ONOR. ALFRED SANT:Sur President, ma konniex spiċċajna fuq dan il-paragrafu.
THE DEPUTY SPEAKER: Mhux problema, mela nkomplu fuqu.
Rimarki? L-Onor. Sant.
ONR. ALFRED SANT: Sur President, il-punt li xtaqt nagħmel ilbieraħ imma kien sar il-ħin kien b’risposta għal dak li qal il-Ministru. Tkellem ukoll l-Onor. Karmenu Vella imma jien xtaqt nagħmel xi punti wkoll għax il-Ministru għamel ċerti osservazzjonijiet dwar il-performance ekonomika tal-pajjiż. Naħseb li tajjeb li ċerti affarijiet jiġu ċċarati dwar l-isfond ta’ dan it-trattat għax huwa importanti. Dan it-trattat, wara kollox, se japplika għall-performance tal-ekonomija Maltija.
Sur President, ċerti stqarrijiet li l-Ministru għamel ilbieraħ ħallewni ftit imnixxef. Waħda mill-problemi li żgur irridu niffaċċjaw hija li rridu nkunu ċari dwar kif se jiġi ffaċċjat id-dejn akkumulat. Il-Ministru beda jsemmi figura ta’ 70% bħala dejn pubbliku, imma bir-rispett kollu, ftit jiem ilu ddiskutejna paragrafu f’dan it-trattat stess li taħt dan it-trattat qegħdin nikkonsidraw dak li għandu x’jaqsam ma’ obbligi tal-Gvern b’dan il-mod:
“IFAKKRU li l-Partijiet Kontraenti, bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni fil-qafas tal-unjoni ekonomika, partikolarment il-prattika li jiġi akkumulat id-dejn barra mill-kontijiet tal-Gvern ġenerali.”.
Jekk qed naċċettaw din il-formula fit-trattat, irridu nkunu attenti għax mhux billi ngħidu 70% bħala dejn. Skont din il-formula rridu nħarsu lejn id-dejn nazzjonali b’mod iktar wiesa’ u allura, f’dan il-każ, iva, qegħdin fuq il-limitu ta’ 90% bħala dejn li jirrigwarda dan it-trattat. Nirriferi lill-Ministru għar-rapport tal-IMF ta’ Marzu ta’ din is-sena fuq il-qagħda Maltija fejn bl-aktar mod ċar fuq il-bażi tad-data li kellhom sal-2011, qegħdin iniżżluha 70% f’dak li għandu x’jaqsam mad-dejn kif jidher fl-accounts tal-Gvern u permezz ta’ garanziji u ta’ obbligi oħra, itellgħu l-espożizzjoni ta’ Malta għal 17%, għal 18% u għal 19% aktar. 70% u 18% jiġu 88%. Dawn għaddiet sena fuqhom, qegħdin fl-ilma ta’ 90% bħala obbligi u dejn li jiġu taħt il-formula ta’ dan it-trattat u inutli li ma nkunux aktar konkreti. Irridu nkunu nafu x’inhuma l-exposures li qed nidħlu bihom f’dan it-trattat.
Il-Ministru semma l-impjiegi, is-soltu mantra tal-20,000. Bir-rispett kollu, jekk inħarsu lejn id-dinamika tal-ekonomija Maltija f’dawn l-aħħar snin insibu li l-ewwel kellna kienet l-industrija tal-kostruzzjoni staġnata, it-tieni l-industrija tal-manifattura li kienet qed tonqos b’mod assolut u b’mod relattiv, it-tielet l-export of goods kienet staġnata u mbagħad it-turiżmu kien tiela’ u nieżel imma in real terms baqa’ fejn kien. L-inputs li kellna, u li veru daħlu bil-kbir, kienu tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming. Dawn jiġu mħallta flimkien, servizzi finanzjarji u gaming. Bir-rispett kollu, jekk tanalizza ftit id-data ssib li waqt li nitkellmu dwar kemm huma kbar is-servizzi finanzjarji, l-aktar li kiber huwa l-internet gaming. Kieku ma kenux il-gaming u s-servizzi finanzjarji, kwalunkwe record li jista’ jsemmi l-Ministru ma jirriżultax. Għalhekk aktar u aktar il-problema ta’ dan it-trattat li deħlin fih. Il-corset li qed jissettja dan it-trattat, bl-affarijiet li ġejjin miegħu bħal unjoni bankarja - jien ngħid unjoni fiskali wkoll u affarijiet oħra - jgħid x’jgħid il-Gvern, il-konċett stess ta’ financial services li bih żammejna fil-wiċċ f’dawn l-aħħar snin qiegħed under attack. Naħseb li l-kompjaċenza hija l-aħħar ħaġa li għandna mmexxu ‘l quddiem f’din il-ħaġa, inkluż il-konċett ta’ 20,000 impjieg maħluq. Bir-rispett kollu. Mela qatt Gvern f’dan il-pajjiż, kien min kien, ftaħar bil-gross growth tal-impjiegi? Mhux dejjem in-net growth ikkalkula? Din l-istess bħal meta l-Ministru ħawwad in-nominal rate of growth tal-ekonomija mar-real growth tal-ekonomija. Grazzi! Tista’ tivvinta li nħolqu 30,000, għax fejn konna bqajna. Dażgur, anke fl-employment, bqajna fejn konna għar-raġunijiet li semma lbieraħ l-Onor. Vella; xogħol prekarju, xogħol part-time, xogħol li hu mħallas bil-ftit. Li qed jiġri huwa li dawk li qegħdin jaħdmu - ugood luck to them, jalla jġibu aktar – fil-gaming u fil-financial services għandhom qligħ tajjeb ħafna – u that is how it should be - imma l-bqija, f’dak li għandu x’jaqsam mal-manifattura, servizzi domestiċi u servizzi f’lukandi, in real terms id-dħul tagħhom nieżel u allura anke hemm tara l-problemi soċjali.
Sur President, tista’ tgħidli li qed noħroġ barra mis-suġġett imma m’iniex għax ilbieraħ il-Ministru ftaħar fuq dawn l-affarijiet. Jien ma kontx se ndaħħalhom dawn il-konsiderazzjonijiet u kont se nibqa’ teknikament fuq il-parametri ta’ dan it-trattat li għandna quddiemna imma at the back of my mind u nittama wkoll in the back of the mind ta’ kull wieħed minna, rridu naraw kif dan se jaffettwa l-ekonomija u t-tmexxija ekonomika tagħna. Huwa perikoluż għall-aħħar li nidħlu f’ħaġa bħal din billi nitilqu bil-kompjaċenza li m’hemmx problemi, li qed noħolqu 20,000 impjieg, li l-ekonomija qed tikber aktar mill-ekonomiji ta’ pajjiżi oħra mingħajr ma naraw l-effetti, ir-riżultati, il-konsegwenzi u l-motivazzjonijiet reali ta’ kif qed isiru l-affarijiet. Għalhekk lill-Ministru staqsejtu dwar jekk sarux il-kalkoli f’dan kollu. Il-projections qed nagħmluhom? Naħseb ikollna ċans aktar ‘il quddiem, iktar ma nidħlu klawsola klawsola f’dan it-trattat, li nistaqsu din il-ħaġa. Naħseb li għandu jkollu xi ħadd hemmhekk li jipprova jaħseb through l-miżuri li qed nitkellmu dwarhom b’mod konkret u mhux fl-ajru, għax inkella se nkunu qegħdin, nerġa’ ngħid, deħlin f’xi ħaġa li tassattivament se ddaħħalna f’area fejn inkunu qed nipperikolaw dak li qed niftaħru bih. Jingħad dwar kemm żammejna fil-wiċċ, kemm kibret l-ekonomija tagħna u kemm żammejna għaddejjin fil-financial services u fil-gaming, imma dawn, mhux permezz ta’ dan it-trattat waħdu imma bħala proċess, qegħdin nipperikolawhom. Din il-ħaġa rridu niddiskutuha b’realiżmu biex nifhmu eżattament x’inhu jsir permezz ta’ dan it-trattat.