Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-affarijiet soċjali

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 129.84 Kb.
səhifə1/3
tarix30.07.2018
ölçüsü129.84 Kb.
  1   2   3


MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI
KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)


ID-DISA' PARLAMENT

Laqgħa Nru. 22
L-Erbgħa, 3 ta' Novembru, 1999


Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta

Prezz Lm1

ID-DISA' PARLAMENT

KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

Laqgħa Nru. 22
L-Erbgħa, 3 ta' Novembru, 1999


Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-7.03 p.m.

Talba

MINUTI
Il-Minuti tal-laqgħa Nru. 21 li saret fit-3 ta' Novembru, 1999 ġew konfermati.
ABBOZZ FINALI TAL-KURRIKULU MINIMU NAZZJONALI
A/CHAIRPERSON (Onor. Dolores Cristina): Nilqagħkom għal-laqgħa tal-lum u nibda mill-ewwel biex nistieden lil Dr. Borg jirrispondi għall-mistoqsijiet li sarulu matul il-laqgħa ta' dalgħodu.
DR. CARM BORG (Universita' ta' Malta): Dalgħodu l-Onor. Bartolo wera d-diżapprovazzjoni, jew aħjar l-inkwiet tiegħu, għall-fatt li fl-abbozz m'hemmx preskrizzjoni ta' lingwa ma' suġġett. Il-kritika li qlajna li kienet pjuttost ħarxa f'dan ir-rigward, kienet li wieħed m'hu se jsolvi xejn billi sempliċement jippreskrivi lingwa ma' suġġett. Sa ċertu punt naqbel ma' dan, u allura meta qegħdin nitkellmu dwar il-politika lingwistika fil-kontest ta' skola, wieħed irid jobbliga lill-iskejjel li jaċċennu għall-Ingliż, pero' iktar minn hekk, irridu naraw li ma jieqfux hemmhekk. Irridu naraw, per eżempju, x'metodoloġija qed tiġi wżata fl-iskejjel u x'riżorsi qegħdin jiġu wżati. Jiġifieri meta qegħdin nitkellmu dwar politika lingwistika, żgur li mhux se nieqfu fil-livell ta' lingwa ma' suġġett. Hija ħafna iktar vasta minn hekk. Veru li jidher li f'dan l-abbozz naqqasna l-preskrizzjoni, pero' xorta f'livell ta' skola se nibqgħu nesiġu politika lingwistika li tkun komprensiva u tkopri l-faċċati diversi tal-pedagoġija lingwistika.
Rigward it-tqarrib ta' l-iskola mal-komunita', naqbel li hemm bżonn ta' tqarrib akbar bejn l-iskola u l-komunita'. Bħalissa bdejt tour personali ta' l-industrija u waħda mill-affarijiet li qed ninnota fl-industrija, speċjalment fl-industrija l-kbira li kien qed isemmi Mr Cassar f'laqgħa preċedenti, hija l-potenzjal edukattiv li għandhom ċertu industriji. Il-potenzjal li għandhom huwa tremend. Dawn huma żoni fejn għandek cutting edge technology anke meta kkomparati ma' dak li jistgħu joffru t-technical institutes tagħna. Barra minn hekk, l-infrastruttura meħtieġa biex jieħdu lil dawn in-nies, hija diġa' f'postha. Fil-fatt diġa' kien hemm xi attentati, per eżempju naf li l-Brand International offrew lit-teachers jagħmlu placements magħhom biex jiffamiljarizzaw ruħhom mat-teknoloġija li għandhom, li nerġa' nirrepeti, hija cutting edge. Pero' sfortunatament, mill-feedback li għandi, jidher li ma tantx ittieħed vantaġġ minn din l-inizjattiva. Żgur li f'dawn il-kumpanniji l-kbar jeżistu t-teknoloġija, l-infrastruttura u l-attitudni għal taħriġ. F'din il-kumpannija partikolari, il-Brand International, iltqajt ma' nies li litteralment bdew minn mal-makni u llum huma human resource managers. U huma human resource managers mhux għax xi ħadd għamlilhom pjaċir, imma għax stinkaw u ħadmu sakemm ġabu MBA u xi wħud minnhom tant huma ambizzjużi li diġa' avviċinawni biex nissuġġerilhom l-aħjar postijiet għal DBAs, eċċ. Fi ħdan l-azjenda nnifisha għandek potenzjal ta' taħriġ, ta' taħriġ kontinwu, u għandek attitudni li tiffavorixxi lil min ikompli jitħarreġ, anzi, kważi għandek pressjoni biex in-nies ikomplu jitħarrġu. It-taħriġ huwa minsuġ litteralment fit-tessut ta' l-industrija nnifisha. It-taħriġ huwa second nature għal din it-tip ta' kumpannija. Din hija xi ħaġa li verament noħlom dwarha fis-settur tagħna.

Punt ieħor li ssemma kien dak ta' l-evalwazzjoni. Bla dubju ta' xejn naqbel li għandu jkun hemm evalwazzjoni across the board, pero' jien nemmen ħafna f'evalwazzjoni fl-iskola. Naħseb li l-abbozz innifsu, flimkien ma' l-ischool development plan li ovvjament irid ikun imnebbaħ minn dan l-abbozz u mnebbaħ mill-isfidi li għandha l-iskola stess, huma t-temi prinċipali ta' l-evalwazzjoni. L-ischool development plan huwa kruċjali għaliex fih se nsibu t-temi li semmejna dalgħodu, jiġifieri r-riċerka interna, continuous review u l-evalwazzjoni. Apparti l-evalwazzjoni fuq skala nazzjonali, nemmen ħafna f'evalwazzjoni fuq bażi ta' skola. Bħalma diġa' għedt, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikollna nies fl-iskejjel tagħna li huma - mhux se ngħid ''suppost'' għax fil-fatt huma - imħarrġa biex jagħmlu din it-tip ta' riċerka. Jien nemmen ħafna fl-evalwazzjoni f'livell ta' skola u naħseb li l-ischool development plan jiżviluppa t-temi li wara kollox huma t-temi ta' riċerka u evalwazzjoni. Naħseb li dawn kienu l-punti li ssemmew dalgħodu.


A/CHAIRPERSON: Hawn mistoqsijiet oħra għal Dr. Borg? L-Onor. Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Filgħodu Dr. Borg, semmejt li f'pajjiżna m'għandniex kultura ta' ġbir ta' data, u jien naħseb li dan huwa minnu.....
DR. CARM BORG: M'għandniex ġbir ta' data b'mod sistematiku.
ONOR. CARMELO ABELA: Pero' daqstant ieħor m'għandniex kultura sportiva. Matul id-diskussjoni li kellna, għamilt mistoqsijiet lil diversi persuni dwar l-edukazzjoni fiżika u t-tagħlim ta' l-isport fl-iskejjel. Naħseb li jekk irridu nikkompetu bis-serjeta' ma' pajjiżi barranin, irridu nagħrfu nagħżlu l-aħjar mill-ftit li għandna, u naħseb li qed nitilfu numru sostanzjali ta' persuni li għandhom potenzjal u li jistgħu jagħmlu isem għal pajjiżna f'diversi dixxiplini sportivi, proprju għaliex m'aħniex nagħtu attenzjoni biżżejjed lill-isports fl-iskejjel tagħna. Barra minn hekk, tajjeb inħarsu wkoll lejn l-aspett li l-isports jgħin għall-formazzjoni tal-karattru tal-persuna. Żgur li pajjiżi barranin, u int tgħallimni f'din il-ħaġa, jagħmlu ħafna iktar milli qed nagħmlu aħna f'pajjiżna. Personalment inħoss li l-kurrikulu minimu nazzjonali ma tantx jenfasizza dan l-aspett, għallinqas mhux daqskemm nixtieq jien.
Punt ieħor li nixtieq insemmi huwa dwar dawk l-affarijiet li fl-abbozz ta' qabel kienu preskritti waqt li issa qed ngħidu huma rakkmandati. Wisq nibża' li rakkmandazzjonijiet waħedhom ma jwasslux għall-għan proprju tagħna u allura forsi jkun tajjeb li jekk se nagħmlu biss rakkmandazzjonijiet - u aħna għandna r-riservi tagħna dwar dan - tinġibed l-attenzjoni li r-rakkmandazzjonijiet għandhom jittieħdu bl-akbar serjeta' u bl-akbar impenn u wieħed għandu jimxi mal-ħsieb wara dik ir-rakkmandazzjoni.

A/CHAIRPERSON: L-Onor. Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fid-dawl ta' dak li konna qed nitkellmu fuqu, jiġifieri l-kultura ta' titjib ta' l-iskejjel, l-evalwazzjoni, eċċ., kienu saru kuntatti li setgħu jiġu żviluppati ħafna iżjed - konna għadna fil-bidu - mat-team ta' Peter Mortimore fl-Institute of Education ta' l-Universita' ta' Londra. Fid-dawl ta' dak li qed tgħid inti għal bżonn ta' riċerka, u naqblu ma' dan il-bżonn, tarax skop li jiġi żviluppat dak il-kuntatt li kien sar biex ikun hemm speċi ta' alleanza strateġika bejn id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, l-istitut ta' l-edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Londra u l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta. Naħseb li b'hekk ikun hemm il-vantaġġ li qiegħed jiġi mbuttat bl-istandards internazzjonali. Naħseb kulħadd jaċċetta li l-Institute of Education ta' l-Universita' ta' Londra huwa wieħed mil-leading institutions fid-dinja dwar dan il-qasam. Huwa impressjonati l-livell ta' riċerka li jsir mill-fakulta' ta' l-edukazzjoni dwar dan u min-naħa tagħha, ċertament li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandha rwol importanti x'tilgħab f'ħaġa bħal din. Peter Mortimore u t-team tiegħu, huma fost l-aktar avvanzati fid-dinja fuq l-ischool improvement culture u l-ischool effectiveness movements, barra li ħafna nies bħal Dennis Lawton u oħrajn, bnew il-kultura ta' assessment li ċertament aħna għad għandna bżonn nibnu l-capability u l-kultura f'pajjiżna. Ma' l-Universita' ta' Londra hemm ukoll l-istituzzjoni ta' Edexel li allura, b'arranġament ma' istituzzjoni bħal dik, tkun qed tolqot ħafna għasafar b'ġebla waħda minħabba x-xogħol li jrid isir fuq il-MATSEC biex nintegraw l-approach kollu. Fid-dawl ta' dak li kont qed titkellem dwaru, tara skop għal dawn it-tip ta' arranġamenti, għal dawn it-tip ta' approaches?
L-aħħar mistoqsija li xtaqt nagħmel hija dwar xi ħaġa li naf hija għal qalbkom, anke bħala fakulta', u li ma ssemmietx wisq madwar din il-mejda, il-professional development school. Tarax il-possibbilta' li jiġu adottati - mhux across the board għaliex lanqas hemm possibbilta' li ssir - xi skejjel biex ikun hemm professional development fihom, anke fid-dawl ta' dak li kont qed tgħid int dalgħodu u li sfortunatament mhux magħruf biżżejjed f'pajjiżna? Dalgħodu inti semmejt sitwazzjoni fejn diġa' hemm comprehensive education u li tidher li qed taħdem. Din is-sistema ġiet minħabba d-daqs tal-komunita' fejn fl-iskola hemm klassi waħda jew tnejn u allura r-realta' ġabet li hemmhekk taħdem il-comprehensive system. X'jista' jsir biex jingħata iktar pubbliċita' lil dik it-tip ta' prattika li diġa' teżisti u li forsi tista' tgħin biex tirbaħ id-dubju u s-suspetti li qisu għax nafu ċertu triq u mhux oħra, bilfors se naqbżu fid-dlam, jew bilfors irridu nirrepetu l-iżbalji ta' l-imgħoddi li naturalment mhux il-każ?
DR. CARM BORG: Ħalli nibda mill-punt dwar l-edukazzjoni fiżika. Ma naqbilx li l-iskejjel tagħna jispiċċaw breeding grounds għal talenti sportivi li għada pitgħada se jkunu l-professjonisti tagħna. Ma naħsibx li dak huwa l-iskop ta' l-iskejjel tagħna. Naħseb li iva, tajna importanza lill-edukazzjoni fiżika meta bħala prinċipju ewlieni ta' l-abbozz, qegħdin nagħmlu l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal. Appena titkellem dwar ħoliżmu fl-iżvilupp, qed titkellem dwar żvilupp totali, żvilupp sħiħ tat-tfal li ovvjament jinkludi l-iżvilupp fiżiku. Pero' l-iżvilupp fiżiku ma jsirx biss f'kontest ta' sport, imma jsir ukoll, per eżempju, f'kontest ta' espressjoni kreattiva. U jekk tħares lejn l-abbozz issib li l-espressjoni kreattiva hija waħda miż-żoni bażiċi tal-kurrikulu. Ovvjament hemm areas oħra fejn dan l-iżvilupp jista' jsir, pero' ċertament li l-edukazzjoni fiżika tajniha l-importanza tagħha meta proprju semmejna l-fatt, u għamilnih bħala prinċipju bażiku, flimkien ma' prinċipji sagri oħra, li hemm bżonn inħarsu lejn it-tfal fit-totalita' tagħhom. Meta nitkellmu fuq it-totalita' tat-tfal, qegħdin ngħidu li m'huwiex aċċettabbli li l-edukazzjoni fiżika ssir is-Cindirella tal-kurrikulu bikri, primarju u sekondarju. Jiġifieri ma nistgħux naċċettaw iktar l-idea li l-għalliema, f'kontest ta' kurrikulu primarju, thedded it-tfal bil-PE. Diskors bħal: "Jekk ma toqogħdux kwieti mhux se noħroġkom għal PE'', jew ''Jiddispjaċini imma din hija l-klassi 6A allura m'għandniex żmien għal PE'', huwa inaċċettabbli. Dawn is-sitwazzjonijiet, dawn ix-xenarji, huma inaċċettabbli mill-punto di vista edukattiv u naħseb li llum, permezz ta' dan l-abbozz, tajna arma b'saħħitha biżżejjed lill-istakeholders biex imissu ma' dan il-punt tant importanti.
Fir-rigward tal-preskrizzjoni, nerġa' nirrepeti li l-preskrizzjoni jew inkella r-rakkmandazzjoni, tagħmel sens f'kontest ta' politika. Mela aħna mhux se nieqfu fuq bażi ta' rakkmandazzjoni, mhux se jkun rakkmandat li lingwa tintuża għal tali suġġett, imma se nkomplu billi niżviluppaw politika lingwistika. Waħedha, jista' jagħti l-każ li f'dak li għandu x'jaqsam ma' lingwa ikun jidher qisna idejn bl-ingwanti, pero' meta mbagħad wieħed jibda jiżviluppa l-politika lingwistika, jinduna li l-politika lingwistika ma tieqafx ma' sempliċi preskrizzjoni ta' lingwa ma' suġġett, imma tidħol proprju f'dik il-kaxxa s-sewda li hija l-klassi, u tara eżattament x'inhu jiġri. Bħalma m'huwiex aċċettabbli li numru kbir ta' tfal joħorġu mis-sistema edukattiva illiterati ... Personalment ma nistax nifhem kif minkejja li nibdew ngħallmu l-Ingliż minn eta' żgħira, għandna numru daqstant kbir ta' tfal li joħorġu mis-sistema edukattiva ma jafux kelma bl-Ingliż jew inkella ma jafux jikkomponu almenu sentenza waħda bl-Ingliż, meta aħna nafu u huwa approvat - ir-riċerka ma tħallilna ebda dubju - li anke qabel ma jibdew imorru l-iskola, it-tfal għandhom il-potenzjal li jsiru bi-lingwali. Dan qed narah proprju fil-każ tat-tifel tiegħi; s'intendi f'kontest ta' ambjent lingwistikament stimulanti għall-aħħar. It-tfal għandhom il-potenzjal li minn kmieni jsiru bi-lingwali u allura jien bilfors ikolli nistaqsi għaliex wara tant snin l-iskola t-tfal tagħna qed joħorġu daqshekk batuti fl-Ingliż. Naturalment ir-riċerka trid tirrispondi din il-mistoqsija imma dan japplika wkoll għal studenti universitarji u r-raġuni hija li - hawnhekk se nitkellem ftit b'politika u soċjoloġija - għandna ċirku vizzjuż. Il-fakulta' tagħna tiġbed studenti mill-klassi ta' studenti li għandhom Ingliż pjuttost batut, fjakk, u meta jiggradwaw u jerġgħu jmorru lura fis-sistema edukattiva, jerġgħu jirrinfurzaw din is-sitwazzjoni pjuttost terribbli f'dik li hija kompetenza, ħakma, u użu effiċjenti tal-lingwa. Din hija s-sitwazzjoni. Hemm bżonn naraw eżattament x'inhu jiġri. Hawnhekk qed nitkellmu fuq metodoloġija fil-klassi, qed nitkellmu dwar strateġiji pedagoġiċi, qed nitkellmu dwar il-kontenut innifsu, qed nitkellmu dwar testi li qegħdin jiġu wżati.
La semmejt it-testi, irrid nagħmel rimarka. M'huwiex aċċettabbli li kotba li forsi kienu relevanti ħmistax jew għoxrin sena ilu, għadhom jiġu wżati llum mit-tfal tagħna. Mhux biss qed ngħid għall-kontenut tagħhom, imma anke għall-immaġini li jiżviluppaw f'moħħ it-tfal. U hawnhekk għandna l-kurrikulu moħbi. Kotba li juru immaġini ta' Malta ta' għoxrin, tletin jew iktar, snin ilu, immaġini li jikkontradixxu l-iżviluppi li saru fl-istess soċjeta' u l-aspirazzjonijiet tagħna bħala soċjeta'. Ma nistax ma nirrimarkax li hemmhekk għandna lok fejn naħdmu iktar biex naġġornaw it-testi tagħna. F'kontest fejn il-ktieb huwa kruċjali, huwa ċentrali, kważi kull pedagoġija hija marbuta mal-ktieb, il-minimu li nistgħu nistennew huwa li jkollna kotba li huma relevanti, kotba li huma kurrenti, kotba li pedagoġikament jagħmlu sens.
Onor. Bartolo, jimporta tfakkarni ftit x'kienu l-mistoqsijiet tiegħek?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Staqsejtek dwar l-ischool improvement culture ta' Peter Mortimore u l-kollegi tiegħu, l-ischool effectiveness movement, Edexel of education and professional development.
DR. CARM BORG: Sintendi, in-networking li jsir bejn id-diviżjoni u l-istituzzjonijiet, jew fakulta', jista' jsir fuq bażi triangolari. M'għandi l-ebda diffikulta' li naħdem mad-diviżjoni u kif jaf kulħadd, jien dejjem ħdimt mad-diviżjoni.
Irrid ngħid li l-Ingilterra m'hijiex l-unika sors ta' ispirazzjoni. Per eżempju l-Kanada għandha l-guru f'dan il-qasam li huwa Michael Fullen. Naħseb li kulmin għandu x'jaqsam ma' management, żgur li sema' b'Michael Fullen u naturalment fl-Amerka ta' fuq għandek xalata sħiħa ta' ismijiet. Pajjiżi li qed jimpressjonawni ħafna, huma l-Awstralja - sintendi d-distanza tikkrea problemi - u New Zealand. Dawn il-pajjiżi għandhom ħafna x'joffru f'dan il-qasam. Definitely li n-networking jista' jinfirex ukoll 'lil hinn mill-kontinent Ewropew u jidħol fiż-żona ta' l-Amerka ta' Fuq - jien familjarji ma' dik iż-żona - u anke fl-Awstralja, l-Ażja, eċċ. Dawn huma pajjiżi li impressjonawni ħafna, qegħdin jaħdmu ħafna f'dan il-qasam, huma avvanzati ħafna u naħseb li nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom. Barra minn hekk, għandna l-vantaġġ li bħala fakulta', u naħseb anke bħala diviżjoni, diġa' għandna kuntatti ma' nies li huma fil-forefront ta' dan il-qasam. Jien ma nsib l-ebda diffikulta' li noffri n-knowledge tiegħi f'dan il-qasam.
Semmejt ukoll il-professional development schools li mill-punto di vista ta' fakulta' huma marbuta mal-konċett ta' mentoring. Dejjem irbatna l-mentoring ma' professional development schools għaliex kemm aħna u kemm id-diviżjoni, nemmnu li rridu nies ... L-ewwelnett għandna problema ta' nies li huma ħerġin mill-fakulta' tagħna u ntefgħu fl-oċean u għandna problemi serji f'dik li hija fażi transitorja. Aħna nixtiequ naraw nies imħarrġa fl-iskejjel tagħna li kapaċi jgħinu mhux biss lill-istudenti fil-fażi tal-practicus tagħhom, imma li kapaċi jgħinu wkoll lill-istudenti fil-fażi transitorja u appropositu ta' dan, dan ix-xahar se joħorġu call for applications għal ċertifikat fil-mentoring. Naturalment għandna wkoll il-problema ta' inċentivi. Kif tafu, fl-1993 il-fakulta' kienet ħadet bis-serjeta' inizjattiva rigward il-mentoring u kienu anke nġabu nies esperti minn barra biex jagħtu pariri. Nista' ngħid li l-inizjattiva bdiet tajjeb, pero' mbagħad qamet il-kwestjoni ta' l-inċentivi u l-vapur inkalja appena qamet din il-kwestjoni. L-inċentivi mhux bilfors ikunu f'forma remunerattiva, imma jistgħu jkunu f'forma ta' privileġġi, per eżempju, aċċess għall-fakulta' u għall-korsijiet, aċċess għal-librerija, pero' ma nafx jekk dawn l-inċentivi humiex biżżejjed biex jattiraw lill-għalliema jagħmlu dan it-tip ta' xogħol li huwa importantissimu u li għandna ħafna eżempji tiegħu f'diversi partijiet tad-dinja. Il-PDS dejjem irbatnih mal-mentoring. Jekk naraw li l-mentoring se jerġa' jinkalja, li m'huwiex se jieħu l-ħajja, huwa diffiċli ħafna biex nistabbilixxu rapport sura ta' nies ma' l-iskejjel tagħna jekk m'għandniex nies disposti li jagħtu dan it-tip ta' servizz mill-iskola.
A/CHAIRPERSON: L-Onor. Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Qabel xejn nixtieq nagħmel kjarifika għal dak li għedt. Ma xtaqtx niftiehem li l-iskejjel għandhom iservu biex jipproduċu l-isportivi professjonali tagħna, pero', kif inti stess għedt, u naqbel ma' dak li għedt, jekk ma jkunx hemm kuntatt, żgur li t-tfal ma jkunux jistgħu jitħajru jkomplu, anke fuq inizjattiva personali tagħhom. F'dak is-sens ridt ngħid.
Waqt id-diskors tiegħek inti semmejt il-bżonn ta' pjan strateġiku u għedt ukoll li dan m'huwiex imsemmi fil-kurrikulu li għandna quddiemna.
DR. CARM BORG: Se jsegwi minn dan.
ONOR. CARMELO ABELA: Jien naħseb li għandu jkun hemm aċċenn ta' x'inhu l-pass li jmiss ħalli mhux biss ikollna l-ideali miktubin, imma jkun hemm, anke jekk ma jkunx f'tant dettall, ħjiel ta' pjan strateġiku. Forsi wieħed jista' jagħti idea ta' x'għandu jkun dan il-pjan strateġiku sabiex ħaġa ssegwi ma' l-oħra, iktar u iktar meta jidħol fis-seħħ u jkollu rabta legali.
Mistoqsija oħra li xtaqt nagħmillek hija jekk inti u Prof. Wain kellkomx kuntatt mal-bord tal-MATSEC dwar ...
DR. CARM BORG: Prof. Wain se jitkellem fit-tul dwar dan.
ONOR. CARMELO ABELA: Mela nista' nieqaf hawn.
DR. CARM BORG: Għar-rigward ta' jekk il-pjan strateġiku li se jkun il-pass li jmiss għandux jissemma f'dan id-dokument, it's an opinion. Żgur li jrid jkun hemm propaganda dwar din l-issue għaliex għad hawn ħafna li għadhom jaħsbu li f'Settembru li ġej se naqbdu dan id-dokument, lock, stock and barrel, u nibdew nirrambaw is-sistema edukattiva bih. M'huwiex il-każ.
A/CHAIRPERSON: Nirringrazzjak Dr. Borg u ngħaddu issa għall-aħħar mistieden tagħna, Prof. Kenneth Wain. The floor is yours, Prof. Wain.
PROF. KENNETH WAIN (Fakulta' ta' l-Edukazzjoni, Universita' ta' Malta): Naħseb li m'għandix għalfejn nidħol fl-isfond ta' kif żviluppa l-kurrikulu u x'bidliet saru fl-ewwel draft sabiex wasalna għall-abbozz li għandna quddiemna, għax din l-area has been very well covered minn Dr. Carm Borg. Jien nixtieq nikkonċentra l-iktar fuq dik il-ħaġa li minn dak li ntqal fis-seduti li kont preżenti għalihom, jidher li hija l-iktar ħaġa li qed tippreokkupa, ċioe' l-istrateġija; kif aħna nistgħu npoġġu n-national curriculum into practice. Dr. Carm Borg diġa' semma dak li huwa jemmen għandu jkun is-segwitu immedjat għal dan id-dokument. Diġa' qal li mill-ewwel għandu jsir sforz biex tinħoloq strateġija u li l-istrateġija għandha tinħadem bl-istess mod kif inħadem id-draft tan-national curriculum, jiġifieri, bejn l-istakeholders, il-partijiet kollha li finalment se jkollhom x'jaqsmu mat-twettiq tal-kurrikulu. U meta qed ngħid ''il-partijiet kollha'', qed nirriferi għad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, għall-fakulta' ta' l-edukazzjoni, esperti li jista' jkollna bżonn inġibu minn barra, ġenituri, l-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti infushom.
Meta niġi għall-kwestjoni ta' struttura, naħseb li rridu nitkellmu fuq affarijiet li huma verament fundamentali. Naħseb li kif qal is-Sur John Bencini dalgħodu, irridu nkunu kuraġġjużi ħafna fil-mod kif inħarsu lejn il-futur u kif nirrevedu l-kurrikulu. Irridu nkunu daqstant kuraġġjużi meta niġu biex inħarsu lejn l-istrutturi tagħna ħalli l-kurrikulu ma jibqax biss dokument sabiħ li kulħadd jaqbel miegħu iżda li finalment ma jitwettaq xejn minnu. Jien naqbel ma' dak li qal Carmel dalgħodu li se jkun vitali ħafna kif in-national curriculum se jkun monitored, kif se jkun żviluppat, kif se jkun dokument dinamiku fis-sens li ma jibqax id-dokument li jkun imma li jiżviluppa b'mod li meta għada pitgħada niġu biex nirreveduh - il-ħajja ta' kull national curriculum m'hijiex għal dejjem - ikun diġa' sar ċertu xogħol u allura ma jkollniex għalfejn nerġgħu noqogħdu nagħmlu bħalma kellna nagħmlu din id-darba u ngħaddu mill-proċess kollu, mill-proċess ta' re-inventing the wheel. Għalhekk jien nemmen li għandu bżonn jiġi stabbilit xi tip ta' national curriculum council - jissejjaħx hekk jew jissejjaħx b'isem ieħor, m'huwiex importanti - li jiffunzjona bl-istess mod li jiffunzjonaw dawn it-tip ta' councils f'diversi pajjiżi barranin. Ix-xogħol ta' national curriculum council ikun the overall control tal-mod kif jitmexxa n-national curriculum. Ix-xogħol tal-council ikun jinkludi monitoring ta' l-iskejjel biex jara li n-national curriculum qed jiġi implimentat u auditing ta' l-iskejjel biex jara li l-istandards ta' tagħlim ikunu up-to-date. Barra minn hekk, kif semma dalgħodu Carmel, ikollu fih unit ta' riċerka li tgħin lill-iskejjel bir-riżultati miksuba u jagħmel ukoll dak l-istħarriġ neċessarju biex meta għada pitgħada jkollna bżonn nirrevedu l-kurrikulu preżenti, ikollna diġa' lest ix-xogħol fundamentali ta' preparazzjoni. Jien nemmen li għandna bżonn national curriculum council għaliex ma naħsibx li huwa fair li ngħabbu lid-dipartiment tal-kurrikulu fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni bix-xogħol ta' monitoring tas-sistema kollha. Ma naqbilx li għandu jkun hekk, l-ewwelnett, fuq livell ta' prinċipju. Jien nemmen li jekk se jkollna national curriculum, irid ikollna xi tip ta' organu nazzjonali li jissorvelja dak li jkun qed isir, inkella d-diviżjoni tkun qisha qed tissorvelja lilha nnifisha. Nemmen li dak m'għandux ikun. U t-tieni nett, naħseb li l-curriculum department fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni se jkollu ħafna x'jagħmel bl-iskejjel ta' l-Istat. Irid juża r-riżorsi kollha tiegħu biex jgħin lill-iskejjel jiżviluppaw l-ischool development plans tagħhom u jgħinhom jagħmlu l-internal monitoring tagħhom stess. Barra minn hekk, irid ukoll jassisti fit-training u fl-iżvilupp professjonali ta' l-għalliema u allura jekk titfa' piż ieħor fuq id-dipartiment, id-dipartiment jew se jkollu jżid in-nies bir-riżultat li d-dipartiment isir kbir wisq u jsir unwieldy, jew inkella se jkun imfixkel milli jagħmel ix-xogħol proprju tiegħu li jien nemmen għandu jkun iffokat fuq l-iskejjel ta' l-Istat biex jgħollilhom l-istandards tagħhom.
Ħalli ngħid xi ħaġa dwar il-monitoring ta' l-iskejjel għax importanti li nkunu ċari x'qegħdin nifhmu meta ngħidu monitoring ta' l-iskejjel. Issemmiet ħafna l-idea ta' school auditing u jien kelli esperjenza ta' xi jfisser school auditing. School auditing ma jfissirx li grupp ta' nies f'daqqa waħda jinżlu fuq l-iskola u jibdew jaraw x'inhu tajjeb u x'inhu ħażin f'dik l-iskola. L-ischool auditing exercise ma jsirx għal din ir-raġuni, iżda biex l-iskola nnifisha tkun tista' tieħu evalwazzjoni oħra minn barra ta' x'qed jiġi mill-iskola. L-ischool auditing exercise isir flimkien mal-head u mat-teachers, voldieri ma jsirx biex xi ħadd jimponi xi ħaġa fuq ħaddieħor. Irid joħroġ ċar li l-għan finali ta' auditing exercise huwa l-improvement ta' l-iskola nnifisha allura jrid ikun hemm ħafna kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha u s'intendi jrid ikun xi ħaġa li jaqbel magħha kulħadd. Irridu nkunu ċari għaliex inkella l-idea ta' school audit tista' tgerrex lill-head u lill-għalliema għaliex jibdew jaħsbu li se tiġri xi ħaġa ġdida. M'għandu jkun xejn minn dan. Jekk l-ischool auditing exercise isir sew, l-iskejjel infushom should welcome it u l-eżerċizzju jarawh bħala għajnuna siewja ħafna għall-iżvilupp ta' l-għanijiet ta' l-iskola tagħhom. L-ischool auditing huwa importanti ħafna, imma anke hawnhekk, jekk se jkollna school auditing unit, ma nħossx li għandu jkun parti mill-education division. Nemmen li għandu jkun parti minn national curriculum council biex l-audit ma jsirx biss fuq l-iskejjel privati u indipendenti, imma anke fuq l-iskejjel statali. Dik hija l-idea tiegħi dwar dan.
Jien nemmen li apparti minn national curriculum council, għandna bżonn struttura oħra bħalma hu teaching council. Jeżistu eżempji tajbin ta' kif jitħaddem teaching council u kif qal is-Sur Charles Mizzi l-aħħar darba, l-Iskozja huwa pajjjiż li nistgħu nħarsu lejh għal prattika tajba. Fl-Iskozja għandhom teaching councils żviluppati ħafna u nistgħu naraw kif qed jitħaddmu. L-idea ta' school council hija biex iżżomm għoli l-istandards professjonali ta' l-għalliema. Jien nemmen li jekk għandek a national curriculum council, għandek bżonn ukoll a national teaching council li r-rwol tiegħu ikun the upholding of teaching standards. Dan il-konċett huwa kontroversjali ħafna pero' jien inħoss li teaching council irid ikun inkarigat mill-ħruġ ta' warrants, inkarigat mill-kodiċi ta' etika ta' l-għalliema, jara li l-kodiċi qed jiġi mwettaq, u jieħu u jikkonsidra rapporti ta' nuqqas ta' professjonaliżmu u jkun ukoll a kind of overseer fuq il-kwalita' ta' in-service courses, teacher training u professional training li jkollna fil-pajjiż. Jien nara li dawn għandhom ikunu t-tliet funzjonijiet tan-national teaching council. Nemmen li national curriculum council u teaching council għandhom ikunu broad-based u li fihom ikun hemm rappreżentati l-istakeholders kollha li hemm fis-sistema. Nemmen li jekk ikollna national curriculum council li jkun qiegħed jissorvelja n-national curriculum, u teaching council li jkun qiegħed iħares lejn l-iżvilupp professjonali tat-teaching profession fil-pajjiż, ikollna strutturi sodi li bihom inkunu nistgħu nimxu 'l quddiem.
Xtaqt ngħid xi ħaġa dwar id-diċentralizzazzjoni u l-awtonomija ta' l-iskejjel. Aħna qed nitkellmu ħafna fuq l-awtonomija ta' l-iskejjel u n-national curriculum jikkontempla din it-tip ta' awtonomija. Wara li kien ħareġ l-ewwel abbozz tan-national curriculum, jien kont ikkritikajtu b'mod daqsxejn sever għaliex ħassejt li national curriculum jagħmel sens biss jekk is-sistema tkun diċentralizzata. Jekk inti għandek sistema ċentralizzata u mbagħad għandek national curriculum, inti se tirrinforza xi ħaġa li diġa' hija rinforzata. Ilna għal żmien twil nisimgħu dwar il-bżonn ta' diċentralizzazzjoni, pero' fil-kontest ta' dak li qegħdin niddiskutu llum, naħseb li rridu nitkellmu dwaru huwa d-diċentralizzazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħaddim tal-kurrikulu. Għalkemm għandna national curriculum u sistema ta' monitoring, aħna qegħdin ngħidu li għandhom ikunu l-iskejjel stess responsabbli li jiżviluppaw school plans għall-bżonnijiet ta' l-iskejjel tagħhom u li jagħtu strateġiji ta' kif beħsiebhom iħaddmu l-kurrikulu. Jien nemmen li dan ma tantx huwa possibbli fl-iskejjel ta' l-Istat jekk ma jittieħdux ċertu deċiżjonijiet kuraġġjużi li jistgħu jkunu kontroversjali ħafna. Jien nemmen li ma jistax ikollok skejjel li huma b'saħħithom u kapaċi jaċċettew u jadottaw din ir-responsabbilta', jekk per eżempju, id-deployment ta' l-għalliema jibqa' kif inhu bħalissa. Personalment nemmen li għandna nbiddlu l-mod kif isir id-deployment ta' l-għalliema. Ma jagħmilx sens li ngħidu li fl-iskejjel tagħna l-heads iridu jkunu mdawrin b'teams li jkollhom strengths varji biex flimkien jikkoordinaw ir-riżorsi available jekk it-teachers ikunu ntbagħtu minn x'imkien mingħajr ma jkollhom l-ebda tagħrif u konoxxenza tas-sitwazzjoni. Ma naħsibx li jagħmel wisq sens li nitkellmu fuq teamwork fl-iskejjel, fuq żvilupp u awtonomija ta' l-iskejjel, jekk imbagħad ma ngħaddux għall-pass l-ieħor fejn it-teachers jiġu direttament ingaġġati mill-iskejjel. Naf li din tfisser bidla kbira minn sistema li ilna nħaddmu snin twal, imma naħseb li wasal iż-żmien li nieħdu ftit deċiżjonijiet kuraġġjużi, u din hija waħda mid-deċiżjonijiet kuraġġjużi li rridu nieħdu.
Deċiżjoni oħra kuraġġjuża li hemm bżonn nieħdu u li forsi hija iktar diffiċli, hija li nbiddlu s-sistema li għandna fejn il-kotba u l-materjal kollu ta' l-iskola, jinxtraw miċ-ċentru u jitqassmu lill-iskejjel biex l-iskejjel kollha ta' l-Istat ikollhom l-istess kotba, ikollhom l-istess ktieb tal-Maths u l-istess ktieb tal-Malti. Dalgħodu Dr. Carm Borg aċċena għall-fatt li fl-iskejjel tagħna għadna nużaw kotba li ilhom hemm l-għexieren ta' snin u dan ilkoll kemm aħna nafuh. Ma jistax ikun li f'area li qed tiżviluppa b'rata daqshekk mgħaġġla, fejn il-ħin kollu qegħdin joħorġu sistemi ġodda, textbooks ġodda, stili pedagoġiċi ġodda, nibqgħu b'din is-sitwazzjoni. Jien nemmen li waħda mill-affarijiet li xxekkel b'mod serju lill-iskejjel ta' l-Istat and that deskills the teachers, hija n-nuqqas ta' kontroll li l-għalliema għandhom fuq l-għażla ta' skemi u mezzi ta' tagħlim u fuq l-għażla tal-kotba u tat-testi. Hemm bżonn li jsir xi ħaġa biex din is-sistema tinbidel. Għalxejn ngħidu li rridu ngħollu l-istandards ta' l-iskejjel ta' l-Istat jekk l-iskejjel ta' l-Istat are handicapped b'dawn l-affarijiet. Illum il-ġurnata din is-sitwazzjoni hija assolutament redikola. X'tista' tagħmel f'termini prattiċi? Naf li ladarba tgħid li l-Istat m'huwiex se jidħol għal din in-nefqa, tidħol il-kwestjoni ta' x'se jagħmel min finanzjarjament ma jistax, eċċ. Jenħtieġ policy li titlaq mis-sistema li għandna bħalissa iżda li fl-istess waqt ma tiżvantaġġax lit-tfal li ġejjin minn familji li ma jistgħux iħallsu għall-kotba tagħhom. Bħalma nafu, waħda mill-affarijiet li llum il-ġurnata qegħdin dejjem inħambqu fuqha, hija l-importanza li t-tfal tagħna jkunu litterati, li jkollhom il-kotba u li jkunu jħobbu l-kotba. Imma x'tip ta' eżempju qegħdin nagħtuhom? X'tip ta' mentalita' qed inrawmu fit-tfal jekk tul il-ħajja skolastika tagħhom qatt ma kellhom kotba ħlief għal kotba li jkunu wżaw matul is-sena skolastika u li rritornawhom fl-aħħar tas-sena? Ma jistax ikun nibqgħu sejrin b'din id-drawwa. Ċertament ma nistax nifhem kif l-affarijiet li qed nitolbu f'dan in-national curriculum jistgħu jitwettqu jekk l-għalliema u l-iskejjel tagħna jibqgħu handicapped b'dan il-mod li għalija huwa serju ħafna.
Jien kont hawn meta l-Onor. Bartolo staqsa lis-Sur Bencini dwar teachers li jkollhom jibqgħu wara l-ħin ta' l-iskola. Sfortunatament din hija problema ta' kultura ta' ċertu għalliema. Ċertament li għal ċertu teachers, mhux għal kollha imma għal ħafna minnhom, il-qanpiena ta' l-iskola tfisser li l-ġurnata spiċċat. Hekk kif iddoqq il-qanpiena, joħorġu t-tfal u joħorġu magħhom l-għalliema. Jien naħseb li waħda mir-raġunijiet għala din tiġri, hija proprjament għaliex bil-mod kif aħna qegħdin norganizzaw l-iskejjel tagħna, we are deskilling the teachers. Jekk lit-teachers nagħtuhom iktar sehem fid-decision making fejn jidħol il-kurrikulu, fejn tidħol l-għażla ta' kotba u fejn tidħol it-tmexxija ta' l-iskola, ikollhom aktar raġuni għaliex jibqgħu l-iskola wara l-ħin jiddiskutu dawn l-affarijiet. Pero' nixtieq ngħid ħaġa oħra li għalija hija wkoll importanti, il-ħtieġa li l-għalliema jippjanaw u jaħdmu flimkien. Dalgħodu ssemmiet il-problema li fl-iskejjel primarji l-għalliema ma jkollhomx ċans jiltaqgħu biex jiddiskutu flimkien. Jien nemmen li fl-iskejjel primarji, il-laqgħat tat-teachers għandhom ikunu timetabled. It-teachers tal-primarja għandhom ikollhom xi siegħa fil-ġimgħa, anke iżjed minn hekk, fejn fiha jiltaqgħu biex flimkien jippjanaw ċertu xogħol, jippjanaw syllabus, jippjanaw it-topics, jagħmlu evalwazzjoni u anke possibbilment jaqsmu t-talenti tagħhom permezz ta' team teaching. Din diġa' titħaddem fi skejjel mhux ta' l-Istat allura daqstant ieħor tista' titħaddem fl-iskejjel ta' l-Istat. Naturalment waqt li t-teachers ikunu qegħdin jiltaqgħu, it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu affarijiet ma' teachers oħrajn, imma importanti li jinstab ħin għal dawn l-affarijiet. Din hija xi ħaġa li hija assolutament indispensabbli, speċjalment jekk kif qegħdin ngħidu fil-kurrikulu, fil-primarja se nimxu fuq topic based teaching. Trid il-ħin biex tippjana t-topics, biex tiddiskutihom u biex jingħata feedback. Barra minn hekk, b'dan it-tip ta' approach, it-teachers ma jħossuhomx iżolati, ikun hemm ċertu cross fertilisation ta' ideat bejn l-għalliema u forsi dan il-mod jista' jwassal biex tissolva parti mill-problema li jiffaċċjaw teachers ġodda li jkunu deħlin ġo skola għall-ewwel darba. Bħalissa s-sitwazzjoni hi li teacher ġdida tidħol ġo skola, tingħata klassi u trid tmexxi hi. F'ħafna skejjel ikollha l-għajnuna tal-kollegi tagħha u tal-head ta' l-iskola, imma ħafna drabi t-teachers ġodda jħossuhom mitlufin. Kemm hu differenti jekk teacher ġdida tidħol fi skola fejn ikun hemm grupp ta' teachers jaħdmu, jikkoordinaw u jikkoperaw flimkien. F'dan il-każ, it-teacher se ssir parti minn team, se tiġi assimilata f'dak it-team u se tiġi megħjuna minn dak it-team.
Ħalli ngħid xi ħaġa dwar esperti li jinġiebu minn barra. Importanti li nġibu esperti minn barra, b'mod partikolari dawk l-esperti li jistgħu jgħinuna f'areas li għad m'għandniex esperjenza fihom, imma daqstant importanti huwa li nħarsu lejn il-prattika lokali. Għandna nħarsu lejn fejn qed issir prattika tajba, nistudjawha u nipprovaw naraw x'nistgħu nieħdu minnha. Għandna ħafna skejjel f'Malta li diġa' għandhom prattika tajba fejn jidħlu dawn l-affarijiet u allura ta' min wieħed iħares iktar lejhom u jistedinhom biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma' l-iskejjel ta' l-Istat.
Waħda mill-affarijiet li forsi ma ssemmietx daqshekk, pero' aċċenna għaliha l-Onor. Bartolo, hija l-integrazzjoni tal-kurrikulu. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq kurrikulu li jkopri l-eta' ta' tfal ta' bejn it-tlieta u s-16-il sena. Is-sistema edukattiva tagħna hija maqsuma fi tliet partijiet, il-kindergarten, l-iskola primarja u l-iskola sekondarja u waħda mill-problemi kbar hija t-transizjoni minn livell għal ieħor li aċċenna għaliha dalgħodu l-Onor. Bartolo. Jien naħseb li din hija kruċjali u verament irridu nħarsu lejha b'mod serju. Finalment, il-kurrikulu jrid jiġi integrat fl-esperjenza ta' dak li qiegħed jitgħallem. Forsi anke hawnhekk hemm bżonn li nħarsu lejn is-sistema ta' l-iskejjel tagħna bħala problema strutturali. Ċertament li bħalissa l-affarijiet m'huma sodisfaċenti xejn. M'hemmx koordinament bejn settur u ieħor. Forsi hemm bżonn li l-istruttura ta' l-iskola tinbidel, forsi ta' min jaħseb fuq xi tip ta' middle school, ma nafx, imma b'xi mod irridu nsibu mod kif il-kontinwita' narawha.
Punt ieħor li xtaqt nitkellem fuqu huwa l-benchmarking. Iva, jien personalment nemmen li se jkollna bżonn benchmarks. Din il-ġimgħa kont f'laqgħa tal-matriculation board ta' l-Universita' fejn ġie diskuss in-national curriculum u kif l-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC se jiġu affettwati bl-implimentazzjoni tan-national curriculum. Jien dejjem sostnejt li billi nagħmlu l-preskrizzjonijiet u l-ideat u l-viżjonijiet kollha li rridu f'dokument bħal dan, u mbagħad finalment fl-aħħar eżami, fis-SEC, ma jkunx hemm korrispondenza bejn l-għanijiet tan-national curriculum u l-mod kif jiġi mmexxi u strutturat l-eżami tas-SEC, inkunu qisna m'għamilna xejn. L-idea tiegħi hija li l-aħħar benchmark għandha tkun is-SEC exam. Imma jien nemmen li wara li l-MATSEC board ikun għamel ix-xogħol preliminarju, jenħtieġ li ninżlu 'l isfel u naraw x'benchmarks iridu jintlaħqu fis-sistema, going further and further down sakemm naslu fl-aħħar. Naturalment, l-ewwel li rridu nagħmlu hu li nkunu ċari fuq fejn se jkun il-punt aħħari. Dan huwa eżerċizzju kruċjali u hemm bżonn li l-MATSEC board jiġi mbottat biex dan l-eżerċizzju jagħmlu kemm jista' jkun malajr. Naf li qiegħed in the pipeline u meta jkollna r-riżultat, forsi nkunu nistgħu naħsbu f'termini ta' dawn il-benchmarks li semmejna, pero' iva, ċertament li għandu jkollna benchmarks.
Fis-seduta tal-bieraħ tkellem ir-rappreżentant ta' l-FOI. Aħna tkellimna ħafna fuq ir-relazzjoni ta' l-iskejjel ma' l-industrija, mal-business, mad-dinja tax-xogħol u Dr. Carm Borg qal li fl-industrija Maltija hemm teknoloġija u ħafna prattika siewja u interessanti li wieħed jista' jitgħallem u jibbenefika minnha, pero' li ddiżappuntani fid-dokument ta' l-FOI, huwa li l-FOI m'hijiex qed timxi in line ma' dak li qed jiġri f'ħafna organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ta' l-industrija f'pajjiżi Ewropej, ċioe', li huma stess jieħdu l-inizjattiva biex jaraw kif l-industrija tista' tersaq iktar viċin ta' l-iskejjel. Jien naħseb li minn dan il-lat, l-industrija għandha dmir li hi stess tagħmel riċerka, tagħmel studju u rakkmandazzjonijiet u tinvesti f'din it-tip ta' inizjattiva. Ma naħsibx li l-industrija għandha tistenna li l-iskejjel joħorġu l-prodott perfett mingħajr ma hi tkun tat il-kontribut tagħha. Jien nemmen li għandhom iħarsu lejn il-ħafna dokumenti li nħarġu, fosthom id-dokument li ħareġ fl-1996 mir-round table of European businesses dwar ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-industrija u l-iskejjel. Naħseb għandhom ħafna x'jitgħallmu dwar inizjattivi li jistgħu jieħdu daparti tagħhom biex isolvu din il-problema. Jien naqbel li għandu jkun hemm kollegament bejn l-iskejjel u d-dinja tax-xogħol, pero' għandha tkun a two-way traffic.
Naqbel ukoll ma' dak li ntqal li l-iskejjel iridu jkunu responsive ħafna lejn il-komunitajiet. Jien personalment nemmen li f'sitwazzjoni ideali, l-iskejjel primarji li l-catchment tagħhom hija l-aktar fil-komunita', għandhom ikunu l-joint responsibility tal-komunita' kollha. Il-komunita' għandha tinvesti fl-iskejjel waqt li fl-istess ħin tkun qed tieħu ċertu return. Jien rajt esperjenzi bħal dawn f'pajjiżi diversi - dalgħodu issemmiet l-esperjenza li hemm fl-Iżrael - fejn per eżempju, il-librerija tal-lokal tkun ġo l-iskola. L-investiment isir ġo l-iskola u allura fil-lokal jkollok librerija waħda. M'hemmx għalfejn ikollok duplication of resources, librerija ta' l-iskola u oħra tal-lokal. Jekk il-librerija tkun aċċessibbli kemm għall-istudenti ta' l-iskola u kemm għan-nies kollha tal-komunita', tkun għamilt pass fid-direzzjoni t-tajba. Dan jista' jsir ukoll f'affarijiet oħra, bħalma huma faċilitajiet sportivi u kulturali. Hemm bżonn li l-iskola tinfetaħ iżjed għall-komunita' imma fl-istess waqt hemm bżonn ukoll li l-komunita' tinvesti iżjed ġo l-iskola. Forsi għalissa nista' nieqaf hawn; ipprovajt inkun suċċint kemm jista' jkun.
A/CHAIRPERSON: Grazzi u nibda billi nieħu l-mistoqsijiet. L-Onor. Bartolo.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə