THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Debono Grech, ġib ruħek aħjar. Kompli Onor. Frendo, għandek il-protezzjoni tas-Sedja.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Sur President, kont qed ngħid li x-xhur twal ta' propaganda li għamlu issa daru kontra tagħhom. Dik hija r-realta’ tal-ħofor, biex ma nsemmix ukoll it-trawma tal-bidla mill-VAT għas-CET. U din ukoll kellha effetti kbar fuq l-ekonomija għaliex kompliet ittawwal l-inċertezza illi kien hawn fil-pajjiż. Din l-inċertezza għadha magħna u sfortunatament tiżdied tista' bid-diskors dwar il-free-trade area u bil-possibbilta' - jew aħjar probabbilta' - ta' aktar bidliet fir-reġim fiskali. Dawn m’humiex affarijiet li jagħmlu ġid lil pajjiżna. Dawn huma affarijiet illi lil pajjiżna joħolqulu effett ta’ inċertezza kbira u din hija waħda mir-raġunijiet għaliex l-ekonomija taħt dan il-Gvern simply has not taken off. Id-deċiżjonijiet politiċi tal-Gvern iġġammjaw l-ekonomija. Ħafna nies qegħdin jistaqsu x’inhi d-direzzjoni u l-programm politiku ta' dan il-Gvern. Ħafna nies qegħdin jaraw li fil-fatt dan huwa gvern li qed jiġġestixxi l-poter pero’ li m’għandux direzzjoni ċara ta’ fejn irid imur. U dan diġa’ tkellmu fuqu anke sħabi hawnhekk. Hemm bżonn ta' diskors ċar dwar l-Unjoni Ewropea u diskors ċar dwar kif għandna nfittxu li nagħtu direzzjoni lil dan il-pajjiż, għaliex mingħajr direzzjoni ċara n-nies ma jistgħux jinvestu. Jekk ma jkunx hawn direzzjoni ċara l-problema tad-deficit se tibqa’ magħna wkoll. Jekk ma jkunx hawn direzzjoni ċara l-ekonomija tagħna mhux se tikber, u jekk l-ekonomija ma tikbirx il-Gvern se jibqa’ jkollu l-problemi tiegħu ta’ likwidita’. Dawn il-problemi ma tistax issolvihom sempliċement billi żżid it-taxxi. Trid issolvihom billi tkun kreattiv u billi tipprova toħloq ix-xogħol u toħloq attivita’ ekonomika aktar mifruxa. X’qed jagħmel il-Gvern dwar dan?
Waħda mill-affarijiet li qed jagħmel il-Gvern hija l-privatizzazzjoni. Din hija waħda mill-affarijiet li l-Gvern qiegħed jaħdem fuqha u qiegħed jenfasizza ħafna fuqha. Naturalment jiena diġa’ tkellimt f’din il-Kamra fejn għidt li ħafna nies skantaw illi l-Malta Labour Party telaq fuq din il-linja bil-ġirja meta qabel l-elezzjoni l-partit kien kompletament kontra tagħha. Naħseb li hemm ukoll min qed jistaqsi jekk l-affarijiet sarux bil-ġirja wisq u hux qegħdin nagħmlu l-privatizzazzjoni in a panic. Ejja nieħdu l-Maltacom, kumpannija li qiegħda fi stadju li tiġi pprivatizzata. Aħna diġa' ppronunzjajna ruħna f’dan il-Parlament favur din it-tip ta’ privatizzazzjoni. Il-Maltacom, kumpannija li suppost kienet falluta, se tinbiegħ u issa naraw jekk hux veru li kienet falluta. Nisperaw li dan l-eżerċizzju jkun ta' ġid għal pajjiżna, għax aħna rridu biss il-ġid ta’ pajjiżna, inkunux fil-gvern jew fl-oppożizzjoni. Madankollu rridu ngħidu ċerti affarijiet ukoll. Irridu ngħidu, per eżempju, li dan huwa gvern li jiġri biex jagħmel l-affarijiet u jista’ ma jkunx qed jieħu l-aqwa benefiċċju mill-affarijiet minħabba l-panic li għandu, għaliex m’huwiex kapaċi li joħloq il-ġid, għaliex m’huwiex kapaċi jkun kreattiv u jqajjem attivita’ ekonomika. Dan il-Gvern qiegħed ibigħ il-family silver u issa qed ibigħ 40% tal-Maltacom.
Sur President, jekk wieħed iħares lejn kif isiru l-privatizzazzjonijiet ta’ ħafna kumpanniji tat-telekomunikazzjoni - mhux qed ngħid għal kollha, għaliex kull pajjiż għandu l-istil u d-deċiżjonijiet tiegħu x’jagħmel - jiskopri illi min mexa’ bil-għaqal ma biegħx 40% ta' l-ishma ta' kumpannija li tkun kibret ħafna. F'pajjiżi oħrajn, min ikun bil-għaqal ibigħ 10%, 15%, 20% jew forsi 25% ta’ l-ishma ta’ soċjeta’ li tkun il-main carrier, kif inhi l-Maltacom. Min ikun bil-għaqal jieqaf hemmhekk u fit-tieni stadju jerġa jbigħ biċċa oħra minn dak l-istock illi jkun baqagħlu. Ħafna pajjiżi li għamlu hekk irriżultalhom illi fit-tieni stadju l-pajjiż jaqla’ ħafna aktar milli jaqla’ fl-ewwel stadju. Imma dan il-pajjiż, bil-politika tal-Malta Labour Party, huwa pajjiż illi qed ibigħ in a panic. Huwa pajjiż li jrid ibigħ bilfors għaliex mhuwiex kapaċi joħloq ix-xogħol, mhuwiex kapaċi jqajjem l-ekonomija u allura jrid ibigħ dawk l-affarijiet li żviluppaw, ssaħħew u kibru meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern. Jista’ jkun illi l-Gvern se jdaħħal ammont sostanzjali f’miljuni ta' liri - u aħna nisperaw li jkunu ħafna dawk li jinvestu f’kumpanniji bħal dawn - imma kieku wieħed mexa’ b’aktar għaqal seta’ jkollu ħafna aktar. Din il-kritika qed nagħmilha għax qed nitkellmu fuq sitwazzjoni ta’ deficit u allura huwa aktar ħażin illi nbiegħu l-affarijiet in a panic. L-affarijiet iridu jkunu pprivatizzati imma pprivatizzati b’aktar studju, b’aktar sens u b’inqas għaġġla. Din hija xi ħaġa li fir-realta' tkun ta’ telf għall-poplu Malti jekk wieħed ma jdaħħalx daqskemm suppost idaħħal. Investiment f’dan il-pajjiż sar ħafna u hemm bżonn li ċerti setturi jiġu żviluppati aktar, b’mod li ma jkollniex bilfors nitfgħu burden dejjem akbar fuq it-taxpayer, b'modli nkunu kapaċi noħolqu x-xogħol u noħolqu attivita’ ekonomika bl-ideat u bil-kreattivita’ tagħna. Jiddispjaċini ngħid li bħalissa l-kreattivita’ hija nieqsa għall-aħħar.
Jiena skantajt meta ġie ppreżentat il-proġett tal-Kottonera biex nibnu yacht marina fil-Port il-Kbir. Skantajt għax meta ġie ppreżentat dak ir-rapport ingħatat l-idea li dan kien xi rapport li sar fi żmien dan il-Gvern. Il-verita' hi li dak ir-rapport kien tlesta mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern u kien parti mill-istudji illi kienu saru wkoll in conjunction mal-Planning Authority biex jintgħażel l-aħjar sit għal yacht marina oħra. Jien ma rridx ngħid li l-ideat huma xi monopolju ta’ xi ħadd imma b’umilta’ ngħid li l-kreattivita’ fi żmien Gvern Nazzjonalista kienet ħafna aktar qawwija u kontinwa. F’dan il-pajjiż in-nies kienu jgorru li kienu qed isiru wisq affarijiet malajr. Illum is-sitwazzjoni hi bil-maqlub. Illum il-Gvern għandu l-problema li jrid joqgħod idur fuq il-poplu biex jiġbor il-flus, għaliex il-Gvern m’għandux l-ideat u m’għandux il-kreattivita’ neċessarja biex lil dan il-pajjiż jagħtih postu u jagħtih l-iżvilupp neċessarju ekonomiku. U fejn għandu xi ftit ideat, dawn huma ideat li kienu għadhom ma twettqux mill-Gvern Nazzjonalista. Jagħmel sew illi dawk l-ideat jeħodhom, imexxihom u jkabbarhom, u eżempju ta' dan hija l-idea tal-cruise liners.
Fil-fatt l-idea tal-cruise liners hija idea importanti ħafna illi ssegwi l-idea ta' kif wieħed għandu jiżviluppa l-Port il-Kbir, għaliex il-proġett tal-Kottonera huwa marbut mal-funzjoni tal-Port il-Kbir ukoll. Huwa imporanti ħafna li ma nitilfux iċ-ċans f’dan il-pajjiż illi nagħmlu x-xogħol biex inkabbru l-kummerċ li jiġi mill-cruise liners. Dwar dan issemma’ ħafna minn dan il-Gvern imma fil-verita' din hija idea li ħaduha mill-Gvern ta’ qabel, idea tajba, u tajjeb li wieħed jiżviluppaha. Il-ħażin hu li wara l-elezzjoni, malli ħadu l-gvern f’idejhom, il-Malta Maritime Authority kellhom jattendu konferenza fuq il-cruise liners u naf li dik il-konferenza ma marrux għaliha għax xi ħadd qal li ma ridhomx jonfqu flus fix-xejn. Dan huwa ħażin għax biex jieħu ħsieb id-deficit il-Gvern m'għandux jaħseb b’dan il-mod. Li qed jiġri f’dan il-pajjiż huwa li mhux talli l-ekonomija m’hijiex qed tespandi, talli l-ekonomija qiegħda kontinwament dejjem aktar tirrestrinġi ruħha u l-mentalita’ li biha miexi l-Gvern hija mentalita’ li l-ekonomija jagħmilha aktar ristretta milli hi llum. U dan huwa ta’ periklu enormi f’pajjiż żgħir li m’għandux riżorsi naturali. Pajjiż bħal tagħna jrid ikollu mentalita’ li jespandi kemm jiflaħ l-ekonomija tiegħu biex din tkun waħda vibranti, bħalma kienet meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern. Ma jagħmilx sens li wieħed jieħu atteġġament illi biex jiffranka li jmur konferenza, jirriskja illi jitlef l-opportunita’ li jkabbar il-business tal-cruise liners.
Qed nitkellmu fuq business li fil-Mediterran huwa ntiż li f’dawn is-snin li ġejjin jikber għal madwar xi 6 miljuni, u Malta trid tipparteċipa fih. Din m’hijiex kwestjoni li tieħu parti sempliċement għaliex jinkluduk fir-rotot tagħhom jew inkella ma tieħu xejn jew tieħu ftit. Baqa’ ħafna xi jsir f’dan is-settur biex inkunu nistgħu noħolqu l-ġid u ma niġux aktar f’din is-sitwazzjoni fejn il-Gvern m’huwiex kapaċi li jdaħħal il-fondi neċessarji biex imexxi l-affarijiet tiegħu. Dan settur li ġie managed mill-Gvern Nazzjonalista b’mod li mhux talli kabbarnih talli anke għamilna taxxa ta’ Lm4 fuq kull ras għal kull min jiġi fuq cruise. U minkejja li wara l-elezzjoni ma tantx ingħataw girlandi lil min imexxi u jaħdem fil-Malta Maritime Authority, nistgħu ngħidu li din l-organizzazzjoni għamlet ħafna ġid u sena wara sena sena għaddiet flus lill-Erarju. Fil-fatt din tat anke sa Lm2 miljun mill-qligħ tagħha u kkontribwiet għad-dħul tal-gvern, apparti naturalment mill-kontribut tagħha biex tkompli tkabbar dan is-settur. Dan li għandna quddiemna llum huwa dak li jirriżulta meta jkollok gvern illi jħares lejn il-politika bħala eżerċizzju ta’ propaganda u ma jagħtix kas assolutament ta' l-effett ta' l -istess propaganda fuq il-pajjiż. Kif diġa' għidt, din qed taġixxi bħal boomerang u qed tolqot lill-Gvern stess. Sfortunatament meta tolqot lilu stess din tkun qed tolqot ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Kien hawn ukoll diskors fuq l-Unjoni Ewropea u fuq il-free trade zone. Bla dubju ta’ xejn dan huwa diskors importanti u huwa diskors rilevanti ħafna għal dak li qed niddibattu llum. Huwa diskors li għandu x’jaqsam ma’ kif inħarsu lejn l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u kif irridu li aħna niffinanzjaw dak l-iżvilupp. Hija xi ħaġa magħrufa minn kulħadd illi l-akbar kontribut li l-Unjoni Ewropea tagħti, partikolarment lil dawk il-pajjiżi membri illi ma jilħqux it-threshold ta’ ġid li l-Unjoni Ewropea tippretendi, huwa għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura. L-aktar nefqiet kbar li għandu bżonn jagħmel pajjiżna huwa proprjament f'dan is-settur. Hemm min jagħmel kalkoli li dawn kienu se jagħtuna xi Lm80 miljun. Jiena ngħid illi huwa diffiċli li tasal għal kalkolu preċiż imma meta tara kif ħadmu f’pajjiżi oħrajn, ma tistax ma tgħidx li Malta se titlef ħafna. Diġa’ qed nitilfu u hemm iċ-ċans li nkomplu nitilfu għal żmien twil. Meta nirriferi għall-infrastruttura nkun qed nirriferi għal kif tipproduċi l-ilma u d-dawl, għal kif tibni t-toroq u kif tibni l-mollijiet, u nkun qed nirriferi għal dawk l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-trasport u t-telekomunikazzjoni. Dawn kollha huma affarijiet li huma fil-qalba ta’ l-ekonomija ta’ kull pajjiż imma aktar u aktar fil-bażi ta’ pajjiż żgħir li jrid iżomm l-ekonomija tiegħu miftuħa għall-kompetittivita’ ma’ pajjiżi oħrajn fuq livell internazzjonali. Huwa ferm importanti li pajjiż bħalma hu tagħna jsaħħaħ l-infrastruttura tiegħu kontinwament. Pajjiżna m’għandux riżorsi naturali u allura jrid jikkompeti permezz ta’ infrastruttura mill-aqwa u mhux permezz ta' infrastruttura medjokri. Pajjiżna ma jistax jaffordja li jkollu infrastruttura medjokri għax dik tista’ taffetwah b’mod illi ma tħallihx jikkompeti internazzjonalment; u jekk Malta ma tidħolx fl-Unjoni Ewropea se titlef immensament mill-għajnuna li tingħata. Il-prova ta' dan tinsab anke fl-istorja ta’ kif ġraw l-affarijiet.
Per eżempju, l-Irlanda bniet l-infrastruttura tagħha b’għajnuna kbira mill-Unjoni Ewropea, b’mod illi llum min imur hemm jgħidlek li dak huwa pajjiż li ma tagħrfux minn kif kien qabel. Qed nitkellmu fuq pajjiż li wkoll m’għandux riżorsi naturali kbar. Huwa pajjiż li għadda minn faqar kbir fl-istorja tiegħu, li qiegħed fil-periferija ta’ l-Ewropa u jrid jaħdem biex jiġbed dik l-attivita’ ekonomika li l-qalba ta’ l-Ewropa teħodha for granted. Qed nitkellmu fuq pajjiż li qiegħed fl-Unjoni Ewropea u għandu wkoll setturi ta’ servizzi finanzjarji, pajjiż li jikkompeti direttament magħna, imma pajjiż li għandu din l-għajnuna dieħla u aħna m’għandniex. U l-aktar ħaġa li l-poplu Malti qed jistaqsi llum hija: Għaliex aħna rrinunzjajna għall-vantaġġ li kellna fir-relazzjonijiet tagħna ma’ l-Unjoni Ewropea? Konna fuq quddiem nett biex nidħlu membri u mingħajr ma nnegozjajna t-termini tagħna u mingħajr ma rajna eżattament din x’se tfisser punt punt, qbadna u ffriżajna l-applikazzjoni.