THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Billi l-Gvern llum għoġbu jagħmel seduta mid-9.00 a.m. sa nofs il-lejl, u billi jidher li l-Ministru tal-Finanzi biss għoġbu jkun preżenti għad-diskors ta' l-Onor. Psaila Savona, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni Sur President, li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER:Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fid-9.49 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, kif kont qed ngħid m'hemm xejn ħażin meta gvern jissellef, basta r-raġuni tkun waħda tajba u valida. Aħna niftakru li l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni dejjem għamel propaganda li s-self huwa dejn imma llum il-ġurnata qed jibla' dak kollu li qal għaliex għal darba, darbtejn u tlieta ġie jitlob lil din il-Kamra l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista' jissellef. Kif diġa' għidt, is-self m'huwiex ħażin jekk ikun proġettat sabiex jgħolli l-livell ta' għajxien tal-poplu Malti.