Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə84/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   80   81   82   83   84   85   86   87   ...   232
part-time job li kellhom u hawn oħrajn li tilfu l-overtime. Kif kont qed ngħid, fejn jidħlu affarijiet ta' mard sar iktar diffiċli biex tinqeda u fil-każ ta' min ikollu bżonn jagħmel operazzjoni sar iktar diffiċli biex jagħmilha malajr jekk ma jħallasx il-belli liri f'xi sptar privat. Bħalissa qed tiġini f'moħħi l-edukazzjoni u nixtieq infakkar li qabel l-aħħar elezzjoni kien hemm għajta qawwija f'dan is-sens. (Interruzzjonijiet) Veru li fil-ġranet tas-sajf rajna ħafna skejjel jiġu rranġati u saritilhom il-manutenzjoni meħtieġa, imma għal dan kienet tirriferi l-għajta ta' l-Oppożizzjoni Laburista qabel l-aħħar l-elezzjoni? Jew kien hemm ħafna affarijiet oħra li kienu qegħdin jimmiraw għalihom u li sal-lum għadhom ma sarux? Jien naħseb li minħabba t-tnaqqis li kien hemm fl-istipendju ta' l-istudenti universitarji, min verament għandu l-kwalifiki akkademiċi mhux dejjem qed ikun jista' jidħol l-Universita'. (Interruzzjonijiet) Jien ma nistax nimmaġina kif l-Onor. Bartolo jista' jisma' dak li nkun qed ngħid jien filwaqt li joqgħod jaqra l-gazzetta! (Interruzzjonijiet) Madam Speaker, jien għandi rispett kbir lejn l-Onor. Bartolo imma kieku jkun daqsxejn umli u jipprova jifhem dak li nkun qed ngħid, forsi ma jerġax joħroġ b'interruzzjoni bħal din. Nixtieq li ma jeħux għalih imma jew joqgħod attent għal dak li nkun qed ngħid jew inkella ma jinterrompinix. Imma ħalli niġi għal punt iktar serju li forsi lill-Onor. Bartolo ma jolqtux.
Kulħadd jaf li hawn din il-biża' għax għadna ma rċevejniex il-kontijiet tal-dawl u l-ilma bir-rati l-ġodda. Xi wħud mill-hoteliers irċevewhom imma aħna għandna ma rċevejnihomx. Minħabba l-biża' li kien hawn matul dawn l-aħħar xhur għax għadna ma nafux x'se jkunu il-kontijiet, il-mod kif kull persuna qed tagħmel biex tqanċeċ fil-konsum tad-dawl u l-ilma hija sitwazzjoni patetika. Hija ħaġa tajba li wieħed ma jaħlix imma li bniedem jaħsibha darba darbtejn jekk jeħux banju, u jekk jieħu banju jrid jara li warajh jinħaslu t-tfal, u mbagħad jerġa' jara kif jutilizza dak l-ilma għal affarijiet oħra, hija sitwazzjoni tal-biki. (Interruzzjonijiet) Forsi din nikkonċediha b'element ta' ċajta imma meta xjuħ ta' 80 sena jgħidulek li qed ikollhom joqogħdu jġorru l-bramel biex inaqqsu l-konsum ta' l-ilma hija xi ħaġa li jekk ma tiġix wiċċ imb'wiċċ magħha ma tasalx biex tifhimha. Forsi l-Ministru Bartolo ma jiġix wiċċ imb'wiċċ ma' dawn l-affarijiet bħalma nagħmel jien. (Interruzzjonijiet)
Madam Speaker, nixtieq li dan il-Gvern jieħu bis-serjeta' l-mod kif inhu sejjer lura l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti mhux biss fl-affarijiet domestiċi li jolqtuh mill-viċin imma anke f'affarijiet oħra. Nistgħu ġenwinament ngħidu li l-livell ta' tindif tat-toroq għadu jsir bħalma kien isir qabel? Nistgħu ngħidu li d-distretti tal-kampanja għadhom jiġu milħuqa bħalma kienu jiġu milħuqa qabel? Dan jien nista' ngħidu għax ngħix fil-kampanja. Dan l-aħħar ġew inaddfu post li kien ilu xhur sħaħ abbandunat, tant li bilkemm setgħu jgħaddu l-karozzi minħabba l-ħaxix li tela' u l-iskart mormi hemm. L-istess ħaġa nista' ngħid għall-iżdingar li hemm fix-xtajtiet għax qatt ma rajna żdingar ta' din il-kwalita'. Huwa veru li l-mira tal-Gvern preżenti hi li nagħmlu iktar b'inqas imma bix-xejn m'aħna qegħdin nagħmlu assolutament xejn! Dalwaqt jibda Ġunju u f'pajjiżna nibdew naraw l-influx tat-turiżmu u madankollu l-kwantita' ta' alka li hemm f'kull beach li hawn min-north sas-south ta' Malta hija xi ħaġa ta' l-għaġeb, u din m'hijiex se titneħħa f'ġurnata.
Madam Speaker, qabel l-elezzjoni l-oppożizzjoni ta' dak iż-żmien kienu jgħajruna bl-istat tat-toroq u kienu jgħidulna li huma uniċi fid-dinja għall-mod kif inhuma miżmuma. Issa d-domanda tiegħi hija din: Matul dawn it-18-il xahar sar xi ħaġa sabiex dawn jiġu rranġati? Ġie utilizzat xi ammont mill-flus li dan il-Gvern issellef drabi oħra sabiex jiġu rranġati t-toroq prinċipali u dawk arterjali? Il-ftit xogħol li sar fit-toroq sar mill-kunsilli lokali u dan minkejja li tnaqqsulhom il-fondi. Jiġifieri dan il-Gvern bil-wiċċ tost kollu qed jiġi jitlob lil din il-Kamra sabiex tapprovalu s-self ta' somma bħal din meta l-ebda sold minnhom m'hu se jiġi utilizzat għal dawn is-setturi. Il-kunsilli lokali tnaqqsulhom il-fondi u allura fejn qabel kienu jgħinu lill-gvern ċentrali f'xogħlijiet żgħar li jolqtu lid-distrett tagħhom, illum naraw li m'humiex qed jirnexxilhom jagħmlu iktar b'inqas.
Madam Speaker, qabel l-aħħar elezzjoni kellna ħafna għajat kontra l-kriminalita', bil-Partit Laburista mill-oppożizzjoni jagħmel heyday bit-tixrid tad-droga u bl-attakki fuq l-anzjani. Imma nistgħu ngħidu verament li d-droga naqset matul dawn it-18-il xahar? Il-kriminalita' naqset? Is-swat fuq l-anzjani naqas taħt Gvern Laburista? Jien naħseb li ħadd ma jista' jgħid li dawn naqsu, speċjalment meta nafu x'kondizzjonijiet ġew mogħtija l-pulizija bir-revamp tagħhom. Din on paper tista' tgħid ħafna affarijiet tajbin fuqha imma meta titkellem ma xi kuntistabbli jew xi uffiċjal tal-pulizija, mill-ewwel jgħidlek li qatt ma missu xejn minn dan is-self li qed jagħmel il-Gvern għal darba wara l-oħra.
Dan l-aħħar f'Malta daħlet kriminalita' ġdida, li nispera li ma tiżdiedx - qed nirriferi għall-kriminalita' fuq it-tfal - u nixtieq li dan il-pajjiż jinnota kemm il-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni ma approfittax ruħu minn din il-mewġa ta' kriminalita' ġdida biex jattakka lill-Gvern. Jien naħseb li kieku din ġrat fi żmien meta l-Partit Laburista kien fl-oppożizzjoni, bħalma attakkaw lill-Gvern preċedenti fuq id-drogi, fuq il-kriminalita' u fuq is-swat ta' l-anzjani, kienu jaraw kif jagħmlu biex jitfgħu dell ikrah wara bieb il-gvern. Imma għall-grazzja t'Alla l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma waqgħetx għal din it-tip ta' propaganda baxxa.
Ftit taż-żmien ilu konna wasalna fi stat meta l-livell ta' l-għajxien tant kien qiegħed jogħla li kienet qamet public debate rigward jekk għadx hawn faqar. Fil-fatt min kien qal li għad hawn faqar u min kien qal li l-faqar f'pajjiżna m'għadux jeżisti. Kieku llum il-ġurnata nqanqlu debate ta’ din il-kwalita’ u niġu biex nistaqsu jekk għadx hawn faqar f'Malta, naħseb li n-nies li huma bla xogħol u li huma morda jidħku meta tistaqsihom jekk għadx hawn faqar għaliex m’hemm l-ebda dubju li llum il-ġurnata hawn sezzjoni kbira tal-poplu Malti li qed tbati l-faqar.
Madam Speaker, ma rridx intawwal imma nixtieq nirrimarka li hawn min qal li hija l-inkompetenza li qed twassal lill-Gvern biex jerġa' jitlob lil din il-Kamra l-approvazzjoni għal aktar self. Meta nqis kollox ma kollox ma ngħidx li huwa tort ta’ l-inkompetenza għaliex tista' targumenta li mhux kulħadd għandu d-don tal-kapaċita'. Kieku huwa tort ta' l-inkompetenza lanqas kont nagħti tort lil dan il-Gvern. Jien ngħid li dan huwa Gvern dilettant li qed jipprova jsolvi l-problemi ekonomiċi b'mod dilettantesk u fl-istess ħin qed jagħti dahru lill-Unjoni Ewropea. Jien kont immexxi d-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill ta’ l-Ewropa u għadni niftakar li meta konna fuq quddiem biex nidħlu fl-Unjoni konna naraw pajjiżi oħra, speċjalment Ċipru, dejjem jiġġerrew warajna u jaraw x’se nagħmlu aħna biex jipprovaw jikkupjawna. Qabel aħna konna dejjem fuq quddiem u dawn il-pajjiżi kienu jimxu fid-dell tagħna. Għalhekk illum il-ġurnata hija għafsa ta’ qalb għalija li nara lil pajjiżna jispiċċa jimxi fid-dell ta' ħaddieħor.
Madam Speaker, nappella lill-Gvern biex dan is-self li se jagħmel jutilizzah tajjeb u ma jagħti dahru lil ħadd. Nappellalu wkoll sabiex ineħħi l-arroganza u s-suppervja li għandu dwar deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu qabel ħalli l-poplu Malti jkun jista’ jerġa’ jibda jgawdi dak il-livell ta’ għajxien li matul dawn l-aħħar 18-il xahar ma kienx jaf x’inhu. Grazzi.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   80   81   82   83   84   85   86   87   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin