SUR CLIVE TONNA: Kif diġà għedt, il-Public Health Act jagħtina l-fakultà li nieħdu azzjoni, kemm jekk dak li jkun ikollu permess kif ukoll jekk ma jkollux permess. Jiġifieri anke jekk ikun qed jimxi mat-trading licence tiegħu però aħna ninnutaw li qed joħloq dannu lil xi residenti fil-viċin, nistgħu nieħdu passi.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jekk fhimt tajjeb, intom tirreaġixxu jekk ikun hemm ilment. Bħala prevenzjoni, tmorru tiċċekkjaw li l-istandards li intom ħriġtu liċenzja fuqhom qegħdin fil-fatt jinżammu? Jekk tirreaġixxu fuq ilment biss, allura għandna problema, għax kif qal l-Onor. Farrugia, ħafna nies jaqtgħu qalbhom fejn tidħol il-qorti għax, kif nafu, meta xi ħaġa tmur il-qorti, tilħaq tmut u tifga u jaqbdek cancer għax tinqata’ nell’anno mai. Qed insemmi dawn l-affarijiet għax jekk se nagħmlu pjan alternattiv, dawn l-affarijiet iridu jittieħdu inkonsiderazzjoni, u ċioè li jkun hemm il-prevenzjoni, jiġifieri li liċenzja tiġi mġedda biss jekk dak li jkun ikun qed iżomm mal-istandards mitluba minnu, u dan mhux għar-residenti biss imma anke għall-ħaddiema stess u għall-industrijalisti tal-madwar.