"The final date for submission by candidates is January 27, 1998". Jista' l-Gvern jgħidilna sa dik id-data, li hu kkonferma wkoll b'avviż fil-gazzetti lokali, kemm kellu offerti serji? Tant kien fiduċjuż il-konsulent tal-Gvern li kien se jkun hemm xi queue twil ta' applikanti li joffru biex jidħlu għal dan il-proġett, li dan qal:
"We will then invite the finalists ...".
- kienu qed jimmaġinaw li kien se jkun hemm xi tellieqa preliminari bejn Jannar u Mejju -
"... to prepare a detailed submission based upon the development brief for the property which is currently being prepared by the local Planning Authority". Qalilhom li dan irid ikun finalizzatsa l-aħħar ta' Frar. Ġara dan jew ma ġarax? Dan kollu li qed nikkwota ntqal waqt il-launching fil-preżenza tal-Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Onor. Joe Mizzi.
"After the finalist developers receive the development brief, they will independently prepare their own market and financial studies over the next few months, say during the period March to May 1998", u bis-"say" bqajna għax assolutament ma ġara xejn minn dan kollu. Imma ħalli nkompli nitkellem aktar dwar l-ottimiżmu ta' dakinhar.
"Please note that the losing teams ..." - tant kien se jkun hemm min jiddejjaq li jitlef! -
"... will be returned their deposits and receive a modest stipend for their efforts". Jiġifieri fiż-żmien li dawn kienu qed jagħtu d-daqqa finali lill-istudenti u naqqsulhom l-istipendju, kienu qed jitkellmu fuq stipendju ieħor. Qalulhom biex jipparteċipaw u mbagħad jagħżlu erba' finalisti, u dawk li ma jkunux fil-final m'għandhomx għalfejn jinkwetaw għax barra li jingħataw id-depożitu lura, jingħataw ukoll speċi ta' rigal żgħir talli jkunu għamlu l-pjanti, il-market studies u l-feasibility studies. Fuq kollox kienu se jingħataw dan id-diskors fil-preżenza ta' l-Onor. Mizzi fis-27 ta' Mejju! Jekk wieħed isegwi r-rapporti sussegwenti fil-gazzetti jara li kien hemm numru żgħir ta' ditti li indikaw interess sa l-aħħar ta' Frar, imma m'hemm ebda paragun ma' dak li l-Gvern stenna. Illum għadna fil-baħħ. F'dan il-każ fil-veru sens tal-kelma sparaw għall-ajru u ma laqtu xejn!
Qed insemmi dawn iż-żewġ provi minn diskors tal-Gvern stess għaliex il-Gvern, bil-pompa, bl-eżerċizzji ta' propaganda, bl-użu ta' dan il-kliem kollu jgħid li se jkollna multiplikazzjoni ta' inizjattivi ġodda imma fir-realta' bejn il-kliem u bejn dak li jiġri għandek il-baħħ. Mela issa mhux biss il-baħħ tat-teatru bħala teatru, issa l-baħħ ukoll ta' offerti li jimxu ma' dak li talab il-Gvern, għaliex kumpannija għamlet offerta bla bid bond u l-oħra, flok tgħid lill-Gvern li se timxi mal-kondizzjonijiet li jrid hu, tgħidlu bil-maqlub.
Sur President, għandna l-proġett l-ieħor tas-sebgħin sular f'Paceville, liema proġett kien ġie launched fis-27 ta' Novembru, 1997. Bil-kliem intqal li se ssir l-għażla finali bejn l-erba' finalisti sa Mejju. Tant kien se jkun hemm nies li jikkonkorru li saħansitra kienu se joqogħdu jħallsuhom lura ta' l-ispejjeż u jagħtuhom id-depożitu lura u stipend miegħu! U llum x'inhi s-sitwazzjoni? Dan hu t-termometru issa, apparti l-kejl li semmejt qabel, li qed jipproponi l-Gvern preżenti bl-eżerċizzji ta' propaganda tiegħu biex nippruvaw nikkalkolaw x'qed jiġri. Hawnhekk għandna riżultat ċar għal min irid jarah. Naturalment wieħed jista' jirriferi għal proġetti oħrajn.
Saret riferenza għall-proġett tal-Kottonera, fejn kellna stqarrija mill-Viċi Prim Ministru li ġie magħżul consortium biex imexxi l-proġett - saħansitra l-consortium ġie indikat b'ismu hawn ġew fil-Parlament - imma mbagħad qrajna li l-Gvern kien reġa' bdielu. Hemm ukoll domandi serji li qed isiru f'dan ir-rigward, u min għamel l-istqarrija fil-Parlament biex jinformana preċiżament x'suppost se jiġri ma ħassx is-sens tad-diċenza u s-sens tas-serjeta' li ġaladarba hemm tibdil, jerġa' jiġi fil-Parlament u jgħid x'inhu t-tibdil ħalli aħna nagħmlu l-mistoqsijiet li hemm bżonn isiru u li qed isiru fil-pajjiż f'dan ir-rigward.
Hemm ukoll il-proġett ta' Manoel Island. Dwar dan il-proġett diġa' kien hemm diskussjoni ma' l-amministrazzjoni preċedenti. Nafu wkoll li l-Gvern indika li hu dispost jagħti l-art b'titlu ta' ċens perpetwu u l-unika kjarifika li għamel il-Gvern kienet fejn qal li dan iċ-ċens ma jinkludix is-siti purament storiċi li hemm fuq dik l-art. Dan ifisser li l-Gvern qed jikkonferma li l-kumplament ta' l-art irid jagħtiha b'ċens perpetwu. Hawn ukoll m'għandna l-ebda indikazzjoni f'dan il-Parlament dwar liema direzzjoni sejjer jaqbad il-Gvern.
Mela jekk nieħdu l-kejl ta' proġetti li qed jagħmel il-Gvern biex isaħħaħ l-infrastruttura, żgur m'hemm l-ebda paragun ma' proġetti li saru bejn l-1987 u l-1996. Dawk il-proġetti kienu saru biex verament ir-roti ta' pajjiżna jibdew iduru. Pajjiżna kellu problema ta' ilma fil-vit u saru proġetti biex ikollna l-ilma li hemm bżonn. Sar il-proġett tal-power station biex pajjiżna, li jrid jattira lill-industrija, ma jgħidx lill-industrijalist li jiġi hawn li ma jistax iqabbad il-makni għaliex ma jistax jiggarantilu kemm se jkollu dawl elettriku. Għat-turisti aħna rajna li dawn ikollhom air terminal diċenti li jilqagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu min martirju biex jiġbru l-bagalji tagħhom.Dawn barra li rranġajnas-settur tat-telekomunikazzjoni u s-settur bankarju. Dak kien l-investiment u taħt dan il-kejl il-Gvern qed ifalli b'mod assolut.
Hawnhekk naturalment wieħed jirriferi wkoll għal diversi argumenti li saru fuq id-direzzjoni ta' pajjiżna fil-qasam tal-politika barranija u rigward il-ħtieġa li Malta tkompli bin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Jiena jiddispjaċini nisma' kliem li llum ma nafx fejn għadek tisimgħu. Jidhirli li fl-intervent tiegħu l-Onor. Anġlu Farrugia qal li jekk aħna nissieħbu fl-Unjoni nitilfu s-sovranita' tagħna. (Interruzzjonijiet) Veru li aħna żgħar imma l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea huwa l-Lussemburgu imma huwa l-aktar pajjiż sinjur. Dak hu l-eżempju li l-Gvern preżenti messu ta kieku kellu l-viżjoni u l-kuraġġ. Illum qegħdin fis-sitwazzjoni li pajjiż bħas-Slovakkja - issa dawn kienu jgħidulna "prosit" għal dak li għamilna u kienu talbuna biex jiġu hawn ħalli jimxu fuq l-eżempju tagħna - ntefa' qabilna u aħna ma nafux fejn qegħdin. Issa mhux il-five plus onetal-Kabinett li semmejt qabel imma l-five plus one li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Minn pajjiż li kien fl-ewwel post għall-ewwel tkabbir ta' l-Unjoni spiċċajna f'limbu. Meta għandek sitwazzjoni bħal din, possibbli l-Gvern ma jagħrafx is-sens ta' responsabbilta' tiegħu?
Responsabbilta' oħra lejn din il-Kamra hi l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, li ilha pendenti seba' xhur, sabiex il-Gvern almenu jkollu d-diċenza li jaħtar kummissjoni ta' l-għażla tiegħu biex tirrapporta lura lilu b'mod oġġettiv dwar x'inhuma l-għażliet serji quddiem pajjiżna bħalissa. GĦal din il-mozzjoni l-Gvern kien ressaq emenda sostanzjali. Allura possibbli li gvern serju ma jsibx il-ħin biex il-Parlament ikompli jiddiskuti u jieħu l-vot fuq din il-mozzjoni u fuq l-emenda li ressaq għaliha l-Prim Ministru!? Dan il-Gvern qed jipprova forsi jimpressjonana li l-Parlament m'għandux ħin? Dan il-Gvern lill-Parlament ġiegħlu jiltaqa' b'sistema li żgur m'hijiex l-aktar waħda li tirrispetta b'mod serju l-mod kif wieħed jiltaqa' u jiddiskuti imma żgur żied l-għażliet kollha immaġinabbli ta' kemm jagħmel seduti. Bil-mozzjonijiet ta' proċedura li ġab quddiem din il-Kamra għandu l-possibbilta' li jlaqqa' l-Parlament fil-għaxija mis-6.00 p.m. sad-9.30 p.m., għandu l-possibbilta' li din jagħmilha kuljum, għandu l-possibbilta' li jagħmel tliet seduti matul il-ġurnata, mid-9.00 a.m. san-12.30 p.m., mis-2.00 p.m. sal-5.30 p.m. u mis-6.00 p.m. sad-9.30 p.m. u għandu l-possibbilta', bħal-lum, li jiġi hawn fid-9.00 a.m. u jgħid li s-seduta tkompli sa nofs il-lejl. Dan hu l-mod kif il-Gvern qed jitratta lil dan il-Parlament? Allura kif jista' jkun li l-Gvern jgħid li m'għandux ħin biex titkompla d-diskussjoni fuq mozzjoni li ilha pendenti minn Ottubru? Il-Parlament suppost huwa parti minn sistema ta' checks and balances. Għandek il-gvern, li hu l-eżekuttiv, li jrid jagħmel il-programm tal-liġijiet tiegħu. Imma hemm ukoll il-Parlament, li gvern irid jirrapporta lilu, u l-Gvern jaf li l-Parlament jista' jagħti direzzjoni lill-eżekuttivi meta dan ma jaqbilx miegħu. Għax inkella għalfejn jiltaqa' l-Parlament?
Issa minn sistema ta' checks and balances donnu li qegħdin naqilbu għal sistema fejn il-Prim Ministru iqis lil min ma jaqbilx miegħu bħala wiċċ tost, dak li bl-Ingliż jgħidulu cheek - forsi jista' jkun l-Onor. Spiteri, l-Onor. Mintoff, deputati oħrajn jew l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni - u l-Gvern ma jagħtihx l-ispazju biex jitkellem bil-liberta' kollha. Imma din serjeta'? Din il-ħaġa tista' titħalla tiġri f'Parlament li jitmexxa b'mod modern, b'mod demokratiku u b'mod serju? U hawn il-mistoqsija kruċjali. Għaliex ladarba ngħixu lkoll f'pajjiż wieħed, ikun x'ikun l-eżerċizzju ta' propaganda min-naħa tal-Gvern, fl-aħħar mill-aħħar hemm ċertu veritajiet li l-Gvern ma jistax jaħrab minnhom. U l-veritajiet f'dan il-każ x'inhuma? L-ewwel u l-akbar verita' hi li l-Gvern, fl-istat attwali, m'għandux id-deputati kollha fuq in-naħa tiegħu stess jaqblu miegħu. Kellna lill-ex-Prim Ministru, ex-Mexxej tal-Partit Laburista, li tkellem f'dan is-sens f'dan il-Parlament; u kellna lill-Onor. Spiteri li filwaqt li wiegħed lill-Gvern li jivvota miegħu, għamel l-argumenti kollha favur is-sħubija fl-Unjoni. Il-Gvern jaf li m'għandux l-appoġġ ta' l-Oppożizzjoni u m'għandux id-deputati tiegħu kollha warajh. U din il-Gvern jafha mhux biss mill-interventi li saru imma jafha wkoll għaliex meta hu talab il-fiduċja tal-Parlament fuq il-politika tiegħu preżenti vis-a-visl-Unjoni Ewropea, il-Parlament din ma tahielux. U dak kien vot li rrifletta preċiżament din is-sitwazzjoni. Mela l-Gvern qiegħed jibża' għax ma jridx il-kontinwazzjoni tad-dibattitu fuq dik il-mozzjoni. Issa mhuwiex biss gvern ta' checks and cheeks imma huwa gvern ta' checks, cheeks and chickens! Huwa gvern li qed jibża' mill-kontinwazzjoni ta' dibattitu għax jaf li m'għandux l-appoġġ tal-Parlament.
Imma dan x'messaġġ jagħti mil-lat finanzjarju? X'messaġġ jagħti mil-lat ta' stabilita' favur pajjiżna? X'messaġġ jagħti lill-investitur li jħares lejn Malta bħala pajjiż fejn irid jiġi bl-investiment tiegħu? Dan jagħti messaġġ ta' gvern li għaliex m'għandux il-maġġoranza tad-deputati warajh fuq politika fundamentali tiegħu li hi l-politika fuq l-Unjoni Ewropea qed jipprova jsib il-metodi kif ma jħallix lill-Parlament jiddiskuti. Din hi l-verita'. M'hemmx fejn taħrab mill-argument. U għalxejn l-Onor. Mizzi jagħmel l-argument li l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni skadiet. L-ewwelnett ma skadiet xejn, għaliex il-ħtieġa li tinħatar kummissjoni għal pajjiżna u li tagħti l-għażliet tagħha bis-serjeta' għall-futur għadha rilevanti. Tajba din! Issa l-Gvern jipprova jaħrab mill-mozzjonijiet li hu ma jkunx irid jiddiskuti, jipprova jsib il-metodu kif id-diskussjoni ma tkomplix, jipprova jillimita d-diskussjoni għal seduta waħda - li tfisser li jkun hemm limitu fuq min jitkellem u jkun hemm direzzjoni fuq min ma jitkellimx; hekk tfisser li tillimita għal seduta waħda; ma tfisser xejn inqas u xejn iżjed - u mbagħad wara dawn il-manuvri kollha jiġi jgħidilna li l-mozzjoni skadiet.
Jiena smajt ukoll lill-Onor. Anġlu Farrugia jirrepeti l-cliche li issa Malta m’għadhiex tħabbat fuq il-bieb ta' l-EU, għax issa kollox ċar magħna. Dażgur li m’għadhomx iħabbtu fuq il-bieb! Dan ifakkarni f'argument li ġieli smajt min-naħa l-oħra, meta jgħidu li huma ma jridux ikunu bħal dik l-għarusa li ssib il-bieb magħluq. X’għarusa hi, Sur President! Dawn bagħtu risposta lill-għarus - se nipprova nagħmilha bi kliem pulit - li huma ma jridu l-ebda drittijiet pero’ jridu l-kondizzjonijiet kollha. Dawn imsieken kuntenti bil-kondizzjonijiet li għamlulhom u jifirħu u jaqbżu kemm huma kuntenti bihom.