THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-9.25 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Agius jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Kont qed ngħid illi l-pajjiż huwa pajjiż fraġili u jiddependi bilfors fuq ħafna fatturi internazzjonali u għandna nirikonoxxu u nirrispettaw dan il-fatt. Qegħdin ngħixu dejjem aktar fi global village u dak li jiġri fil-Lvant Imbiegħed mhuwiex daqshekk imbiegħed minna, la politikament u wisq anqas ekonomikament. Anke jekk nagħmlu ċerti għażliet politiċi, żgur li ma nistgħux ninjoraw dak li qed jiġri madwarna, speċjalment meta nafu li hemm pajjiżi kbar li minn hawn u ftit żmien ieħor se jkollhom munita waħda. Dawn huma realtajiet illi dan il-pajjiż irid jieħu konjizzjoni tagħhom u jara kif se jolqtuh illum, iżda iktar u iktar fil-ġejjieni. Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum iridu jkunu pass wara pass deċiżjonijiet tajbin u mhux deċiżjonijiet ħżiena. Fl-opinjoni tagħna - u għalhekk aħna qegħdin nopponu dan is-self - id-deċiżjonijiet li ttieħdu s'issa u li hemm ippjanat li jittieħdu lanqas biss għandhom direzzjoni, kemm f'dik li hija politika barranija u anki f'dak li qed jiġi indirizzat bħala politika nterna. Il-kelma "friża" fiha nnifisha hija kelma pjuttost negattiva. Normalment meta wieħed jitkellem fuq friża jitkellem fuq ħaġa kważi mejta, xi ħaġa li mhijiex attiva, li mhijiex dinamika u ma fihiex ħajja, u mhux biss metaforikament. Jiena semmejt illi biex tidħol fl-Unjoni trid taħdem bis-sħiħ, sena wara sena u gvern wara gvern. B'din l-applikazzjoni fil-friża aħna qegħdin litteralment nitilfu ż-żmien.
Minn mistoqsija parlamentari li dehret illum, fejn staqsejt għaliex ma tħallasx overtime, il-Ministru Noel Farrugia rrisponda li m'hemmx flus ivvotati għal dan il-għan u qalli li l-ħlas isir hekk kif jiġu vvotati l-flus. Kull fejn tħares il-Gvern għandu problema ta' ħlas. Għandna l-każ ta' Żammit Clapp, għandna l-każ ta' l-overtime fid-dipartimenti kollha, hemm problemi reali fl-oqsma kollha u huwa evidenti li ħafna minn dan is-self huwa intiż biex ikopri dawn ir-recurrent costs. Dawn l-affarijiet bilfors li jħasbuni għax jekk mhux se jsir xi miraklu, is-sena d-dieħla se nerġgħu niġu ffaċċati bl-istess talba. Nixtieq li l-Ministru jmerini jew jurini mod ieħor minn fejn se jiġu, għaliex jekk int tinvesti f'xi proġett kapitali nista' nifhem li xi darba dan se jibda jirrendi imma jekk se nkomplu nissellfu biex inkopru r-recurrent costs bilfors li dan il-Gvern qiegħed finanzjarjament dahru mal-ħajt. Issa aħna nafu li meta jonqos l-infiq kapitali l-gvern ma' jkunx jista jintroduċi l-avvanzi teknoloġiċi li jseħħu ta' kuljum. Malta trid tibbenefika minn kull avvanz teknoloġiku li jseħħ fid-dinja u għalhekk irid ikun hemm investiment biżżejjed biex aħna ma naqgħux lura.
Tkellimna anke fuq dak li aħna nħossu li hija tbatija bla bżonn għax il-miżuri li ħa dan il-Gvern se jgħabbu piż finanzjarju fuq il-pajjiż. Qed naraw sitwazzjoni differenti u rridu naġġustaw anke l-policy tagħna għas-sitwazzjoni ġdida li nħolqot f'dawn it-18-il xahar, fejn il-Gvern qed jirrikorri għal self biex ikopri l-ispejjeż tiegħu. Aħna nħossu li l-miżuri li daħħal dan il-Gvern, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi tad-dawl u l-ilma, se jolqtu b'mod selvaġġ lill-middle u l-low income earners aktar minn kulħadd. Ma naħsibx li nistgħu ninsew il-miżuri l-oħra li laqtu lill-pensjonanti u lill-istudenti. Hawnhekk nixtieq nagħmel enfasi li iktar ma l-Gvern isib ruħu f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli aktar se jkollna problemi soċjali, problemi fil-qasam tas-saħħa, problemi fl-edukazzjoni, għaliex dawn huma proprju s-setturi li jixorbu mid-dħul tal-pajjiż. Għalhekk il-pern ta' l-ekonomija tal-pajjiż huwa l-investiment u huwa x-xogħol li, kif għidt aktar qabel, irid ikun produttiv u mhux xogħol taparsi. Sur President, nagħmel enfasi li huwa importanti li x-xogħol ikun produttiv u li jekk jista' jkun iġibilna wkoll foreign currency. Ix-xogħol irid jiggarantixxi l-futur tal-ħaddiem Maltin u jkun kompetittiv. U hawnhekk il-pajjiż ikun qiegħed jissogra bil-kbir jekk jibqa' barra mill-Unjoni Ewropea.
Wara kollox, pajjiż li jixbaħ ħafna lil Malta, li għandu storja relattivament tixbaħ lil tagħna u pajjiż gżira li jiddependi fuq it-turiżmu, ukoll se jkun membru qabilna jekk nibqgħu sejrin f'din id-direzzjoni. Ċipru veru għandu l-problemi partikolari tiegħu imma ċertament li Malta se tibqa' iktar u iktar iżolata fl-ideat tagħha, iżolata f'dak li se tipprova tagħmel u aktar iżolata fit-triq li dan il-Gvern qiegħed ikompli jimxi fuqha. Bħala partit aħna kommessi għal dan il-għan li pajjiżna jkun membru sħiħ u huwa ovvju wkoll li l-maġġoranza tad-deputati f'dan il-Parlament - li allura tirrappreżenta l-maġġoranza tal-poplu Malti - hija favur li Malta tidħol fl-Ewropa. Dan huwa ċar daqs il-kristall. Issa x'jiġi vvotat hawn ġew hija xi ħaġa oħra għaliex id-deputati jivvotaw skond id-dixxiplina tal-partit. Huwa veru li l-Gvern għandu l-mandat ta' l-elettorat wara l-elezzjoni ta' l-1996, imma issa aħna qegħdin fl-1998. Fl-opinjoni tiegħi qegħdin ngħixu parodija għaliex l-interess veru ta' Malta mhux qed ikun garantit minn dan il-Parlament. Jien dan inħossu ħafna għaliex iċ-ċirkostanzi juru li l-maġġoranza tad-deputati huma favur li Malta tikkonsidra almenu li tkompli fit-triq ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Sur President, inkiteb li jekk il-Partit Laburista jbiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar l-Unjoni Ewropea, dan ifisser li se jneżża għarwien lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u jneħħilha waħda mill-armi tagħha. Għal dak li huwa interess nazzjonali l-Oppożizzjoni mhux se tkun għarwiena imma se tkun lesta li tilqa' dan iċ-challenge, jiġifieri li flimkien nibdew niddiskutu verament id-dħul ta' Malta bħala sħab sħiħ fl-Unjoni Ewropea.
Sur President, jien m'inix xi espert fl-industrija imma xorta ninnota li għandna ħafna industrija żgħira fil-pajjiż li fil-preżent verament qed tintlaqat ħażin. Ġaladarba jagħlqu ta' l-aluminium u l-ħwienet iż-żgħar, se nkomplu nkabbru l-pjaga minħabba l-gelgul ta' liri li jkollna noħorġu taħt forma ta' social security benefits. Dan huwa effett soċjali kruċjali li diġa' bdejna nħossuh għax ħafna minn dawn l-industriji ż-żgħar m'humiex qegħdin ilaħħqu ma' l-ispejjeż kif miżjuda bil-miżuri introdotti permezz ta' l-aħħar żewġ budgets, li kien responsabbli għalihom dan il-Gvern. Il-kontribut li jagħtu s-self-employed huwa enormi, kemm ekonomikament u kemm soċjalment. Dawn minn jeddhom għażlu li ma jmorrux ifittxu xogħol mal-gvern, kif sfortunatament hija l-mentalita'. Bil-miżuri li ħa u li qed jieħu dan il-Gvern lil dawn qed joqtolhom u ftit ftit qed jispiċċaw; u la darba toqtolhom mhux se jerġgħu jqumu għax biex tibda trid taħli ċerta enerġija u trid tagħmel ċerti spejjeż.