THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Nixtieq niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m’hawnx quorum. THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-8.22 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT:Sur President, qabel ma ssospendejna kien hawn talba għal extension u jiena għajjat għal quorum. It-talba għal extension għadha ma ġietx proposta u ssekondata.
THE DEPUTY SPEAKER: Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Frendo jkompli jinstema’.
ONOR. AUSTIN GATT: Nipproponi li jkompli jinstema’.
ONOR ĊENSU GALEA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Frendo jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. MICHAEL FRENDO: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha. Kont qiegħed ngħid li huwa importanti li l-kwestjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u l-kwestjoni tal-free trade area tiġi ttrattata bl-aktar mod serju, anke fid-diskussjoni fuq din il-liġi. Din il-kwestjoni għandha rilevanza diretta għal dak li qed niddiskutu llum. Għaliex dan il-pajjiż għandu jiġi ffaċċat b’liġi ta’ din il-kwalita' mingħajr ma naraw x'alternattivi seta’ jkollu kieku kompla għaddej fit-triq li kien qabad? Dik kienet triq tajba, triq li kienet tagħmel ħafna sens għar-rigward tal-futur ta’ pajjiżna u t-triq li Malta għandha ssegwi. Aħna qatt m’għidna hekk sempliċement b’emozzjoni jew għax irridu nkunu Ewropej aktar mill-Ewropej. Qatt m’għidna hekk sempliċement għaliex dak huwa xi konċett li taqra fuqu fil-kotba imma għidna hekk biss għaliex dejjem emminna li dik hija t-triq fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. Sur President, meta jaraw dawn il-problemi ekonomiċI kollha n-nies ġustament jistaqsu: Għaliex Malta ma baqgħetx għaddejja f’din it-triq li setgħet tgħin finanzjarjament lil pajjiżna?
M’hi qed tingħata l-ebda spjegazzjoni għaliex il-Gvern Laburista qed jagħżel il-free trade area. Il-Gvern mhuwiex qed jagħmel l-ispjegazzjonijiet ta’ x’inhuma l-vantaġġi ta’ din il-free trade area. Il-pubbliku u l-membri ta’ dan il-Parlament għandhom dritt jistaqsu x’inhuma l-vantaġġi ta' free trade area ma’ l-Unjoni Ewropea. Għaliex din tkun aħjar milli kieku nkunu sħab? Jew għaliex għandu jkun aħjar illi ma jkollok l-ebda relazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea?U x’sar minnha l-industrial free trade zone li konna nisimgħu biha qabel l-elezzjoni u li issa f’daqqa waħda saret free trade zone? Dawn kollha huma affarijiet li sfortunatament f’dan il-pajjiż għadhom qed joħolqu konfużjoni u inċertezza kbira. Minn mindu l-Malta Labour Party ħa l-gvern f’idejh, inħolqot inċertezza illi bħala pajjiż bl-ebda mod ma nistgħu neħilsu minnha. Dawn huma problemi li l-Gvern għandu r-responsabbilta’ li jindirizza u għandu jindirizzahom jekk irid li jerġa’ jqajjem l-attivita’ ekonomika f’dan il-pajjiż. Meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, l-Onor. Fenech Adami kien qal li jekk l-għażla ta’ Malta li tidħol fl-Unjoni Ewropea tiġi b’xi mod questioned, se jkollna problemi ekonomiċI kbar. Fil-fatt dik hija r-realta’. Għaliex hija dik ir-realta’?
Irridu nammettu, Sur President, li dik il-parti tas-soċjeta’ tagħna li hija magħmula minn nies ta’ inizjattiva ekonomika, nies ta’ inizjattiva li biha jieħdu r-riskji, nies li jagħtu l-kontribut tagħhom biex Malta timxi ‘l quddiem, iridu jkunu jafu x’inhija d-direzzjoni. Din m’hijiex xi ħaġa kbira imma hija xi ħaġa importantissima u hija xi ħaġa li tolqot b'mod dirett dak li għandna quddiemna llum bħala Parlament. Per eżempju, nafu li pajjiżi illi għażlu li jsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea, bħal Spanja u l-Portugall, attiraw aktar investiment minn barra l-Unjoni Ewropea, bħalma huwa investiment Ġappuniż u investiment minn pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk, malli saru membri, il-Portugall u Spanja kellhom influss konsiderevoli ta’ investiment mill-pajjiżi li kienu diġa’ membri ta’ l-Unjoni, jiġifieri kien hemm moviment ta’ investiment ukoll fi ħdan l-Unjoni stess. Dan huwa t-tip ta’ investiment illi huwa importanti għalina. Għal min jistaqsi x’inhi d-differenza bejn li tkun membru u li ma tkunx, essenzjalment id-differenza hija li min forsi ma jafekx daqshekk mill-viċin ikun jaf li inti għandek it-timbru ta’ pajjiż stabbli u pajjiż li jagħmel parti minn suq kbir. Int ikollok timbru ta’ pajjiż li meta tinvesti fih ma tistenniex li r-regolamenti jinbidlu minn ġurnata għall-oħra u pajjiż li jimxi b’mod sinkronizzat mal-bqija ta’ l-ekonomija Ewropea. Fuq kollox ikollok timbru ta’ pajjiż li jifforma parti mill-aktar area ekonomika b’saħħitha illi hawn fid-dinja tal-lum. Huwa importanti ħafna illi wieħed jikkonsidraha din għaliex il-fatt li dan il-Gvern għamel l-għażla illi ma jidħolx qed jitfa’ lil pajjiżna lura.
Ma ngħidx illi kien effett tremend illi l-Gvern għamel l-għażla li Malta ma tidħolx fil-