THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, illum qed niddiskutu l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali li effettivament qed jagħmel emendi għall-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li kienet diġà ntroduċiet il-konċett tal-pensjoni tat-tielet pilastru però ma kenitx ġiet attwata. Illum f’dan il-Parlament qegħdin niddiskutu proprju l-attwazzjoni ta’ dik il-parti tar-riforma li tmiss it-tielet pensjoni. Jien naħseb li qegħdin noħolqu ftit konfużjoni f’moħħ in-nies għax probabbilment min kien qed isegwina fid-diskussjoni jaf bil-pensjoni tas-sigurtà soċjali li għandu u f’daqqa waħda qed jisma’ bit-tielet pensjoni. Issa dan ma jafx li għandu xi tieni pensjoni għax fil-fatt m’hemmx u allura jkun tajjeb li forsi nagħmel preambolu żgħir ta’ x’qed infissru eżattament meta ngħidu l-ewwel pensjoni, it-tieni pensjoni u t-tielet pensjoni.
L-ewwel pensjoni hija l-pensjoni li effettivament nafu biha, jiġifieri l-bolla li jħallas kulħadd u li ma tmurx biex titħallas xi pensjoni tagħna fil-futur, imma tmur biex inħallsu l-pensjonijiet li qed jitħallsu bħalissa. Dan ifisser li l-bolla kollha li qed tinġabar fil-pajjiż illum suppost qed tmur biex jitħallsu l-pensjonijiet tal-pensjonanti tal-lum u għas-settur tas-saħħa. Fil-fatt jekk wieħed iħares lejn ir-rendikont finanzjarju jirrealizza li minkejja l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali li jitħallsu - il-parti tal-ħaddiem, il-parti ta’ min iħaddem u l-parti tal-Gvern - effettivament hemm dak li nsejħulu d-defiċit fil-fond soċjali. Dan ifisser li l-ewwel pensjoni tagħna se tkun tiddependi fuq kemm se jkun hawn nies qed jaħdmu u jħallsu l-bolla dak iż-żmien u jekk dawn in-nies, meta tiġborhom flimkien, jifilħux iħallsu għall-pensjonijiet li se jkun hemm dakinhar. L-ewwel ħaġa li jgħidulek iż-żgħażagħ jekk titkellem magħhom hija: “Għalina m’hemmx pensjoni hux?” Ir-realtà mhijiex eżattament hekk. Saret riforma biex ikun hemm pensjoni imma għadna ma wasalniex s’hemm. Però qabel ma nidħol fuq dawk l-aspetti se nillimita ruħi biex nispjega proprju x’inhuma t-tliet pilastri.
It-tieni pilastru ried idaħħal konċett ftit differenti li mhux jien nikkontribwixxi għall-pensjoni tal-lum imma li dak li nikkontribwixxi jien, li jikkontribwixxi l-employer u li jikkontribwixxi l-Gvern kif inhi fis-sistema tal-ewwel pensjoni, minflok imur fil-Fond Konsolidat biex jitħallsu l-pensjonijiet tal-lum, imur ġo fond ta’ investiment f’ismi li mbagħad ingawdi minnu jien u l-familja tiegħi meta nirtira. U din tkun obbligatorja fuq kulħadd. Dik hija l-istruttura tat-tieni pensjoni li sal-lum għadha ma ġietx implimentata. Kienet ġiet ikkontemplata fir-riforma oriġinali li kienet ġiet proposta fl-2005 u aġġornata fl-2010 però rrid ngħid li sfortunatament s’issa għadna ma smajniex min-naħa tal-Gvern kif qed iħares eżattament lejn dan il-pilastru.
It-tielet pilastru huwa dak li qed nitkellmu dwaru llum u li aħna bħala Partit Nazzjonalista naqblu miegħu. Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-kollega tiegħi l-Onor. Clyde Puli qal ċar li din hija parti mir-riforma li pproponejna aħna li jidħol it-tielet pilastru. Aktar ’il quddiem nispjega għaliex naħseb li qegħdin inpoġġu l-karettun qabel iż-żiemel però bħala konċett ma nistgħux ma naqblux miegħu. Il-Gvern għażel li jmur għal din it-triq tat-tielet pensjoni u ma jistenniex id-dħul tat-tieni pensjoni. Kif se nispjega, konna nippreferu li t-tielet pensjoni nħarsu lejha flimkien mat-tieni pensjoni biex jidħlu flimkien. Hemm konsegwenzi ta’ dan imma l-Gvern għamel din l-għażla. Aktar tard nispjega għaliex aħna għażilna mod ieħor. Kif diġà għedt, bħala konċett ma nistgħux inkunu kontrih u allura aħna se nivvotaw kemm favur dan l-Abbozz ta’ Liġi kif ukoll favur l-Abbozz ta’ Liġi li se jiġi ppreżentat nhar l-Erbgħa - sakemm ma nkunux għadna għaddejjin b’dan id-dibattitu - li huma proprju l-inċentivi li l-Gvern qed jipproponi li jagħti bħala taxxa biex iħeġġeġ lin-nies jidħlu fit-tielet pilastru. Kuntrarju għall-ewwel u t-tieni pilastri li fil-konċett huma obbligatorji, it-tielet pilastru jixbaħ lit-tieni pilastru però huwa biss kontribuzzjoni volontarja mill-individwu. Jiġifieri fil-konċett il-Gvern assigura li inti għandek pensjoni adegwata u jekk trid tkun aħjar tista’ tinvesti fit-tielet pensjoni li għaliha se jagħtik aġevolament fiskali biex iħajrek.
Sur President, il-problema ta’ dan id-dibattitu hija li dan jitbiegħed ftit minn dak li għadni kemm spjegajt. Mhux għax inbidlu l-konċetti għax il-konċetti baqgħu hemm imma għax l-assunzjoni li l-pensjoni fil-futur hija adegwata mhijiex hemm. Il-pensjonijiet tal-futur mhumiex adegwati jiġifieri ma tistax tgħidli biex immur għat-tielet pensjoni biex inkun aħjar għax it-tielet pensjoni kif ġiet introdotta pjuttost mhux qed tibgħat il-messaġġ li għandek bżonnha biex ikollok pensjoni adegwata. Fil-fatt il-Ministru uża dan il-kliem:
“... biex inħeġġu lin-nies jinvestu ħalli jkollhom pensjoni adegwata.”
It-tielet pilastru ma kellux ikun dak li jassigura li jien ikolli pensjoni adegwata inkella lin-nies qed ngħidulhom biex jagħżlu jekk ikollkomx pensjoni adegwata jew le. Din mhijiex kwestjoni ta’ għażla. Fl-opinjoni tiegħi huwa l-obbligu tal-Gvern li jassigura li ċ-ċittadin ikollu pensjoni adegwata. Huwa għalhekk li ninkwetaw ftit għaliex meta tħares lejn il-proposta dwar l-introduzzjoni tat-tielet pilastru kif ġiet imressqa fil-Parlament bla dubju tara li mhijiex biżżejjed kemm fl-inċentivi kif ukoll fis-saħħa ta’ investiment li jista’ jkollok sakemm tiġi biex tirtira.
Sur President, meta nidejna l-proċess tar-riforma tal-2005 u sar assessment dettaljat tal-qagħda tal-pensjonijiet u tad-demografija jiġifierii kif se tiżviluppa l-popolazzjoni tagħna fil-futur, kemm se jitwieldu tfal, kemm se jmutu nies, kemm se jkollna nies jaħdmu u kemm se jkollna nies pensjonanti, irriżulta li filwaqt li llum għandna erba’ persuni jikkontribwixxu għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni ta’ kull pensjonant, sa meta niġu biex ħafna minna nirtiraw se nispiċċaw li għal kull persuna li tirtira se jkunu qed jikkontribwixxu żewġ persuni. Dan ir-rapport kien iħares lejn l-2060 li tista’ tidher ‘il bogħod imma l-2060 huwa meta ħafna minna li qed naħdmu llum u anke ż-żgħażagħ li deħlin fid-dinja tax-xogħol se nkunu pensjonanti. Mela mhux daqshekk ’il bogħod! Hawnhekk qed nitkellmu fuq ħajjitna mhux fuq xi ħajja oħra. Anke jekk qed nitkellmu fuq ħajja oħra għandna l-obbligu fuq it-tfal tagħna għax hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi stranġieri. Il-kwestjoni tal-pensjonijiet timmerita konsiderazzjonjiet lil hinn mil-leġiżlatura imma rridu nħarsu lejha ħafna aktar fit-tul u rrid nenfasizza li dan għandna nagħmluh flimkien. Jekk il-pagi mhux se jkunu għolew tant li l-pensjoni tkun għolja ħafna – hemm capping, mhux qed togħla b’mod illimitat – mhux se jkun hemm pensjoni adegwata.
Fil-fatt fl-2005 l-istudju kien stabbilixxa li jekk ma nagħmlu xejn, il-pensjoni għall-Gvern se tibqa’ sostenibbli - ovvja jekk ma jkun qed jagħtik xejn! - imma għaċ-ċittadin li se jirtira se tfisser li meta wieħed iħares lejn l-hekk imsejħa medja nazzjonali ta’ dak li huwa dħul, ir-replacement rate bejn dak li jien kelli bħala paga u dak li se nieħu bħala pensjoni tkun ta’ 18%. Dan ifisser li lanqas nieħu €1 għal kull €5 li kont naqla’. Għidli kif se tgħix?! Hawn ħafna nies li llum jgħidulek li lanqas il-paga li għandhom mhi biżżejjed, aħseb u ara meta jiġu biex jirtiraw u jkollhom biss €1 għal kull €5 li kellhom qabel. Fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern kien hemm il-mira li biex pensjoni tkun adegwata, għallinqas għal kull €10 li prattikament f’medja wieħed ikun qed jaqla’, ikollu €6 bħala pensjoni. Dan huwa distakk kbir mir-realtà kif kienet fl-2005 għal dak li naqblu li hu mixtieq. Fl-2005 sar l-ewwel pass tar-riforma li kien iħares lejn żewġ metodi ta’ kif naslu għal 60%. L-ewwel metodu hu li nirranġaw il-pensjoni tal-bolla li aħna nħallsu jiġifieri l-first pillar pension tas-sigurtà soċjali u nbiddluha b’tali mod li tista’ tibqa’ tiflaħ li tagħti parti - mhux kollha iżda parti - mill-pensjoni li rridu nagħtu fil-futur.
Fil-fatt meta sar ir-review sal-2010 ir-riforma kkonkludiet li bit-tibdiliet li konna għamilna fil-first pillar pension, meta tħares lejn dak li se tieħu lura bħala medja ta’ dak li tkun qed taqla’ f’pensjoni fl-2060, ġie konkluż li minn kull €10 li kont taqla’ se tieħu €4.50. Mhux se tieħu €6 kif qed ngħidu biex tkun adegwata imma €4.50. Il-livell ta’ adegwatezza ma nilħquhx billi nkomplu nħallsu l-bolla fis-sistema tas-sigurtà soċjali għax sfortunatament dik il-bolla mhux veru tmur għall-pensjoni tiegħi imma tmur għall-pensjonijiet tal-lum. Għalhekk dik l-€1.50 għandha tiġi ffinanzjata tramite kontribuzzjoni separata li trid issir tramite s-second pillar pension li jikkontribwixxu għaliha bl-istess mod kif tikkontribwixxi l-first pillar pension imma l-flus ma jmorrux fil-Fond Konsolidat imma jmorru ġo fond ta’ investiment f’isem l-individwu li jkun qiegħed jikkontribwixxi. Dawn il-flus jiġu investiti għal meta dak l-individwu jasal għall-età tal-irtirar u b’hekk il-Gvern ma jgħabbix aktar piż fuq il-ħaddiema ta’ dakinhar.
Idealment dan il-fond ikollu ftit kapital inizjali biex effettivament ikun jista’ jibda. Il-kollega tiegħi l-Onor. Clyde Puli semma l-eżempju tan-Norveġja li wżaw iż-żejt li għandhom biex isaħħu l-pensjonijiet. Pajjiżna m’għandux din ir-riżorsa imma min-naħa l-oħra nafu li l-Gvern introduċa l-iskema taċ-ċittadinanza li minnha qed jimmira li jdaħħal ħafna flus u allura dan jista’ jkun il-mod kif inġibu l-kapital biex jibda jinħoloq dan il-fond. Din hija opportunità jekk dawn il-flus nużawhom tajjeb biex naħsbu fil-futur tagħna lkoll u mhux jiġu sempliċement sparpaljati fl-immedjat.
Sur President, bl-ewwel u bit-tieni pilastri noħolqu l-adegwatezza u bit-tielet pensjoni li qed jagħmel il-Gvern illum wieħed ikollu l-vantaġġ li jista’ jagħżel li jinvesti aktar. Issa rridu nkunu saqajna mal-art. Ħafna drabi din se jieħu l-benefiċċju tagħha, bħal tnaqqis ta’ taxxa, min jiflaħ. Min ikun qed jaqlagħha u jikolha, min ikun għadu jiżżewweġ u jkollu l-impenn ta’ self ta’ flus mill-bank, min beda jrabbi t-tfal u jkollu l-ispejjeż tal-iskola eċċ., mingħajr il-kontribuzzjoni tal-Gvern u ta’ min iħaddem mhux se jaffordja li jinvesti biżżejjed biex jassigura dik id-differenza li hemm bejn x’se tagħtih l-ewwel pensjoni u dak li suppost ikollu.
Għalhekk ir-riforma kienet ikkontemplat li jrid jidħol it-tieni pilastru. It-tieni pilastru kien jitlob kontribuzzjoni mis-settur privat u fil-leġiżlatura preċedenti ma kienx il-mument opportun li dan jidħol fl-immedjat għalkemm kienu bdew id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali fir-riforma tal-2010. Ir-rapport finali Strategic Review on the Adequacy, Sustainability and Social Solidarity of the Pension System ippubblikat mit-2010 Pensions Working Group li kien ħareġ f’Diċembru tal-2010 kien jagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ kif, anke b’mod mhux immedjat imma b’mod gradwali, tista’ tiġi mplimentata s-sistema tas-second pillar pension. Jien inħeġġeġ lill-Gvern biex din niddiskutuha flimkien. Kif qal l-Onor. Clyde Puli fid-diskors tiegħu, jien nafferma li l-Oppożizzjoni din il-kwestjoni mhux qed taraha bħala materja ta’ kontroversja politika għax hawnhekk qed nitkellmu fuq xi ħaġa li taffettwa l-ġenerazzjonijiet futuri. Sakemm naslu biex naraw l-impatt ta’ dan kollu se jkun hemm diversi gvernijiet u diversi leġiżlaturi u m’hemmx dubju li mhux se jkun l-istess gvern sakemm jasal dakinhar. Tant hemm lonġitudni f’din it-tip ta’ diskussjoni li hija ta’ interess nazzjonali, li fuq din il-materja għandu jkun hemm consensus bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali, il-unions u s-soċjetà ċivili. Imma ovvjament il-Gvern irid jibda din id-diskussjoni u jgħidilna x’inhi l-istrateġija tiegħu għaliex sal-lum ippreżentalna quddiemna t-third pillar pension mingħajr ebda qafas jew pjan ta’ fejn irid imur bil-pensjonijiet. Pereżempju l-Gvern irid jgħidilna kif qed jara li se jindirizza verament din il-kwestjoni tal-adegwatezza. Lin-nies se nagħtuhom a false hope għax qed inġegħluhom jaħsbu li din se timla n-nuqqas li hemm fis-sistema tal-pensjonijiet meta nafu li fil-prattika l-proposti ta’ dan il-Gvern huma limitati.
Sur President, il-leġiżlatura preċedenti rat kriżi ekonomika dinjija u żgur li ma kien jagħmel l-ebda sens li f’dak il-mument ngħabbu piżijiet ġodda fuq l-ekonomija. Jekk wieħed iħares lejn fejn sejra l-ekonomija dinjija u fejn sejra l-ekonomija Maltija – dan il-Gvern dejjem jgħid kemm sejra tajba l-ekonomija Maltija - bla dubju rridu nibdew nitkellmu bis-serjetà dwar din it-tieni pensjoni li trid tassigura li anke l-miri li poġġa l-programm elettorali tal-Partit Laburista fir-rigward tal-pensjonijiet huma aktar ambizzjużi minn dak li poġġa l-working group għax il-working group kien qed jgħid li bis-second pillar pension, l-average replacement rate minn 45% kellha titla’ għal 55%. Il-Gvern qed jitkellem fuq 60% u għaldaqstant dan ipoġġi urġenza akbar fuq il-ħtieġa ta’ diskussjoni jekk aħna rridu nindirizzaw bis-serjetà dan il-concern nazzjonali li rrid ngħid li mhuwiex espress biss minna l-politiċi. Ninkwieta ftit meta nisma’ lill-Ministru Scicluna jgħid li l-kwestjoni tal-pensjonijiet ma tippreokkupahx għaliex skont hu, m’hemmx kwestjoni ta’ sostenibbiltà. X’qed ngħidu? Qed ngħidu li l-Gvern jinteressah biss mill-piż tal-pensjonijiet fuqu? Mhux ovvja li din hija sistema sostenibbli għall-Gvern jekk mhu qed jagħtik xejn jew qed jagħtik ċuċata! Il-kwestjoni hija jekk dik il-pensjoni li se jkollok hux se tkun adegwata. Jien nistenna li l-Ministru Scicluna jgħidilna jekk fl-istudju tiegħu hux qed jgħidulu jekk il-pensjoni kif inhi sal-lum, jiġifieri dik li qed nikkontribwixxu għaliha aħna, hijiex adegwata. U jekk le, x’se jagħmel il-Gvern? Hawnhekk ovvjament nistieden anke lill-Ministru Farrugia li qiegħed jippilota din il-liġi flimkien mal-Ministru Scicluna - għax din mhix biss kwestjoni ta’ politika soċjali imma hija kwestjoni wkoll tal-Ministeru għall-Finanzi għax irid jiffinanzja dan kollu u jagħti l-inċentivi – biex jgħidilna kif se naslu biex effettivament nassiguraw li nieħdu l-passi deċiżivi f’din il-leġiżlatura.
Irrid nenfasizza li din il-leġiżlatura ma tridx issolvi dak kollu li għandu x’jaqsam mal-futur, imma trid tieħu l-passi deċiżivi f’dik id-direzzjoni. L-Oppożizzjoni hija disposta li tpoġġi bilqiegħda mal-Gvern, mal-imsieħba soċjali, mal-unions, ma’ min iħaddem u mas-soċjetà ċivili biex tassew inkomplu l-pass tar-riforma. B’dan il-mod issa nieħdu d-deċiżjonijiet għall-ġenerazzjonijiet tal-futur b’ċerta kalma fl-ispazju li għandna - bil-limitazzjonijiet imma spazju hemm - u mhux neħduhom f’mumenti ta’ kriżi meta mbagħad ma jkunx hemm spazju u nkunu rridu nieħdu deċiżjonijiet ebsin kif ħadu pajjiżi oħrajn b’riżultat li kien hemm protesti kbar li s’issa f’pajjiżna ma rajniex. Fil-leġiżlatura preċedenti għamilna kambjamenti kbar fis-sistema tal-pensjonijiet. Dawn saru bi qbil, mingħajr allarm u mingħajr ma rajna protesti fit-toroq kif rajna f’postijiet oħrajn. Jien inħeġġeġ lil dan il-Gvern biex flimkien naslu f’din it-triq.
Sur President, nipproponi li nibqa’ in possession biex għada nidħol ftit aktar fid-dettall dwar dak li qed jipproponi l-Gvern b’din ir-riforma u l-inċentivi li għandna quddiemna u kemm dawn se jwassluna għar-riżultati mixtieqa. Nirringrazzjak.
Dostları ilə paylaş: |