hi t-tfittxija għall-verità meta jkun qed jagħmel kuntratt.
L-Onor. Mangion għamel riferenza għal regolamenti li ħarġu permezz ta’ avviż legali. Għal min qed jismagħna, dan l-Abbozz ta’ Liġi mhux qed jitkellem fuq regolamenti imma huwa tajjeb li l-Onor. Mangion għamel riferenza għalihom. Dawn huma regolamenti li ġew pubblikati fil-gazzetta tal-Gvern il-ġimgħa li għaddiet in virtù tal-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet u għall-ewwel darba mill-1927, meta saret il-liġi tan-nutara, stabbilixxejna regoli ċari iswed fuq l-abjad ta’ kif isiru riċerki, ta’ kif issir it-tfittxija tal-provenjenza, jiġifieri r-root of title. Ir-raġuni hija li matul is-snin kien hemm diversi sentenzi konfliġġenti fil-Qrati. Safejn twassal ir-responsabilità ta’ nutar meta jkun qed jagħmel kuntratt, meta jkun qed jagħmel riċerka, meta jkun qed jagħmel it-tfittxija tar-root of title, il-provenjenza? Kien hemm sentenzi, kif jaf l-Onor. Mangion, li qalu li r-responsabilità hija akkwiljana, jiġifieri r-responsabilità fejn hemm traskuraġni u allura sa ċertu livell hija r-responsabilità mhux kuntrattwali. Issa forsi min qed jismagħna jgħidlek: Jien x’naqa’ u nqum jekk hijiex responsabilità ta’ waħda jew tal-oħra! Iva, tagħmel differenza, għax minnha jiskatta l-ammont ta’ żmien li jgħidulu l-preskrizzjoni, sakemm int tista’ tagħmel kawża biex tfittex lin-nutar. Jekk għandek preskrizzjoni ta’ sentejn huwa mod u jekk għandek preskrizzjoni ta’ ħames snin huwa mod ieħor. Xi grad ta’ diliġenza għandu jkollu n-nutar? Diliġenza ta’ bonus pater familias jew le? U aktar jew inqas? Biex ma ntawwalx dawn kienu mistoqsijiet li dwarhom kien hemm diversi sentenzi fil-Qrati tagħna anke fl-aħħar għaxar snin. Fost oħrajn kien hemm sentenza tal-Maġistrat Ellul fil-Qorti ta’ Għawdex u sentenza tal-Imħallef Tonio Mallia fil-Prim Awla hawnhekk fejn fl-obiter, jiġifieri fir-raġunijiet li wasslu għas-sentenza aktar minn qualsiasi ħaġa oħra, irriferew għal-liġi Taljana li tgħid iswed fuq l-abjad x’inhi t-tip ta’ responsabilità ta’ provenjenza għandu nutar. Dan għaliex il-liġi tagħna kienet silenzjuża u assenti. Xi tfisser assenti? Kien hemm il-baħħ u meta jkun hemm il-baħħ x’jiġri? Ikun hemm lok ta’ abbuż jew ikun hemm lok ta’ xi ħadd li jweġġa’, xi ħadd li jingidem u kien hemm każijiet – dawn huma few and far in between - li għamlu ħsara kemm lin-nies u fuq kollox lill-professjoni tan-nutara. Hawn nerġa’ ntenni li l-maġġoranza assoluta tat-300 nutar li għandna fil-pajjiż huma nies tal-affari tagħhom, li jaqdu dmirhom b’mod kuxjenzjuż u b’mod serju, imma għandek il-ftit li tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda li jabbużaw mill-fiduċja tan-nies, weġġgħu lin-nies, uħud issemmew, uħud ma ssemmewx, u ma waslux sal-public domain. Huwa dan l-iskop li għaddejna l-liġi vuċi waħda minn dan il-Parlament. U r-regolamenti li qed jirriferi għalihom l-Onor. Mangion li huma dettaljatissimi hu biex għall-ewwel darba jkun hemm iswed fuq l-abjad safejn għandha tasal u kif tasal għaliha r-responsabilità tan-nutar.
Pereżempju, għall-ewwel darba, dawn ir-regolamenti ta’ root of title jipprovdu għal contract of engagement. Nutar jidħol fi ftehim, iswed fuq l-abjad, mal-partijiet, mal-persuna li tkun qed tidher quddiemu u hemm spjegat safejn tasal ir-responsabilità, safejn se jmur lura fir-riċerki tiegħu. U jekk il-klijent ikun qed jeżentah, biex in-nutar ikun kopert, ikun hemm miktub li qed ikun eżentat milli jagħmel dawk ir-riċerki. Dan biex mhux imbagħad wara jibda jsir ħafna paroli u wieħed jgħid mod u ieħor jgħid mod ieħor.
Infakkru li l-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet biex inħarsu lill-pubbliku, għaddejnieha bi qbil u tipprovdi għal deposit account, għal trust account, jiġifieri l-flus li persuna tħalli man-nutar ma jkunux parti mill-beni tan-nutar iżda jibqgħu separati u distinti, jibqgħu f’kont totalment separat. Din issa bilfors irid jagħmilha n-nutar. Jekk ma jippreżentax l-atti tiegħu kultant żmien quddiem il-qorti ta’ reviżjoni biex ikun hemm reviżjoni, jitteħidlu l-warrant ta’ nutar. Issa tajna s-snien lill-qorti ta’ reviżjoni u din issa għandha poteri ħafna aktar b’saħħithom milli kien hemm qabel. Issa hemm multi u pieni li jiskattaw biex ikun hemm aktar dixxiplina.
Sur President, jien se nagħlaq billi ngħid li permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, li huwa wieħed sempliċi ħafna u m’hemmx għalfejn wieħed joqgħod itawwal fuqu għalxejn, tajna widen lil dawk l-istudenti partikolarment tal-ewwel sena tal-kors tal-liġi. Dawn issa jistgħu jserrħu moħħhom li l-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet ma tapplikax għalihom imma tibda tapplika mill-2018 u allura ma jkunux affettwati. It-tieni nett, kif għedt, se jkun hemm xi kjarifiki li narawhom fl-istadju ta’ Kumitat fejn nirranġaw u nikkoreġu xi terminoloġija ħalli nkunu perfezzjonisti, biex ikollna Abbozz ta’ Liġi li jkun jirrifletti dak li verament kellna f’rasna meta għamilnieh u approvajnieh is-sena li għaddiet. Nirringrazzjak.