ASSISTENT KUMMISSARJU MARTIN SAMMUT: Jiena inkarigat mill-għases.
THE CHAIR: Tistgħu tagħtuna overview tal-problemi li tiffaċċjaw fuq din iż-żona partikolari ta’ Ħal Mula u x’infurzar tagħmlu?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Il-problema f’din iż-żona hija li għalkemm ix-xogħol isir, l-infurzar ma jidhirx. Qed ngħid hekk għax meta l-Pulizija tmur u tħarrek lin-nies, ma noqogħdux indoqqu trumbetti u ma noqogħdux noħorġu press releases biex ngħidu kemm inkunu ħarrikna nies. Meta jkun hemm affarijiet ta’ ingombru, naraw kif nistgħu nneħħuhom; mhux neċessarjament niġbduhom imma nsibu lill-persuna u tneħħihom minn hemmhekk. Meta nerġgħu mmorru fi ġranet oħrajn u f’ħinijiet differenti, in-nies jinbidlu u l-problema terġa’ tinqala’. Ħalli nitkellem ftit fuq il-problema tal-ingombru.
Bħalissa fi Triq Lucas Garnier hemm kiosk fuq il-ġebel, u l-Puliizja għamlet is-sign biex fiż-żmien li tajnihom, jekk ma jitneħħiex, inneħħuh aħna. Ir-responsabilità biex jitneħħew oġġetti ta’ ngombru, bħal derelict vehicles, skips mitluqin bla permess, u kwalunkwe oġġett ieħor li jkun qed jingombra, qiegħda f’idejn il-Pulizija, f’idejn TM u f’idejn il-kunsill lokali; nikkoperaw bejnietna u fejn nistgħu nsibu min hu l-individwu ħalli l-ingombru jitneħħa mill-aktar fis, u fejn le, inwaħħlu sinjal bit-terminu taż-żmien, u kif jaqbeż it-terminu naraw li nneħħuh aħna minn hemmhekk.
Rigward l-infurzar ta’ parking, nafu li hemmhekk hemm problema, li wkoll hija responsabilità tal-Pulizija, ta’ TM u tal-wardens. Is-sena l-oħra biss, fi Triq Luret Cutajar inħarġu 59 ticket, u dan minbarra l-karozzi li nċaqilqu mingħajr ma noħorġu ticket, fis-sens li jkun hemm persuna fil-karozza u ngħidulha biex timxi. (Interruzzjonijiet) Imma tridu żżommu f’moħħkom li l-Pulizija għandhom żona ferm ikbar x’jikkontollaw, u bħal din iż-żona għandna oħrajn li għandhom problemi simili, bħall-Ħandaq, in-naħa tal-wied ta’ Ħal Qormi, u n-naħa tal-Imrieħel. L-istess problemi li qed jiffaċċjaw in-nies ta’ din iż-żona – u jien nifhimhom u nissimpatizza magħhom – qed jiffaċċjaw in-nies ta’ dawn iż-żoni li semmejt. Il-Pulizija ma tistax tibqa’ disentu hemmhekk – jekk tkun disentu hemmhekk, 59 ticket nagħtuhom f’ġurnata jew f’siegħa! – imma hemm bżonn li nsibu soluzzjoni għal din il-problema.
Min-naħa tagħna aħna qed ngħidu li hemm bżonn ta’ linji gwida dwar kif in-nies għandhom jipparkjaw f’din iż-żona, u ċioè li jkun hemm, kif hemm f’ħafna postijiet madwar Malta, sinjali mal-art li jagħtu indikazzjoni lin-nies fejn jistgħu jipparkjaw. M’iniex qed ngħid li dawn se jsolvulna l-problema, imma jistgħu jtaffuha. Jien darba qrajt il-ktieb “The Broken Window Theory” fejn jingħad kif post li jkollu tieqa waħda mkissra, se jkompli jitkisser, mentri jekk dik it-tieqa tissewwa, il-ħġieġ l-ieħor forsi ma jibqax jitkisser. Li qed ngħid hu li jekk ikun hemm sinjali mal-art, lil dak li jkun tħajru jipparkja tajjeb, u jekk jipparkja quddiem garaxx, hu se jħoss li qiegħed ipparkjat ħażin għax ma jkunx qiegħed fil-kaxxa l-bajda. F’sezzjoni ta’ brainstorming li għamilna mal-kunsill lokali konna ssuġġerejna – jista’ jkun li forsi hawn ħafna li ma jaqblux magħna – li t-triq li tidħol għaliha minn Triq Luret Cutajar għal Triq Angelo Melilli, Triq l-Għarram u finalment toħroġ minn Triq l-Imdina, tiġi one way. Qed nistaqsu jekk huwiex possibbli li naħa minnhom tiġi fishtail ħalli b’hekk indaħħlu iżjed parking spaces. Jekk din it-triq nagħmluha one way, min jipparkja ħażin in-naħa l-oħra, se jimblokka t-triq u allura bilfors ikollu jsuq minn hemmhekk. Aħna qegħdin nissuġġerixxu li wieħed jara jekk huwiex possibbli li fuq in-naħa Ta’ Ċikka Bar isir fishtail parking ħalli nżidu l-parkeġġi, u anke titħaddem sistema ta’ one way fejn il-karozzi jidħlu minn Triq il-Poeta Nazzjonali għal Triq Luret Cutajar, għal Triq Angelo Melilli, għal Triq Għarram u joħorġu minn Triq l-Imdina. Permezz ta’ hekk, minbarra li nkunu żidna ftit il-parking spaces, ikollna sistema fejn il-karozzi jimxu f’direzzjoni waħda u b’hekk innaqqsu l-istorbju tal-karozzi għaddejjin. Irrid ngħid li aħna m’aħniex l-awtorità responsabbli mill-immarkar tal-kaxxi mal-art; għamilna s-suġġeriment u issa nimxu minn hemmhekk.
Fl-aħħar nett irrid ngħid li jien smajt xi ntqal fil-laqgħa ta’ dan il-Kumitat li saret il-ġimgħa l-oħra fejn kien hawn min qal li seta’ ma kienx hemm response tajjeb minn ċerti entitajiet. Jien nitlob sabiex min iċempel biex jagħmel ilment, jistaqsi ma’ min qed jitkellem ħalli jekk ikun hemm persuna li ma tkunx taf titkellem, dan jasal għall-attenzjoni tagħna u jien ngħallimha kif għandha titkellem.