THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Sur President, il-Ministru żamm kelmtu, għax naħseb li dan hu l-iqsar intervent fuq liġi li niftakar li għamel il-Parlament imma huwa Abbozz ta’ Liġi li jikkoreġi xi żbalji żgħar f’liġi li għaddejna u ddiskutejna fit-tul is-sena li għaddiet u li fuqha kien hemm qbil. Kienet liġi komprensiva ħafna li tolqot il-professjoni notarili, professjoni li dwarha dejjem insostni li, minkejja s-slips li jista’ jkun hemm fil-professjoni notarili, fir-realtà, fl-istorja tagħha – għallinqas safejn niftakar jien li ilni għal dawn l-aħħar 30 sena nipprattikaha - l-parti l-kbira ta’ min jeżerċita din il-professjoni kienu professjonisti li pprattikawha b’mod serju.
Il-liġi se tgħin biex ikun hemm aktar professjonalità u dik naħseb li hija xi ħaġa li wieħed ma jistax jimmilita jew jgħid kontra tagħha. Din hija xi ħaġa li lkoll irriduha għax din il-professjoni hija essenzjali anke fil-qasam ekonomiku minħabba li timpatta ħafna fuq l-eżerċizzju kummerċjali lokali speċjalment fejn jidħol it-trasferiment ta’ proprjetà. Din il-professjoni tidħol ukoll f’tipi oħra ta’ negozju li jsir kuljum fil-ħajja ekonomika tal-pajjiż. Huwa importanti ħafna li min jakkwista proprjetà jkollu moħħu mistrieħ li dak li jkun akkwista jkun korrett fil-kuntratti u ma jqanqal l-ebda dubju. Naħseb li t-tibdiliet kollha li kien hemm fil-liġi, anke dawk żgħar, kienu kollha ntiżi biex jintlaħaq dan il-għan.
Sur President, il-liġi li għandna llum tippreċiża ċerti termini u tagħti saħħa lill-Ministru li dawk il-proviżjonijiet tranżitorji jkun jista’ jirregolahom biex l-implimentazzjoni tal-liġi tidħol in vigore bl-aħjar mod possibbli. Ikun tajjeb li ngħid li fuq din il-materja l-kulleġġ notarili huwa kontinwament konsultat. Fil-fatt jikkonsultaw miegħi wkoll bil-għan li jkollna l-aħjar riżultat.
Sur President, din il-ġimgħa, apparti din il-liġi li naqblu magħha, ħareġ ukoll Avviż Legali Nru. 355 li jitkellem dwar regolamenti li jolqtu l-professjoni notarili u allura huwa importanti li kull nutar jarahom u jistudjahom sew. Pereżempju Regolament Nru. 6 jitkellem dwar ir-responsabilità notarili f’dak li huwa l-eżami tat-titolu, jiġifieri l-akkwist ta’ proprjetà u l-provenjenza tagħha. Dan huwa importanti għax ħafna nies jaħsbu li nutar għandu jiċċekkja jekk ikunx hemm permess tal-MEPA jew jekk il-proprjetà tkunx mibnija skont kif approvat mill-MEPA. Din hija xi ħaġa li ma taqax fid-dekasteru tagħna. In-nutar lanqas ma jidħol fin-negozjati li jkunu qed isiru bejn il-partijiet. Aħna la nindaħlu rigward tal-prezz miftiehem, la dwar il-kondizzjonijiet u t-termini kif jitħallas dak il-prezz u lanqas f’negozjati oħra li jkun hemm. Dak huwa l-essenzjal tal-partijiet. Ir-responsabilità tagħna tidħol fir-redazzjoni ta’ dak li jkun ġie miftiehem b’mod preċiż u dan jiġi mfiehem lill-partijiet.
Sur President, dawn ir-regolamenti qed jikkonstataw prattika reali li dejjem kienet, li kull min imur għand nutar biex jagħmel kuntratt - għalkemm ma kienx speċifikat fil-liġi - kien jassumi li t-titolu jkun korrett u kien jassumi wkoll li n-nutar irid jidħol għal dik ir-responsabilità. Hawn għandna kjarifikat dan u għandna kjarifikat li n-nutar irid jgħid minn qabel lill-parti li ma jridx jidħol għal dik ir-responsabilità, ħalli jekk trid, il-parti li tkun se tixtri tkun tista’ tmur tfittex parir ulterjuri. Jien naqbel ma’ din il-ħaġa. Fuq dan kien hemm anke deċiżjonijiet tal-Qrati li kienu jgħidu li jekk tagħti l-go-ahead lil dak li jkun fuq it-titolu, allura tkun assumejt dik ir-responsabilità imma issa qiegħda kjarifikata fil-liġi u hekk għandu jkun. Il-fatt li dan qed jiġi kjarifikat darba għal dejjem naħseb huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Regolament Nru. 6 jistipula x’inhu mistenni li jsir min-nutar. Huwa tajjeb li nispeċifikaw ħalli dan l-element ta’ responsabilità jkun kemm jista’ jkun definit. Dan ir-regolament igħid hekk:
“Id-dokumenti li għandhom jinġabru għall-eżami tat-titolu huma dawn li ġejjin:
(a) ir-riċerki uffiċjali skont ir-regolamenti 7 u 8;
(b) ir-riċerka testamentarja uffiċjali skont ir-regolament 11;
(ċ) kopja ta’ atti inter vivos u testmenti, estratti minnhom u dikjarazzjonijiet, u dan skont ir-regolament 16; u
(d) kull dokument ieħor u pjanta li skont dawn ir-regolamenti jifformaw parti mir-riċerki.
Huwa importanti li qed ikollna kjarifika tal-affarijiet fis-sens li għar-riċerki li għandhom x’jaqsmu ma’ preskrizzjoni akkwiżittiva għandek kuntratti għal għaxar snin u għal dik li hija estintiva tibqa’ dik li hemm fil-Kodiċi Ċivili, jiġifieri ta’ 30 jew 40 sena. Mela hawn għandna l-prinċipju tal-għaxar snin preskrizzjoni akkwiżittiva u 30 sena jew 40 sena għal dik estintiva li qed jiġi ċċarat. Dawk qed jibqgħu rispettati u konstatati u dan huwa importanti, għax din hija xi ħaġa li ilna nibbażaw ruħna fuqha għal żmien twil u qed ngħid dan għax ġieli jkun hemm interpretazzjonijiet f’każistika li forsi tat l-impressjoni li ż-żmien ta’ riċerka jrid ikun aktar minn dak li huwa stabbilit.
Nixtieq nagħmel riferenza żgħira għar-Regolament Nru. 7 (4) fejn jgħid li n-nutar:
“shall not be responsible beyond what transpires from the Public Registry official search”.
Mela hawnhekk qed jingħad li n-nutar mhuwiex responsabbli aktar minn dak li jkun hemm fl-Insinwa. Dak huwa l-prinċipju li huwa konstatat u dejjem rispettat u naqbel miegħu. Il-kwestjoni tinqala’ għax fir-riċerki jrid ikun hemm l-atti kollha wkoll. Din kien hemm kawżi fuqha. Jekk f’nota ta’ Insinwa servitù qatt ma ġiet reġistrata u f’kuntratt dak is-servitù jkun sar imma jkunu għaddew għaxar snin, 30 sena u 50 sena u ma jkunx ġie reġistrat, f’każ bħal dak x’japplika? Japplika dak li hemm fir-riċerka jew inkella dak li kien hemm fil-kuntratt imma ma ġiex reġistrat fin-nota tal-Insinwa? S’issa d-duttrina dejjem kienet li japplika dak li hemm fir-Reġistru Publiku. Il-punt li qed nagħmlu, biex inkunu ċari, hu li minkejja l-lista ta’ riċerki li jridu jsiru, in-nutar jibqa’ responsabbli biss għal dak li jkun hemm reġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Jekk minn xi dokument ieħor jirriżulta xi dubju ieħor, nutar għandu l-obbligu li jissolleva dan id-dubju lill-parti imma huwa tajjeb li llum sar ħafna investiment biex ir-riċerki jkunu uffiċjali u jingħataw b’mod uffiċjali. Jidher li hemm qbil li hekk hija l-interpretazzjoni u dan qed ngħidu ħalli jkun recorded hawnhekk f’dan id-dibattitu.