Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 434,86 Kb.
səhifə1/7
tarix30.07.2018
ölçüsü434,86 Kb.
#64531
  1   2   3   4   5   6   7
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru. 8
It-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2008

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50


IL-ĦDAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru. 8
It-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2008

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.01 p.m.

Talba

Seduta Nru. 8

It-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2008

WERREJ


MINUTI 1

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 1

TQEGĦID TA' KARTI 8

MOZZJONIJIET 8

ABBOZZ TA’ L-LIĠI LI JEMENDA 8

L-ORDINANZA DWAR L-ESPOLSIVI 8

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 9

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IR-REĠISTRU ĊENTRALI 9

CENTRAL REGISTRY BILL 9

AĠĠORNAMENT 29

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 34


MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 7 li saret fil-21 ta’ Mejju, 2008 ġew konfermati.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



IMPORTAZZJONI TA’ INBID
14. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalita`, x’tip u x’ammont ta’ inbid inġieb lejn Malta mill-Ewropa għall-finijiet ta’ negozju fl-aħħar sena minn April 2007 sa April 2008 u li ddaħħal fil-Port il-Kbir fejn fost oħrajn jitrakka il-catamaran?
ONOR. JASON AZZOPARDI (Segretarju Parlamentari) (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kemm il-kwalita` kif ukoll it-tip ta’ inbid li jinġieb Malta mill-Ewropa jvarja ħafna. Bejn April 2007 u April 2008, fil-Port il-Kbir daħlu 2,491,254 litru ta’ inbid fi kwalita` u tip varju.

TAXXA FUQ REĠISTRAZZJONI TA’ VETTURI
181. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Leo Brincat) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Billi f'intervista ma' ġurnal lokali l-Ministru diġa` indika t-tibdil mistenni dwar it-taxxa fuq reġistrazzjoni tal-karozzi kif wkoll li idealment kien jippreferi li kieku s-sistema kellha tibqa' l-istess, jista' għall-benefiċċju kemm tal-bejjiegħa tal-karozzi kif wkoll tal-konsumaturi jagħti ndikazzjoni ta' x'wieħed għandu jistenna f'dan ir-rigward, flok iħalli lil kulħadd mdendel sakemm jiġi ppubblikat il-pre-budget consultation document aktar minn xahar u nofs ieħor? Jikkonferma l-Ministru li x'aktarx li l-piż finali fuq il-konsumatur u d-dħul tal-gvern mistenni jibqa' xi ftit jew wisq l-istess anke wara li jiġi fis-seħħ dan it-tibdil? Għaliex fil-manifest elettorali ma ngħata ebda ħjiel dwar dan kollu meta l-manifest tkellem biss dwar il-ħtieġa li tinbidel it-taxxa fuq il-karozzi?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): L-Onor. Interpellant ċertament japprezza li ma jkunx opportun li wieħed jidħol f’dettalji dwar l-eventwali sistema ġdida li għadha taħt konsiderazzjoni. Bħalissa għadhom qed jiġu studjati l-għażliet kollha li jistgħu jwasslu biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin wara din il-bidla bl-aktar mod effettiv u billi jkunu salvagwardjati l-interessi ta’ l-istakeholders kollha f’dan is-settur.

MFSA - EDUCATION CONSULTATIVE COUNCIL
192. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Helena Dalli) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Qabel ma ġie ffurmat l-kumitat Education Consultative Council tal-MFSA, sar rendikont tal-korsijiet kollha li qed jiġu provduti f'Malta li jolqtu dan is-settur?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ir-risposta għad-domanda ta’ l-Onor. Membru hija fl-affermattiv. Qabel ma tieħu inizzjattivi konnessi mat-taħrig fis-servizzi finanzjarji, l-MFSA tevalwa u tagħmel rendikont tal-korsijiet rilevanti u ta’ kwalita` li jolqtu l-aspett vokazzjonali u dawk ta’ żvilupp professjonali f’dan is-settur.

DIPARTIMENT TAT-TAXXI INTERNI – MAĦFRA TA’ TAXXA DOVUTA
193. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Kemm persuni bbenefikaw minn maħfriet ta' taxxa dovuta, multi, eċċetra, dovuti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u d-29 ta' Frar, 2008? Kemm hemm persuni li f'dan l-istess perijodu kellhom ukoll ħlasijiet ta' taxxa dovuta, multi, eċċetra lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li ma bbenefikawx minn dawn il-maħfriet? Kemm kienet is-somma totali maħfura mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fl-istess perijodu? Fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-maħfriet ta' taxxa dovuta lid-Dipartiment? U x'kienu r-raġunijiet li dawk li ma bbenefikawx tħallew barra?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Matul il-perijodu msemmi ma saret ebda maħfra jew amnestija relatata mal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul.
GĦAWDEX: XEWKIJA – TISWIJA TA’ TRIQ IL-KBIRA
215. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għal Għawdex: Peress li r-residenti ta' Triq il-Kbira, fix-Xewkija, Għawdex qed jilmentaw minħabba l-ħafna ħofor fondi li hemm f'din it-triq, tista' l-Ministru tara li f'din it-triq issir il-manutenzjoni opportuna?
ONOR. GIOVANNA DEBONO (Ministru għal Għawdex): Peress li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija taqa' fir-responsabbilta` tal-kunsill lokali ta' din il-lokalita`, nitlob lill-Onor. Interpellant tirriferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.
MR SPEAKER (Onor. Louis Galea): L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, il-kriterji ta’ triq li taqa’ f’idejn il-kunsill lokali u ta’ triq li taqa' f’idejn il-gvern ċentrali, fejn tidħol responsabbilta`, huma l-istess bħal dawk ta' Malta?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. GIOVANNA DEBONO: F'Għawdex jintużaw l-istess kriterji li jintużaw għal Malta.

BORMLA – TISWIJA TA' TOROQ
234. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari Nru. 9, jista' l-Ministru jara li jitranġaw t-toroq użati minn vetturi kbar bħalma huma t-toroq arterjali Triq ix-Xatt u Triq it-8 ta' Diċembru, Bormla?
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni): Ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DĦUL MIT-TAXXA TAL-VAT
235. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Kemm kien id-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali mit-taxxa tal-VAT matul l-ewwel xhur tas-sena 2008? Jista' jgħarrafni bl-istess dħul għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separtament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DĦUL MIT-TAXXA TAL-VAT
236. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħti breakdown tad-dħul mit-taxxa tal-VAT matul l-ewwel erba' xhur ta' l-2008? Jista' jagħti l-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separtament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

NATIONAL INSURANCE
237. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Kemm kien id-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali f'dak li huwa bolla tas-sigurta` soċjali matul l-ewwel erba' xhur ta' l-2008? Jista' jagħtini l-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separatament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

NATIONAL INSURANCE
238. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jagħtini breakdown tad-dħul mill-ħlasijiet tan-NI (bolla) matul l-ewwel erba' xhur ta' l-2008? Jista' jagħti l-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separatament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DĦUL MINN BEJGĦ TA' PROPRJETA` LILL-BARRANIN
239. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Kemm kien id-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali minn fuq il-bejgħ tal-proprjeta` lill-barranin reġistrat fl-ewwel erba' xhur ta' l-2008 f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jgħarrafni bl-istess dħulgħas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separatament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DĦUL MINN BEJGĦ TAL-PROPRJETA` LILL-MALTIN
240. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Noel Farrugia) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Kemm kien id-dħul tal-gvern f'ċifra ta' flus globali minn fuq il-bejgħ tal-proprjeta' lil ċittadini Maltin reġistrat fl-ewwel erba' xhur ta' l- 2008 f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jgħarrafni bl-istess tagħrif għas-snin 2007, 2006, 2005 u 2004 separatament?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

BAJJA GĦAJN TUFFIEĦA – MIŻURI TA’ SIGURTA’
241. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-Malta Toursim Authority, jara li l-Malta Maritime Authority tieħu l-passi neċessarji biex fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa kull sena jkunu nstallati l-miżuri ta' lqugħ ta' sigurta` għall-għawwiema li fil-maltemp jistgħu jinqabdu f'diffikulta`?
ONOR. MARIO DEMARCO (Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu): Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MCAST - STUDENTI
242. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Kemm hemm studenti fl-MCAST fil-preżent u minn liema lokalitajiet ġejjin?
ONOR. DOLORES CRISTINA (Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport): Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-mejda tal-Kamra.

UNIVERSITA`- STUDENTI
243. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Fil-preżent, kemm hemm studenti fl-Universita`? Minn liema pajjiżi ġejjin l-istudenti barranin u minn liema lokalita` ġejjin l-istudenti Maltin?
ONOR. DOLORES CRISTINA: In-numru ta’ studenti fl-Universita` hu ta’ 9546. Qed inpoġġi t-tagħrif rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija fuq il-mejda tal-Kamra.

 
FAĊILITA` KORRETTIVA TA' KORDIN


244. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Minn liema lokalita` ġejjin il-285 resident Malti fil-faċilita` korrettiva ta' Kordin?
ONOR. DOLORES CRISTINA (f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern): It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

MCAST - CAMPUS ĠDID
245. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Fejn wasal il-proġett tal-bini ta' campus ġdid għall-MCAST? Meta se jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni u meta hemm il-ħsieb li dan jitlesta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-proġett tal-bini tal-campus il-ġdid għall-MCAST qiegħed fil-fażi ta’ disinn preliminari u applikazzjoni tal-MEPA għall-outline permit. It-tenders tat-traffic impact statement għandhom jiġu mogħtija dalwaqt. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni jibda meta l-applikazzjoni tal-MEPA tiġi approvata. Għadu kmieni biex wieħed jgħid meta dan il-proġett se jitlesta.
MR SPEAKER: L-Onor. Leo Brincat, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Mr Speaker, napprezza dak li qed tgħid il-Ministru u cioe' li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid meta l-proġett se jitlesta, għax ovvjament għad hemm affarijiet pendenti bħal permessi tal-MEPA u t-tenders tat-traffic impact statement. Biss ġaladarba dawn l-affarijiet jiġu cleared, kif nawgura li jkunu, għandha xi ħjiel dwar il-medda ta' żmien li tista' tieħu l-construction phase fiha nnifisha, jew għadu kmieni wisq?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. DOLORES CRISTINA: Naħseb li f’din il-fażi għadu kmieni wisq biex wieħed jikkommetti ruħu għal meta se titlesta din il-parti.

SKEJJEL - LABORATORJI TAX-XJENZA U L-LINGWI
246. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28897, li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 592, tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni li hija nieqsa mit-tweġiba mogħtija dakinhar dwar il-laboratorji tax-xjenza u l-lingwi?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Fl-2007, fl-iskejjel ta’ l-Istat inbnew disa' laboratorji  fil-kulleġġ Sant’Injazju Sekondarja Subien, Qormi. Dawn il-laboratorji huma parti mill-iskola l-ġdida. L-armar ta’ dawn il-laboratorji ġew jiswew €133,788, jiġifieri madwar Lm 57,420.

REGOLI DWAR D-DOPING
247. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Meta se jkunu pubblikati r-regoli dwar id-doping?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-KMS lesta t-tenders sabiex l-antidoping regulations jigu tradotti għall-Malti. Fil-fatt inħarġu mill-KMS u għalqu f’April. Bħalissa qegħdin fil-proċess ta’ aġġidukazzjoni. Ladarba dan il-progett ikun konkluż, jingħata t-tender sabiex issir it-traduzzjoni għall-Malti ta' dawn ir-regolamenti u wara jittieħdu l-passi legali u administrattivi sabiex jiġu ppublikati.

 
UNIVERSITA` - PERFORMANCE BONUS


248. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28888 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 591 dwar l-Universita` ta' Malta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Fl-2006 kulmin applika ġie mogħti performance bonus f’xi livell jew ieħor. L-Universita’ tagħmel minn kollox biex il-letturi u l-amministraturi jkollhom post diċenti minn fejn joperaw. B’ħarsitha lejn il-futur, l-Universita` ssottomettiet rikjesti għall-fondi li jiġu mill-programmi ERDF u ESF għall-valur ta’ madwar 30 miljun Ewro. Dawn il-proġetti jinkludu:   Il-bini ta’ ċentru servizzi ta’ l-IT; il-bini ta’ estensjoni tal-junior college; il-bini l-ġdid għall-Fakulta` ta’ l-ICT; l-aqwa fost it-tagħmir għal-laboratorju fix-xjenzi u l-inġinerija. Barra minn hekk, l-Universita` applikat għal proġett ieħor biex testendi l-użu ta’ l-electronic journals. Dan l-aħħar is-sigħat tal-ftuħ tal-libreriji ġew estiżi biex l-istudenti, kemm ta’ filgħodu kif ukoll ta’ filgħaxija, ikollhom aċċess aħjar.

UNIVERSITA` - PROMOZZJONIJIET
249. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28889 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 591 dwar l-Universita' ta' Malta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-Universita` qed tuża lill-Association of Commonwealth Universities fir-rigward tal-promozzjonijiet ta’ l-akkademiċi. Informata wkoll li fl-2004 kien hemm numru ta’ applikazzjonijiet għall-promozzjonijiet u l-Universita` ma rċeviet l-ebda peer assessment mill-ACU qabel Settembru 2006.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Universita` ħadmet biex tipproċessa l-applikazzjonijiet ta’ kandidati hekk kif il-peer assessments tagħhom bdew jaslu. Fil-fatt, 30 applikazzjoni għal associate professor u sebgħa għal professor ġew ipproċessati u l-applikanti ġew notifikati bir-riżultat. Ma neskludix il-possibbilta` li wara diskussjonijiet ma’ l-unions jistgħu jsiru arranġamenti oħra.

UNIVERSITA` - SEJĦA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET
250. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Carmelo Abela) staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport: Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28890 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 591 dwar sejħa għall-post fl-Universita` ta' Malta?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-Universita` ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet fis-27 ta’ Ġunju 2007 u kien hemm seba’ applikanti. Ħames applikanti kienu shortlisted u wara li saru l-invtervisti, il-bord ta’ l-għażla għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-kunsill li ltaqa’ fis-27 ta’ Settembru, 2007. Il-persuna magħżula ma aċċettatx il-ħatra u l-universita` kellha terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.
 

SAN PAWL IL-BAĦAR: TAL-VEĊĊA – TNEĦĦIJA TA’ DGĦAJJES
257. L-ONOR. EDWIN VASSALLO (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz tat-taqsima tal-beach cleaners fi ħdan il-ministeru tat-turiżmu titnaddaf l-alka, biċċiet ta' dgħajjes u mbarazz ieħor li nġabar fil-Veċċa, San Pawl il-Baħar, wara l-maltempata qawwija li seħħet xi ġimgħat ilu?
ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): B'kawża tal-maltemp hemm xi dgħajjes u bċejjeċ ta’ dgħajjes ta’ sidien privati li jinstabu fuq l-alka. Id-dipartiment tat-turiżmu ħa passi biex jinforma lill-kunsill lokali biex jinġieb permess ħalli dawn id-dgħajjes jitneħħew. B’hekk jiġu evitati xi talbiet għad-danni mingħand is-sidien tad-dgħajjes meta tkun qed titnaddaf l-alka. Ninsab informat ukoll li l-avviż għat-tneħħija ta’ dawn id-dgħajjes ġie mwaħħal fit-13 ta’ Mejju u li t-terminu tiegħu jiskadi l-Ġimgħa, 23 ta’ Mejju, 2008. Ix-xogħol tat-tindif hu pprogrammat li jibda nhar it-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2008.

MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Jista’ l-Prim Ministru jgħid eżatt sa meta hu kopert il-permess?
MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Hawn m'aħniex qed nitkellmu dwar permess. Fit-13 ta' Mejju, 2008 twaħħal avviż li se jibda t-tindif tal-bajja. Fil-fatt, fir-risposta tiegħi għedt hekk: Ninsab informat ukoll li l-avviż għat-tneħħija ta’ dawn id-dgħajjes ġie mwaħħal fit-13 ta’ Mejju u t-terminu tiegħu jiskadi l-Ġimgħa, 23 ta’ Mejju, 2008. Jiġifieri dan it-terminu skada nhar il-Ġimgħa li għaddiet u t-tindif beda llum.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, ma nafx jekk iniex qed nifhem sew. Jekk l-avviż ġie mwaħħal mit-13 sat-23 ta’ Mejju, għandi nifhem li f'dak il-perijodu kellu jsir it-tindif. Allura kif il-Prim Ministru qed jgħid li dan se jibda fis-26 ta’ Mejju?
MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mr Speaker, ħalli nerġa’ nispjega. Fit-13 ta' Mejju, 2008 twaħħal avviż fuq xi notice board biex is-sidien tad-dgħajjes li jinteressaw rwieħhom imorru u jneħħu d-dgħajjes minn hemm. Dawn is-sidien kellhom iċ-ċans biex sat-23 ta' Mejju, 2008 ineħħu d-dgħajjes huma. F'każ li ma neħħewhomx, se jmur il-gvern u jnaddafhom hu.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jista' l-Prim Ministru jgħidli x'kien jgħid eżatt dan l-avviż? Għax jekk ma kienx qed jingħad li d-dgħajjes għandhom jitneħħew f'dak il-perijodu biex isir ix-xogħol wara, mod, imma jekk sempliċement jgħid li dan għandu jsir bejn it-13 u t-23 ta' Mejju, ifisser li fit-24 ta' Mejju jistgħu jmorru f’posthom.
MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Le, jiddispjaċini m’għandix il-kliem preċiżi ta’ l-avviż, pero` nistgħu nirranġaw biex inġibuhom. (Interruzzjonijiet) Le, kien hemm terminu.
Ħalli nsemmi każ partikolari. Kien hemm dgħajsa - mhux se nsemmi l-post fejn - li kont ili s-snin kull meta ngħaddi mit-triq naraha tittiekel biċċa biċċa fuq il-moll u tagħtini ġo fija, sakemm fl-aħħar qabbadt lil xi ħadd u għedtlu biex ineħħiha. Jien ridt inkun naf x’inhi r-raġuni li dik id-dgħajsa kienet ilha hemm u qatt ma tneħħiet u sibt li peress li d-dgħajsa kienet proprjeta` privata, malli l-gvern imur u jċaqlaqha - issa din kienet mimlija susa minn fuq s'isfel - dak l-individwu jista' jgħid li l-gvern ikkawżalu d-danni.
Allura l-proċedura hi li jkun hemm avviż pubbliku biex f’terminu ta’ żmien is-sidien privati ta' dawk id-dgħajjes ineħħuhom minn hemm. Jekk dak it-terminu jiskadi, il-gvern imbagħad imur bi speċi ta’ enforcement order - biex nuża t-terminoloġija li aħna komdi biha - u jneħħihom hu, għar-riskju tas-sidien stess ta’ dawk id-dgħajjes li jkunu qegħdin hemmhekk.
Fil-fatt jekk l-Onor. Mizzi jaqra t-tweġiba jsib li r-raġuni hija spjegata fil-paragrafu ta' qabel. Madanakollu, jekk irid, nista' nibgħatlu t-text ta' l-avviż.

SAN PAWL IL-BAĦAR - GĦASSA TAL-PULIZIJA
258. L-ONOR. EDWIN VASSALLO (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-għassa ta' San Pawl il-Baħar terġa' tibda tiftaħ kuljum u dan biex jiġi assigurat li ma jsir l-ebda forma ta' abbuż fiċ-ċentru ta' San Pawl il-Baħar?
ONOR. DOLORES CRISTINA (f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern): Se tittieħed l-azzjoni meħtiega biex isiru x-xogħlijiet li hemm bżonn. Informat ukoll li bħalma jsir is-soltu, anke din is-sena, matul ix-xhur tas-sajf il-pulizija żżid il-preżenza tagħha permezz ta’ patrols fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll f'diversi postijiet oħra.

TARĠA GAP - TRIQ PRINĊIPALI
259. L-ONOR. EDWIN VASSALLO (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti tat-triq prinċipali f'Tarġa Gap li għadha ma saritx titlesta billi tinqala' u tinbena mill-ġdid u dan biex l-uniku ftit mijiet ta' metri li fadal mill-ajruport sa San Pawl il-Baħar ikunu finalizzati?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab informat li din il-biċċa triq qiegħda fil-pjani ta' l-ADT.
MR SPEAKER: L-Onor. Vassallo, mistoqsija supplimentari.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Mr Speaker, nafu li wieħed mill-ewwel ordnijiet li kien ta l-ministru responsabbli mill-ADT kien li jieqaf xogħol li kien qed isir f’toroq li kien bla permess ta’ l-istess awtorita`. Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li kien qed isir fi Triq il-Kostituzzjoni, il-Mosta, twaqqafx ukoll mill-ADT minħabba dan l-istess għan?
MR SPEAKER: Onor. Vassallo, jekk ma jimpurtax nagħmel ruling dwar din il-mistoqsija supplimentari peress li m'hijiex fit-termini tal-mistoqsija oriġinali.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Grazzi.

SAN PAWL IL-BAĦAR - ĦSARA FIL-MENQA
260. L-ONOR. EDWIN VASSALLO (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jara li jekk hemm bżonn, bl-għajnuna ta' ministeri oħra, jittieħdu l-passi neċessarji biex il-ħsara li saret fil-Menqa (ħdejn il-Gillieru) f'San Pawl il-Baħar b'riżultat ta' l-aħħar maltempata kbira li seħħet numru ta' ġimgħat ilu, tissewwa?
ONOR. GIOVANNA DEBONO (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Ix-xogħol ta’ tiswija tal-ħitan tal-Menqa se jsir fix-xhur li ġejjin.

KUNSILLI LOKALI - FONDI
261. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Kemm ingħataw fondi lill-kunsilli lokali, lokal local, matul is-sena 2007?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Billi l-Onor. Interpellant qed jirriferi għas-sena kalendarja 2007, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ingħataw fondi l-kunsilli lokali matul is-snin finanzjarji 2006-2007 u 2007-2008.

KUNSILLI LOKALI - IMPJEGATI
262. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Kemm hemm persuni mpjegati u/jew sekondati mal-kunsilli lokali, lokal lokal, maqsuma skond il-grad?
ONOR. MARIO DE MARCO (Segretarju Parlamentari) (f’isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

GWARDJANI LOKALI - ĊITAZZJONIJIET
263. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Kemm saru ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali, lokal lokal? X'kienu l-kontravenzjonijiet matul is-sena 2007, xahar b'xahar, u f'Jannar, Frar u Marzu 2008?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - PROMOZZJONIJIET
272. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Prim Ministru: Kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar u Marzu 2008 fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Kien hemm xi sejħa għal dawn il-promozzjonijiet u min iddeċieda li jagħtihom?

MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: M’għandix id-dettalji kollha hawnhekk, pero` jekk m’iniex sejjer żball hemm promozzjonijiet li jseħħu b’mod normali bil-proċeduri stabbiliti. Il-proċess ta' promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta' Malta, per eżempju, li bbenefikaw minnu 14-il membru, beda s-sena li għaddiet u għad irid jitkompla. Dan għadda minn żewġ fażijiet differenti.
Fid-dipartiment tal-gvern lokali, dak huwa parti mill-proċess intern tal-gvern stess bi proċeduri ta’ promotions stabbiliti. Fil-Malta Environment and Planning Authority hemm il-ftehim kollettiv li jirregola l-proċess kollu ta’ promotions kif joħroġ. Per eżempju, fil-każ tad-DOI l-individwi qagħdu għal eżami kompetittiv fit-22 ta' Frar, 2008. Għandi lista ta' numru ta’ nies li qagħdu għal dan it-tip ta’ eżami. Fl-oħrajn għandek “Progression to scale 14 after five years service in the grade” li hija stabbilita fil-ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku u fil-każ ta' motor transport driver għandek "Progression to scale 17". Jiġifieri hemm promozzjonijiet li jseħħu bil-mod u bil-kors normali tal-ftehim kollettiv u għandek promozzjonijiet oħrajn li jseħħu wara li jkun hemm sejħa u eżami kompetittiv.

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN - PROMOZZJONIJIET
273. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin: Kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar u Marzu 2008 fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
ONOR. LAWRENCE GONZI (f’isem il-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin): Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ingħataw żewġ promozzjonijiet fi gradi diplomatiċi.
Sur President, irrid ngħid li weġibt din il-mistoqsija f’isem il-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin għax dan jinsab imsiefer fuq xogħol relatat mal-gvern, ma’ l-Unjoni Ewropea u fuq xogħol li għandu x’jaqsam mal-ħtif taċ-ċittadin Malti fin-Niġerja biex jgħin u jara kif nistgħu nsolvu din il-problema partikolari.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-Mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti. Il-Prim Ministru.

Yüklə 434,86 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin