THE CHAIR: Nirringrazzjak. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Nirringrazzjak, Supretendent, u ħadt pjaċir nisma’ li ġejt b’soluzzjoni li jekk tiġi studjata tista’ ttaffi mill-problema akuta li hemm, kemm tat-traffiku kif ukoll tal-parkeġġ. Semmejt il-gabbana, li forsi hija oġġett uniku għax mhux is-soltu, imma problema aktar komuni hija dik li jkun hemm ammont kbir ta’ karozzi għat-tiswija li jdumu fl-istess triq għal tul ta’ żmien, anke mingħajr magna. Daqs tliet kwarti ilu għaddejt minn Triq Luret Cutajar, għax kelli vista f’dawk l-inħawi, u bħas-soltu kien hemm, mhux double parking, imma quadruple parking, li biex jgħaddu l-karozzi miż-żewġ naħat iridu jsibu spazju ħalli jkunu jistgħu jgħaddu nkaxxati bejn il-quadruple parking. Din hija xi ħaġa ta’ kuljum.
Problema oħra li hemm hija l-ħatt tat-trailers. Hemm ċerti ażjendi li jġibu l-merkanzija tagħhom permezz ta’ trailers u dawn iridu jinħattu fi Triq Luret Cutajar. Din il-ġimgħa wkoll kont għaddej minn din it-triq – jien niffrekwenta t-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ il-ħin kollu u naħseb li qiegħed on patrol aktar mill-Pulizija! – u rajt trailer qed jinħatt u fl-istess ħin b’double parking fit-triq. Jistgħu forsi t-trailers jingħataw ħinijiet speċifiċi li fihom jistgħu jħottu biex b’hekk ma joħolqux konġestjoni? Hawnhekk nindirizza indirettament lill-industrijalisti preżenti. Jistgħu, pereżempju, jaraw li jagħmlu skeda meta għandhom iġibu l-karozzi minflok iġibuhom kollha f’daqqa u joħolqu konġestjoni, għalihom stess, għall-industrijalisti sħabhom tal-madwar, u anke għar-residenti? Jien naħseb li b’daqsxejn ta’ ħsieb kulħadd jista’ jinqeda u fl-istess ħin nippruvaw insolvu s-sitwazzjoni. Nemmen li 59 tickets f’sena huma ftit f’post fejn l-iskorrettezza min-naħa tal-bon ordni hija rampanti.