Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 497,64 Kb.
səhifə37/96
tarix07.01.2022
ölçüsü497,64 Kb.
#86854
1   ...   33   34   35   36   37   38   39   40   ...   96
ONOR. JOSEPH ABELA: Mr Chairman, meta tisma' d-diskors li jsir min-naħa l-oħra timmaġina li dan il-pajjiż kien miexi fuq ir-rubini, ma kellux problemi u li kulma għamilna aħna fi tliet xhur kien li kissirna kulma kienu għamlu. Pero' r-realta' hija differenti. L-ewwel ħaġa li sibna malli tlajna fil-gvern kienet li kellna dejn nazzjonali li laħaq record ta' Lm900 miljun u żbilanċ fin-nefqa kapitali li jlaħħaq Lm112-il miljun u dan meta kien proġettat li jkun ta' Lm38.9 miljun. Jien naqbel ma' l-Onor. Gonzi meta jgħid li għall-Partit Nazzjonalista ċ-ċittadin la jiġi l-ewwel u lanqas it-tieni, imma jiġi fin-nofs. Dażgur li jkun fil-qiegħ anzi, fil-qiegħ tal-ħofra li rnexxielhom iħaffru kemm damu fil-gvern. Minn fejn iridu jiġu s-servizzi soċjali?! Is-servizzi soċjali jridu jiġu mill-budget li jkun hemm, mill-flus li l-pajjiż ikollu biex jmexxi. Dak li għamlu n-Nazzjonalisti kemm damu fil-gvern! Ikkompromettew dak li l-Partit Laburista rnexxielu jdaħħal fis-sebgħinijiet u dak li l-Partit Laburista b'tant tbatija u b'tant sagrifiċċji rnexxielu jdaħħal matul is-snin, f'dawk li huma pensjonijiet, pensjonijiet tar-romol, pensjonijiet tal-ħandikappati u benefiċċji oħrajn. Dawn qatt ma kienu jeżistu qabel u kellu jkun il-Partit Laburista biex jintroduċihom. Qisu l-Partit Laburista ma jafx x'jiġifieri servizzi soċjali! Imma għan-Nazzjonalisti dan m'hu xejn u kulma jaf jagħmel il-Partit Laburista huwa biss li joħloq il-qgħad!
La qed nitkellmu fuq ix-xogħol, ta' min isemmi xi ftit figuri għax issemmew ħafna figuri u garanziji ta' xogħol li saru matul l-Amministrazzjoni l-oħra. Meta wieħed janalizza daqsxejn kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-impiegi tul l-Amministrazzjoni l-oħra - hawnhekk se jkolli naqra ftit figuri mhux ħażin - isib, per eżempju, li fl-1987 fis-settur tal-produzzjoni diretta fil-privat in-numru ta' impiegi kien ta' 36,123. Wara għaxar snin ta' Gvern Nazzjonalista, meta suppost konna qisna qed ngħixu f'xi ġenna fl-art, dan is-settur żdied biss bi 3,744 impieg għall-figura ta' 39,867. Imma anke hawnhekk insibu ċerti diskrepanzi u għalhekk tajjeb nispjegaw kif żdiedu l-impiegi fl-oqsma kollha.
Fil-qasam tal-manifattura fl-1987 kien hemm 28,163 impieg li sa l-1996 żdiedu għal 30,250 impieg. Jiġifieri f'għaxar snin f'dan il-qasam l-impiegi żdiedu biss b'2,087. Fis-settur tal-kostruzzjoni li n-Nazzjonalisti jgħidu li taħthom ħa r-ruħ u fejn il-prezzijiet splodew m'ogħla s-smewwiet minn 4,826 impieg fl-1987 ... (Interruzzjonijiet) - issa tkun taf għal xiex ġej għax għalhekk qed ngħid dan - sa Settembru 1996 kienu żdiedu għal 6,374. Jiġifieri bl-avvanzi kbar u l-qliegħ kbir li qalu li kien ġej minn dan is-settur tal-kostruzzjoni, l-impiegi żdiedu biss b'1,548.
Jekk inħarsu lejn is-settur agrikolu li wkoll jaqa' taħt is-settur tal-produzzjoni, naraw li fl-1987 kellna 3,134 impieg waqt li sa Settembru ta' l-1996 telgħu għal 3,234, jiġifieri żieda ta' 109 impiegi. Kif għidt iktar qabel, fis-settur sħiħ tal-produzzjoni f'għaxar snin kien hemm żieda ta' 3,744 impieg. Jekk imbagħad wieħed iħares lejn l-istatistika jara li bejn l-1987 u l-1994 iż-żieda kienet biss ta' 1,835 impieg, jiġifieri żieda medja ta' 262 impieg fis-sena. Fl-1995 biss iż-żieda f'dan is-settur kienet ta' 1,782 jiġifieri, fis-sena li daħlet il-VAT l-istatistika qed turi żieda fl-impieg daqskemm kien hemm fis-seba' snin ta' qabel. Hawnhekk ta' min jistaqsi kif f'daqqa waħda, f'din is-sena partikolari kien hemm dan in-numru kbir ta' impiegi? Fl-ewwel disa' xhur ta' l-1996 iż-żieda fl-impiegi fis-settur privat tal-produzzjoni kienet waħda minima, ta' 127. Allura la fl-1995 kien hemm din l-isplużjoni kollha, x'kien hemm speċjali f'dik is-sena? Jidher ċar li kien hemm xi ħaġa stramba għal din id-diskrepanza ta' madwar 1,500 impieg.
Jekk niġu għas-settur privat tas-servizzi, li skond l-istatistika jidher li kien il-mutur wara ż-żieda fl-impiegi fl-aħħar għaxar snin jidher li anke hawn għandna diskrepanzi kbar fl-istatistika. Bejn l-1987 u Settembru ta' l-1996 in-numru ta' impiegi f'dan is-settur tela' minn 30,819 għal 47,458, żieda ta' 16,639 impieg f'għaxar snin. Issa jien nistaqsi jekk din iż-żieda murija fl-istatistika hijiex waħda reali jew hijiex irregolari wkoll. Diġa' għidt li fis-settur privat tas-servizzi fl-1987 kien hemm 30,819 impieg li sa l-1994 telgħu għal 40,733, jiġifieri żieda ta' 9,914 impieg fi tmien snin jew medja ta' 1,416 fis-sena. Fl-1995 l-impiegi f'dan is-settur telgħu għal 46,582 jiġifieri żieda ta' 5,849 impieg f'sena waħda. Allura jista' jkun li dawn l-impiegi nkixfu wara li daħlet il-VAT? Mhux se nidħol fil-mertu jekk il-VAT għenitx biex titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa jew le, għaliex dak huwa argument ieħor. L-argument li qed nagħmel hawnhekk huwa għaliex f'sena waħda nħolqu 6,000 impieg. X'inhi r-raġuni għal dan?
Issemmew ukoll ħafna figuri dwar kemm żdiedu s-servizzi soċjali taħt il-Gvern Nazzjonalista, imma ma ntqal xejn dwar kemm żdied l-għoli tal-ħajja matul l-għaxar snin ta' Gvern Nazzjonalista. Aħna veru li wegħeda li jrid ikun hemm paga soċjali li biha l-familja tkun tista' tgħix b'paga waħda. Mela le! Għaliex le! Imma dan ma wegħedniex li nagħmluh fi tliet xhur, wegħeda li din tkun xi ħaġa li nagħmluha billi nieħdu l-miżuri li hemm bżonn, fuq dak li writna, ibati ftit kulħadd imma bil-mod naslu wkoll.
Issa nixtieq li nitkellem ftit fuq il-persuni b'diżabilita' u hawnhekk jidher li ż-żewġ naħat jaqblu fuq il-miżuri li ħadna. Naħseb li l-Accessibility Unit kienet xi ħaġa nieqsa ħafna fid-dipartimenti tal-gvern għax kien hemm bżonn kbir li tiddaħħal xi ħaġa li permezz tagħha nkunu nistgħu nagħmlu dawn id-dipartimenti aċċessibbli. Jien naqbel ħafna ma' dak li semma l-Onor. Gonzi li dawn id-dipartimenti għandhom mhux biss ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita' biex ikunu jistgħu jinqdew fihom imma anke biex jaħdmu fihom. Dik hija xi ħaġa li għandna naħdmu għaliha wkoll. Anzi jien inżid ħaġa oħra. Għaliex m'għandux ikun hemm rappreżentant mill-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita' fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Wara kollox hemm jiġu ppjanati proġetti pubbliċi u anke proġetti privati, li finalment jispiċċaw pubbliċi, bħalma huma bini ta' supermarkets u ċentri ta' leisure entertainment. Għaliex dawn m'għandhomx ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'? Miżura oħra pożittiva kienet il-bini ta' ċentru għat-taħriġ ta' persuni b'diżabilita' mentali li huwa meħtieġ ħafna għall-bżonnijiet ta' dawn il-persuni. La semmejna dan iċ-ċentru rridu nsemmu wkoll iċ-ċentri l-oħrajn u ngħidu li hemm bżonn li nimmotivaw lin-nies li qed jaħdmu fihom biex dawn iċ-ċentri ma jservux biss ta' respite service, jiġifieri li titfa' n-nies hemmhekk, xi ħadd jieħu ħsiebhom, tgħaddi l-ġurnata u kulħadd jitlaq lejn id-dar. Dawn għandhom ikunu verament ċentri ta' taħriġ u barra minn hekk għandu jsir pjan għall-persuni b'diżabilita' mentali b'mod li naħsbu fihom mit-twelid sal-mewt. Irrid ngħid li jiena ma naqbilx li lil persuni b'diżabilita' mentali nissegregawhom f'xi skejjel speċjali, imma nemmen li persuni b'diżabilita' mentali għandhom jitħalltu ma' tfal fi skejjel oħrajn u mbagħad nippjanaw għat-taħriġ u għax-xogħol tagħhom. Min-naħa l-oħra rridu nammettu wkoll li wħud minn dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jsibu xogħol u allura jkollhom bżonn ir-respite service, u għalhekk nemmen li għandna nipprovdu dan is-servizz ukoll. Pero' fejn jidħol taħriġ għandna nistmaw lil dawn il-persuni bħall-persuni l-oħrajn kollha.
Miżura oħra li kienet pożittiva u li semmejna fil-budget kienet l-għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu f'dan il-qasam mingħajr profitt. Huwa fatt pożittiv li l-Gvern qed jaħdem ħalli jkompli fuq dak li kien hemm qabel ukoll, jiġifieri li jgħin organizzazzjonijiet li jaħdmu mingħajr profitt fit-taħriġ ta' persuni b'diżabilita' mentali. Aħna konxji wkoll mill-fatt li hemm bżonn li ssir kampanja edukattiva għall-pubbliku għax jenħtieġ li l-pubbliku jkollu iktar fiduċja fil-persuni b'diżabilita', speċjalment fejn tidħol id-diżabilita' mentali. Jien nemmen li għandna nkunu nafu d-differenza vera li hemm bejn persuni b'diżabilita' fiżika u persuni b'diżabilita' mentali. Jekk tapplika l-liġi dwar it-2%, l-iktar li taffettwa ħażin hija lill-persuni b'diżabilita' mentali għaliex min iħaddem iktar jagħżel persuna b'diżabilita' fiżika peress li din tippreżenta anqas problemi minn persuna b'diżabilita' mentali. Anke hawnhekk hawn lok fejn naħdmu iktar ma' organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu mingħajr qliegħ għat-taħriġ ta' dawn il-persuni. Hemm bżonn li jsir taħriġ serju li jinvolvi anke job assimilation fejn inti ssib job li jkun adattat għall-bżonnijiet ta' dik il-persuna. B'hekk inkunu qegħdin ngħinu aktar fl-integrazzjoni ta' dawn il-persuni ħalli jkunu dejjem iktar ċittadini ndaqs. Grazzi.

Yüklə 497,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   33   34   35   36   37   38   39   40   ...   96




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin