THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ninu Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, fil-ftit minuti li fadal għad-dispożizzjoni tagħna nixtieq nibda billi nirrispondi għal dak li qal il-Ministru fl-introduzzjoni tiegħu, meta kien qed iressaq dawn l-estimi. Waqt din l-introduzzjoni l-Ministru daqq l-istess diska tal-Kap tiegħu u l-ħin kollu beda jsemmi l-imberkin ħofor.
Jien irrid infakkar lill-Kamra li l-Ministru u l-partit tiegħu, li llum jinsab fil-gvern, fl-Enemalta sabu investiment qawwi li bis-saħħa tiegħu pajjiżna seta’ jiżviluppa bis-serjeta' u fuq bażi soda mill-1987 'l hawn. Infakkar li bejn l-1987 u l-1995/96 sar investiment kapitali ta' mill-inqas Lm127 miljun. Dik hija l-ħofra li ħallejna fl-Enemalta. U dawn m'humiex flus li ġew imberbqa imma ġew investiti sabiex ikollna sistema ta' ġenerazzjoni u ta' distribuzzjoni li kellha tkun il-mutur ta' l-iżvilupp kollu li kellna f'pajjiżna mill-1987 'l hawn. Ħalli naraw fiex kienet tikkonsisti din il-ħofra. Din il-ħofra kienet tikkonsisti fil-fatt li rdoppjajna l-generating capacity tal-power station. Fejn qabel fid-distribuzzjoni kellna saħħa ta' 150 MVA, din kabbarniha u tellajniha għal 730 MVA u dan it-tkabbir u t-tisħiħ li qed insemmi għamilnih ukoll fil-ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni fejn għamilna apparat u sistemi ġodda. Infakkar, per eżempju, fil-mod kif tellajna l-vultaġġ għal 132 kV u bdejna ngħadduh minn ġo mini ħalli b'hekk ikollna iżjed effiċjenza fis-sistema tat-transmission ta' l-enerġija elettrika.
Mhux dan biss għamilna imma kellna noħorġu l-flus sabiex nirranġaw l-apparat second hand li sibna fl-1987 fil-power station tal-Marsa - qed nirriferi għat-turbina numru 8. Jien nieħu pjaċir nara annual report bħal dan li għandna quddiemna u bħall-Onor. Zammit Dimech irrid ngħid prosit lill-ħaddiema ta' l-Enemalta talli dan ir-rapport qed isir in-house. Jien nieħu pjaċir ninnota wkoll li qed ikompli x-xogħol fuq il-bdil tan-neutral cables li qabel kienu jsiru ta' l-aluminium u li aħna konna bdilna s-sistema u bdejna nagħmluhom tar-ram.
Sur President, minkejja dak kollu li qed jgħidu dwar il-ħofra li sabu fl-Enemalta, rrid ngħid li fl-1987 meta ħadna over konna sibna kwantita' kbira ta' ħaddiema li kienu ġew impjegati ftit qabel l-elezzjoni u li minnhom ma keċċejna lil ħadd. Lil dawn aħna tajnihom it-training u sibnilhom posthom. Mhux talli żammejna lil dawk il-ħaddiema li sibna ma' wiċċna, hekk kif tlajna fil-gvern wara Mejju ta' l-1987, talli żidna l-pagi tal-ħaddiema ta' l-Enemalta b’mod li jekk il-paga medja fl-1987 kienet ta' madwar Lm2100, fl-1996/97 din spiċċat biex telgħet għal Lm5413. Din hija l-ħofra li qed jgħidu li ħallejna fl-Enemalta.
Sur President, hawnhekk ikolli nistqarr li ħafna drabi ma neħux gost bil-mod kif jiġu mwieġba ċerti mistoqsijiet parlamentari, bħal meta jingħad li l-Gvern preċedenti falla lill-Enemalta. Qed nirriferi għal uħud mill-mistqosijiet parlamentari li jsiru b'riferenza għal dak li tħallas bħala VAT mill-Enemalta taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Hawnhekk naħseb li ta' min wieħed jagħti xi ftit ċifri. Fis-sena 1994/1995, bħala dazji u VAT, l-Enemalta ħallset madwar Lm18.5 miljun u fis-sena 1995/1996 ħallset madwar Lm21 miljun. Irrid ngħid ukoll li mill-estimi li għadu kif ippreżenta l-Ministru għas-sena d-dieħla, minkejja li l-VAT tneħħiet, bħala dazju biss, l-Enemalta se tħallas madwar Lm22.6 miljun. Jiġifieri għalkemm neħħew il-VAT, id il-gvern xorta qed tidħol fil-but ta' l-Enemalta biex tiżborzjaha u teħdilha l-miljuni ta' liri, anzi huwa stmat li s-sena d-dieħla l-Enemalta se tħallas iżjed milli kienet tħallas fil-passat f'dak li hu CET.
Qed jgħidulna wkoll li ħallejna l-Kaxxa ta' Malta vojta, pero' rrid infakkar li qabel l-aħħar elezzjoni l-Water Services Corporation kienet qiegħda daħħal sistema ta' billing ġdida fil-pajjiż. Dan kien sar in-house mill-ħaddiema tal-Water Services Corporation u peress li kien hemm problemi ta' natura teknika, fil-mod kif kienet qiegħda tiġi transferred id-data kollha mis-Swatar għall-Water Services Corporation, kien hemm dewmien biex inħarġu l-kontijiet il-ġodda. Kulħadd jiftakar li kienu qed jinħarġu ħafna kontijiet żbaljati - fil-fatt kien anke sar żball fuq kont li kien inħareġ lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, illum Prim Ministru - u jien ma ridtx li l-kontijiet jibqgħu jinħarġu b'dawk l-iżbalji. Għalhekk konna ħadna daqsxejn aktar żmien biex inkunu ċerti mija fil-mija li kemm jista' jkun ma jinħarġux kontijiet żbaljati.
Irrid ngħid li mill-1 ta' April sa l-aħħar ta' Settembru ta' l-1996, bħala dħul mill-bejgħ ta' l-elettriku, l-Enemalta daħħlet madwar Lm14 miljun u din is-sena minn bejgħ ta' kurrent li sar is-sena l-oħra l-Enemalta daħħlet Lm24 miljun, jiġifieri Lm10 miljun iżjed milli daħħlet is-sena l-oħra. GĦalhekk jien ngħid li mhux talli ma kienx hemm ħofra, talli aħna bħala Gvern ħallejna lill-amministrazzjoni ta' warajna senduq mimli b'Lm10 miljun, flus li l-Enemalta ddaħħal ladarba jinħarġu l-kontijiet.
Punt li żgur ridt inqajjem f’din id-diskussjoni huwa dwar il-losses. Jien nixtieq li l-Ministru responsabbli llum ifissrilna kif għas-sena li għalqet fl-aħħar ta' Settembru 1996, ir-rata ta' total losses - jiġifieri dawk il-units ta' elettriku li jinħarġu mill-power station imma li l-Enemalta ma tirċevix ħlas tagħhom, jew għax jinħlew fis-sistema tat-transmission jew inkella għax jinsterqu - kienet ta' 13.8%. Jien jidhirli li din iċ-ċifra ta' unaccounted for units qabel l-1995 kienet tlaħħaq għal madwar 25%, jiġifieri wieħed minn kull erba' units li kienet toħroġ l-Enemalta ma kenitx titħallas tiegħu, u bis-saħħa ta' l-investiment li ssarrfet fid-distribution centres u fis-sistemi ta' transmissions dawn il-losses ġew imnaqqsin gradwalment għal 14%. Meta wieħed iħares lejn l-audited accounts għas-sitt xhur li għalqu fil-31 ta' Marzu, 1997 isib li dawn il-losses f'daqqa waħda issa niżlu għal 8.2%. Jiġifieri fejn aħna qabel ħadna dawk is-snin kollha biex l-unaccounted for units niżlu minn 25% għal madwar 14%, fl-annual report qegħdin naraw li f'daqqa waħda dawn niżlu għal madwar 8%. Hawnhekk jien nistaqsi lill-Ministru biex jgħidilna x'tip ta' tisħiħ tekniku sar fl-Enemalta bejn l-1 ta' Ottubru u l-aħħar ta' Marzu, 1997 li jiġġustifika kif il-losses - j'Alla li huwa hekk; jien gost nieħu - niżlu f'daqqa minn 14% għal madwar 8%.
Sur President, niġi issa sabiex ngħid xi ħaġa dwar l-estimi li ġew ippreżentati għal fuel oil u gas oil. L-ispiża tal-fuel oil is-sena d-dieħla se tibqa' ta' madwar Lm18 miljun - qed nirriferi għall-electricity division estimate - meta din is-sena din kienet ta' Lm18.5 miljun. Fil-każ tal-gas oil, fejn is-sena l-oħra l-ispiża kienet ta' Lm2.1 miljun, din is-sena se tiżdied għal Lm8.139 miljun. Jien qed ngħid dan fis-sens li kulħadd jaf li l-fuel oil, jiġifieri l-isteam kemm tal-Marsa kif ukoll ta' Delimara, bħala persentaġġ tat-total generation, jippreżenta madwar 97%. U ladarba hawnhekk qiegħed nara li l-ammont ta' fuel oil se jibqa' kważi l-istess kif kien is-sena l-oħra - jiġifieri l-isteam xorta se jibqa' jagħtina dak il-persentaġġ li tana s-sena l-oħra - nixtieq nistaqsi lill-Ministru x'jiġġustifika li s-sena d-dieħla se jkun hemm żieda ta' madwar 300%, fis-sens li l-ispiża tal-fuel oil se titla' minn Lm2.1 miljun għal Lm8.139 miljun.
Peress li ssemma li f'Jannar se jkun hemm żieda fit-tariffi, xtaqt inkun naf ukoll jekk sarx xi studju qabel ma ddeċidew li jżidu t-tariffi. Xi sentejn ilu l-Water Services Corporation kienet kitbet lill-Enemalta u talbitha - u jien tlabt għan-nom tal-Water Services Corporation ukoll - tagħmel studju sabiex jiġi stabilit il-prezz per kilowatt hour għal kull siegħa tal-ġurnata. Dan konna qegħdin nagħmluh biex bejn il-Water Services Corporation u l-Enemalta jinħoloq dak l-ambjent li permezz tiegħu jkun hemm immaniġġjar aħjar tas-sistema ta' l-enerġija elettrika. Il-ħsieb wara dan kollu kien li bil-lejl kemm jista' jkun ikollna load iżjed qawwija u l-Water Services Corporation kienet se tibda tħaddem ir-reverse osmosis bil-lejl ħalli b'hekk il-load ittellagħha f’dak il-ħin meta ma jkunx hemm domanda qawwija mill-industrija jew mis-settur domestiku. GĦalhekk jien nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk sarx xi studju dwar il-load management u fiex waslu t-tentattivi li kienu għaddejjin qabel biex tiġi introdotta d-dual tariff system li permezz tagħha l-konsumatur ikun jista’ jkollu tariffa għal matul il-ġurnata u tariffa irħas għal matul il-lejl bl-iskop li s-sistema tiġi managed aħjar.
Sur President, kulħadd jaf li jekk Alla jrid l-Enemalta f'April tas-sena d-dieħla se jkollha l-combined cycle lesta għat-transmission f'Delimara. It-total generating capacity minn Delimara bl-isteam, bil-gas turbines u bil-combined cycles, se titla' għal 305 MW. Safejn naf jien, fil-preżent is-sistema ta' transmission hija tali li mill-power station ta' Delimara hemm feeders ħerġin b'vultaġġ ta' 33 kV u hemm cable ieħor ħiereġ b'vultaġġ ta' 132 kV. Jien kont ġejt informat - nispera li ġejt informat tajjeb - li bejniethom dawn jistgħu joħorġu bejn 220 MW u 250 MW. Jiġifieri qegħdin f'sitwazzjoni fejn fil-power station ta' Delimara għandna capacity li hija under-utilised. GĦalhekk nixtieq li l-Ministru jgħidilna fiex wasal dan il-proġett li permezz tiegħu l-Enemalta trid bilfors taħseb biex tipprovdi cables ġodda sabiex l-enerġija ta' Delimara tkun tista' tinħareġ u tiġi mqassma mal-pajjiż kollu.
L-aħħar kumment li rrid nagħmel huwa dwar il-petroleum division. Jien niftakar li l-Enemalta xi sentejn jew tliet snin ilu kienet xtrat weighbridge biex issir l-istallazzjoni tax-Shell f'Birzebbugia - dik li hi magħrufa bħala t-31st installation. Irrid ngħid li dan il-weighbridge kien inxtara sabiex il-losses jiġu eleminati kemm jista' jkun u meta qed ngħid losses m'iniex nirriferi għall-evaporation losses imma qed nirriferi għas-serq, ħalli nitkellem bil-Malti pur. Il-ħsieb ta' l-Enemalta dak iż-żmien kien li jiġi stallat dan il-weighbridge biex kemm jista' jkun jiġi eleminat is-serq tal-fuel mill-installations ta' l-Enemalta. GĦalhekk hawnhekk ukoll nitlob lill-Ministru sabiex jgħidilna f'liema stadju waslet l-istallazzjoni ta' dan il-weighbridge u meta huwa ppjanat li dan il-weighbridge - li huwa wieħed minn dawk il-progetti li qatt ma seta' jiġi commissioned u jiena nispera li issa jiġi commissioned - jitqiegħed fil-post.
Sur President, il-punt li rrid nagħlaq bih huwa li bħal sħabi, b'sodisfazzjon ninnota li l-Enemalta baqgħet miexja fuq il-pjan li kien imħejji u mibdi mill-Gvern Nazzjonalista - ovvjament ma tistax tibdel pjanijiet mil-lum għal għada - kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' generazzjoni ta' enerġija elettrika, kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-enerġija. Jiena nfakkar li l-Enemalta hija korporazzjoni li hija ħajja u peress li hija ħajja, hija dik it-tip ta' korporazzjoni li trid it-tisħiħ, it-tkabbir u l-investiment kontinwu. Hawnhekk nerġa' mmur lura u nerġa' nsemmi l-ħofor li dejjem jissemmew biex joqogħdu jwerwru lin-nies. L-investiment ma jiġix f'pajjiżna billi noqogħdu nwerwru lin-nies bil-ħofor. Li għandu bżonn il-pajjiż huwa li din iċ-ċajta tal-ħofor tispiċċa darba għal dejjem għaliex kulħadd jaf li din ma kienet xejn ħlief ċajta goffa bl-isem ta' "ħofor". Din iċ-ċajta tal-ħofor serviet biss biex tlifna dik il-fiduċja li tant hija bżonnjuża sabiex f'pajjiżna jkollna l-investiment u l-progress. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, f'dan l-intervent tiegħi nixtieq nitkellem dwar l-importanza li l-Korporazzjoni Enemalta għandha f'pajjiżna. Din il-korporazzjoni hija importanti mhux biss għaliex hija l-uniku mezz li bih pajjiżna jiġi pprovdut bis-servizz ta' l-elettriku flimkien ma' prodotti li ġejjin mill-pitrolju, imma wkoll għaliex għandha monopolju u allura wieħed irid tħares lejn l-aspett soċjali u ekonomiku tagħha. Jien nixtieq li niffoka l-aktar fuq is-servizz ta' l-elettriku, pero’ qabel xejn xtaqt insemmi wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja li tinsab fiha din il-korporazzjoni.
Huwa tajjeb li wieħed jgħid li d-dinja ma bdietx fl-1987, kif jipprovaw jagħtu l-impressjoni l-Onor. Membri ta’ l-Oppożizzjoni kull darba li jitkellmu. L-Oppożizzjoni ssemmi biss dak li sar mill-1987 ‘il hawn, qisu qabel l-1987 il-Korporazzjoni Enemalta ma kenitx teżisti. Il-verita' m’hijiex hekk. Hawnhekk tajjeb li wieħed jgħid li l-Oppożizzjoni Laburista ma kenitx tikkritika l-investiment li kien isir imma kienet tikkritika l-management ħażin u n-nuqqas ta' ppjanar serju dwar kif dak l-investiment kellu jitħallas. Tant kien hemm management ħażin li s-self li kien sar għal xogħlijiet kapitali spiċċa biex intuża għal dak li jissejjaħ current expenditure.
Fil-ftit ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi xtaqt insemmi xi problemi li l-Korporazzjoni Enemalta qed tiltaqa' magħhom, l-aktar f'dak li hu servizz mistenni miċ-ċittadini, kif ukoll xi problemi oħra, fosthom anke l-kunsilli lokali. Tajjeb li wieħed jibda billi jgħid li bl-ammont kbir ta' nies li għandha l-korporazzjoni jidher li jista' jsir użu aħjar tal-human resources biex b'hekk din il-korporazzjoni tkun aktar effiċjenti. Kulħadd jaf bl-ammont ta' complaints li jkollha l-Enemalta dwar problemi ta' bdil ta' bozoz. Din hija waħda mill-problemi li l-aktar li jiltaqgħu magħha n-nies. Xi kultant nisimgħu li biex sempliċement tinbidel bozza jridu jgħaddu x-xhur.
Għandna wkoll il-problema ta' vultaġġ baxx. Dan l-aħħar ressaqt ilment quddiem l-korporazzjoni dwar bdil ta' wire li huwa meħtieġ biex dan il-vultaġġ baxx ma jibqax jagħmel ħsara fid-domestic appliances. Bħalissa qed nisimgħu wkoll b’ħafna inċidenti tat-traffiku u naħseb li wieħed jista' jorbot xi wħud minn dawn l-inċidenti man-nuqqas ta' dawl fit-toroq. Ma jistax ikun li nibqgħu fis-sitwazzjoni fejn ċerti toroq, l-aktar dawk traffikużi, ma jkollhomx dawl adegwat, bil-konsegwenza li s-sewwieqa ma jkunux jistgħu jaraw it-triq sewwa u jispiċċaw involuti f’xi inċident.
Problema oħra li esperjenzajna dan l-aħħar hija li kif ikollna daqsxejn tal-maltemp mill-ewwel jinqata' d-dawl. Hemm bżonn li nindirizzaw din il-problema u kemm jista' jkun malajr nipprovaw nieħdu l-passi neċessarji. Naf li diġa' ttieħdu xi passi għaliex anke l-Ministru semmiha fl-introduzzjoni tiegħu, pero' hemm bżonn li nippjanaw fit-tul sabiex din il-problema nsolvuha kemm jista' jkun malajr. Jiena nħoss li bħala korporazzjoni, l-Enemalta għandha tpoġġi bħala prijorita' fuq l-aġenda tagħha l-importanza tal-ħarsien ta' l-ambjent. Dan qed ngħidu mhux biss fir-rigward tal-power station li nbniet f'Delimara, fejn sar stupru kbir ta' l-ambjent - jiena ġej minn dawk in-naħat u għalhekk naf x'qiegħed ngħid - imma anke fir-rigward ta’ ċerti żbalji u nuqqas ta’ ippjanar serju li setgħu saru fil-passat.
Issa ħalli ngħaddi biex fuq fuq insemmi l-ilmenti li qed isiru mill-kunsilli lokali, liema lmenti mhux dejjem qed jaslu fejn għandhom jaslu jew inkella qed jaqgħu fuq widnejn torox. Jien m'iniex se noqgħod nirrepeti dak li semma l-kollega tiegħi l-Onor. Edwin Vassallo - għandu raġun fuq ħafna mill-affarijiet li semma, għalkemm biex inkunu fair mal-bord tad-diretturi ta' l-Enemalta tajjeb li ngħidu li din il-problema ma nħolqitx f'din l-aħħar sena iżda ilha sa mill-bidu li twaqqfu l-kunsilli lokali f'pajjiżna, jiġifieri sa mill-1995 - imma rrid ngħid li għandna nħarsu lejn din il-problema bis-serjeta' għaliex meta għandek persuni eletti miċ-ċittadini li għandhom responsabbilita' fil-lokal tagħhom bħala gvern lokali, dawn għandhom jiġu mismugħa u ttrattati tajjeb.
Jiena nħoss li l-għaqdiet sportivi għandhom jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u jiġu megħjuna aħjar sabiex dawk in-nies li jipprattikaw xi tip ta' sport wara l-ħin tax-xogħol ikunu moqdija bil-faċilitajiet li jkollhom bżonn, f’dan il-każ li jkun hemm provvista ta’ elettriku adegwata. Tajjeb li wieħed iżomm f'moħħu li l-għaqdiet sportivi qed jagħmlu bosta ġid, kemm fost iż-żgħażagħ kif ukoll fost dawk li m’humiex daqstant żgħażagħ, u allura tajjeb li l-Enemalta tagħti l-għajnuna li tista' lill-għaqdiet sportivi wkoll.
Aktar kmieni s-Segretarju Parlamentari Gavin Gulia tkellem dwar il-consumer charter. Jiena naħseb li f'dak li huwa customer care f'dan il-pajjiż għadna neqsin ħafna u jkun tajjeb li l-Enemalta tagħti kas iktar tal-customer care. Nafu li f'bosta lokalitajiet fil-pajjiż jeżistu uffiċċji distrettwali fejn ħafna drabi jirrikorri ċ-ċittadin f’każ ta’ problema. Għalhekk jien naħseb li jkun tajjeb li l-ħaddiema ta' l-Enemalta jingħataw ċertu taħriġ fuq kif wieħed jista' jilqa' l-ilmenti u jipprova jsolvi l-problemi li ċ-ċittadini jippreżentaw quddiem il-Korporazzjoni Enemalta. Fi żmien fejn qed nitkellmu ħafna fuq it-teknoloġija ta' l-informatika naħseb li hemm bżonn li jsir improvement sew f'dan il-qasam u fir-rapport tiegħu iċ-chairman stess qal li huwa importanti li t-teknoloġija ta' l-informatika tiġi updated u tinfirex kemm jista' jkun f'kull livell tal-korporazzjoni. Hemm bżonn li l-ħaddiema jingħataw taħriġ professjonali sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar id-doveri tagħhom bħala ħaddiema ta' din il-korporazzjoni.
Meta wieħed isemmi l-ħaddiema ma jistax ma jsemmix ukoll l-importanza tas-saħħa u tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol u l-importanza li mhux biss dawn jiġu pprovduti b'affarijiet li jħarsuhom mill-inċidenti - nafu li jiġu pprovduti b'tali affarijiet - imma li l-istess ħaddiema qabel kull biċċa xogħol li jagħmlu jaraw li jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex is-saħħa u s-sigurta' tagħhom fuq il-post tax-xogħol tkun imħarsa. Issemma wkoll l-aspett ta' enerġija alternattiva u dwar dan jien naħseb li jkun tajjeb li jsir xi studju dwar kif pajjiżna jista' isib possibbiltajiet oħra ta' enerġija bħal, ngħidu aħna, enerġija mix-xemx.
Sur President, nagħlaq l-intervent tiegħi billi nħeġġeġ lill-bord tad-diretturi, kif ukoll lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, sabiex jaraw li din il-kritika li qed issir isservi ta’ stimolu sabiex l-istess korporazzjoni terġa' tqum fuq saqajha u tagħti s-servizz li ċ-ċittadini tagħna jistennew u li huwa d-dritt tagħhom li jieħdu mingħandha. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Sur President, f'dawn il-ftit minuti li baqa' għad-dispożissjoni ta’ l-Oppożizzjoni xtaqt nistaqsi dak li wara kollox qed jistaqsi l-pajjiż, jiġifieri x'għandha bżonn Malta fil-qasam ta' l-enerġija. Veru li dan huwa dibattitu dwar l-estimi ta' l-Enemalta imma fin-nuqqas tal-possibbilta' ta' ħin parlamentari għall-qasam ta' l-enerġija in ġenerali, dan id-dibattitu jservi wkoll għal dan l-iskop. Huwa suġġeriment li jista' jiġi kkonsidrat mill-kumitat li għandu x'jaqsam ma' dawn l-affarijiet sabiex f'dan il-Parlament ikun hemm ukoll il-possibbilta' ta’ dibattitu dwar il-politika ta' l-enerġija ta' pajjiżna.
Smajna ħafna dettalji, u kieku ridt, jien stajt nidħol f'ċerti dettalji wkoll. Stajt nitkellem fuq id-diffikulta' li kellna fis-sajf minħabba l-load kbira li kien hawn li kienet ikkawżata minn użu ta’ ħafna air-conditioners. Jien niftakar li kien qam kjass kbir meta l-ex Prim Ministru kien semma l-air-conditioners. Illum, fil-fatt, anke l-istatistika ta' l-Enemalta turi kemm kellu raġun. Illum jien m’iniex se nitkellem dwar dan imma se nitkellem fuq affarijiet li għandhom x'jaqsmu mal-politika ta' l-enerġija.
Fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li f’pajjiżna ssir distinzjoni netta bejn l-enti li tirregola l-enerġija u dik li toperaha. Din hija parti mill-aġenda li għandu l-pajjiż u li l-Ministru jrid ikellimna dwarha wkoll. Il-pajjiż jistenna li l-Gvern jagħti viżjoni. Dan huwa Gvern li tant hu trasparenti li kultant meta tfittex ma ssib xejn għax il-viżjoni tiegħu hija flimsy għall-aħħar. Dan juri li ħafna drabi l-politika qed issir on the run u l-Gvern qed jiddeċiedi, kif jgħidu bil-Latin, via ambulando. emm búonn li HeHemm Hemm bżonn li f'dan il-pajjiż jibda l-proċess biex ikun hemm separazzjoni bejn min jirregola dan is-settur u min joperah.
Meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern kien beda elementi ta' din is-separazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, partikolarment fl-introduzzjoni ta' l-internet, fejn għall-ewwel darba t-Telemalta ma tħallietx tkun l-operatur u r-regolatur imma saret biss operatur f'dak il-qasam innifsu. Hemm bżonn li kulma jsir isir f'qafas ta' pjan serju għall-enerġija. Huwa importanti li dan il-pajjiż ikollu pjan għall-enerġija li mhux iħares biss għall-immedjat imma jħares anke għall-futur, u naħseb li jkun ħażin jekk dan il-pjan isir unikament mill-Enemalta. Il-Korporazzjoni għandha x'tikkontribwixxi minn dan il-lat ukoll għaliex għandha l-esperjenza, għandha n-nies u għandha l-expertise biex titkellem dwar dan, pero' naħseb li jkun tajjeb li meta jsir pjan - u pajjiżna għandu bżonn pjan għall-enerġija - dan ma jkunx marbut biss ma' l-Enemalta imma jkun pjan li jħares lejh min forsi m'huwiex marbut mal-mudelli l-antiki li dan il-pajjiż għandu fil-qasam ta' l-enerġija. Il-Korporazzjoni Enemalta hija mudell li twaqqaf f'ċerti żminijiet imma tajjeb ukoll li wieħed iħares lejn dan il-mudell b'mod frisk.
Huwa importanti wkoll li meta nitkellmu fuq x'għandu bżonn pajjiżna f'dan il-qasam nitkellmu wkoll fuq kif għandna nħarsu lejn l-enerġija. Waħda mill-aktar affarijiet li tolqtok għar-rigward ta' x'ġara f'dawn l-għexieren ta' snin li ilha topera l-Enemalta hija li ma kienx hemm diversifikazzjoni; ma kienx hemm studji vasti u profondi fuq il-possibbilta' ta' sorsi alternattivi ta' enerġija. Bqajna għaddejjin bil-metodi konvenzjonali u naħseb li f'dan il-pajjiż hawn bżonn li jkollna sforz serju, partikolarment għar-rigward ta' l-enerġija solari. Din it-tip ta' enerġija tagħmel ħafna u ħafna sens għal pajjiż bħal tagħna. Is-Segretarju Parlamentari Gulia tkellem ftit dwar dan u jien naqbel perfettament ma' dak li qal, anzi ngħid li huwa importanti ħafna li dan il-qasam neħduh bl-akbar serjeta'. Gvern Nazzjonalista kien diġa' ħa ċerti passi dwar dan u kien neħħa d-dazji - fiż-żmien meta kien għad hemm id-dazji - minn fuq ċerti panels biex jipprova jħajjar li jiġi żviluppat dan is-settur. Jien naħseb li jridu jkomplu jsiru affarijiet li jistimulaw dan is-settur li huwa tant importanti għal pajjiżna. Wieħed ma jridx jara biss kif se joħloq l-enerġija b'mod konvenzjonali imma jrid jara wkoll kif se joħloq settur li waqt li jkun differenti, ikollu wkoll applikazzjoni ċara għal pajjiżna. Dan jiddependi ħafna mill-istudji li jsiru.
Sur President, jien informat li bidla simili tinvolvi ċerti spejjeż; trid tistudja jekk tridx tagħmel dan billi tagħti inċentivi lil min ikun qed jibni - jekk baqa' xi ħadd li qed jibni fil-pajjiż f'dan il-mument! - biex jagħżel mill-ewwel din is-sistema waqt li jkun qed jibni. Biex issir bidla bħal din tkun trid tipprova tħajjar b'kull mezz lil dan is-settur biex jiżviluppa. Pajjiżi oħrajn diġa’ għamluha din u aħna għandna naraw l-esperjenzi ta' pajjiżi oħrajn u nistaqsu lilna nfusna jekk nistgħux napplikawha għal pajjiżna billi ngħaqqdu magħha l-esperjenzi u r-realtajiet Maltin. Jien inħeġġeġ lill-Gvern sabiex din jagħmilha, pero’ naħseb li hemm bżonn li ma ssirx waħidha - l-istess bħal fil-każ ta' l-idea li jkollok regolatur u operatur - imma ssir f'qafas ta' pjan għall-enerġija ta' pajjiżna.
Aspett u metodu ieħor alternattiv ta' enerġija żgur li huwa l-gass. F'pajjiżna jintuża ħafna l-liquid petroleum gas. Meta kien fil-gvern il-Partit Nazzjonalista, jien kont tkellimt dwar l-importanza li nħarsu lejn l-użu tal-gass għar-rigward tal-vetturi. Dan il-pajjiż huwa pajjiż li jrid jissalvagwarda l-ambjent u rridu nagħmlu mill-aħjar li nistgħu u noqogħdu attenti ħafna mill-pollution li tiġi mill-ħafna vetturi li għandna fit-toroq tagħna. Jien kont f'diversi pajjiżi fejn operaturi li jkunu fit-triq, per eżempju, joperaw permezz ta' LPG. Pajjiżi bħall-Ġappun u bħall-Awstralja jużaw dawn is-sistemi b'mod estensiv u mhux b'mod esperimentali. Dan jeżisti wkoll f'diversi pajjiżi Ewropej u jista' jkun mezz ta' kif wieħed jassigura li jkun hemm użu tajjeb minn dan il-metodu ta' enerġija. Altru li jagħmel sens li pajjiżna jħares lejn qafas ta' pjan ta' enerġija. Il-Gvern jidher li m'għandux pjan ċar ta' fejn se jieħu lill-Enemalta u fejn se jieħu lil dan is-settur u qed jitfa' ħafna affarijiet fil-borma, li naturalment jistgħu jqajmu diffikultajiet.
Waħda mill-affarijiet li kulħadd jistaqsi fuqha hija jekk hux se jkun hemm xi element ta' privatizzazzjoni għar-rigward ta' l-Enemalta. Din in-naħa tal-Kamra diġa' qalet li jekk l-affarijiet isiru bis-serjeta' hija tkun tista' tħares lejn dan, pero' jkun hemm bżonn li wieħed ikun jaf x'inhuma ir-raġunijiet għaliex il-Gvern jista' jasal għal din il-konklużjoni, kif ukoll x'metodi qed jissuġġerixxi li jkun hawn għal dan it-tip ta' tibdil strutturali fl-Enemalta u f'postijiet oħrajn, inkluż it-Telemalta, għalkemm ir-realta' ta' l-Enemalta hija daqsxejn differenti minn dik tat-Telemalta.
Madam Speaker, dan qed ngħidu għaliex il-pajjiż u l-ħaddiema ta' l-Enemalta nfushom għandhom id-dritt li jkunu jafu x'inhi t-triq li l-Gvern qed jikkonsidra. Ma naħsibx li l-Gvern ikun qed jissodisfa dan id-dritt billi jitfa' erba ideat bħal dawn, iżomm kollox bejnu u bejn ruħu u ma jikkonsultax. Veru li qegħdin fi żmien fejn il-General Workers' Union m'għadhiex tinbaħ imma saret tingħi - anzi saret qisha ħaruf! - imma l-ħaddiema jistennew li jkun hemm min jitkellem għad-drittijiet tagħhom. Kif inhuwa d-dover tiegħi bħala Membru ta' dan il-Parlament, jien qed inqajjem din il-kwestjoni hawnhekk għaliex hija xi ħaġa serjissima għal min ikun jaħdem f'korporazzjoni bħalma hi l-Enemalta. Dawn il-ħaddiema għandhom dritt ikunu jafu x'inhuwa l-futur tagħhom u li jkunu jafu x'inhuma l-pjanijiet li qed jinħmew għall-ħajja tagħhom.
Madam Speaker, fl-Enemalta hemm ukoll problemi għar-rigward ta’ kompetizzjoni interna, b'ħafna affarijiet li baqgħu l-istess u ħafna affarijiet li hemm bżonn li wieħed iħares lejhom mill-ġdid. Aħna nistennew li l-Enemalta jkollha standards iktar għoljin milli tagħti l-liġi dwar il-konsumatur u nistennew ukoll li ladarba din il-korporazzjoni għandha l-monopolju, din ikollha charter għall-konsumatur bħalma għandha t-Telemalta.
Huwa importanti li dwar korporazzjoni bħal din ikun hemm viżjoni ċara li tiġi kkomunikata lill-pubbliku u tkun parti mid-diskussjoni tal-pajjiż. L-affarijiet m'għandhomx ifaqqgħu bħal sajjetta fl-aġenda tal-pajjiż imma għandhom ikunu ppjanati. Il-pajjiż għandu jkollu dritt li jitkellem u jiddibatti u għandu jkollu quddiemu viżjoni ta' x'għandu jkun hemm fis-settur ta' l-enerġija għal Malta, affarijiet li dan il-Gvern mhux qed jagħmel. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru sabiex jgħaddi għall-winding up.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, l-ossevazzjonijiet li għamlet l-Oppożizzjoni tul dan id-dibattitu li kien mifrux fuq jumejn wera li fil-Partit Nazzjonalista wħud intebħu bil-qgħada attwali li tinsab fiha l-Enemalta u oħrajn le. Filwaqt li sa Jannar ta' din is-sena l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien qed jgħid li l-Enemalta ma kellhiex problemi kbar x'tindirizza, b'mod partikolari fil-qasam finanzjarju, issa smajna lill-kelliem uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Enemalta jħeġġeġ lill-Gvern sabiex ifittex jimplimenta r-rakkmandazzjonijiet tal-konsulenti indipendenti li kien qabbad il-Gvern Laburista ġdid appena tela' fil-poter. Kienet ħaġa ironika li filwaqt li l-kelliem ġdid għall-Enemalta rrikkmanda dan, min-naħa ta' l-ex-Ministru responsabbli mill-Enemalta u min-naħa ta' l-ex-Segretarju Parlamentari ma smajna xejn f'dan ir-rigward. Donnu li għal xi wħud spiċċa ż-żmien li ngħidu li konna qed noħolqu ħofor immaġinarji sempliċement biex inpinġu ikrah lill-Partit Nazzjonalista bħala gvern u għal oħrajn jidher li dan m'huwiex il-każ. Dan huwa dnub għaliex fil-fehma tiegħi dan seta’ kien żvilupp għall-aħjar għax għallinqas kien jipproġetta lill-Oppożizzjoni bħala partit li lest biex iwarrab ċertu għamad li kellu. B'dan l-għamad quddiem għajnejh żgur li m’huwiex f'qagħda li jifli l-problemi ta' l-Enemalta b'mod oġġettiv u kostruttiv.
Waqt li kien qed jitkellem, l-Onor. Agius qal li jien inqast milli ngħid x'wirt sibna f'dawk li huma assets tal-kumpannija. Jien ngħid li l-eħfef ħaġa hi li tippjana kif tonfoq il-miljuni, pero’ l-kapaċita' hija meta inti jirnexxilek tieħu ħsieb il-funding ta' dawn l-investimenti u tippjanahom bil-għaqal kif jixraq. Il-kritika tagħna ma kenitx li l-Gvern Nazzjonalista nefaq il-miljuni imma li nefaqhom b'mod mhux sostenibbli, b'mod partikolari meta wieħed iqis il-qagħda finanzjarja tal-korporazzjoni nnifisha. Kif diġa' għidt fl-introduzzjoni ta’ dawn l-estimi, jidher ċar li l-Gvern preċedenti nefaq bl-addoċċ mingħajr konsiderazzjoni ta' xejn dwar kif kien se jħallas dak id-dejn u dwar kif kien se jġib il-korporazzjoni għarkubbtejha bil-piżijiet ġodda li kien se jimponi fuqha. Jien ħadt gost nisma' lill-Onor. Agius jgħid li ma kienx se jipprova jieħu vantaġġ politiku jekk il-korporazzjoni tħoss li għandha tirrikkmanda li tirrevedi r-rati tagħha ta' l-enerġija. Dan fil-fatt jikkuntrastja bi kbir ma' l-attitudni li diġa' ħadu l-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll il-ġurnalisti ta' Radio 101 li tqanżħu kemm felħu biex jieħdu rikba b'xejn fuq din l-issue li qed jifli bir-reqqa kollha l-Gvern Laburista.
Madam Speaker, l-Oppożizzjoni staqsiet jekk nafux kemm qed jiswa' l-elettriku u dwar dan nixtieq li nagħti tweġiba. Filwaqt fl-1997 l-elettriku meta jiġi produced kien qed jiġi jiswa 3.323c per unit, meta dan jgħaddi għand in-nies kien qed jiswa lill-korporazzjoni 3.619c. Jiġifieri huwa tajjeb li wieħed jara kemm kien qed ikun qawwi l-element ta' sussidju min-naħa tal-korporazzjoni, sussidju li fil-fehma tagħna ma jistax jibqa' jiġi pegged f'dan il-livell artifiċjali. Hija ħaġa naturali li l-figuri li kkwotajt ivarjaw minn żmien għall-ieħor, minħabba ċ-ċaqliq li jkun hemm fis-swieq internazzjonali taż-żejt, iżda bħala medja d-domestiku u l-industrijali juri sussisdju qawwi ferm li fil-fehma tagħna m'huwiex sostenibbli aktar għall-korporazzjoni. Dan jispjega wkoll għaliex it-taqsima ta' l-elettriku hija l-loss maker li hi bħalissa.
Kien hemm min qalilna li l-korporazzjoni jmissha marret tajjeb la m'għadhiex iġġorr il-piż tal-VAT u kien hemm min qal ukoll li minflok il-VAT xorta waħda qed iġġorr l-excise duty. Irrid nagħmilha ċara li huwa veru li l-VAT ġiet sostitwita bl-excise duty imma dan japplika biss għall-petrol u għall-gass għaliex f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-elettriku, ħlief għall-gas/oil generation, il-VAT ġiet iffrankata kompletament.
Madam Speaker, xtaqt insemmi wkoll aspett li missejt fil-qosor fl-ewwel intervent tiegħi għaliex naħseb li huwa validu għad-dibattitu tal-lum u dan hu l-exposure qawwi u d-dipendenza tal-korporazzjoni fuq il-banek, ħaġa li saret pjuttost allarmanti. Illum dan l-exposure fuq il-banek qed jikber b'rata ta' madwar 20% fis-sena. Sa Marzu ta' l-1997 il-korporazzjoni kellha Lm37 miljun f'overdraft facilities, Lm9.6 miljun f'bank loans lokali, Lm62.315 miljun f'foreign bank loans u 'l fuq minn Lm13 miljun f'dawk li huma export credit loans. U hawn jien nistaqsi lil kulħadd jekk nistgħux nibqgħu naċċettaw sitwazzjoni simili qisu xejn m'hu xejn. L-Onor. Agius qalilna li l-ħaddiema għandhom bżonn motivazzjoni konkreta u qal ukoll li aħna naljenaw lill-ħaddiema bil-pseudo dixxiplina.
Madam Speaker, jien sinċerament nittama li dak li għidt dwar l-overtime żejjed maħdum fil-korporazzjoni ma jiġix interpretat bħallikieku kelli xi ħsieb li nċaqċaq xi frosta biex inkun kiefer mal-ħaddiema. Anzi nixtieq li llum nitkellem aktar dwar dan is-suġġett ħalli nuri lil din il-Kamra xi proporzjon esaġerat ta' pagi qed imorru fuq l-overtime fl-Enemalta u nistaqsi jekk dan huwiex sew li jibqa' jiġri. Fil-power station tal-Marsa l-ħaddiema qed jieħdu 25.4% aktar f'paga minħabba overtime u allowances, fil-workshops qed jieħdu 22.5% aktar, f'Delimara - fejn hemm 200 ruħ kollox - 27.8% tal-pagi qed jitħallsu f'overtime, filwaqt li fit-taqsima tas-security din il-figura telgħet għal-livell inaċċettabbli ta' 37.5%. Min hu midħla tal-korporazzjoni mbagħad jgħidlek kif is-sick leave jisplodi bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, filwaqt li s-Sibt u l-Ħadd meta in-nies jitħallsu extra tad-duties tagħhom, is-sick leave ovvjament ikun baxx ħafna. U jien nistieden lill-Oppożizzjoni tiddelibera fuq dan kollu għal raġuni waħda. Għaliex meta taqra l-gazzetti tagħhom minflok ma dawn jappellaw biex ikun hemm iktar produttivita' u biex ikun hemm iktar serjeta' fit-tmexxija finanzjarja tal-korporazzjonijiet, dawn joqogħdu jiftaħru kemm kienu jħallsu overtime lill-ħaddiema fi żmienhom. Dan għalija huwa loppju politiku u mhux serjeta' politika kif wieħed jippretendi fil-kamp politiku fiż-żmenijiet tal-lum.
Niġi issa għal dak li ntqal dwar il-privatizzazzjoni. Sal-lum għadna qed nikkonsidraw l-options kollha u għadna ma ħadna l-ebda deċiżjoni konkreta f'dan ir-rigward, imma kif qal il-Prim Ministru fi tmiem il-ġimgħa hemm diversi options li nħossu li għandna nagħtuhom l-attenzjoni partikolari tagħna. Jekk fhimt sew lill-Oppożizzjoni li sa ftit ilu kienu paladini tal-privatizzazzjoni, issa donnhom huma kontra li l-Enemalta jew partijiet minnha jiġu privatizzati, anke jekk ikun hemm regolatur. Għallinqas, jekk fhimt tajjeb, hekk fhimtu li qed jgħid lill-Onor. Agius. Jiena rrid infakkar li fl-1994 l-amministrazzjoni preċedenti kienu bdiet taħseb dwar il-commercialisation tal-gas division bil-ħsieb li ddaħħal fiha lill-privat. Dan tant hu minnu li kienu saru studji apposta u kienet twaqqfet kumpannija li jisimha Eni Gas Ltd bil-ħsieb li eventwalment jiġu ttrasferiti lilha l-assi tal-gas division ħalli aktar tard ikunu f'qagħda li jbigħu minority shareholding lil xi business partner jew inkella lill-pubbliku in ġenerali. Naħseb li kien ikun aħjar kieku l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista llum kellmuna dwar dawn il-pjani kollha u qalulna x'kellhom f'moħħhom verament u x'wassalhom biex jagħmlu brejkijiet fuq kollox, tant li dehru li waslu biex abbandunaw dan il-proġett.
Madam Speaker, ninsab informat ukoll li f'ċertu żmien l-Enemalta, taħt l-amministrazzjoni preċedenti kellha l-ħsieb li toħroġ public bond issue ħalli tkun tista' ttaffi l-liquidity strain li diġa' kellha. Tant hu minnu dan li kienu saru taħdidiet formali mal-Bank Ċentrali u anke ma' l-istock exchange dwar dan is-suġġett kollu, iżda x'aktarx li kien weħel kollox. Ninsab informat li, minħabba l-management structure batut tal-korporazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' management information systems moderni li kellna l-Enemalta dak iż-żmien, l-istock exchange ma tantx kienu ħerqana li jidħlu għal bond issue ta' dan it-tip, sakemm din ma kenitx backed minn garanzija tal-Gvern innifsu. U għal darba oħra jidher li waqaf kollox. Madam Speaker, nitkellem issa fil-qosor dwar sorsi alternattivi ta' enerġija.
Bħalissa n-nies ta' l-Enemalta qed jagħtu sehem fuq il-Malta Council for Science and Technology li qed iħejji pjan nazzjonali ta' l-enerġija bl-għan li jkun jista' jiffoka fuq sorsi alternattivi ta' enerġija kif ukoll fuq dak li hu konservazzjoni ta' enerġija. Il-korporazzjoni fil-fatt għadha kif għamlet studju dwar inċentivi li jistgħu jiġu introdotti fil-pajjiż ħalli jiġi nkoraġġit l-użu tas-solar heating systems fil-pajjiż. Dwar il-wind energy naħseb li jista' jsir ferm aktar f'dan ir-rigward. Nemmen ukoll li l-korporazzjoni minn żmien għal żmien għandha tniedi kampanja ta’ konservazzjoni ta' l-enerġija fl-użu tagħha, ikunu xi jkunu r-rati tad-dawl, kemm jekk jibqgħu kif inhuma u anke jekk jiġu riveduti.
Madam Speaker, kif diġa’ għidt fl-introduzzjoni li għamilt għal dawn l-estimi u kif qalu wkoll xi kelliema miż-żewġ naħat tal-Kamra, jidher li hemm bżonn ta’ relazzjoni aħjar u aktar organika u ħajja bejn l-Enemalta u l-kunsilli lokali. Jien stess ilmentajt dwar dan, iżda huwa tajjeb li nsemmi wkoll ir-raġuni għaliex din is-sena kien hemm diversi talbiet għad-dawl, speċjalment fil-bidu tal-leġislatura, li damu ma ġew milqugħa. Dan kien dovut għall-fatt li għal xi xhur malli nbidel il-gvern il-korporazzjoni sabet kollox qoxqox fit-taqsima tal-lampi wara li fl-erba' xhur ta' qabel l-elezzjoni twaħħlet kull bozza li kellha available il-korporazzjoni. Tant hu hekk, li ġejt informat li fl-1996 kien hemm 594 approval. Irrid insemmi wkoll ċertu dewmien li qed ikun hemm mill-Enemalta biex dawn jistallaw dawl ġdid li jkun diġa' ġie approvat, ħaġa li trid tiġi rimedjata b’aktar effiċjenza.
Min-naħa l-oħra nieħu gost ninnota li wara l-kritika ġustifikata li saret f'dan il-Parlament, l-Enemalta diġa' ħadet passi mmedjati biex sa nofs ix-xahar id-dieħel jinbidlu l-proċeduri ta' l-istreet lighting fil-bliet u l-irħula Maltin. Filwaqt li new street lighting systems, bħal arbli ġodda, major wiring tas-sistemi u maintenance ta' l-arbli se jkompli jsir fid-distretti, fil-power station tal-Marsa se jkun hemm min hu responsabbli għall-maintenance ta' l-istreet lighting fosthom lampi maħruqa, bdil ta' lamp covers miksura, bdil ta' fuses and chokes, kif ukoll minor adjustments ta' wiring. Hemm il-ħsieb ukoll li jiġi ntrodott freephone service fil-unit office sabiex jiffaċilita' ċ-channelling ta' l-informazzjoni b'mod aktar dirett, kemm jekk ikun ġej min-naħa tal-kunsilli lokali kif ukoll jekk ikun ġej min-naħa tal-pubbliku in ġenerali. L-assessments tal-fault reports se jibdew isiru mill-base unit innifsu li jew jagħmel ix-xogħol jew inkella jiddelegah lid-distrett. Se jkun hemm ukoll fax machine u computers installati għal data logging u anke għal communications aħjar, filwaqt li se jiġi stallat radio transmitter ukoll. B'kollox hemm il-ħsieb li jkun hemm erba' working gangs attached direttament ma' dan il-unit fil-power station tal-Marsa li se tkun il-bażi tagħhom. Jien nawgura li dawn il-pjani jseħħu u li dan ix-xogħol isir bl-impenn meħtieġ u mixtieq.
Madam Speaker, kien hemm min ipprova jagħti l-impressjoni li ċerta demotivazzjoni fl-Enemalta daħlet issa għax inbidel il-gvern u jien illum irrid inġib il-provi biex nuri kemm dan huwa kompletament żbaljat. F'April ta' l-1995, sena u nofs qabel l-elezzjoni, il-korporazzjoni kienet għamlet senior management audit report li ġie kkummissjonat mid-ditta Ingliża Steve Tarr Associates. Jien m'iniex beħsiebni npoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra għar-raġuni li dan isemmi diversi managers tal-korporazzjoni b'isimhom u allura nħoss li b’hekk inkun qed nonqos mill-etika. Pero', nitlob il-permess sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument ieħor relatat ma’ dan li semmejt.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Estratt mis-Senior Management Audit Report tal-Korporazzjoni Enemalta maħruġ fl-1995.
Dan ir-rapport li fil-qosor ħafna jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ta' min għamel dan is-senior management audit dwar l-Enemalta taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Jien nixtieq li nirriflettu ftit fuq dawn il-findings, mhux biex noqogħdu ngħajru lill-Oppożizzjoni imma sempliċement biex nitgħallmu għal li ġej. L-istudju kien sar biex tiġi evalwata l-istruttura tas-senior management kif ukoll biex jiġu evalwati l-management skills tagħhom. Fil-fatt f'Marzu ta' l-1995 kienu saru ħafna one-to-one meetings bejn il-konsulenti u s-senior middle management. Waħda mill-konklużjonijiet li waslu għaliha ċerti managers kienet li l-appointments fuq nett kienu jsiru fuq kriterji politiċi u mhux skond is-sengħa jew l-esperjenza ta' dak li jkun. Persuni anke ta' tendenza Nazzjonalista kienu stqarrew ma' dawn il-konsulenti li kien hemm wisq indħil mill-Gvern fit-tmexxija tal-korporazzjoni. Oħrajn qalu li kien hemm nuqqas serju ta' accountability fil-mod kif kienu jitmexxew l-affarijiet.
Aspett ieħor li lmentaw dwaru kien li l-bord ta' dixxiplina kien hemmhekk għalxejn għaliex ma kellux snien biex jigdem jew appoġġ minn fuq. Dan jispjega wkoll għaliex sibna din l-apatija kollha u dan in-nuqqas ta' work ethics minn diversi ħaddiema. Waħda mill-persuni li ġiet intervistata qalet li tant kien hemm indħil politiku li s-segretarju parlamentari jew il-ministru kien jiddeċiedi min għandu jinqeda l-ewwel għall-bozoz u l-istreet lamps kollha. L-indħil politiku tant kien kbir ... (Interruzzjonijiet) Jien qed ngħid x'qalu huma.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ninu Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Imma x'qalu huma int qed tgħidu hawn ġew u jista’ jiġi mifhum li huwa l-verita’ meta fil-fatt dan mhux minnu. Jien kont niffirma t-talbiet ta' l-istreet lightning u kont nibgħathom lill-Enemalta, imbagħad hi kienet tiddeċiedi fejn għandhom jitwaħħlu. (Interruzzjonijiet) Jien qed inkun onest u qed ngħid il-verita'. Jien kont niffirma l-approvals, nibgħathom lill-Enemalta u mbagħad hi kienet tiddeċiedi fejn għandhom jitwaħħlu. Mela jien kont se noqgħod niġri wara l-bozoz biex nara fejn għandhom jitwaħħlu u ma jitwaħħlux!
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, jien m’iniex qed inżid il-kummenti suġġettivi tiegħi imma sempliċement qiegħed nikkwota x'qalu l-konsulenti barranin li ġabet l-Enemalta u li hi stess ħallset il-flus għalihom.
Skond ir-rapport li qrajt - għandi kopja tiegħu hawnhekk - l-indħil tal-Gvern tant kien kbir li, waqt li kien qed jiġi intervistat, wieħed mill-managers semma li kien hemm persuna taħdem ma' l-Enemalta li kienet involuta f'żewġ każi ta' stupru u f’każ ta’ serq armat u xorta waħda kellhom iżommuha impjegata mal-korporazzjoni għaliex kellhom istruzzjonijiet li kienu ġejjin minn fuq. Meta jkollok sitwazzjoni fejn kollox jiddependi jew fuq kriterji politiċi jew fuq length of service, wieħed jista' jimmaġina kemm kien hemm lok għal inizjattiva personali ta' min kien imexxi l-korporazzjoni! Sfortunatament dan il-kankru baqa' jinfirex mal-korporazzjoni kollha u sar diffiċli ferm biex tinbidel din il-mentalita'. Jien nassigura lil din il-Kamra li f'każijiet li ġew għall-attenzjoni tiegħi b'mod partikolari fejn tidħol id-dixxiplina, bl-ebda mod ma fittixt biex nara jekk kienx hemm xi ħadd ta' tendenza Laburista jew Nazzjonalista u nara x'wiċċ jew x'kulur politiku għandu qabel il-korporazzjoni timpjegah. Anzi naħseb li jistgħu jikkonfermaw - biċ-chairman b'kollox - li jiena pjuttost inkun kritiku li mhux dejjem jittieħdu passi dixxiplinarji biżżejjed kontra min jinqabad jiskarta, hu x'inhu l-kulur politiku tiegħu.
Dan ir-rapport wera wkoll kif ħafna nies fit-tmun tal-korporazzjoni jħossu li qegħdin hemm biex jimplimentaw il-policy u mhux biex ifassluha, jikkontestawha u jiġu kkonsultati dwarha. Fil-fatt instab li ħafna elementi fil-management ma kenux kapaċi jmexxu mingħajr dirrezzjoni ċara jew appoġġ dirett. Biex nuri kemm dan il-kankru ta' ndħil politiku fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra kien mifrux - apparti li, kif nafu, kien hemm chairman li telaq qabel iż-żmien minħabba l-ex Segretarju Parlamentari - ngħid li f'dan ir-rapport li qed nirriferi għalih, hemm mill-inqas 11-il persuna li jsemmu l-indħil politiku bħala fattur li jiddemotivahom fix-xogħol tagħhom. Fil-fatt dan ir-rapport jikkonkludi hekk:
"The majority of the people interviewed see too much government interference."
GĦall-benefiċċju ta' dawk li qegħdin jaħsbu li l-problemi fl-Enemalta ħloqnihom aħna, se nkompli nikkwota minn dan ir-rapport ta' l-1995 fejn jgħid li:
"Almost everyone is unclear as to what the Corporation's aims and objectives are; in other words, what the Corporation is trying to achieve and how it is going to achieve it. This clear perceived lack of corporate direction means there are no departmental aims and objectives. In turn this means that there is a common lack of understanding as to what people are accountable for.".
Dawn il-konsulenti li qabdet u ħallset għalihom l-Enemalta tant ħassewhom ixxukkjati b'li raw u b'li semgħu li waslu għall-konklużjoni li qatt ma kellhom kumpannija bħal din ma' xiex isaqqfu wiċċhom. Fil-fatt qalu li:
"It is worth noting that this is the worst case of cloudy accountability S.T. Associates has ever come across these past fifteen years.".
Dan hu li kkonkludew il-konsulenti li ġabet l-Enemalta. GĦall-benefiċċju wkoll ta' min jaħseb li l-overmanning fl-Enemalta ħloqnih aħna, tajjeb li nfakkar li tul il-medda ta' snin, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm żmien fejn il-labour force kiber bi 300. Jiġifieri jekk verament sabu labour force overmanned komplew għamluha overmanned tul s-snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista. Fil-fatt dan ir-rapport jikkonkludi hekk:
"The majority of the managers interviewed believe there is an overmanning situation ranging from 10% to 45%.".
Konna nisimgħu ħafna mill-Gvern preċedenti dwar it-trasparenza fl-operat tagħhom, pero' għal-lum jien se nikkwota biss dan il-paragrafu mir-rapport tal-konsulenti S.T. Associates li jgħid hekk:
"As is always the case where you have cloudy accountability, you have cloudy means of anyone measuring themselves or their subordinates. Mixed in with cloudy accountability and cloudy measurements, is the whole issue of people not understanding what is expected of them and therefore how they are performing. There is a total lack of performance standards of any quantified or qualified manner. The management team at senior level is not positively communicating with each other. In fact we only had examples given to us of conflict. Everyone believes that the managers are not working as a team"."
Nixtieq issa li fil-ftit ħin li baqa' nagħtu ħarsa eqreb lejn l-operat tal-korporazzjoni tul din is-sena amministrattiva. Naraw li kien hemm 661 charges li kienu jvarjaw minn negliġenza fuq ix-xogħol għal nuqqas ta' lbies ta' safety wear. Imbagħad kien hemm każijiet aktar serji li ġew riferuti lill-kumitat tad-dixxiplina. Kien hemm 75 każ ta' nuqqas ta' lbies ta' safety equipment, 51 każ ta' nies li ħadu leave iktar milli suppost, 163 każ ta' sick leave mhux awtorizzat u 138 każ ta' nies li daħlu tard għax-xogħol. Jiddispjaċini ninnota pero' li għalkemm kien hemm 424 defaulter tar-regolamenti tal-health and safety inħarġu biss 37 warning u 26 charge. GĦalija dan juri management fqir minn min hu responsabbli biex jieħu passi dwar dan u nħoss li 'l quddiem iċ-charges għandhom jinħarġu mhux biss kontra l-ħaddiem inniffsu imma wkoll kontra min qiegħed f'ċertu livell ta' middle management u jonqos li jieħu l-passi dixxiplinarji meħtieġa.
Kif diġa' għidt, ix-xogħol biex jitwaqqaf ċentru fuq linji professjonali għall-customer care service inbeda. Dan il-programm qiegħed jiġi kordinat mid-ditta Grant Thorton u nittama li fil-ġejjieni qarib naraw riżultati dwaru. Rigward it-trasport, f'Ġunju ta' din is-sena kien ġie kkummissjonat survey li issa qiegħed quddiem il-bord għall-konsiderazzjoni. Ta' min jgħid li fost ir-rakkmandazzjonijiet ewlenin f'dan is-survey kien hemm it-twaqqif ta' common transport pool fil-Marsa power station, skrutinju aħjar fuq il-mileage sheets mill-heads of department u d-deċiżjoni li ma jiġux ingaġġati aktar karozzi impressed mal-korporazzjoni għaliex ħafna drabi dawn ma jkunux up to standard u s-servizz offrut mid-drivers huwa wieħed ta' livell fqir. Il-karozzi ta' l-Enemalta se jibdew jiġu garaged fid-distretti fejn jippermetti l-ispazju jew inkella fil-power station tal-Marsa. Numru ta' karozzi self-drive se jiġu ritornati u posthom se jittieħed minn karozzi li nstabu żejda fis-sezzjonijiet varji tal-korporaazzjoni. Bħalissa għaddejjin ukoll taħdidiet biex ikun hemm one-stop shop meter service rigward l-istallazzjoni tal-meters biex ma jkunx hemm għalfejn wieħed joqgħod jiddependi fuq nies differenti biex jistallawleu s-servizz.
Madam Speaker, se nsemmi issa xi ħaġa verament pożittiva rigward l-operat ta' l-Enemalta din is-sena. L-Onor. Ninu Zammit staqsa x'kienu l-losses din is-sena u jien għandi l-pjaċir ngħid li l-unaccounted for losses din is-sena niżlu għal għal 8.21%. Ta' dan ħaqqu prosit kull min huwa kkonċernat għaliex din hija l-iktar rata baxxa f'aktar minn 10 snin.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ninu Zammit.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, biex l-affarijiet ikunu ċari u kulħadd ikun qed jifhem x'qiegħed jintqal, ta' min jgħid li sa l-aħħar ta' Settembru ta' l-1996 dawn il-losses kienu niżlu għal 14%. (Interruzzjonijiet)
ONOR. LEO BRINCAT: Fil-fatt ir-rata ta' unaccounted for losses fl-1996 kienet 13.84%, imma ħalli nagħti l-figuri kollha. Fl-1989 il-figura kienet ta' 20.18%, fl-1990 kienet 18.86%, fl-1991 kienet 19.11%, fl-1992 kienet 21.43%, fl-1993 kienet 19.64%, fl-1994 kienet 14.81%, fl-1995 kienet 17.26%, fl-1996 niżlet għal 13.84% u aħna komplejna niżżilniha għal 8.21%.
Kif aċċennajt fl-ewwel intervent tiegħi, bħalissa għandna wkoll xogħol ma' l-EDF ta' Franza fuq l-unaccounted for losses sabiex jiġu identifikati u separati l-losses tekniċi u dawk mhux tekniċi. Fil-fatt ix-xogħol inbeda f'Lulju ta' din is-sena.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker , jien staqsejt jekk sarx tisħiħ tekniku li jiġġustifika li l-losses jinżlu minn 13.8% għal 8.21%. Dan biss irrid inkun naf.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, li nista' ngħid huwa li lili qaluli li wieħed mill-fatturi ewlenin li kkontribwew ħafna f'dan is-sens kien iż-żieda fl-inspections. Ħalli issa nkompli biex ngħid xi ħaġa fuq qasam ieħor.
Il-korporazzjoni ilha għal ħafna snin tisħaq dwar l-importanza ta' l-introduzzjoni ta' l-electricity pre-payment metering system. Qabel ittieħdet policy decision dwar dan, ġie deċiż li l-korporazzjoni tikkummissjona studju minn utility barranija li diġa' qiegħda tuża din is-sistema sabiex ikunu jistgħu jiġu konsidrati l-għażliet kollha. Ovvjament naħseb li qabel nieħdu deċiżjoni finali dwar dan irridu niżnu l-pros and cons mill-aspetti kollha tekniċi u finanzjarji.
Wieħed mid-difetti tal-korporazzjoni kien in-nuqqas ta' sistemi ta' informazzjoni, b'mod partikolari fil-finanzi u fl-inventory control. Fil-fatt kienet inħarġet tender biex dan in-nuqqas jiġi rimedjat. Din it-tender għalqet fi tmiem ix-xahar li għadda u l-offerti jinsabu għall-aġġudikazzjoni. Qed isir ukoll kull sforz sabiex l-ewwel sistemi jiġu opertional fir-rebbiegħa tas-sena l-ġdida. B'kollox saru madwar 8,000 surprise inspection fuq il-konsumaturi, filwaqt li bejn Ottubru u Settembru li għadda ġew mibdula 4,653 meter.
Dwar il-labour force ta' l-Enemalta, personalment naħseb li wasal iż-żmien li dan jiġi capped u ma jiġux ingaġġati aktar nies għall-ġejjieni qarib ħlief fejn ikollok shortage ta' nies tekniċi. L-għajb huwa li minkejja li l-labour force ta' l-Enemalta llum qabeż l-2,000 ruħ, għad hemm nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati u ta' esperjenza speċjalment fis-snajja' u fil-gradi tekniċi. Jien naħseb li l-manpower exercise review li sar mill-korporazzjoni, għandu jiġi reviewed sabiex il-korporazzjoni tara kif tutilizza r-riżorsi umani tagħha fl-aħjar mod mingħajr ma tkompli żżid in-nies. Jien naħseb li minflok sar studju ta' kemm hemm bżonn nies aktar, imissu sar studju dwar il-produttivita' tal-ħaddiema li għandha diġa'.
Sadanittant irrid nagħmilha ċara li ma naqbel xejn ma' dak li qiegħda tipproponi l-korporazzjoni, jiġifieri li tbiddel is-sistema tas-sick leave għal waħda fejn il-ħaddiema morda jippreżentaw ċertifikat tat-tabib personali tagħhom bit-tabib tal-korporazzjoni jirriżerva d-dritt li jagħmel visti b'sorpriża f'każijiet suspettużi. Jiena ma nafx min ħareġ b'dan is-suġġeriment, pero' dan ikun qed jiftaħ it-tieqa għal aktar abbużi u għalhekk nistieden lill-bord ta' l-Enemalta biex jerġa' jikkonsidra din il-proposta. Jien naqbel ħafna mbagħad mal-pjanijiet ta' komputerizzazzjoni li qiegħda tagħmel it-Taqsima tar-Riżorsi Umani għaliex permezz ta' dan jista' jkun hemm aktar sigurta', aktar assigurazzjoni ta' informazzjoni fil-ħin u jinqata' wkoll ċertu duplikazzjoni ta' xogħol, speċjalment jekk ikun hemm twinning mas-sistema tal-pagi.
Irrid ngħid ukoll li ġiet introdotta b'suċċess is-sistema tal-hand keying li m'hi xejn ħlief ippanċjar bil-computer. Din diġa' tat il-frott tagħha fis-settur privat u ma narax għaliex m'għandhiex taħdem fl-Enemalta wkoll kif diġa' bdiet taħdem f'ċerti taqsimiet tagħha. Ħadt gost nara li din is-sena kien hemm aktar korsijiet dwar l-iżvilupp tar-riżorsi umani li jinkorporaw diversi dixxiplini ta' management u naħseb li hemm bżonn jibqgħu jsiru korsijiet simili għal-line management tal-korporazzjoni kollha. L-istess jista' jingħad għal dak li sar f'dawk li huma technical and office skills u anke information technology. Nixtieq pero' li t-taħriġ fil-Marsaxlokk Training Centre ikun aktar intensiv u aktar professjonali.
Dwar l-iżvilupp u l-maintenance sections tal-korporazzjoni, ta' min jgħid li x-xogħol li nbeda xi tliet snin ilu fuq it-33 kV reinforcement mill-Mosta għall-Marfa via l-Mellieħa ntemm fis-sajf meta żewġ cables ġodda tal-kV ġew commissioned bejn il-Mosta u l-Mellieħa, filwaqt li cable ieħor simili ġie commissioned bejn il-Mellieħa u l-Marfa. Kien hemm xi kelliemi mill-Oppożizzjoni li staqsa jekk l-Enemalta ġietx ikkonsultata sabiex tiddetermina jekk id-distribution centre f'Tal-Qroqq ikunx tajjeb biżżejjed biex jilqa' għall-ħteġijiet ta' l-isptar il-ġdid. Jien informat li saru konsultazzjonijiet u għad irid isiru konsultazzjonijiet oħra imma jidher ċar li m'hemm xejn x'jindika li n-new distribution centre m'huwiex se jkun f'qagħda li jilqa' għall-ħteġijiet ta' l-isptar il-ġdid. Pero' f'każ li jkun hemm xi additional requirements, ovvjament id-distribution centre transformers jistgħu dejjem jiġu upgraded hekk kif jinqala' l-bżonn.
Irrid insemmi wkoll li ż-żewġ 33kV overhead lines bejn il-Mosta u l-Mellieħa qed jiġu replaced b'underground cable u qed tinbena 132, 33 u 11kV distribution centre fil-Mosta bħala t-tieni outpost għall-132 kV system wara l-Marsa south distribution centre. Ix-xogħolijiet fuq il-mina ta' 5.5 kilometri bejn il-Marsa u l-Mosta tlesta, ħlief għal xi ftit finishing touches. Iż-żewġ 132 kV cable circuits bejn il-Marsa u l-Mosta ġew laid u jointed bil-quddiem sakemm jiġi equipped il-Mosta distribution centre. Id-design work fuq il-mina ta' tmien kolometri bejn Delimara u l-Marsa hija in hand u dalwaqt mistennija tinħareġ it-tender għall-proġett.
Sadanittant ix-xogħol fuq id-distribution centre ġdid f'Tal-Qroqq jinstab fi stadju avvanzat ukoll. Inxtara interactive power system analysis software minn Manchester University sabiex ikun jista' jiġi modelled il-power system kollu. Fil-fatt dan is-software se jintuża in konnessjoni ma' l-espansjoni tat-trasmizzjoni bħala transmission system 132kV. Ix-xogħol fuq is-substations miexi ġmielu u bħalissa l-korporazzjoni hija nvoluta fit-tħejjija ta' master plan biex jiġu identifikati siti prospettivi għal substations ġodda skond il-building development plans proposti.
Dwar l-electricity supply regulations, irrid ngħid li dawn ġew aġġornati l-aħħar f'Diċembru 1993 u qegħdin għalhekk jiġu riveduti, tant li nħatar ad hoc committee biex jagħmel dan ix-xogħol. Qed isir ukoll xogħol siewi ta' maintenance fid-distribution centres u fis-substations. Dak tal-Marsa South saritlu maintenance tul is-sena kollha filwaqt li ġiet stallata automatic load shedding system fid-Delimara power station. Bħalissa għaddejjin pjanijiet sabiex jinbena 33 u 11 kV distribution centre fil-Marsa. Dan huwa importanti għaliex għandu jservi bħala sors ewlieni ta' power għall-Belt Valletta fejn il-load kiber ħafna, l-aktar minħabba l-użu estensiv ta' air conditioning fl-uffiċċini li jinstabu located ġewwa fiha. Dan għandu jnaqqas il-piż tal-Marsa B Station mill-11 kV load u jirrendi obsolete l-11 kV switchboard fl-A station.
Għal dak li huwa generation ta' dawl, tajjeb li ngħid li dan kiber bi 3.5% matul din is-sena u fil-fatt jirrifletti x-xejra ġenerali tul l-aħħar snin. Din is-sena l-peak demand intlaħaq f'Marzu, li kien l-iktar xahar kiesaħ tas-sena kollha. Peress li milli jidher ma tantx baqa' ħin għad-dispożizzjoni tiegħi, nixtieq nitkellem dwar il-financial projections li għamilna sa Settembru tas-sena 2000.
Madam Speaker, huwa mistenni li l-korporazzjoni jkollha shortfall ta' Lm92 miljun fit-tliet snin li ġejjin u dan wara li wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ispiża kapitali, li mistennija tlaħħaq mat-Lm58 miljun. Il-korporazzjoni m'hijiex f'qagħda li tkompli tagħmel tajjeb għal dan ix-xogħol billi tkompli tiddejjen għaliex din tant tinsab daharha mal-ħajt finanzjarjament li kellha tuża s-Sumitomo loan biex tkun tista' tħallas l-ispejjeż rikorrenti. L-iskop oriġinali ta’ dik il-loan kien relatat ma’ l-ispiża kapitali tal-Phase IIB tal-power station ta' Delimara. Is-sena li għaddiet il-Gvern kellu javvanza Lm10 miljun lill-korporazzjoni biex jgħinha tħallas parti minn din il-loan. Wara li sar studju mill-MSD Consulting Group f'Awissu li għadda ntqal ċar u tond li s-sitwazzjoni ta' l-Enemalta titlob miżuri drastiċi u li f'ambjent kummerċjali s-sors ewlieni li jiffinanzja l-ispiża tal-korporazzjoni huwa l-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. Il-konsulenti ta' dan il-grupp ilmentaw li minkejja l-investiment kapitali estensiv li sar fl-Enemalta tul is-snin, it-tariffi qatt ma ntmessu f'16-il sena sħaħ. Il-Korporazzjoni Enemalta hija capital intensive ħafna u għalhekk tirrikjedi investiment sinifikanti u kontinwu. Il-konsulenti kkonkludew l-istudju tagħhom billi qalu li l-gravita' tas-sitwazzjoni ta' l-Enemalta titlob a holistic approach, li jinkludi t-tħejjija ta' strategic business plan. Jekk il-miżuri jittieħdu biċċa biċċa, dawn jista' jkollhom biss suċċess limitat għax ikunu qed jikkonċentraw fuq l-issues l-iktar esiġenti a spejjeż ta' l-effiċjenza u ta' l-effettivita' tal-korporazzjoni. Kieku l-petroleum division m’hijiex qed tagħmel qligħ, il-qagħda tal-korporazzjoni kienet tkun waħda ferm iktar kritika milli hi llum, pero' dan il-qligħ ukoll qed jonqos għaliex filwaqt li l-purchase costs żdiedu, is-selling prices baqgħu statiċi.
Madam Speaker, ta' min jgħid li fil-ġejjieni l-korporazzjoni mistennija żżid in-nefqa fuq il-fuel cost tagħha, l-ewwelnett minħabba li x-shift mill-mix tal-fuel lejn gas oil huwa iktar għoli u t-tieni nett minħabba li l-Enemalta mistennija tuża iktar gas oil wara li jiġi stallat il-combined gas turbine f'Phase IIB. Biex nagħti eżempju prattiku nista' ngħid li filwaqt li a metric ton oil jiswa $US117, a metric ton fuel oil jiswa $US86 u barra minn hekk il-gas oil għandu duty cost li jġib ir-rata ta' Lm61 kull metric ton. Hawnhekk xtaqt nikkwota parti minn dan l-istudju li sar mill-MSD Consulting Group f'Awissu li għadda, fejn qalu hekk dwar l-electricity division tal-korporazzjoni:
"It is very difficult to imagine a turnaround in the performance of this division on the basis of cost cutting and efficiency measures alone. The current situation, together with the projected capital expenditure, indicates that tariff rates have to be increased to be able to generate revenue to a level which may better support operations.".
Madam Speaker, rigward il-gas division nista' ngħid li kien sar studju li jindika li lill-Enemalta tiġiha spiża ta' xi Lm5 miljun jekk id-depot tal-Qajjenza jmur ix-Xoqqiet, f'Bengħajsa. Il-problema hi li għalkemm li kieku kellha tinbiegħ l-art din iġġib madwar Lm3.8 miljun, jidher li l-Planning Authority trid li din l-art tintuża għal skopijiet soċjali. Fil-projections tiegħu l-MSD Consulting Group qed jgħid li l-korporazzjoni qed tbassar telf ta' madwar Lm18 miljun fis-sena fit-tliet snin li ġejjin jekk kollox jibqa' sejjer kif inhu. Il-projected capital expenditure, li sar budgeting dwaru, jikkonċerna l-minimum meħtieġ sabiex jinżamm il-current operation activity tal-korporazzjoni. Ir-rikkmandazzjoni finali tal-konsulenti titkellem weħidha u tgħid li l-qagħda kif inhi proġettata m'hijiex waħda sostenibbli u hemm bżonn jittieħdu miżuri drastiċi u immedjati sabiex il-korporazzjoni tkun tista' tinġieb lura mix-xifer tal-falliment.
Madam Speaker, kien hemm min staqsa jekk sarux xi diskussjonijiet mal-Water Services Corporation fuq il-kwestjoni tal-load management. Fil-fatt fl-imgħoddi kienu saru xi taħdidiet f'dan is-sens, pero' dawn qatt ma kellhom eżitu feliċi. Ħaġa oħra li rrid ngħid hija li għalkemm intqal ħafna kliem fuq l-assets tal-kumpannija, huwa importanti li meta nitkellmu fuq l-assets nitkellmu fuq in-net value tagħhom. Qed ngħid dan għax għalkemm huwa veru li fl-1994 il-gross assets, li ma jinkludux il-loans u l-kredituri tal-korporazzjoni, kienu jammontaw għal Lm54.5 miljun, fl-1995 niżlu għal Lm44 miljun, fl-1996 niżlu għal Lm39.1 miljun u fl-1997 niżlu għal Lm36.2 miljun.
Madam Speaker, jien se nagħlaq l-intervent tiegħi billi ngħid li kif qalu d-diversi konsulenti li qabbdet il-Korporazzjoni Enemalta matul is-snin, jidher li hemm bżonn jittieħdu miżuri drastiċi għaliex ma nistgħux nibqgħu nittolleraw is-sitwazzjoni preżenti, li ċertament m'hijiex waħda sostenibbli. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Il-mistoqsija hi li l-Kamra tapprova l-Estimi ta' Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni Enemalta għas-sena finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1997 sat-30 ta' Settembru 1998 skond l-Att XVI ta' l-1977 dwar il-Korporazzjoni Enemalta. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Din id-division tittieħed minn hawn u 20 minuta oħra.
Billi ntalbet votazzjoni f'nofsinhar il-Kamra ġiet sospiża u rriżumiet 20 minuta wara.
MADAM SPEAKER: Se nerġa’ npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi li l-Kamra tapprova l-Estimi ta' Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni Enemalta għas-sena finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1997 sat-30 ta' Settembru 1998 skond l-Att XVI ta' l-1977 dwar il-Korporazzjoni Enemalta. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
VOTAZZJONI NRU. 71
FAVUR : 35
L-Onor.
Abela Carmelo
|
Farrugia Noel
|
Abela Joseph
|
Grech Edwin
|
Agius Chris
|
Gulia Gavin
|
Attard Montalto John
|
Herrera Jose'
|
Bartolo Evarist
|
Mangion Charles
|
Borg Karmenu
|
Mintoff Dom
|
Brincat Leo
|
Mizzi Joe
|
Buhagiar Charles
|
Pace Bertu
|
Buhagiar Louis
|
Portelli Alfred
|
Camilleri Maria
|
Refalo Anton
|
Cardona Chris
|
Sant Alfred
|
Chircop Karl
|
Sceberras Trigona Alex
|
Cilia Joe
|
Schembri Adami Sandro
|
Dalli Helena
|
Spiteri Lino
|
Debono Grech Joe
|
Vassallo Adrian
|
Farrugia Anglu
|
Vella George
|
Farrugia Joe
|
Vella Karmenu
|
Farrugia Michael
|
|
KONTRA : 34
L-Onor.
Abela Tony
|
Galea Pace Victor
|
Agius Francis
|
Gatt Austin
|
Bonnici Josef
|
Gonzi Lawrence
|
Bonnici Michael
|
Hyzler George
|
Borg Joe
|
Mifsud Bonnici Antoine
|
Borg Tonio
|
Mugliett Jesmond
|
Cassar Joe
|
Muscat Claude
|
Dalli John
|
Muscat Richard
|
D'Amato Helen
|
Psaila Savona Joe
|
De Marco Guido
|
Pullicino George
|
Debono Giovanna
|
Pullicino Orlando Jeffrey
|
Deguara Louis
|
Refalo Michael
|
Farrugia Jean Pierre
|
Tabone Anton
|
Fenech Adami Eddie
|
Vassallo Edwin
|
Frendo Michael
|
Vella John
|
Galea Ċensu
|
Zammit Ninu
|
Galea Louis
|
Zammit Dimech Francis
|
|
|
Il-mozzjoni għaddiet. .
MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. Il-Viċi Prim Ministru jekk jogħġbu jressaq l-Aġġornament.
Dostları ilə paylaş: |