Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġi rapport Uffiċjali



Yüklə 250,25 Kb.
səhifə1/3
tarix03.12.2017
ölçüsü250,25 Kb.
#33728
  1   2   3

MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI


KUMITATI PERMANENTI

GĦALL-KUNSIDERAZZJONI TA' ABBOZZI TA' LIĠI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)
IT-TNAX-IL PARLAMENT
LAQGĦA NRU 56

Il-Ħamis, 18 ta' Ġunju, 2015
Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta


Prezz €2.50



IT-TNAX-IL PARLAMENT


KUMITAT PERMANENTI

GĦALL- KONSIDERAZZJONI TA' ABBOZZI TA' LIĠI

LAQGĦA NRU 56

Il-Ħamis, 18 ta’ Ġunju, 2015






Il-Kumitat iltaqa' fil-Parlament, il-Belt Valletta, fis-6.00 p.m.






Talba


MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru 55, li saret fis-17 ta’ Ġunju 2015, ġew ikkonfermati.

ONOR. DEBORAH SCHEMBRI (President tal-Kumitat): Ngħaddu għat-tieni item fuq l-aġenda, li huwa l-Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima. Insejjaħ lill-Ministru Leo Brincat.

ABBOZZ TA’ LIĠI FUQ AZZJONI DWAR IL-KLIMA
CLIMATE ACTION BILL
Skont riżoluzzjoni fis-Seduta Nru 261 tat-Tnejn, 11 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat iltaqa’ biex jikkonsidra dan l-Abbozz ta’ Liġi.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima): Madam Chairperson, bil-permess ġentili tal-Membri preżenti – li nilqagħhom ilkoll – xtaqt nieħu żewġ minuti biex nagħti background tal-emendi li qed irressqu, li mbagħad, ovvjament, nindirizzawhom individwalment u naraw x’kienu l-konsiderazzjonijiet li ħadna. Iktar milli fuq it-titlu, ikkonsultajt strettament mas-Sinjorina Kathiana Ghio, id-Direttur għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima fil-Ministeru – li qiegħda magħna hawnhekk – filwaqt li aktar tard se tingħaqad magħna Prof. Simone Borg, l-Ambaxxatur għat-Tibdil fil-Klima fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, li għenet direttament fil-formolazzjoni tal-liġi, u li kkonsultajniha meta evalwajna l-emendi, għalkemm ir-responsabbiltà politika qed nerfagħha jien u mhux nitfagħha fuqhom.
Nixtieq ngħid fil-qosor ħafna, għax illum m’aħniex qegħdin fl-Istadju tat-Tieni Qari, li d-diskussjoni li saret fit-Tieni Qari kienet pożittiva ħafna. Ovvjament, kritika jkun hemm dejjem – allaħares ma jkunx hemm – imma kienet pożittiva għax, iktar milli kien hemm sempliċement aspetti ta’ kritika, saru diversi suġġerimenti. Kien hemm ukoll xi affarijiet li ħsibniehom min-naħa tagħna with the benefit of hindsight, u pprovajna naraw kif nistgħu ninkorporaw il-punti saljenti li tqajmu u fl-istess ħin norbtuhom mal-ispirtu tal-liġi nnifisha, li hija bażikament an enabling act. Kif jgħallmuni Dr. Portelli u Prof. Borg, fost l-oħrajn, din hija liġi li tipprovdi għal ħafna secondary legislation, anke jekk ‘il quddiem wieħed jara l-Liġi tal-Environment Protection Directorate (EPD), għandu jsib li kemm l-antika, u anke l-ġdida, tipprovdi għal ħafna secondary legislation, mhux bħalma hi l-leġiżlazzjoni tal-Ippjanar. Aħna ħallejna t-tieqa miftuħa mhux biex infarfru mir-responsabbiltà, imma biex ikun hemm iktar in-built flexibility.
Minn hawnhekk qed nagħti l-kelma formalment quddiem dan il-Kumitat li, anke jekk ‘il quddiem niġu biex ngħaddu sempliċi legal notice u any type of secondary legislation, se nkunu qegħdin nikkonsultaw fuqha strettament u with advance notice mal-Oppożizzjoni, u mhux sempliċement naqbdu u nimxu fuqha. Jien jidhirli li l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nużaw liġi bħal din bħala ballun politiku – mhux qed ngħid li qed isir hekk – jew nipprovaw ma nagħtux widen lill-partijiet kollha. Din hija liġi li idealment, kemm jekk tibqa’ l-istess amministrazzjoni, u anke jekk tinbidel, għandu jkollha l-għan ewlieni li tkompli tissaħħaħ tul is-snin, anke permezz tal-learning curve ta’ dak li hopefully se tkun qed tapprova l-Kamra fi stadju ulterjuri.
Aħna ħadna nota tal-punti li tqajmu, kif ukoll ta’ dawk li kienu tqajmu fil-proċess ta’ konsultazzjoni, li ħafna minnhom kienu ġew inkorporati fl-Abbozz ta’ Liġi nnifsu wara li konna diġà fassalnih, għax aħna l-ewwel ħallejna lilhom ifasslu l-abbozz, imbagħad għednielhom biex jagħtu ħarsa lejn is-suġġerimenti li konna rċevejna wara l-consultation process li sar. Forsi wieħed mill-ewwel suġġerimenti li ħarisna lejhom u li dehrilna li kien validu ħafna kien li hemm bżonn rabta bejn il-Climate Action Board u l-Climate Action Fund. Dan huwa punt li aċċennew għalih kemm l-Oppożizzjoni u, jekk niftakar sew, anke l-Onor. Farrugia. Aħna nemmnu li dan huwa punt ġustifikat u utli ħafna. Għall-ewwel kellna l-ħsieb li għandu jkun hemm l-istess Chairperson fiż-żewġ kumitati biex ikun hemm kontinwità, imma mbagħad għedna li forsi jagħmel iktar sens li, għalkemm ikun hemm dual representation għall-kontinwità bejn Fund u bejn Bord, forsi jkun jagħmel iktar sens, kif se nispjega fl-emendi, li jkollok iċ-Chair u d-Deputy Chair. Jiġifieri jekk wieħed ikun Chair ta’ waħda, ikun Deputy tal-oħra, biex ma jiġix qisu qed jassumi kontroll jew chairmanship tagħhom it-tnejn.
Punt importanti ħafna li kien f’moħħna, u diġà kien hemm indirect provision għalih fil-Liġi kif tressqet quddiem il-Parlament, imma ma kenitx kategorika – hemm klawsola li ħalliet il-bieb miftuħ għaliha, u issa se nagħmluha speċifikament – hu li jkun hemm rappreżentanza għall-ENGOs. Aħna li ma rridux hu – nittama li din tittieħed fi spirtu kostruttiv – li nagħmlu struttura li tkun unwieldy għall-proċess parlamentari nnifsu. Allura, kif ġieli għamilna f’okkażjonijiet oħrajn fuq l-ENGOs, qegħdin nissuġġerixxu li ndaħħlu żewġ ENGOs fuq bażi konsultattiva, minflok ma nagħmlu picking and choosing kif nagħmlu aħna. Fl-imgħoddi kien hemm it-tendenza ta’ diversi gvernijiet li jagħżlu l-NGO, jew xi commercial entity bħall-GRTU, u jagħżlu anke l-individwu; imma din tista’ tibgħat sinjal ħażin – anke jekk il-Gvern ma jkollux skopijiet ulterjuri – għax tista’ tgħid li qed jagħżel lit-tali għax jikkritika inqas, jew huwa eqreb politikament lejn il-Gvern tal-ġurnata.
Din diġà qegħdin nagħmluha f’kuntest ta’ xi inizjattivi oħrajn li qed nieħdu bħala Ministeru fejn, jekk ikun hemm qbil, ngħidu li allokajna żewġ siġġijiet għall-ENGOs, waqt li fi stadju ulterjuri nkunu qegħdin nistiednu lis-sitt ENGOs ewlenin, imbagħad jagħżlu bejniethom jekk iridux iżommu lil xi ħadd permanenti jew tkunx on a rotating system. Their choice is our choice. Dan biex ħadd ma jgħid li qegħdin nagħmlu xi impożizzjoni ta’ individwi.
Hemm imbagħad xi emendi ta’ natura teknika, imma aħjar nieqaf hawn għax inkella nispiċċa nagħmel is-Second Reading! Ma nafx jekk l-Onor. Portelli u l-Onor. Farrugia jixtiequx jagħmlu xi kummenti. Nitlob lill-Prof. Simone Borg u lid-Direttur Kathiana Ghio biex jersqu mal-Mejda ħalli, jekk ikun hemm bżonn, jintervjenu.
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Onor. Brincat, ħadt pjaċir ħafna nisma’ l-introduzzjoni tiegħek, u apprezzajt ferm li diversi suġġerimenti li tressqu min-naħa tal-Oppożizzjoni u mill-kollegi l-oħrajn li tkellmu, se jittieħdu in konsiderazzjoni f’dan l-Abbozz. Forsi uħud minnhom ma jirriflettux eżattament ix-xewqat tagħna; però, kif għedt tajjeb inti fil-bidu, hawn qegħdin nitkellmu fuq l-ispirtu tal-liġi u, dment li l-ispirtu huwa what we intended to happen, inkunu nistgħu mmexxu bih.
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marlene Farrugia.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jien ukoll nixtieq nirringrazzja lill-Ministru Leo Brincat li sema’ s-suġġerimenti tagħna, ħalli fl-aħħar mill-aħħar ikollna liġi li tirrendi dak li qegħdin nistennew u nixtiequ minnha. Jien nemmen li jekk ‘il quddiem, mal-medda taż-żmien, ikun hemm bżonn li norqmu din il-liġi, m’aħniex se noqogħdu lura; però, it’s a good start, għax għallinqas nistgħu niftaħru li issa għandna qafas solidu li nistgħu nkomplu nibnu fuqu. Grazzi.
ONOR. LEO BRINCAT: Nirringrazzjak. Anzi, minn hawnhekk nagħmel l-appell u l-istedina, li jekk ikun hemm ċerti provvedimenti tal-liġi li fil-prattika ma jkunux qed jaħdmu kif suppost, mingħajr ma nipprova nagħmel sarima għall-kritika, tiddejqux tiġbdu l-attenzjoni tiegħi bħala Ministru responsabbli, anke jekk ma jkunux ikkontemplati emendi minnufih min-naħa tagħna. Jien nemmen li liġi mhux kemm tkun sabiħa fuq il-karta, imma kemm titħaddem fil-prattika. U ngħid ċar u tond li, jekk din il-liġi ma titħaddimx tajjeb fil-prattika, tkun a dead letter. L-isfidi li għandna quddiemna huma kbar, għax kif tafu daqsi jew aktar minni, l-obbligi mhumiex biss nazzjonali, imma reġjonali u ta’ livell Ewropew bħala stat membru, kif ukoll multilaterali.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jien naqbel mal-Ministru u, kif qal tajjeb ħafna, liġi tkun mejta jekk ma titħaddimx. Issa, jekk meta titħaddem jidhru xi nuqqasijiet li forsi s’issa għadna m’esperjenzajniex l-effett tagħhom, ibqa’ ċert li aħna se nkunu hemm biex ngħinu ħalli flimkien nibqgħu nagħmlu liġi ħajja li tirrendi lill-pajjiż dak li għandu bżonn kemm issa, kif ukoll fil-futur.
ONOR. LEO BRINCAT: Grazzi. Aħna għamilna xi emendi bis-sekwenza kif qegħdin quddiemi. Issa, Madam Chairperson, f’idejk. L-aħjar tiggwidana inti.
THE CHAIRPERSON: Ministru, l-ewwel se ngħaddu għal Klawsola 2 u tagħmel il-kummenti tiegħek fuq il-klawsola partikolari, imbagħad naraw x’għandhom xi jgħidu l-oħrajn, ħalli wara nkunu nistgħu nivvotaw. (Interruzzjonijiet) Issa l-Ministru se jgħid fuqiex tittratta dik il-klawsola partikolari very briefly.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiġifieri, inti qed tgħid li se mmissu anke dawk il-klawsoli li mhux qegħdin inbiddlu. Kollha, hux hekk, qed tgħid?
THE CHAIRPERSON: You don’t have to read it all.
ONOR. LEO BRINCAT: What I mean is, se nirreferi biss għal dawk il-klawsoli fejn hemm l-emendi, jew għall-klawsoli kollha?
THE CHAIRPERSON: Le, waħda waħda. Jekk din hija klawsola li għandha x’taqsam ma’ tifsir, sempliċement ngħidu li hija klawsola li fiha qegħdin infissru.

Klawsola 2 Tifsir
Clause 2 Interpretation
ONOR. LEO BRINCAT: Klawsola 2 hija tifsir, u tidħol f’diversi issues bħal x’inhuma emissjonijiet, x’inhuma gassijiet serra, x’inhuma sistemi ta’ klima, tibdil fil-klima u, għal min mhuwiex familjari, xi tfisser UNFCCC, u anke l-Unjoni Ewropea nnifisha.
THE CHAIRPERSON: Tajjeb ħafna. Hawn xi kummenti oħrajn? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 2. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 2 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 3 Objettiv
Clause 3 Objective
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.

ONOR. LEO BRINCAT: It-tielet klawsola hija importanti għax, għalkemm hija qasira, hija l-objettiv. Naħseb li liġi mingħajr għan ma tkun tfisser xejn, u naħseb li f’din il-klawsola l-għan jitkellem ċar u tond dwar x’tip t’azzjonijiet jipprovdi l-Att innifsu, fosthom il-kontribut dirett għat-tnaqqis fit-tibdil tal-klima, it-tip ta’ gassijiet serra u l-fatt li aħna, kif jaf kulħadd, frankament ma tantx qegħdin nagħmlu impatt fuq id-dinja bl-emissjonijiet tagħna, imma l-vulnerabilità tagħna fid-dawl tal-qagħda ta’ ħaddieħor fiċ-ċentru tal-Mediterran turi li hemm relevanza kbira lejha, u għalhekk it-tisħiħ tar-reżiljenza huwa importanti ħafna.
THE CHAIRPERSON: Hawn xi kummenti oħrajn? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 3. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 3 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 4 Dmir ta’ kull persuna li tieħu azzjoni dwar il-klima
Clause 4 Duty of every person to take climate action
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Klawsola 4 titkellem dwar id-dmir ta’ kull persuna li tieħu azzjoni dwar il-klima, u se nispjega għalfejn daħħalna l-kelma “persuna”. Hawn irrid insellem lin-nies legali li ġibduli l-attenzjoni fuqha: mingħajr ma nnaqqas mill-importanza tas-Soċjetà Ċivili inġenerali, imma meta tgħid “is-Soċjetà Ċivili” dak li jkun jaħseb li qed titkellem fuq xi grupp ta’ nies partikolari, mentri meta tgħid “persuna” tkun qed tindirizza lil kull ċittadin Malti, mill-iktar wieħed għani sal-iktar wieħed fqir, mill-iktar wieħed kwalifikat sal-inqas wieħed li għandu background edukattiv xieraq. Aħna jidhrilna – u llum ħarġet ċar iktar minn qatt qabel – li, frankament, l-iktar nies li jintlaqtu direttament mhumiex bilfors l-għonja; anzi, ħafna drabi, speċjalment kif naraw f’pajjiżi oħrajn ferm inqas żviluppati minna, il-foqra huma l-iktar vulnerabbli għal din it-theddida.
THE CHAIRPERSON: Grazzi. Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 4. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 4 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 5 Dmir u obbligi tal-Gvern
Clause 5 Duty and obligations of Government
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Fi Klawsola 4 nsibu d-dmir u l-obbligi tal-Gvern. F’din il-klawsola, qgħadna attenti li ma nitfgħux kollox fuq il-Gvern, ħalli nuru li din hija liġi ta’ kulħadd. Imma, ovvjament, imbagħad inkunu qed nonqsu mir-responsabbiltajiet tagħna jekk ma nitkellmux dwar id-dmir u l-obbligi tal-Gvern. Kif wieħed jista’ jara f’diversi subklawsoli ta’ klawsola 5, insibu inkorporati ħafna mit-tħassib, jew aħjar is-suġġerimenti li ntwerew fid-diskussjoni. Eżempju tipiku huwa dak li jingħad f’subklawsola 5 (f), li tgħid:
“... jippromwovi u jikkopera f’riċerki xjentifiċi, teknoloġiċi, tekniċi, soċjoekonomiċi u riċerka oħra.”
Dawn huma affarijiet li aħna l-politiċi la għandna l-ħin u lanqas l-abbiltà għalihom. Jiġifieri, hawnhekk implicitly, għalkemm neċessarjament we are not spelling out to academicians jew esperti fis-settur, min jaqra bejn il-linji jintebaħ ċar li qegħdin nipprovaw nindirizzaw ‘il-iktar nies kwalifikati li jistgħu jgħinuna għax, għalkemm ir-rieda politika hija importanti ħafna, bir-rieda politika biss, mingħajr il-back-up għar-research, technology, development u innovation, ovvjament din it-tip ta’ liġi ma tieħux il-ħajja li jixirqilha. Allura, ‘il hinn mill-involviment tal-ENGOs, għax dawk ipprovdejna għalihom separatament, hawnhekk qegħdin ngħabbu fuq spallejna d-dmir u l-obbligi tal-Gvern li, mhux biss jara li jsiru l-affarijiet, u mhux biss jagħmel dak li huwa responsabbiltà tiegħu bħala pajjiż sovran u stat membru tal-Unjoni Ewropea, imma li jinvolvi lil dawk kollha li jistgħu jimbuttaw dan il-proċess ‘il quddiem.
Kif jistgħu jikkonfermaw iż-żewġ Sinjuri esperti li hawn quddiemi, l-ikbar preokkupazzjoni tagħna – mhux bħala Gvern, imma bħala pajjiż – hi l-ikbar sfida li għandna quddiemna fuq it-tibdil tal-klima – li kważi lanqas toħroġ minn din il-liġi – jiġifieri l-capacity building, kemm aħna kapaċi nsibu nies speċjalizzati fit-tħaddim ta’ din il-liġi. Il-biża’ tiegħi mhijiex li se jkun hemm nies tajbin li se nagħtuhom il-ġenb, imma bil-maqlub, li aktar ma jikbru l-isfidi tul is-snin, mhux se jkun hemm nies attrezzati biżżejjed li jkunu verament professjonisti għal dan is-settur. We’re ready to take on board anybody biex ikun speċjalista f’dan is-settur, u nista’ niggarantilkom li żgur mhux se nżomm lura milli ninvolvi lil dawn in-nies.
Jien waqqaft an Advisory Scientific Council for the Environment li jirrapporta direttament lili fuq bażi purament volontarja. Dawn qegħdin hemmhekk bla ħlas, u nista’ nassigura li għażilthom kollha academicians bla ma ħarist bl-ebda mod lejn il-political orientation tagħhom – għax lanqas jinteressani x’inhi – u nista’ ngħid li qed jagħtu kontribut siewi. Jien involvejt lil dan it-tip ta’ nies li ġejjin minn klassi akkademika fuq kumitat konsultattiv għax għalija, jekk f’liġi bħal din ma jkollokx input ta’ nies akkademiċi li għandhom ċerta background u profondità li aħna l-politiċi m’għandniex ħin biżżejjed għaliha, inkun qed immur kontra dak li qed inħaddem fil-prattika to the best of my ability, għax ma jfissirx li dak li qed nagħmel jien kollu huwa tajjeb.
Kif tistgħu taraw, f’subklawsoli 5 (b) (c) (d) (e) (f) (g) u (h), anke jekk teħodhom individwalment, hemm firxa mill-iktar wiesgħa. Jista’ ikun li kien hemm xi elementi li ħallejnihom barra, imma meta tkopri kollox – it-teknoloġija, ir-riċerka xjentifika, il-bażi soċjo-ekonomika, l-edukazzjoni, it-taħriġ, eċċ. – l-importanti hu li, at the end of the day, bħal f’oqsma oħrajn, tkompli tikber il-kuxjenza taċ-ċittadini. Billi jkollna think tanks bejnietna u l-messaġġ tagħna ma jasalx għand iċ-ċittadin t’hemm barra, xorta ma nkunux ilħaqna l-iskopijiet tagħna. Allura, dehrilna li hawnhekk hawn firxa wiesgħa, u ta’ dan nirringrazzja lil min fassal il-liġi, imma ma niddejjaq xejn jekk hemm xi punti li xtaqtu żżiduhom ma’ dawn is-subklawsoli minn (a) sa (h).
THE CHAIRPERSON: Grazzi. Hawn xi kummenti oħrajn? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 5. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.

Klawsola 5 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 6 Prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni dwar il-klima
Clause 6 Guiding principles of climate action
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: F’din il-klawsola nsibu l-prinċipji. Ovvjament, ma jistax ikollok liġi mingħajr prinċipji. Il-Gvern, jifrex kemm jifrex is-setgħat, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet, naħseb li f’kull liġi, speċjalment f’liġi bħal din li, biex ngħid hekk, hija liġi ġdida fejn mhux sempliċement qegħdin nirtokkaw xi liġi eżistenti, huwa importanti li jkunu spelluti l-prinċipji li jirrigwardawha. Qed ngħid hekk għax issib ħafna nies li jgħidulek: Kollox sew, se tgħaddu Liġi dwar it-Tibdil tal-Klima, imma din hi xi gimmick u se tagħmluha hekk biex nimxu mal-moda? Għalfejn sejjaħtulha climate action u mhux climate change? Jien naħseb li meta wieħed jaqra u jixtarr il-prinċipji li qed jiggwidaw l-azzjoni dwar il-klima, jintebaħ bil-motivazzjoni u l-imbuttar ‘il quddiem, kif ukoll il-firxa wiesgħa li għandna f’moħħna. Kif tista’ tikkonferma Dr Simone Borg, li għandha esperjenza vasta f’dan il-qasam, nifhem li anke l-amministrazzjoni preċedenti kienet qed taħseb li tagħmel xi ħaġa f’din id-direzzjoni, u m’aħniex se noqogħdu ngħidu li wieħed wasal s’hawn u l-ieħor wasal iktar. Jien naħseb li fil-fehma umli tagħna, il-prinċipji li jiggwidawna m’għandhomx ikunu ta’ xi nuqqas ta’ qbil bejnietna. Once again, jekk hemm xi prinċipju li mhuwiex ċar jew taħsbu li tħalla barra, nemmen li issa huwa l-iktar mument xieraq biex nemendaw jew inżidu ma’ dak li għandna elenkat hawnhekk.
THE CHAIRPERSON: Grazzi. Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 6. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 6 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 7 – Strateġija nazzjonali ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju

Clause 7National low-carbon development strategy
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Chair, nipproponi din l-emenda:
“A” Fit-test Malti, fil-paragrafu (ċ) tas-subklawsola (1) tagħha, minflok il-kliem “tat-tneħħija tal-bjar”, għandhom jidħlu il-kliem “tat-tneħħija tagħhom mis-sinks”.
A” In the Maltese text only, in paragraph (c) of sub-clause (1) thereof, the words “tat-tneħħija tal-bjar” shall be substituted by the words “tat-tneħħija tagħhom mis-sinks”.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Wieħed mis-suġġerimenti li konna għamilna għal Klawsola 7 kien dwar fejn tidħol il-konsultazzjoni. Kif qiegħda bħalissa, il-konsultazzjoni għandha ssir ma’ kull Ministru li jkun kompetenti, li jkun qiegħed jaħdem, u li jkollu involviment fil-materja jew fl-istrateġija. Min-naħa tagħna, ħassejna li at this stage huwa importanti li jkunu involuti mhux biss il-Ministeri at different levels, imma wkoll is-Soċjetà Ċivili. Dan minħabba l-fatt li s-Soċjetà Ċivili għandha interess dirett, kif ukoll l-NGOs – speċjalment l-ENGOs – u anke l-pubbliku. Ir-raġuni għalfejn xtaqna li jkunu involuti fi stadju daqshekk kmieni hi li, jekk din il-liġi mhux se jkollha s-support tal-ENGOs, tas-Soċjetà Ċivili u tal-pubbliku, m’aħniex se nilħqu l-iskopijiet u l-għanijiet tagħha. Il-liġi hija waħda tajba, però ma nistgħux insarrfuha waħedna, u allura, jekk is-Soċjetà Ċivili hemm barra mhijiex se tifhem x’inhuma l-obbligi u tikkonsulta magħna biex it-targets li jiġu ssettjati jkunu reali u jkunu jistgħu jintlaħqu mis-Soċjetà Ċivili u mill-pubbliku, wisq nibża’ li ma nieħdux il-gwadann li nixtiequ nieħdu minnha.
THE CHAIRPERSON: Onor. Portelli, tista’ tgħidilna liema parti ta’ din il-klawsola tixtieq li tinbidel, u jekk għandekx xi emenda partikolari li tixtieq tressaq?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Aħna xtaqna nżidu subklawsola oħra ma’ dawk li diġà hemm.
THE CHAIRPERSON: Jiġifieri wara subklawsola 7(3)?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Jew inżidu subklawsola 7(4), jew inkella f’subklawsola 7(1), fejn hemm “il-Ministru għandu, b’konsultazzjoni ma’ kull Ministru ieħor kompetenti”, hemmhekk inżidu li jrid jikkonsulta wkoll mas-Soċjetà Ċivili, mal-NGOs u mal-Membri.
THE CHAIRPERSON: Nixtieq nieħu l-kummenti tal-Ministru qabel ma ngħaddi biex nara jekk nifformolawx l-emenda jew le.
ONOR. LEO BRINCAT: At this stage, nixtieq nistaqsi lil Prof. Borg – mhux biex ngħaddi l-ballun lilkom – imma aħna meta ddiskutejna l-liġi nnifisha, u anke l-enhancement tagħha, kienet inġibditli l-attenzjoni li, speċjalment fis-subklawsola ulterjuri 10(d), diġà emendajt provision, anzi hawn specific legal provisions to involve Civil Society and scientific Experts. Nitolbok tikkoreġini jekk jien żbaljat.
THE CHAIRPERSON: Nistieden lill-Ambaxxatur Simone Borg biex tintervjeni. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata
AMBAXXATUR SIMONE BORG: Li għamilna fil-fatt qed nissuġġerixxu li nżidu l-konsultazzjoni mal-ENGOs iktar ‘il quddiem. Kif hemm il-konsultazzjoni mal-MCESD, issir konsultazzjoni ma’ żewġ rappreżentanti tal-ENGOs. Però, jiena, Ministru u Onorevoli Membri, jien ma narax li jekk irridu nżiduha se toħloq xi problema. I would suggest li nżiduha f’subklawsola 7(1) wara “Ministru ieħor kompetenti”, biex it-test tkun flowing – ‘mal-Ministri, mas-Soċjetà Ċivili, eċċ.’
ONOR. LEO BRINCAT: Jiena ma nsib l-ebda diffikultà għax, la ma sibniex diffikultà biex ninkorporaw l-ENGOs u l-MCESD, żgur mhux se nipprovaw noħolqu Soċjetà Ċivili għall-pubbliku inġenerali. L-importanti hu li jkun proċess li ma jiġġamjax l-affarijiet.

Yüklə 250,25 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin