ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Prof. Wain, jien ħadt gost nisimgħek issemmi l-istrutturi għaliex nemmen ħafna li se jkollna bżonn struttura biex dan id-dokument jiġi implimentat u l-għanijiet tiegħu jiġu mwettqa. Inti għedt li n-national curriculum council irid ikopri fih l-istakeholders kollha, allura taħseb li jrid ikun hemm l-expertise ta' l-oqsma differenti li jkunu qed jittrattaw il-kurrikulu?
PROF. KENNETH WAIN: Ċertament irid ikollu t-technical section tiegħu.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Jiġifieri jekk qed nitkellmu fuq xjenza u teknoloġija, irid ikun hemm l-expertise biex jara dawk l-aspetti, u jekk qed nitkellmu fuq l-edukazzjoni tal-konsumatur, irid ikun hemm xi ħadd li jħares l-aspett tal-konsumatur. Qed insemmi dan il-punt għaliex il-bieraħ kien hawn proposta għat-twaqqif ta' struttura b'mod separat mid-dipartiment tal-kurrikulu fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Konna qed nitkellmu dwar il-gender equality u jien personalment ma jidhirlix li tista' toqgħod taqsam is-settur f'tant oqsma differenti. Jekk se jkollna set-up għall-gender equality to monitor gender equality b'mod separat mill-istess Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' li diġa' jeżisti, allura trid tagħmel ukoll struttura għall-edukazzjoni tal-konsumatur bil-focus tiegħu jkun il-konsumaturi. L-idea tiegħek li tiġbor kollox f'daqqa fuq national council ... Naturalment kollox f'daqqa f'ċertu sens għaliex nifhem li jrid ikun hemm struttura oħra biex tkun tista' taħdem. Fil-fehma tiegħi, din l-idea tagħmel ħafna iktar sens li tiġbor b'mod ħolistiku l-oqsma kollha li jridu jmexxu dan is-settur. Nixtieq nisma' l-opinjoni tiegħek dwar tip ta' focal point fuq gender equality. Kif tara dawn l-istrutturi se jiffittjaw fl-organizzazzjoni tad-dipartiment? Se jkunu separati kompletament mid-dipartiment? U lejn min se jkunu responsabbli? Lejn min għandhom responsabbilta' politika? Lejn min għandhom responsabbilta' eżekuttiva?
PROF. KENNETH WAIN: Ħalli nibda mit-tieni mistoqsija tiegħek. Meta qed nitkellmu fuq national curriculum council, qed nitkellmu fuq xi ħaġa li hija separata mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. M'hijiex parti mill-education division. Jekk irridu nsibu l-oppost għaliha, tista' tkun waħda minn żewġ affarijiet, pero' naturalment din hija deċiżjoni li finalment trid tkun deċiżjoni politika. Tista' tkun jew parti mill-ministeru, voldieri taħt is-sorveljanza tal-ministeru, jew inkella, hija nnifisha tista' tkun - kif darba kont ipproponejt jien fi ktieb li ktibt żmien twil ilu - awtonoma, jiġifieri tkun separata kemm mill-ministeru u kemm mid-diviżjoni. (Interruzzjonijiet) Eżattament, tkun tip ta' awtorita'. Fil-fatt meta ktibt il-ktieb, jien kelli f'moħħi, forsi minħabba l-esperjenza tiegħi ta' dak iż-żmien, l-Awtorita' tax-Xandir. That type of statutory entity, kelli f'moħħi. Jien personalment nippreferi li tkun indipendenti ħalli tkun tista' tiffunzjona b'mod li jkun totalment liberu minn kwalunkwe tip ta' influwenza politika. Nippreferi li tkun hekk, imma naturalment dik hija deċiżjoni li mhux jien irrid neħodha.
Għar-rigward ta' l-expertise, ċertament li national curriculum council irid ikollu t-technical unit, jew it-technical team, tiegħu, pero' ma nemminx li bilfors irid jinkludi fih kollox, għaliex kif qal tajjeb Carm Borg dalgħodu, jista' jkun li ċerta tip ta' riċerka, jew ċerta tip ta' stħarriġ, jew anke ċerta tip ta' konsultazzjoni, tista' tiġi mitluba, tista' tiġi farmed out. Tista' tiġi minn barra, mhux neċessarjament tiġi mill-kunsill innifsu. Jien kontra li jkollok organizzazzjonijiet jew strutturi li jkunu top heavy ħafna. Jiġifieri jien nemmen li għandek bżonn li jkollok xi tip ta' kunsill, nemmen li dak il-kunsill irid ikollu t-technical team tiegħu, imma mbagħad nemmen ukoll li ċertu xogħol ta' riċerka jista' jiġi farmed out lill-esperti li mhux neċessarjament ikunu mpjegati mal-kunsill.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Nixtieq nagħmel mistoqsija oħra, pero' m'hijiex proprjament indirizzata lil Prof. Wain.
A/CHAIRPERSON: Ma jimportax.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: L-Għan 11 tad-dokument jirrigwarda l-qasam tas-saħħa. Ma jidhirlix li f'dawn il-laqgħat - jien attendejt kull seduta ħlief dik ta' dalgħodu minħabba seminar li kelli - kellna mistiedna mill-qasam tal-promozzjoni tas-saħħa.
Għar-rigward Għan I2: Għarfien akbar ta' Sehem ix-Xjenza u t-Teknoloġija fil-Ħajja ta' Kuljum, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknolġija ...
PROF. KENNETH WAIN: Tawna r-reazzjonijiet tagħhom.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Taw ir-reazzjonijiet tagħhom? Mela mmissjajthom.
PROF. KENNETH WAIN: Ma ġewx hawnhekk, imma ġew ikkonsultati u taw ir-reazzjonijiet tagħhom.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Imma ma ġewx mistiedna għas-seduti tal-kumitat. Ġew mistiedna d-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara ...
A/CHAIRPERSON: Proprjament id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur talbu huma biex jiġu.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Waqt dawn il-laqgħat tkellimna ħafna fuq id-dinja tax-xogħol u f'paġna 15 tal-kurrikulu nsibu riferenza għad-dinja tax-xogħol, pero' mad-dinja tax-xogħol hemm ukoll id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema. Veru li hawnhekk smajna l-president ta' l-MUT, pero' ma smajniex ir-reazzjoni ta' l-MUT f'kontest ta' trade union li se tgħallem id-drittijiet tal-ħaddiema lill-istudenti. Jien naħseb li kien ikun worthwhile li kieku smajna lil xi ħadd mit-trade unions ewlenin ta' pajjiżna. Naħseb kien ikun tajjeb kieku stedinna l-akbar żewġ trade unions f'pajjiżna ħalli naraw x'jaħsbu huma dwar dan.
A/CHAIRPERSON: Nixtieq li nista' nirrispondik, imma jiddispjaċini ...
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO: Għandek raġun, imma naħseb li f'suġġett bħal dan missna smajna wkoll x'jaħsbu r-rappreżentanti tal-ħaddiema u mhux biss x'jaħsbu s-sidien.
A/CHAIRPERSON: Hawn iktar kummenti? Jekk hawn xi ħadd li jixtieq jagħmel xi kumment, he is more than welcome li jagħmlu f'dan l-istadju tad-diskussjoni. Il-Ministru Galea.
ONOR. LOUIS GALEA (Ministru ta' l-Edukazzjoni): Naturalment jien ħadt ħafna gost nisma' tul dawn id-disa' seduti r-rappreżentazzjonijiet kollha li saru u anke l-mistoqsijiet u kummenti tal-membri tal-kumitat. Jien personalment, u żgur li nkun qiegħed nirrifletti s-sentimenti tal-membri kollha tal-kumitat, naħseb li għandna nirringrazzjaw u nfissru l-apprezzament tagħna lil dawk kollha li ħadu l-inkarigu li jiġu u jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom mibnija fuq l-esperjenzi diversi li għaddew minnhom. Naturalment dan huwa tip ta' dokument li tista' ma tieqaf qatt tiddiskutih. Tista' ma tieqaf qatt tisma' lil dawk kollha interessati. L-istakeholders huma s-setturi kollha ta' dan il-pajjiż li huma ħafna. Per eżempju hawnhekk qed nara lill-kollega Edwin Vassallo li ilu jsegwi d-diskussjoni fuq dan id-dokument u attenda għal diversi seduti ta' dan il-kumitat, għaliex l-interess partikolari tiegħu hu kif l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, l-aspett ekonomiku tal-pajjiż, jistgħu jintisġu ħafna iktar flimkien bi frott għal xulxin. Naħseb li dan l-eżerċizzju kompla jurina t-triq li rridu nimxu. Rajna kemm hija triq twila, kemm hija triq komplessa u kemm hija triq li tirrikjedi l-appoġġ kontinwu tal-partijiet kollha involuti. Hawn ħafna x'wieħed jista' jirreaġixxi għal dak li ntqal, pero' xtaqt li nagħmel riflessjoni.
Jien inħoss, u dak li smajt madwar din il-mejda nħoss li jikkonfermah, li fil-qasam ta' l-edukazzjoni qed nagħmlu tentattiv ta' paradigm shift u allura jien ma tantx naqbel ma' min jaħseb li hawn m'aħniex inkunu radikali biżżejjed.
Jekk nieħdu l-ispirtu ta' dak li bnejna flimkien matul ix-xhur u s-snin li għaddew u li llum ġie sintetizzat f'dan id-dokument, naraw li dak li qegħdin nipprovaw infissru huwa partenza radikali mis-sistema edukattiva li aħna mdorrijin biha. Allura jekk qed nitkellmu fuq din it-tip ta' shift radikali mis-sistema li nafu, naħseb li rridu napprezzaw il-kumment li ntqal illum mill-esperti, u li ntqal ukoll mill-kapijiet ta' skejjel u minn persuni oħra, li hawn qed nittrattaw bidla kulturali li tirrikjedi għarfien tal-komplessita' tal-problemi li tippreżenta. U naħseb inkunu sempliċistiċi jekk naħsbu li din il-bidla kulturali tista' titwettaq mil-lum għal għada. Irridu niġu ntrodotti għal din il-bidla kulturali u rridu nidrawha. Kif qal Dr. Carm Borg illum, il-proċess innifsu huwa proprju l-bidu ta' din il-bidla kulturali. Jien naqbel ħafna li issa, wara li tpoġġa l-qafas li jrid jispira lil kull min hu involut fil-kamp ta' l-edukazzjoni dwar id-direzzjoni li rridu nieħdu, irridu ngħaddu għall-implimentazzjoni tiegħu.
Ħalli nitkellem fuq punt li semma llum il-kollega l-Onor. Evarist Bartolo u li sejjaħlu arkitettura ta' l-istituzzjonijiet edukattivi. Naturalment aħna konxji ħafna li f'dan il-kurrikulu qegħdin nippressoponu funzjoni tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li hija radikalment differenti minn dak li għandna llum. Sal-lum, id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kienet ir-regolatur u l-provider tas-servizzi. Kulħadd kien iħares lejn id-dipartiment ta' l-edukazzjoni bħala l-istruttura li mhux biss tirregola x'għandu jsir fil-kamp edukattiv, tgħid x'għandu jsir, tistabbilixxi l-kwalifiki u tistabbilixxi l-istandards, imma kienet ukoll l-istruttura li trid tipprovdi l-iskejjel, l-għalliema u l-finanzjamenti u kienet l-istruttura li trid twettaq dak li hi stess tkun iddeċidiet għax kull min jaħdem f'dan il-kamp, huwa impjegat tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Dan hu l-ikbar dipartiment bl-ikbar numru ta' uffiċjali pubbliċi li hawn fis-servizz pubbliku. Hemm armata nies impjegati mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Id-direzzjoni li aħna qed nindikaw hija li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ma tibqax tipprovdi hi s-servizzi konnessi mat-tagħlim, imma li ssir ir-regolatur, il-pjanifikatur, l-għodda li tkejjel, li tagħmel il-verifika u li tagħmel il-monitoring fuq l-aġenziji li fil-fatt ikunu qed jipprovdu s-servizz tat-tagħlim. Meta ħadna sehem fl-aħħar parti tat-tifsil tal-kurrikulu, Charles Mizzi, Mary Vella, Carm Borg, Kenneth Wain u jien, mill-ewwel ippostulajna li l-iskejjel ta' l-Istat, kif nafuhom illum, ma jistgħux jimplimentaw il-viżjoni li aħna qed inpoġġu quddiem is-soċjeta' tagħna għall-kamp edukattiv. Id-direzzjoni li rridu nieħdu hija d-direzzjoni ta' skejjel awtonomi f'esperjenza edukattiva li diġa' teżisti f'Malta.
Punt ieħor li ma sarx biss illum imma anke f'okkażjonijiet oħra - fil-fatt l-Onor. Bartolo għamel domanda dwar dan - kien għaliex l-iskejjel ta' l-Istat, finanzjati mill-Istat, ma jistgħux jagħtu esperjenza edukattiva bħal dik ta' l-iskejjel tal-knisja li huma wkoll finanzjati mill-Istat. Huwa dan l-ispunt li fil-fatt mexxiena fid-direzzjoni biex aħna ndaħħlu paragrafu li jitlob li tinbeda diskussjoni dwar organizzazzjoni ġdida ta' l-iskejjel u dan proprju biex nipprovaw noħorġu mit-tifsila li għandna sal-lum tat-tliet fażijiet bejn l-edukazzjoni bikrija tal-kinder, dik primarja u dik sekondarja, liema żewġ fażijiet ta' transizjonijiet joħolqu ċerta diffikulta'. Fil-fatt, il-paragrafu li jien ipproponejt kien ħafna iktar speċifiku milli qiegħed issa fid-dokument. Ma baqax daqstant speċifiku għaliex meta bdejna niddiskutu bejnietna, il-parir kien li kieku kellna nissuġġerixxu espliċitament li l-iskejjel ta' l-Istat għandhom jiġu mibdula fi skejjel bħal dawk li llum diġa' jeżistu fostna, skejjel fondazzjonali u skejjel tal-knisja, u din tintqal mingħajr ma wieħed ikun poġġa bażi ta' diskussjoni u ta' djalogu, kien hemm il-preokkupazzjoni li din setgħet tqanqal kontroversja li ma tinftiehemx għax ma jkunx hemm il-preparazzjoni meħtieġa għaliha u allura ridna li aħna nintrabtu li almenu din id-diskussjoni tinbeda biex naraw nistgħux insibu l-formola meħtieġa. M'hemmx dubju li din m'hijiex xi ħaġa faċli. Altru tibni skola ġdida b'dan il-ħsieb f'moħħok, altru skejjel li nbnew għal dan l-iskop minn fondazzjonijiet reliġjużi, u altru l-Istat li diġa' għandu faċilitajiet fiżiċi li huma mfassla skond il-loġika ta' kinder, primarja u sekondarja, ħafna drabi, f'lokalitajiet differenti. M'hijiex faċli tikkoordina l-faċilitajiet fiżiċi eżistenti, il-kapital enormi li diġa' jeżisti, li diġa' ġie investit, u ddawru biex iħaddan fih il-konċett ta' skejjel kif jien u kif donnu ħassejt ilkoll kemm aħna nixtiequ li jkollna. Jien ma naħsibx li t-tifsila tal-faċilitajiet fiżiċi li diġa' jeżistu, filwaqt li tippreżenta d-diffikultajiet tagħha, hija ostaklu assolut biex wieħed ikun jista' jibda jersaq lejn din is-sitwazzjoni. Jien nara din il-kwestjoni bħala waħda mill-punti l-iktar fondamentali għaliex il-prinċipji kollha li għandna hawnhekk, il-kwestjonijiet tal-ġustizzja soċjali, ta' inklużjoni, ta' ekwita' u ta' awtonomija, huma kollha marbuta ma' din it-tifsila. Altru l-awtonomija ta' skola primarja u altru l-awtonomija ta' skola li se teħodlok ħsieb l-esperjenza edukattiva mill-istat bikri u f'ambjent stabbli - fil-kurrikulu ngħidu mingħajr skossi - u f'ambjent li jaħseb għal ċerti affarijiet li jwasslek sal-livell ta' sittax-il sena. Naħseb li dan huwa wieħed mill-ispunti fil-fażi ta' implimentazzjoni, fil-fażi li jmiss ta' strateġija, li wieħed irid jaħseb għalih.
Il-problemi huma kbar. Kieku l-istakeholders kollha huma n-nies madwar din il-mejda, kieku m'għandniex problemi, pero' nafu li l-istakeholders f'dan il-kamp huma varji. Minkejja dak li wieħed kultant jgħid, x'ħin tiġi għas-si u n-no tibda tiltaqa' mad-diffikultajiet. Faċli ngħidu li din hija t-triq l-iktar mixtieqa u t-triq li l-aktar tista' tagħmel il-ġid, imma hu diffiċli meta tiġi biex taġġusta d-drittijiet vestiti li għandhom l-istakeholders kollha f'dan il-kamp għal dik is-sitwazzjoni. Veru, dawn jippreżentaw diffikultajiet kbar, pero' m'għandniex nikkonsidraw li dan għandu jkun l-ostaklu għaliex ma nipproċedux. Hawn fejn naħseb li minkejja l-urġenza, minkejja l-entużjażmu, minkejja x-xewqa, wieħed irid bilfors ikun saqajh fl-art u jgħid li hawnhekk hawn time-frame. Illejla l-Professur Kenneth Wain qalilna - kif qalu diversi preżentaturi oħrajn - li din hija bidla kulturali li tippreżenta diffikultajiet u li tirrikjedi żmien. Fiż-żmien qasir li ili nsegwi dan is-settur, jien dejjem għedt li l-finanzi tal-pajjiż huma problema pero' m'humiex l-ostaklu prinċipali għall-proċess li qegħdin nitħaddtu fuqu hawnhekk. Hemm problemi marbutin ma' trade unions li jirrappreżentaw l-għalliema u l-ħaddiema f'dan is-settur, u biex wieħed jibda jħollhom u jsib is-soluzzjonijiet għalihom, m'hijiex faċli. Faċli tbiddel il-kpiepel, imma mbagħad mhux daqstant faċli li ssarraf u tarmonizza dak li tgħid meta tilbes kpiepel differenti.
Meta niġu għall-fażi ta' l-istrateġija, hu wkoll meħtieġ ħafna konsultazzjoni, djalogu u confidence building measures għaliex naħseb dik hi l-unika triq li nistgħu nieħdu, it-triq it-twila u t-triq li titlob ħafna paċenzja u li titlob ħafna informazzjoni. Waħda mill-problemi li kultant niltaqgħu magħha u ġieli nbati minnha jien personalment, hija li meta ma tkunx informat, tibda tagħmel ġudizzji li m'humiex bażati, tagħmel statements li ma jkollhomx bażi tajba biżżejjed. Meta tiġi biex iċċaqlaq pożizzjonijiet vestiti fejn hemm drittijiet vestiti, il-ġustifikazzjoni taċ-ċaqliqa tkun tirrikjedi l-fatti l-iktar ċari u għalhekk l-importanza kbira tar-riċerka.
Ftit ta' żmien ilu, fil-ministeru bdejna nitħaddtu l-punt li għamel Dr. Carm Borg dalgħodu li minn kmieni nidħlu f'diskussjoni mal-fakulta' u ma' l-istudenti fil-fakulta' biex naraw liema huma dawk l-issues ta' relevanza kbira li għandna, kemm fuq bażi macro u kemm fuq bażi micro, li jirrikjedu li jiġu riċerkati u għandna niftiehmu biex napplikaw l-imħuħ ta' l-istudenti taħt is-superviżjoni tal-professuri u l-lecturers tagħhom biex dawn l-issues ikunu jistgħu jiġu riċerkati. Jien nara dan il-proċess u ngħid li bdejna u bdejna mhux issa, għax il-proċess ilu ċertu żmien li nbeda. Hemm ċaqlieq biex l-istruttura tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tinbidel. L-istruttura tad-diviżjoni ma tistax tgħin l-implimentazzjoni ta' dan il-kurrikulu jekk tibqa' kif inhi. Kulmin jafna, jaf li aħna għandna ċirku vizzjuż ta' crisis management; kulħadd jipprova jitfi n-nar, fire fighting il-ħin kollu. Għal raġunijiet storiċi u għal ħafna raġunijiet differenti, mhux biss fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni imma naħseb f'ħafna dipartimenti oħrajn, ma nbnitx il-kultura ta' management tajjeb, ta' management li huwa smooth, li huwa proattiv, li għandu l-kapaċita' jippjana tajjeb. Naħseb irridu napprezzaw li l-idea ta' business plans f'dipartimenti tal-gvern hija idea ħafna riċenti u fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, taħt il-kappa tal-ministeru, twaqqaf office of review li waħda mill-funzjonijiet tiegħu hija proprju li ġġib ir-restructuring fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, anke biex ikun hemm id-diversi strutturi li rridu nitkellmu fuqhom.
Hemm ħafna punti li wieħed jista' jikkummenta fuqhom, pero' nieqaf hawnhekk u nittama li issa ssir l-evalwazzjoni ta' dak kollu li ntqal f'dan il-kumitat biex inkunu nistgħu naraw jekk hemmx affarijiet li għandhom jinsiltu ħalli jkunu riflessi fid-dokument li jrid jiġi pubblikat kemm jista' jkun malajr.
A/CHAIRPERSON: Grazzi. F'isem iċ-chairperson l-Onor. Helena D'Amato li bħalissa tinsab imsiefra, u f'isem il-membri kollha tal-kumitat, nirringrazzja kulmin ta kontribut biex jitfassal l-abbozz tal-kurrikulu u nirringrazzja kulmin ġie hawnhekk u pparteċipa fid-diskussjoni.
Fid-9.00 p.m. il-Kumitat ikkonkluda d-diskussjoni fuq l-abbozz finali tal-kurrikulu minimu nazzjonali u aġġorna għal data li kellha tiġi komunikata aktar 'il quddiem.