AVUKAT VICTOR BUGEJA (Rappreżentant ta’ diversi residenti ta’ Ħal Mula): Kif diġà ntqal, 20 sena ilu din iż-żona bdiet bħala casa bottega, però minn dak iż-żmien ‘il hawn kulħadd jaf u jirrikonoxxi li l-attività industrijali eskalat b’mod u manjiera li dak li oriġinarjament kien intenzjonat li jkun casa bottega, illum spiċċa b’entitajiet joperaw minn hemmhekk mingħajr m’għandhom residenzi fuqhom. Allura hija ħaġa naturali li din tagħti lok għal diversi kunflitti għax kulħadd ikollu l-interessi partikolari tiegħu. Naturalment, l-interessi ta’ dawk li m’għandhomx residenza hemmhekk jistgħu jkunu diversi minn dawk li għandhom il-bottegin u r-residenza hemmhekk, u allura kapaċi huma stess iżommu l-bilanċ bejn li tkun resident u li tkun operatur.
Kif diġà smajna, l-entitajiet kollha qalu li m’għandhomx il-manpower biżżejjed biex jaħdmu, u allura la m’għandhomx dan il-manpower, il-verità hi li m’hemmx enforcement. Huwa tajjeb li jsiru s-suġġerimenti, u anke aħna għandna suġġerimenti x’nagħmlu, però l-ewwel ma rridu, biex inkunu fair ueffettivi magħna nfusna, huwa li nidentifikaw x’inhi l-problema, għax jekk ma nagħmlux hekk, dak li qed jissuġġerixxu li jsir l-entitajiet governattivi, kif ukoll dak li se nkunu qegħdin nissuġġerixxu aħna, ikun barra l-kuntest u ma jinftehimx. Ħalli nibda mill-pożizzjoni tal-Gvern.
Il-Gvern qiegħed jirrikonoxxi li f’Ħal Mula s-sitwazzjoni tant eskalat li llum hija kaotika, u huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li dan il-Kumitat qed jindirizza din il-kwestjoni, però li l-Gvern jgħid li sakemm tinbidel il-policy, il-permessi se jibqgħu ħerġin – din hija d-dikjarazzjoni li għamel l-Eżekuttiv u kkondividiha llum iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PA –... Mela qed ngħidu li għandna problema, qed nirrikonoxxu li din il-problema hija kbira għax eskalat, m’għandniex enforcement, għandna l-entitajiet governattivi kollha qed jgħidu li m’għandhomx il-manpower biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, qed nagħmlu l-effort tagħna, ġie s-Supretendent u qal li f’sena ta 57 ċitazzjoni – kien hemm xi ħadd ħdejja li qalli li dawk missu tahom kuljum –... Jien ma dħaltx fl-istorja ta’ dawn il-problemi llum. Fil-fatt l-ewwel darba li kellmuni r-residenti ta’ Ħal Mula kien, bejn wieħed u ieħor, 20 sena ilu. Dakinhar niftakarni mmur hemmhekk niltaqa’ mar-residenti li kienu diġà qed jilmentaw li s-sitwazzjoni qed tiddeġenera. Meta għandna sitwazzjoni li ħallejniha tiddeġenera għal 20 sena, imbagħad ikollna l-Eżekuttiv jgħid li se nagħmlu effort, però fl-istess nifs jgħid li se nħallu kollox għaddej għax il-liġi hi dik li hi... Jien naħseb li l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba għandu jkun li nissospendu l-permessi ħalli nkunu nistgħu nagħmlu stocktake tal-problema, imbagħad wara li nifhmu eżattament x’inhi l-problema naraw kif għandna nindirizzawha.
Kif intqal tajjeb illum minn diversi kelliema, one of the major issues li hemm hemmhekk hija l-problema tal-enforcement. L-enforcement u l-problemi li hemm hemmhekk mhumiex biss fir-rigward tal-parkeġġi, tal-ingombru, tal-ħmieġ, tal-istorbju, tan-noise pollution u pollutants oħrajn li qed jiġġeneraw u jintefgħu fl-arja, imma hemm ukoll sitwazzjoni fejn hemm min qed jargumenta li hu m’għandux limitazzjoni ta’ ħin meta jopera l-attività tiegħu. Hemm min – fil-fehma tiegħi bl-aktar mod abbużiv – qiegħed jopera wara ċerti ħinijiet, sa tard bil-lejl, u saħansitra anke nhar ta’ Ħadd. Hawnhekk għandna industrija li qiegħda qalb ir-residenti, u tajjeb jew ħażin, a contrario senso, hemm ir-residenti qalb l-industrija.
Il-pożizzjoni tagħna hi l-pożizzjoni tal-kompromess. Meta kellmuni r-residenti u jien ippruvajt nanalizza s-sitwazzjoni kif inhi llum, rajt li kenitx se tkun an easy task għal xi ħadd li jsib soluzzjoni għas-sitwazzjoni mgerfxa li hemm f’Ħal Mula, però naħseb li għandu jkun hemm żewġ binarji li rridu nimxu magħhom; dak tal-kompromess fejn nużaw il-bonsens, u dak tal-enforcement. Sfortunatament mhux kulħadd jaderixxi mal-liġi, abbużi jsiru kuljum bl-aktar mod flagranti u l-awtoritajiet u d-dipartimenti konċernati għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Nhar il-Ħadd kont qed nitkellem ma’ xi klijenti dwar din il-kwestjoni u kien hemm min qalli li għamel ħafna lmenti u ċempel ħafna drabi l-għassa, imma by the time li jmorru l-Pulizija, min ikun qed jikser il-liġi jneħħi kollox. Veru li l-Pulizija għandhom il-limitazzjonijiet, però imbagħad għandek ukoll pulizija – u din nafuha wkoll – li jċemplu lill-operaturi u jgħidulhom biex ineħħu għax għandhom rapport u kienu se jmorru fuq il-post. Din smajniha diversi drabi. Jiġifieri s-serjetà għall-enforcement trid tiġi minn kull naħa. Min suppost qiegħed hemm biex jagħmel l-enforcement irid jagħmel l-enforcement u mhux inkellmu lil dak li jkun bil-kelma t-tajba; tkellmu bil-kelma t-tajba darba, tnejn, tlieta, imma mhux aktar. Smajna lill-Onor. Farrugia jgħid li kien hemm min kellu l-ardir ikellmu ħażin. Jiġifieri dan Deputat tal-poplu u tabib qed jiġbed l-attenzjoni lil min qed jikser il-liġi, u jkellmu ħażin! U jkellem ħażin lil Deputat tal-poplu, aħseb u ara x’jagħmel mar-residenti!
Ir-residenti, tajjeb jew ħażin, għandhom ir-residenza tagħhom hemm, ċerti industriji żviluppaw u stabbilixxew l-industrija tagħhom hemm, però kull min qed jopera jrid ikollu permess għax ħafna minnhom, jew għandhom permess neither here nor there, jew inkella adirittura m’għandhomx permess. U qed isir eżerċizzju biex min m’għandux permess jottempora ruħu, u meta jiġri hekk inkunu qed nimminaw aħna stess dak li dan il-Kumitat għandu jagħmel, jiġifieri li jistudja l-problema, jirregolarizza, u jara the way forward. Jekk in the first place qed tirrikonoxxi li għandek problema, tkompli toħroġ il-permessi għall-industrija b’mod indiskriminat, imbagħad naraw? U jekk ma niftehmux x’se jiġri? Se nkomplu ngħaffġu? Jekk kif qal iċ-Chairman tal-PA, din il-kwestjoni tiġi riżolta s-sena d-dieħla, fil-ġirja li qegħdin fiha għall-elezzjoni, kemm se jinħarġu permessi? Kemm se nikkumplikaw aktar ħajjitna? Mhux ħajti għax jien ma noqgħodx hemm, imma ħajjet ir-residenti li joqogħdu hemm. Jien nistieden lill-Eżekuttiv li jekk verament iridu li tissolva din il-problema, li sfortunatament ikolli ngħid il-politiċi wassluna fiha, irid ikun hemm commitment u ngħidu “issa daqshekk”, naraw kif naqbdu l-barri minn qrunu u nindirizzaw verament il-problema. Dak huwa l-ewwel suġġeriment kardinali għax altrimenti qed ngħaddu n-nies biż-żmien.
Dan l-aħħar kelli l-opportunità mmur il-PA niċċalinġja applikazzjoni, u ninsab infurmat li bħalissa għaddejja ġirja biex min mhux qiegħed sew nirranġawlu għax issa ċ-ċans għax malli jgħaddu r-regolamenti, imbagħad bye bye. Ma naħsibx li dan huwa sew. Dan huwa insult għall-intelliġenza tar-residenti kollha li huma in bona fede f’Ħal Mula.
Dwar il-kwestjoni tal-parkeġġ issemmew parking spaces u ħinijiet u one-way system. Jien inżid, pereżempju, l-introduzzjoni tal-arloġġ jew il-parkeġġ riżervat għar-residenti f’ċerti akkwati. (Interruzzjonijiet)