ONOR. RYAN CALLUS:L-ewwel nett, nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom u ningħaqad mal-Onor. Godfrey Farrugia fejn qal li ġejtu bil-proposti; fl-aħħar mill-aħħar qegħdin hawnhekk biex nindirizzaw l-affarijiet u nagħmluhom għall-aħjar. Għar-rigward is-sinjali tal-parkeġġ, irrid ngħid li hemm postijiet fejn ma jkunx hemm bżonnhom għax in-nies jirregolaw lilhom infushom u allura tgħaddi mingħajrhom, però nifhem li f’din iż-żona, fejn hawn kontinwament diżgwid bejn ir-residenti u n-negozjanti, il-parkeġġ huwa problema. Jista’ jkun minnu wkoll li meta ddaħħal is-sinjali tal-parkeġġ jipparkjaw inqas nies milli kieku ma jkunx hemm sinjali għax b’xi mod in-nies huma aktar kreattivi fil-mod kif jipparkjaw. Intom ġieli ddiskutejtu dan mal-kunsill lokali? Kien hemm xi reżistenza min-naħa tal-kunsill lokali biex dawn is-sinjali mal-art ma jsirux? Qed nistaqsi dan għax illum għandna din is-sitwazzjoni u anke jekk dan il-pjan li qed jiġi propost ma jiġix applikat, naħseb li għandna nieħdu din l-opportunità biex nindirizzaw numru ta’ affarijiet ħalli l-istakeholders kollha jkunu jistgħu jiġu mismugħa.