Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 478,46 Kb.
səhifə4/9
tarix03.08.2018
ölçüsü478,46 Kb.
#66972
1   2   3   4   5   6   7   8   9

THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Marlene Pullicino.
ONOR. MARLENE PULLICINO: Sur President, jien persuna li fil-ħajja u f’kull sitwazzjoni nipprova nsib dak li hu tajjeb, dak li hu pożittiv u dak li jagħmilli kuraġġ. Meta smajt id-diskors tal-Prim Ministru Gonzi aktar kmieni din il-ġimgħa pprovajt nagħmel hekk ukoll. Fraħt qatigħ bit-ton pożittiv li beda bih fejn ħabbar aktar investiment f’pajjiżna. Wara kollox aħna ġid irridu, ġid għall-familji tagħna, dinjità u xogħol. Iżda mbagħad meta l-Prim Ministru kompla d-diskors tiegħu ddiżappuntani ħafna għax waqa’ ħafna fil-baxx meta rrifera għall-oppożizzjoni bil-kelma dispreġjativa “jaqq”. Jien ma naħsibx li qatt kien hawn xi ħadd baxx biżżejjed f’dan il-parlament li jasal biex juża din il-kelma.
Imma l-istil teatrali impekkabbli li juża biex iqarraq bil-poplu, stil li jixraqlu l-akbar Oscar, reġa’ wżah f’dan il-budget biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ ħila tal-gvern tiegħu biex jindirizza s-settur tal-enerġija u l-utilitajiet f’pajjiżna. Issa ta’ min jgħid li ma’ dan is-settur jorbot kważi kollox; is-saħħa, l-ambjent, it-turiżmu u l-aktar l-ekonomija kollha tal-pajjiż li mbagħad tiddetta l-livell tal-għajxien tagħna lkoll. Sur President, minkejja d-dispjaċir li jġibli t-tgħajjir xorta se nobdi lill-Onor. Gonzi u se niġġudikah u nwieġeb fuq dak li għamel biss u mhux fuq dak li jgħid. Dan se nagħmlu għax tiġi mgħajjar kemm tiġi mgħajjar, kif għallimni l-Prim Ministru ta’ qablu, is-sewwa jirbaħ żgur u dan diġà ntwera fl-aħħar elezzjonijiet nazzjonali li kien hawn meta l-partit fil-gvern sofra l-akbar tkaxkira f’20 sena u l-mexxej żagħżugħ tagħna, li tant ġie mgħajjar, ingħata l-akbar sinjal li l-poplu qed jirrikonoxxi ħidmietu.
Sur President, il-gvern ippubblika l-pjan tiegħu għat-tqassim tal-finanzi tal-pajjiż li hu d-dokument tal-budget. Kull kumpanija, kull negozju, kull familja u kull individwu jkun jixtieq jagħmel l-istess f’dan iż-żmien meta s-sena tkun qed tasal fi tmiemha. Fuq id-dħul proġettat wieħed jaħseb kif se jqassam il-finanzi, jippjana t-tkabbir jew l-investiment f’każ ta’ negozju jew jippjana l-ħajja f’każ ta’ familja jew individwu. L-akbar uġigħ ta’ ras tal-gvern bħas-snin li għaddew u aktar u aktar fis-snin li ġejjin hija n-nefqa fuq l-enerġija li żżomm il-pajjiż għaddej f’kull livell. Kollox jiddependi fuq l-għaqal tal-gvern ta’ kif jippjana u juża dawn ir-riżorsi prezzjużi li huma d-dawl u l-ilma. Fl-istess waqt l-akbar taħbil il-moħħ għall-individwi, il-familji u n-negozji huwa kemm se jiklilhom mill-introjtu totali tagħhom dan is-servizz u jekk humiex se jkampaw mal-ispejjeż.
Sur President, bħal-lum sena esprimejna l-għadab tagħna fuq din in-naħa tal-Kamra għax it-tariffi tad-dawl u l-ilma ġew introdotti ħesrem mill-1 ta’ Ottubru kontra r-rieda tal-oppożizzjoni, tal-korpi kostitwiti u tal-unions kollha. Din is-sena għandna xenarju differenti imma sfortunatament daqstant dgħajjef għax joħloq inċertezza fil-pajjiż fi żmien meta n-negozju għandu bżonn stabilità u serħan il-moħħ biex forsi jiċċaqlaq u ddur ir-rota. Il-gvern għażel li lill-poplu ma jgħidlux x’se jkunu dawn it-tariffi. Jekk il-poplu ma jafx fejn se jkun mill-1 ta’ Jannar se tkun iebsa għalih biex jagħmel il-budget tiegħu, iebsa biex jonfoq kif jixtieq f’dawn il-ġranet ta’ festi li ġejjin, li huma l-aħjar staġun mil-lat ta’ negozju. Meta wieħed jistaqsi x’se jkunu t-tariffi l-gvern jgħidlek li d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tat-tariffi hija f’idejn l-MRA għax hija din l-awtorità li tanalizza t-tariffi proposti. Mela l-gvern iwaħħal fl-MRA u l-MRA twaħħal fl-Enemalta li nafu li l-policy tal-Enemalta hija dettata ftit jew wisq mill-gvern u sfortunatament il-poplu jinsab fil-għama ta’ kemm se jkunu t-tariffi l-ġodda tal-utilitajiet bir-riżultat li x-xokk li kellna s-sena l-oħra, li nħass mill-ekonomija tagħna din is-sena, inbidel f’inċertezza u biża’ li sfortunatament lanqas tagħmel tajjeb biex ir-rota tibqa’ ddur għal kulħadd.

Sur President, punt li jerġa’ jispikka f’dan is-settur din is-sena aktar mis-sena l-oħra hu li d-dipendenza tagħna għadha kif kienet, jiġifieri totalment fuq il-fossil fuels li l-prezz tagħhom kien volatili, għadu volatili u jibqa’ hekk. U diment li aħna nibqgħu niddependu tant bis-saħħa fuqhom nistennew fluctuations il-ħin kollu fl-istil tal-ħajja tagħna minħabba l-prezzijiet tal-utilitajiet. Hawn ta’ min jgħid ukoll li minbarra din il-problema ta’ instabilità tal-prezz nafu li l-użu tal-fossil fuels iħammeġ l-arja. Minbarra d-dannu għas-saħħa tal-bniedem u deterjorament tal-ambjent fuq livell globali l-użu ta’ fossil fuels jikkontribwixxi b’mod negattiv fuq it-tibdil fil-klima, problema li rridu u ma rridux se jkollna nħabbtu wiċċna magħha fis-snin li qed ngħixu u fis-snin li ġejjin. M’għandniex noqogħdu ngħidu għax aħna żgħar u mhux żgħar u għax l-effett ta’ ħaddieħor huwa ikbar minn tagħna. Aħna pajjiż bħal ħaddieħor fid-dinja u rridu nagħtu l-kontribut tagħna daqs ħaddieħor jekk irridu noħorġu ta’ rġiel mal-kumplament tal-komunità dinjija.


Sur President, minkejja dan kollu, mhux talli l-gvern m’avvanzax f’dak li kellu jkun is-soġġorn tagħna għall-użu aktar ta’ enerġija alternattiva u nadifa biex forsi nilħqu l-livelli mistennija minna bħala pajjiż tal-Unjoni Ewropea sal-2015, talli injora l-pjan ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku 2006/2015 li kien ħareġ hu stess. Dan għamlu billi fl-ewwel ċans ta’ investiment kbir li kellu jsir f’dan il-qasam jiġifieri fejn tidħol ġenerazzjoni tal-elettriku, minflok għażel turbini li jaħdmu bil-gass kif kien wiegħed f’dan l-istess pjan – kulħadd jaqbel li l-gass huwa sors aktar nadif u li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent - il-gvern bidel il-liġi biex iqanna lill-poplu b’makkinarju jaħdem bid-diesel. Dan forsi veru jiswa inqas fix-xiri tiegħu iżda meta jqis in-nefqa għat-tindif tal-arja, in-nefqa għar-rimi tal-hazardous waste li jipproduċi bit-tunnellati kuljum kif ukoll in-nefqa għall-kura tas-saħħa wieħed żgur li ma jiġġustifikax din l-għażla stramba tal-gvern. Din m’hi xejn ħlief U-turn fil-politika tiegħu f’dan ir-rigward.
Sur President, lili jaqbadni d-daħk u fl-istess ħin il-biki meta nisma’ lill-Prim Ministru jwiddeb lill-poplu biex flimkien naraw kif nagħmlu ħalli nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju biex ma niġux bżonn carbon credit anzi forsi jkollna ż-żejjed biex inpoġġuhom fuq is-suq. Wara dan il-kliem ma kontx nistenna li jawtorizza xiri ta’ impjant skadut fil-kredenzjali ambjentali tiegħu. Jien ma nistax nifhem kif il-Prim Ministru ma jistħix jitkellem fuq it-tibdil fil-klima qisu xi paladin tal-ambjent meta pajjiżna, li huwa mogħni b’tant xemx, dawl u riħ tħalla tant nieqes mill-implimentazzjoni tal-istrateġija għal użu ta’ dawn ir-riżorsi prezzjużi u mbagħad idaħħalek impjant bħal dan kontra l-kunsens ta’ kulħadd. Taħt it-tmexxija tiegħu jidher ċar li l-pjan biex verament inġibu lil pajjiżna ‘l quddiem f’dak li huwa użu ta’ enerġija nadifa huwa pjan li se jibqa’ biss pjan. Bħal-lum sena, per eżempju, kienu qegħdin jissemmew ħafna l-wind farms. Kien hemm argumenti dwar fejn se jsiru u dwar studji imma issa donnu reġa’ miet kollox fuq ommu. Tisma’ membri tal-gvern anke fuq it-televiżjoni jgħidulek li qatt ma kien hemm pjani li se jsiru hemm u li huma ma jafux. Aħna hawn barra nħarsu lejn il-gvern u lejn il-Kabinett bit-tama li xi darba jkollna soluzzjonijiet ambjentali li jixirqu lil pajjiżna.
Sur President, kif narahom jien l-affarijiet jidher li qed nitfgħu t-tama tagħna kollha fuq il-cable connector bejn Malta u Sqallija li meta jimmaterjalizza ruħu żgur li se jkun utli u żgur li se jgħin, imma jekk nibqgħu nimxu bir-rata li miexi biha dan il-gvern jinħolquli d-dubji tiegħi jekk qattx se jsir realtà. Xtaqt nagħmel ukoll punt fuq il-makkinarju li ntgħażel biex ikompli jżid il-ġenerazzjoni f’Delimara. Nispera li dan it-tip ta’ impjant huwa tali li għallinqas ikun jista’ jvarja l-produzzjoni u ġenerazzjoni skont id-domanda. Rigward l-ismart meters ngħid li dawn ilhom jiġu mwiegħda minn sena għal oħra. Issa qed ngħidu li se jkun hemm 2,500 smart meter stallati u permezz tagħhom forsi nkunu nistgħu niċċarġjaw tariffi differenti għal ħinijiet differenti tal-ġurnata. B’dan il-mod il-produzzjoni li tkun qed tiġi prodotta tintuża kollha u l-effiċjenza tiżdied. Dan qed ngħidu forsi xi darba nnaqqsu l-ineffiċjenzi li qed ngħabbu l-poplu Malti bihom.

F’dan il-kontest u oħrajn hija ħasra u tal-mistħija li f’rapport imsejjaħ “Impacts of Europe’s Changing Climate” tal-European Environment Agency, din l-istess aġenzija stqarret li filwaqt li l-Mediterran huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, Malta ma rnexxilhiex tħejji pjan fuq l-impatt tat-tibdil fil-klima. Ma rnexxilhiex tħejji pjan fuq l-impatt tat-tibdil aħseb u ara kemm ħejjiet pjan fuq il-mitigazzjoni tal-effett ta’ dan it-tibdil. Naħseb li s’issa ħafna huma dawk li jafu li aktar ma togħla t-temperatura fil-Mediterran aktar se jkollna nonfqu fuq l-enerġija bejn biex inkessħu d-djar u l-ambjent tagħna u biex nipproduċu aktar ilma u elf ħaġa oħra. Nafu wkoll it-tibdil fil-klima x’effett drastiku negattiv jista’ jkollu fuq it-turiżmu tagħna li sal-lum għadu earmarked biex ikun l-aktar fis-sajf. Dan meta t-temperatura l-aktar li se togħla hija bejn Ġunju u Awissu meta t-turiżmu tagħna jilħaq livelli peak. Hawnhekk wieħed qed jitkellem dwar sinsla ta’ industrija Maltija li tista’ tiġi mhedda mit-tibdil fil-klima. Minkejja dan il-European Environment Agency mhux talli qalet li l-gvern Malti ma ħejjiex pjan biex jindirizza dawn il-problemi talli lanqas jaf kif se jindirizza l-mitigazzjoni ta’ dawn l-istess problemi.


Jien naħseb li kulħadd jaf li l-water-table tagħna diġà qiegħda f’periklu aħseb u ara kemm se tkun aktar f’periklu meta t-temperatura togħla, tiżdied in-nixfa u l-konsum tal-ilma se jiżdied drastikament. Il-gvern minkejja li jaf b’dan, għadu ma organizzax sistema biex l-ilma tat-tieni klassi li jipproduċu l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ jintuża mill-bdiewa biex isaqqu l-uċuħ tar-raba’. Bil-profitt marġinali kważi ineżistenti li għandhom il-bdiewa Maltin u Għawdxin ma jistgħu qatt jixtru l-ilma li jsaqqu bih, ġaladarba l-ilma tal-pjan irid jiġi protett minnufih. Biex inkunu within European levels il-bdiewa jeħtieġu jingħataw alternattiva li diġà teżisti u mhijiex tintuża għax dan l-ilma tal-waste management plant qed jintrema fil-baħar minflok jingħata lilhom. Huwa veru li hemm min jgħidlek li l-bdiewa jridu jħallsu għalih imma biex nipproduċu l-ilma jew biex intellgħu l-ilma mhux xorta qegħdin nonfqu l-flus? Għaliex ma nagħtuhomx dak l-ilma li xorta qed jintrema fil-baħar la jistgħu jużawh? Kulħadd jaf x’qed tiswa l-produzzjoni tal-ilma f’dan il-pajjiż, kulħadd jaf li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tal-ilma f’Malta tiġi mir-reverse osmosis plants. Dan ikkonfermajnih meta kien hemm il-blackout il-ġimgħa li għaddiet meta kellna partijiet kbar ta’ Malta li spiċċaw mingħajr ilma. Ftakarna fis-snin sebgħin li l-membri tan-naħa tal-gvern tant jistmerruhom.
Nixtieq insemmi wkoll il-proġett tal-istorm water. Jien niskanta kif proġett bħal dan, fejn nilqgħu u naħżnu l-ilma tax-xita għal dawn is-snin kollha qatt ma tajnieh prijorità meta nafu t-trend tal-climate change x’inhi u meta nafu l-bżonnijiet ta’ pajjiżna. Niskanta kif dan il-proġett s’issa għadu ma twettaqx. Meta dan l-aħħar staqsejt lill-ministru konċernat fiex wasal dan il-proġett ir-risposta kienet li qiegħed fl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni. Din il-fażi ta’ implimentazzjoni ma nafx xi tfisser imma s’issa għadna ma wasalna mkien u ta’ min igħid li dan kien hemm fondi tal-Unjoni Ewropea vvotati għalih, jiġifieri ma nistax nifhem kif proġett tant utli ma ngħatax l-importanza li għandha tingħatalu. Huwa tajjeb ħafna u naqbel mal-approach li ninċentivaw l-użu ta’ solar water heaters u pannelli fotovoltaiċi b’għajnuniet finanzjarji u tax rebates lill-familji tagħna u partikolarment lil Għawdex kollu. Kieku kien għalija jeħodha kulħadd. Huwa veru li l-gvern ikun qed joħroġ bagatella liri imma dik il-bagatella liri tkun se tirrendi kemm għax aħna nkunu qegħdin innaqqsu mill-produzzjoni li jkollhom jipproduċu l-power stations kif ukoll għax inkunu qegħdin innaqqsu mill-carbon emissions li għada pitgħada se jkollna nħallsu għalihom kif naqbżu ċerti livelli. Il-flus li jkunu ħarġu darba mill-fondi pubbliċi, il-gvern se jieħu return minnhom li jibqa’ għaddej għal snin twal.
Nemmen li dawn l-iskemi għandhom jissaħħu u jinfirxu aktar. Nemmen ukoll li kull saqaf ta’ bini pubbliku għandu jintuża għall-produzzjoni tal-elettriku mhux fuq il-karta imma fir-realtà, fil-verità u fil-prattika. Nemmen li għandna nagħmlu bħal pajjiżi oħra li qed jagħtu ħafna importanza lill-produzzjoni tal-elettriku mill-pannelli fotovoltaiċi u qed jinkoraġġixxu lil dak li jkun kemm familja, kemm negozju kif ukoll industrija għal dan l-investiment ambjentali. Kif diġà għedt, dak li jintnefaq mill-fondi pubbliċi għal dan l-inċentivar żgur li jiġi ffrankat min-nefqa biex nikkumbattu l-carbon emissions u l-veleni fl-arja li joħorġu mill-istess produzzjoni ta’ enerġija u l-problemi tas-saħħa tal-poplu Malti. Dawn kultant ma npoġġuhomx fl-equation finanzjarja imma kulħadd jaf x’qed jiswew lill-gvern l-upper respiratory infections, l-irjiħat fil-pulmun, l-infezzjonijiet, l-ażżma u l-kanċer. Dawn qed ifissru mhux biss inkwiet, dwejjaq, dulur fil-familji tagħna u telf ta’ ħajjiet imma qed ifissru ħafna telf ta’ impjiegi għax dak li jkun ma jibqax tajjeb għal ċertu xogħol. Din l-equation tas-saħħa tal-poplu rridu mhux nikkonsidrawha biss imma għandna npoġġuha bħala prijorità fuq nett meta nibdew ngħidu x’jaqbel u ma jaqbilx għall-pajjiż.
Dwar il-power cut li kellna dalgħodu, meta xi ħadd qalli li kien hemm splużjoni fil- power station tal-Marsa, l-ewwel mistoqsija tiegħi ma kenitx għax ma kellix dawl imma jekk weġġgħax xi ħadd. Aħna noqogħdu nikkonsidraw u naraw x’qed nitilfu meta l-pajjiż ikun qed jitlef sigħat twal ta’ xogħol li ekonomikament jiswa ħafna però ejja naraw x’nagħmlu wkoll dwar din il-power station tal-Marsa li ilha skaduta ma nafx kemm-il sena. Ejja naraw jekk hijiex post safe għall-ħaddiema biex huma jagħmlu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Qabel ma nwaħħlu fihom li qed jagħmlu sabutaġġ, qegħdin nassiguraw li l-ħaddiema tal-Enemalta qegħdin jaħdmu f’xenarju safe jew qegħdin nipperikolawlhom ħajjithom?
Sur President, nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Enemalta, tal-Water Services Corporation u tad-drenaġġ mill-kbir saż-żgħir tal-ħidma li jagħmlu tul is-sena kollha biex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom is-supply tal-elettriku, l-ilma u servizzi tad-drenaġġ. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Helena Dalli.
ONOR. HELENA DALLI: Sur President, fuq investiment tal-gvern tkellem tajjeb ħafna l-kollega tiegħi l-Onor. Charles Buhagiar. Kull sena niġu hawnhekk u nagħmlu lista ta’ proġetti u ta’ investimenti kapitali tal-gvern u nerġgħu nsemmu li baqgħu ma sarux. Jekk tara l-allokazzjonijiet, sena wara sena, insibu li jkun intnefaq inqas minn dak allokat. Dan jirriżulta mill-estimi finanzjarji. Il-kollega tiegħi semma Bieb il-Belt li ilu jissemma mill-bidu tas-snin disgħin. Il-lift tal-Belt din id-darba ma ssemmiex fid-diskors tal-budget u l-proġett ta’ Ta’ Qali wkoll ilu jiġi brought forward minn budget għall-ieħor iżda din is-sena ma ssemma xejn. Ġieli qalu li se jniżżlu kollox Bormla, kien hemm il-problemi għax l-imprendituri ma ridux jinżlu hemmhekk għar-raġunijiet validi ħafna però din is-sena ma smajna xejn fuq dan il-proġett. Illum sar irrelevanti li titkellem fuq l-investimenti u l-proġetti tal-gvern għax by and large dawn qatt ma jimmaterjalizzaw. Għaldaqstant mhux se noqgħod nirrepeti minn dak li diġà għadu kif qal il-kollega tiegħi u se niġi mill-ewwel għall-awtoritajiet.
Rigward l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta rrid ngħid li kemm il-Prim Ministru fid-diskors tal-budget kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi jgħidu li jridu jgħinu lill-imprendituri u lis-self-employed li jirriskjaw, li jinvestu u li jħaddmu lin-nies billi jinċentivawhom, però hawnhekk jien nixtieq insemmi l-każ skandaluż tal-imprenditur li għandu l-Garden of Eden Garage fiż-Żejtun li ilu għaddej minn martirju snin twal. Dan ġab l-open-top buses u kulħadd qed jgħid li l-gvern qed jimxi ħażin ma’ din il-kumpanija inkluż id-direttur tal-konsumatur. Anke l-kummissjoni għall-kummerċ ġust tal-Unjoni Ewropea qatgħetha li l-gvern qed jagħmel diskriminazzjoni kontra l-Garden of Eden Garage imma l-gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u dan l-imprenditur li qed iħallas eluf kbar ta’ euros f’kawżi l-qorti ma jistax iħaddem dawn l-open-top buses. Dan kollu għax il-kompetitur tiegħu huwa Nazzjonalist u l-Gvern Nazzjonalista jrid jaġevolah.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru Austin Gatt, on a point of order.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, ma kelli l-ebda intenzjoni li nqajjem point of order kif ma qajjimtux fil-każ tal-Onor. Joe Mizzi meta rrifera għal dan il-każ, però jekk se noqogħdu ntawlu bil-paroli allura formalment qed nitlob ruling. Hemm kawża l-qorti fuq din il-materja u skont l-iStanding Orders ma jistgħux isiru riferenzi għaliha.
THE DEPUTY CHAIRMAN: La hemm kawża l-qorti nitlob lill-Onor. Dalli biex tirregola ruħha.
ONOR. HELENA DALLI: Kollox sew, ħalli nitkellem fuq l-esperjenza tiegħi, għax jien għamilt serje ta’ mistoqsijiet parlamentari, ktibt u anke tkellimt f’dan il-parlament, u din il-persuna kompetitur tal-Garden of Eden ġiet issibni ż-Żejtun u qaltli biex nagħlaq ħalqi. Jien rappreżentanta tal-poplu u għandi x-xhieda li din il-persuna ġiet theddidni għax bdejt nitkellem fuq kif qed isiru l-affarijiet. Mela issa, Ministru Gatt, waqqfu lis-sinjur kompetitur tal-Garden of Eden u għidlu li lil Helena Dalli ma jistax imur jheddidha sempliċement għax qed titkellem fuq is-sewwa. U mela tiġi twaqqafni! Lil sieħbek mur waqqaf u mhux lili! Dik hi d-demokrazija li għandna f’dan il-parlament, Sur President! Kien hemm editorjal ta’ “The Times” fuq din il-kwestjoni u anke l-Kummissjoni Ewropea ratha. Issa naraw x’se tgħid il-qorti imma jien sal-lum nista’ nitkellem u fuq l-esperjenza personali tiegħi nista’ nitkellem. Jien rappreżentanta tal-poplu u qed jiġu jhedduni għax nagħmel id-dover tiegħi u nirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħi. Dik hi s-serjetà li hawn f’dan il-pajjiż! Pajjiż faxxista, Sur President!
Issa nixtieq nitkellem dwar Triq Anton Buttigieg fiż-Żejtun, post fejn mietu u qed ikomplu jmutu n-nies. L-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta taf xi jrid isir f’dik it-triq u kieku sar dak li kien ippjanat sena u nofs ilu flimkien mal-kunsill lokali taż-Żejtun, kieku t-traġedja li kellna fejn mietu tlieta min-nies żgħar bit-trabi magħhom ma kenitx tiġri. Jien tlabt li ssir inkjesta u anke ressaqt mozzjoni hawnhekk li għadu ma sar xejn fuqha. Xi xahar u nofs ilu l-iSpeaker qalli li għandu jkellimni l-ministru fuqha però dan baqa’ ma kellimnix u jien nibqa’ nesiġi li dik il-mozzjoni tersaq fil-parlament u li ssir inkjesta fuq Triq Anton Buttiġieġ biex naraw min huwa responsabbli li x-xogħol ma nbediex meta suppost inbeda u reġgħu mietu n-nies.
L-ADT jafu eżatt xi jrid isir u jafu anke l-periti tat-toroq li hemm fl-ADT, li issa jista’ jkun li m’għadhomx hemmhekk. Jafu li dan it-telf ta’ ħajjiet seħħ b’negliġenza għax ma sarx dak li kellu jsir biex ma jkunx jista’ jsir overtaking. Sur President, jien naħseb li hija l-aktar ħaġa elementari li hawnhekk nitkellmu fuq il-ħajja tan-nies. Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq kif nagħtuhom ħajja aħjar jew fuq kif ngħollulhom il-livell tal-għajxien imma fuq kif se nipprevjenu milli jmutu n-nies. U se jibqgħu jmutu n-nies jekk ma ssirx il-biċċa xogħol li hemm bżonn issir hemmhekk. Ilhom aktar minn sena u nofs lesti l-pjanti u x-xogħol jibqa’ ma jinbediex! Għalfejn dan? Forsi għax fiż-Żejtun, Sur President? Għalhekk għadu ma sarx ix-xogħol? Għalhekk qed nitlob li ssir inkjesta jien. Hu min hu responsabbli li x-xogħol għadu ma sarx irid iġorr ir-responsabbiltà u għandu fuq il-kuxjenza tiegħu l-imwiet tan-nies.
Irrid insemmi wkoll il-kwestjoni tat-tarzna, Sur President. Jien kont qed nistenna li l-Ministru Gatt jitkellem fuq il-kwestjoni tal-Fairmount, speċjalment wara li kien stqarr li għandu jidħol f’affarijiet ta’ kumpaniji fejn għandu sehem il-gvern. Per eżempju, meta kien qed jitkellem fuq it-tender tal-power station iddefenda d-dritt tiegħu li jindaħal u meta akkużawh b’indħil politiku, qalilhom li hu dritt tiegħu li jkun jaf x’inhu jiġri. Imma fuq il-kwestjoni tal-Fairmount ma tkellem xejn ħlief li tefa’ l-ħtija fuq kulħadd minbarra fejn suppost tefagħha. Fuq kollox anke ċ-chairman tat-tarzna ammetta li kien hemm ħafna nuqqasijiet f’dan il-proġett fil-livelli kollha tiegħu u qal li l-iżbalji saru anke mit-top management. Qal li dawk li kienu involuti, inkluż hu – dan qed jgħidu ċ-chairman - lanqas kienu qed jifhmu x’inhu għaddej u tant hu hekk - u hawn qed nikkwota direttament l-ex-chairman tax-shipyards - li ċerti affarijiet sar jaf bihom permezz tar-rapport. Imbagħad il-ministru kulma għamel meta ħareġ ir-rapport kien li jwaħħal fil-ħaddiema.
Sur President, fuq din il-kwestjoni hemm ħafna mistoqsijiet li jrid iwieġeb il-gvern anke biex sar ir-rapport. Fl-10 ta’ Mejju, 2008 qalilna li dalwaqt se jkun lest imbagħad għaddew xi sena u nofs u ħareġ f’dan is-sajf tal-2009. X’kellhom x’jgħattu u x’jaħbu biex damu daqshekk? Tant għadda żmien li ċ-chief executive officer laħaq telaq u allura lil dan ma tista’ tgħidlu xejn għax issa spiċċa minn hemmhekk. L-ieħor li għamel il-kuntratt suppost qagħad hawnhekk tliet snin imma dan ħarab wara sitt xhur. F’dan il-pajjiż ħadd m’hu accountable u ħadd m’hu responsabbli, basta joħroġ il-Ministru Gatt iwaħħal fil-ħaddiema u fil-Partit Laburista. Kien iċ-chairman stess li waqqagħlu l-kelma tiegħu u dan kien ikkwotat fil-gazzetti kollha. Dan qal li lanqas kien jaf x’inhu għaddej u ċerti affarijiet sar jafhom mir-rapport. Mela l-problemi fit-top levels kienu u mhux fil-ħaddiema kif implika l-Ministru Gatt. Jien nistaqsih: Kif fil-kwestjoni tat-tender tal-power station qal li għandu dritt jindaħal u f’dan il-każ tal-Fairmount ma kellux din il-ħeġġa kollha? Nirringrazzjak.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin disponibbli għall-Oppożizzjoni u issa l-ħin kollu li fadal huwa għall-gvern. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, bla dubju qed nikkonsidraw voti ta’ ministeru mill-aktar importanti li l-mansjoni tiegħu tolqot aspetti differenti anke mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jien m’għandi ebda dubju li parti miċ-challenge kbira li hemm quddiem dan il-ministeru bħalissa hi preċiżament il-viżjoni tal-gvern sabiex isiru investimenti f’diversi proġetti kapitali li għandhom iwasslu biex il-prodott f’Malta jkun wieħed ferm aħjar. Nafu li diġà tlestew diversi proġetti u naf li hemm ħidma mill-aktar importanti biex jitwettqu proġetti oħrajn. Tlesta, per eżempju, il-proġett ta’ żona fl-Isla li kienet mitluqa u mimlija skart u ġimagħtejn ilu rajna l-ewwel żewġ cruise liners jorbtu fiha. Kellna ammont imdaqqas ta’ turisti li żaru pajjiżna permezz tal-cruise liners li għamlu l-inżul tagħhom ġewwa l-Isla. Naturalment dan huwa fattur marbut intrisinkament mal-fatt li jkun hemm riġenerazzjoni bis-serjetà anke ta’ dawk l-inħawi fil-pajjiż.
Jien ma nistax ma nfakkarx fil-proġett tal-Valletta Waterfront jew fil-Valletta Cruise Liner Passenger Terminal li issa se jkun hemm anke l-espansjoni tiegħu. Kulma rridu nagħmlu huwa li niftakru f’liema stat kienu l-imħażen ta’ Pinto. Illum dawk l-imħażen ġew mibdula f’ċentri ta’ kummerċ, ħwienet, uffiċini, stabbilimenti varji, apparti li hemmhekk hemm faċilitajiet aħjar għall-cruise liners li jiġu fil-pajjiż. Dan apparti l-fatt li s-suċċess ta’ dak il-proġett illum qed ifisser li se jkun hemm bżonn żieda ta’ aktar faċilitajiet kemm għall-cruise liners infushom kif ukoll faċilitajiet oħrajn li huma marbutin mat-turiżmu. Sur President, nistgħu nitkellmu wkoll fuq proġetti oħrajn li fit-totalità tagħhom se jsiru biex jagħtu d-dinjità li tixraq lill-Belt kapitali tagħna. Il-Belt Valletta hija l-belt li se tkun il-belt kapitali kulturali tal-Ewropa, belt kapitali barokka, belt kapitali li fiha ġawhra ta’ storja u ta’ patrimonju. Hija belt kapitali li tirrappreżenta f’ħafna sens anke l-memorja kollettiva ta’ dan il-pajjiż u issa wasal sew iż-żmien li jkollok numru ta’ interventi varji sabiex dik il-belt tingħata d-dinjità li jixirqilha. Hawn qegħdin nitkellmu fuq ambizzjoni kbira ħafna iżda d-direzzjoni li qed jagħti l-Prim Ministru f’dan ir-rigward hija direzzjoni ċara. Id-direzzjoni hi li d-daħla tal-belt trid titlesta fi żmien erba’ snin mil-lum.
Sur President, nafu li hemm xogħol li diġà nbeda. Nafu wkoll li l-proġett huwa marbut mal-isem magħruf internazzjonalment ta’ Renzo Piano u huwa proġett li mhux biss kien varat imma kellek żmien twil ħafna fejn eluf ta’ persuni kellhom l-opportunità li jmorru jaraw b’għajnejhom mhux biss il-pjanti imma wkoll mudelli li saru f’dan ir-rigward. Naħseb li nkunu qed nonqsu magħna nfusna jekk ma nammettux ilkoll li d-daħla kif inhi llum żgur li mhijiex waħda li tagħti d-dinjità mistħoqqa lill-belt kapitali ta’ pajjiżna. Naħseb li bl-istess onestà ma nistgħux ma nkunux ilkoll kburin li d-disinji ta’ Renzo Piano huma finalizzati. Nafu wkoll li hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar l-ippjanar u dwar kif se jsir ix-xogħol kollu marbut mal-bini f’dan il-proġett. Sur President, dan huwa proġett li jorbot fih tliet komponenti importanti; dak li nirriferu għalih bħala Bieb il-Belt, - naħseb li fis-snin li ġejjin ikun aktar xieraq li nirriferu għalih bħala d-daħla tal-belt kapitali, għax din m’hijiex se tikkomprendi iktar xi forma ta’ bieb fis-sens tradizzjonali tal-kelma - il-proġett tal-bini ta’ parlament ġdid u l-proġett marbut mas-sit tat-Teatru Rjal fejn se jkun hemm enfasi dwar il-ħajja kulturali u l-ħajja marbuta mal-performing arts fil-pajjiż. Ma nkunx konsistenti ma’ dak li ilni nissuġġerixxi jekk ma ngħidx f’dan il-parlament li x-xewqa tiegħi u naħseb ix-xewqa ta’ ħafna nies hi dik li dan l-ispazju jkun verament wieħed li jkun jista’ jintuża matul is-sena kollha.
Qed ngħid dan għax post li jkun spazju miftuħ jippreżenta d-diffikultajiet li jkollok perjodi tas-sena li fihom ma tistax tużah minħabba temp ħażin. Ikollok ukoll perjodi fejn anke meta t-temp ikun tajjeb jista’ jkollok tfixkil minn ħsejjes ta’ festi jew minn xi attivitajiet oħrajn. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq sit li dejjem kien marbut intimament mal-qasam kulturali. L-għażla li hemmhekk jibqa’ jkun marbut mad-dinja tal-arti hija għażla tajba però naħseb li b’għaqal u bi ħsieb għandna nipprovaw insibu mezz kif dan il-post ikun jista jintuża s-sena kollha. Huwa veru li ‘l quddiem wieħed jista joħroġ b’ideat oħrajn għal dak il-post għas-sempliċi raġuni li hemmhekk m’hemm xejn li se jsir b’mod permanenti però nemmen li hemmhekk għandu jkun hemm xi forma, per eżempju, ta’ saqaf li jista’ jinfetaħ u jingħalaq. Dan huwa suġġeriment li diġà għamilt u li diġà sar minn elementi oħrajn fil-pajjiż. M’hemm xejn ħażin jekk dan is-suġġeriment ikun ikkonsidrat bis-serjetà anzi naħseb li jkun hemm ħafna tajjeb. Naf li t-tender għall-project management ingħata lill-kumpanija internazzjonali Bovis u naf ukoll li dalwaqt se jingħata t-tender għas-servizzi tal-inġinerija. Dan kollu jawgura tajjeb għax ifisser determinazzjoni totali min-naħa tal-gvern li jimxi fuq dan il-proġett li ilna nistennew is-snin. Fil-fatt jekk nitkellmu fuq is-sit tat-Teatru Rjal waħdu qegħdin nitkellmu fuq stennija ta’ 65 sena.
Irrid ngħid li dan mhuwiex l-uniku proġett li se jkun qed isir biex jagħti lura d-dinjità lill-belt kapitali tagħna. Id-disinn tal-lift tal-Barrakka huwa finalizzat, l-applikazzjonijiet jinsabu quddiem l-awtorità tal-ippjanar u nifhem li t-tender għax-xogħol se jkun ippubblikat dalwaqt. Dan ukoll huwa proġett li se jinvolvi iffinanzjar Ewropew. Jien nemmen li l-proġett tal-lift tal-Barrakka jista’ jfisser model shift li huwa meħtieġ għax jinkoraġġixxi aktar nies jużaw il-mezz tat-trasport bil-baħar jiġifieri billi jużaw il-ferry min-naħa ta’ Tas-Sliema, min-naħa tat-tlett ibliet, min-naħa tal-Kalkara u min-naħa ta’ SmartCity. B’dan il-mod inkunu qed nenfasizzaw mhux biss sistema ta’ komunikazzjoni li hija vertikali imma nkunu qegħdin nenfasizzaw sistema ta’ komunikazzjoni li tgħaqqad aħjar l-ibliet u l-inħawi kollha tal-Port il-Kbir.
Irrid infakar ukoll li l-foss ta’ Lascaris se jiġi jinfed mal-foss ta’ San Ġakbu u mal-foss ta’ taħt Bieb il-Belt u b’hekk il-moviment tan-nies mill-bus terminus il-ġdid, mix-Xatt ta’ Lascaris u minn Bieb il-Belt ikun aktar faċli. Proġett ieħor mill-aktar importanti għall-belt kapitali tagħna huwa l-proġett li jorbot mar-restawr u ma’ użu ġdid li jista’ jsir tal-inħawi kollha ta’ madwar il-Forti Sant’Iermu. Ilna nisimgħu dwar dawn l-inħawi u saru proposti varji. Naf li l-ministeru nieda u nkariga lil min għandu jlesti disinji li jinkludu l-proġett tal-Menqa tal-Marsa fejn diġà ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni. Dan minbarra li tlestew id-disinji ta’ baċir numru 1 ġewwa Bormla.
Sur President, naħseb li tajt biżżejjed eżempji biex nuri l-impenn, id-determinazzjoni u l-viżjoni ta’ gvern li mhux sempliċement jitkellem dwar dak li teħtieġ il-belt kapitali tagħna imma bil-fatti konkreti u b’impenn assolut jagħmel dak kollu meħtieġ biex naraw trasformazzjoni sħiħa titwettaq fis-snin li ġejjin. Nirringrazzjak.
Yüklə 478,46 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin