Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,57 Mb.
səhifə2/7
tarix30.04.2018
ölçüsü0,57 Mb.
#49480
1   2   3   4   5   6   7

KONDOLJANZI



ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, huwa b'dieqa li fi żmien daqshekk qasir se jkolli nerġa’ nqum hawnhekk sabiex nagħti l-kondoljanzi lil wieħed mill-kollegi tagħna. Ftit taż-żmien ilu tajna l-kondoljanzi lill-kollega tagħna l-Ministru Charles Buhagiar u llum qiegħed inqum hawnhekk biex nagħti l-kondoljanzi lill-kollega tagħna l-Ministru Karmenu Vella. Il-bieraħ tħabbret il-mewt ta' missier l-Onor. Vella u bħalma nagħmlu dejjem inħoss li huwa opportun li wieħed jagħmel mument żgħir ta' riflessjoni fuq xi jfissru telfiet kbar bħal dawn għalina.
Kulħadd jaf, Madam Speaker, li l-ġenituri jagħtu l-imħabba tagħhom kollha lilna u ħafna drabi aħna ma npattux lura daqshekk. M'hemmx dubju li meta nitilfu wieħed minnhom inkunu qegħdin nitilfu xi ħaġa li hija irreplaceable. Żgur li ma tistax terġa’ tpoġġi lura l-commitment u x-xogħol li jkunu għamlu għalina.
Il-papa' tal-kollega tiegħi ma nafux ħafna, pero' għamilna żmien konna niltaqgħu l-quddies ta' nhar ta' Ħadd wara nofs inhar fil-Laboratorju tal-Paċi. Kien ikun qiegħed mal-mara u anke mat-tfal ta' l-Onor. Karmenu Vella. Naf li hu raġel li għamel l-almu tiegħu kollu biex ta trobbija tajba lit-tfal tiegħu.
Jien nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-ħut l-Onor. Vella, lill-mama tiegħu u lill-familjari kollha tiegħu u j’Alla jkollhom is-sabar biex jgħaddu minn dan iż-żmien ikrah li jinsabu għaddejjin minnu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, f'ismi u f'isem l-Oppożizzjoni ningħaqad mas-sentimenti li għadu kemm esprima l-Viċi Prim Ministru. Jien, forsi iktar mill-Viċi Prim Ministru, lill-missier l-Onor. Karmenu Vella ma nafux, pero' żgur li nifhem is-sentiment ta' dieqa u ta' dwejjaq li joħroġ f'okkażjonijiet bħal dawn. Żgur li t-telfa ta' ġenitur iġġiegħelna nirriflettu dwar il-bżonn li mhux biss nirrispettaw iktar lill-ġenituri tagħna f'ħajjithom imma wkoll li b'xi mod jew ieħor nirrispettaw iktar lil xulxin f'ħajjitna.
Min-naħa tagħna ningħaqdu wkoll mal-Gvern sabiex nuru s-sentiment ta' dieqa tagħna f'din l-okkażjoni.
MADAM SPEAKER: Jien ukoll ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn l-istess sentimenti lill-Ministru Vella u lill-familjari tiegħu.
Il-Ministru Karmenu Vella.
ONOR. KARMENU VELLA: Madam Speaker, f'ismi, f’isem ommi, ħuti u l-familja kollha nixtieq nirringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra u lilek ukoll għal dan il-kliem ta’ kondoljanzi kif ukoll għas-support li tawni f'dawn il-ftit ġranet meta konna verament fil-bżonn.
Iktar minn hekk, nixtieq nirringrazzja lil kull min tani support anke tul dawn it-tliet snin li missieri kien ma jiflaħx. Dan is-support mhux biss kien apprezzat mill-familja tiegħi imma nista' ngħid li kien apprezzat ħafna mill-istess missieri.
Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil kulħadd, mhux biss f'isem il-familja tiegħi imma anke f'isem l-istess missieri.

MADAM SPEAKER: Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Karma:
Lista ta' vetturi li nxtraw għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn Ottubru 1996 u Settembru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8909; u
Lista ta' postijiet vakanti ta' diretturi ġenerali u diretturi fis-servizz pubbliku, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8984.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Karma:
Tabella li turi n-numru ta' impjegati u pagi mħallsa mill-Korporazzjoni Enemalta bejn l-1987 u l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9073; u
Informazzjoni dwar ħlasijiet magħmula mill-Korporazzjoni Enemalta f'kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali, taxxa, dazju, VAT, CET u rebates minn profitti bejn l-1987 u l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9075.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabelli li juru n-numru ta' pensjonanti li rċevew pensjoni kontributorja u mhux kontributorja bejn l-1986 u l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9054.

MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI(Ministru tad-Djar): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li tindika l-għadd ta' applikazzjonijiet ġodda għal akkomodazzjoni alternattiva li daħlu fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali matul Lulju 1997, maqsuma skond il-lokalitajiet, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8542.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet.
Il-Prim Ministru.


MOZZJONIJIET

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IL-FORZI TAL-PULIZIJA TA' MALTA



ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, nipproponi l-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ Att dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta 1997.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE MIZZI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta 1997" ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
MADAM SPEAKER: Ordnijiet tal-ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ESTIMI TAD-DĦUL U NFIQ TAL-KORPORAZZJONI ENEMALTA 1997/1998 (KONTINWAZZJONI)



MADAM SPEAKER: L-Onor. Edwin Vassallo huwa in possession.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, l-aħħar darba kont qed nitkellem dwar is-servizz li l-Enemalta toffri lill-komunita' u kont qed nisħaq fuq il-kordinazzjoni li jenħtieġ li jkun hemm bejn il-kunsilli lokali u l-Enemalta, bħala dik l-organizzazzjoni li tagħti s-servizz, b'mod speċjali fejn jidħol id-dawl tat-toroq. Għamilt enfasi fuq id-dawl tat-toroq għaliex dan huwa servizz komunitarju importanti u n-nuqqas tiegħu inevitabbilment jinħass ħafna. Nemmen li dan huwa servizz li nistgħu ntejbuh billi nkomplu nikkordinaw mal-kunsilli lokali, b'mod speċjali issa li għandna rapport fejn iċ-chairman ta' l-Enemalta qed jitlob li jkun hawn żieda fit-tariffi ta' l-elettriku. Madam Speaker, qiegħed nagħmel dan l-appell għaliex ir-relazzjoni tal-kunsilli lokali ma' l-Enemalta m'hijiex daqshekk tajba u f'din il-parti ta' l-intervent tiegħi xtaqt nuri iżjed bil-fatti x'inhi l-esperjenza tad-diversi kunsilli lokali fil-konfront ta' l-Enemalta.
Nista nikkonferma li dort diversi kunsilli lokali u tlabthom jgħiduli x'inhu tajjeb u x'inhu ħażin f'din ir-relazzjoni ta' bejnhom u l-Enemalta. Għidtilhom ukoll li dak li huwa tajjeb irridu nżommuh u ma nitilfuhx għaliex inkella għada pitgħada jkollna nerġgħu naħdmu biex nakkwistawh lura. Pero' ċertament dak li ma tantx huwa tajjeb irridu naraw kif se ntejbuh. Il-kunsilli lokali li ltqajt magħhom kollha kellhom ilment komuni, bħal fil-każ tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan, li lmenta dwar in-nuqqas ta’ bozoz fit-toroq. Dawn l-ilmenti jkomplu jikkonfermaw il-ħtieġa ta' kordinazzjoni akbar bejn il-kunsilli lokali u l-Korporazzjoni Enemalta. Is-servizz ta' replacement ta' bozoz maqtugħa sempliċement m'huwiex tajjeb. Jien naf b'toroq li kellhom bini fuq naħa waħda tat-triq u allura saru bozoz fuq naħa waħda, imma issa li tela’ l-bini fuq in-naħa l-oħra l-kunsill lokali talab għal aktar bozoz pero’ baqa' ma sar xejn. Il-kumment ġenerali li tisma' mingħand il-kunsilli lokali huwa li s-servizz li toffri l-Enemalta huwa ta' kwalita' inferjuri u tista' tgħid li huwa kważi ineżistenti.
F'Marsascala imbagħad hemm problemi ta' natura totalment differenti. Hemmhekk hemm problemi ta' low voltage u allura għandek problemi ta' substations u hemm bżonn li naraw kif se nlaħħqu mad-domanda tad-dawl fit-toroq ta' komunitajiet li qegħdin jikbru. Eżempju ta' dan hija l-by-pass ta' Wied il-Għajn.
Kunsill ieħor li jilmenta minn nuqqas ta’ street lightning huwa dak ta' l-Imġarr, li kien ta lista lill-Korporazzjoni Enemalta tan-numru ta’ bozoz li hemm bżonn. It-talba tal-kunsill kienet tammonta għal madwar 38 bozza, li minnhom twaħħlu biss 12 fi tliet snin u f’din l-aħħar sena ma ngħata l-ebda servizz.
Jien sodisfatt ħafna li hemm kunsill lokali li jgħidu li għandhom relazzjoni tajba mal-foremen, pero’ jiġri li għalkemm foremen ikun irid jaqdik - inċidentalment hemm ukoll kunsill lokali li rrapporta li lanqas il-foreman ma jrid jagħti kashom - dan lanqas ikollu l-apparat meħtieġ biex ikun jista' jagħmel ir-replacement tal-bozoz. Jien konxju li għad-diriġenti ta' l-Enemalta dawn huma talbiet minimi u forsi minħabba r-responsabbiltajiet kbar li għandhom, kważi jgħidu li jiddejqu jisimgħu lmenti mingħand il-kunsilli lokali dwar dan l-aspett. Pero’ jien ngħid li dan huwa servizz importanti għan-nies.
Per eżempju, l-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija jgħid li jingħata servizz tajjeb pero’ mhux l-ewwel darba li jkollhom problemi għaliex il-foreman ħafna drabi ma jkollux it-tower ladder. Il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ kien forsi l-uniku kunsill li rrimarka li l-foreman m'huwiex effettiv. Issa jista’ jagħti l-kas li l-foreman ma jkunx effettiv għaliex ma jkunx jista’ jagħti dan is-servizz u allura jispiċċa biex ma tantx jikkordina tajjeb mal-kunsill lokali. Ħaġa oħra li qegħdin isibu bi tqila biex jagħmlu hija t-tindif ta’ l-istess bozoz.
Madam Speaker, jiena naħseb li l-Korporazzjoni Enemalta trid tagħti spjegazzjoni wkoll għaliex qed titlob ċertu ħlas. Ħafna kunsilli lokali jgħidu li qegħdin jiġu mitluba biex jiffinanzjaw is-servizz li tkun se tagħti l-Enemalta. Sabiex insaħħaħ dan li qed ngħid, nixtieq nitlob il-permess tal-Kamra sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra silta mill-gazzetta maħruġa mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ li fiha artiklu interessanti.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kopja tal-ħarġa ta' Ottubru 1997 tal-gazzetta maħruġa mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ.

Il-kittieb ta' dan l-artiklu jispiċċa billi jgħid li



huwa veru każ ta' għajb għal min hu responsabbli biex b'ħidmietu jagħti servizz liċ-ċittadin.
Madam Speaker, huwa interessanti wkoll kif, per eżempju, għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Qrendi għandu relazzjoni tajba ħafna mal-foreman tad-distrett, insibu diffikultajiet kbar fil-bdil ta' arbli tad-dawl qodma u perikolużi. Per eżempju, f’Wied iż-Żurrieq hemm arbli tad-dawl li jinsabu fi stat perikoluż u li ilhom jistennew kważi għal dawn l-aħħar sitt xhur sabiex jinbidlu. Il-bozoz maqtugħin jdumu ġimgħat sħaħ biex jinbidlu.
Esperjenza oħra negattiva hija li meta kunsill lokali jibgħat petition lill-Korporazzjoni Enemalta, l-unika tweġiba li l-kunsill jieħu hija acknowledgement. Madam Speaker, hawnhekk nerġa’ nitlob il-permess sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xiehda dokumentata ta’ dan li għadni kemm għidt.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)

Il-permess ingħata

ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' ittra mill-Korporazzjoni Enemalta lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi, b'acknowledgement ta' petizzjoni in konnessjoni ma' dawl fi Triq Bali Guarena, Qrendi.
Jekk aħna rridu li verament intejbu s-servizz liċ-ċittadin, allura hemm bżonn li ma' l-acknowlegdement tingħata informazzjoni li jkollha linja ta' direzzjoni sabiex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jispjegaw lil min ikun ressaq l-ilment għaliex tali servizz ma jkunx jista’ jsir. B'hekk inkunu qed naraw fil-prattika kif kunsill lokali jista' jitkellem f'isem il-Korporazzjoni Enemalta u l-istess nies li jkunu għamlu dik il-petizzjoni ma joqogħdux iċemplu lill-iskrivani ta' l-Enemalta għaliex ma jkunux ħadu sodisfazzjon mill-kunsill u dawn min-naħa tagħhom jgħidulhom biex imorru jistaqsu lill-kunsill lokali meta dawn ma jkunu jafu b’xejn. Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi kien talab biex jinbidlu r-reflectors li hemm f'Wied iż-Żurrieq, liema reflectors kienu ngħataw lil dan il-kunsill mill-Korporazzjoni Enemalta bil-kondizzjoni li dawn jitwaħħlu mill-kunsill lokali. Fil-fatt f’idejja għandi ittra li l-Enemalta stess kienet bagħtet lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi fejn qed tistaqsi x'kien sar minn dawk ir-reflectors, ġaladarba ma twaħħlux. Din hija sitwazzjoni oħra li turi nuqqas ta' koordinazzjoni. Hemm disponibilita' li jridu jaħdmu, kemm min-naħa ta' l-Enemalta kif ukoll min-naħa tal-kunsilli lokali, pero' kunsill lokali bħalma hu dak tal-Qrendi - u jeżistu sitwazzjonijiet bħal dawn ma' diversi kunsilli lokali - ma jkollux flus biżżejjed biex ikun jista’ jagħmel l-istallazzjoni ta' servizz bħal dan.
Madam Speaker, nixtieq intemm l-intervent tiegħi, li għamilt b'ċerta responsabbilta', billi ngħid li jiena ma ġejtx hawnhekk biex nikkritika lill-Enemalta u daqshekk. Ma ġejtx hawnhekk biex niftaħ feriti li mbagħad forsi ma nkunux kapaċi nagħlquhom. Ma ġejtx hawnhekk biex, fuq l-eżempji ta' min kien qabli fl-oppożizzjoni, nagħmel il-bsaten fir-roti lill-gvern tal-ġurnata. Jiena nifhem li dmiri huwa li f'isem il-kunsilli lokali nipprovaw naraw kif verament dan iċ-charter għall-konsumatur ikun suċċess sabiex verament naslu biex ikollna cost effectiveness fis-servizzi li toffri l-Enemalta.
Madam Speaker, bħala mezz għall-kisba ta' soluzzjoni u l-iżvilupp għaċ-charter tal-konsumatur li l-Enemalta qed tħejji, nipproponi li l-korporazzjoni tagħraf li tikkonsulta lill-kunsilli li huma fid-dmir li jipprovdu tagħrif dwar is-servizzi pubbliċi lill-komunita'. Għalhekk f'isem il-kunsilli lokali nħeġġeġ lill-Enemalta li tagħti prijorita' lis-servizz tad-dawl fit-toroq bħala wieħed mis-servizzi pubbliċi tagħha. Nawgura li l-Enemalta u l-kunsilli lokali jimpenjaw ruħhom f'ħidma li twassal għal aktar effiċjenza fejn jidħol is-servizz ta' street lightning u kull servizz ieħor li jista' jkun ta' interess għall-komunita'. Il-korporazzjoni għandha tagħti l-akbar prijorita' fejn in-nuqqas ta' servizz ikun qed joħloq problema soċjali.
L-Enemalta għandha tirrikonoxxi li fil-ħidma tagħhom il-kunsilli lokali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tax-xogħol ta' l-istess korporazzjoni, fir-rigward taċ-charter għall-konsumatur. Għalhekk nitlob lill-Enemalta tistħarreġ din il-possibbilta' li taħdem iktar fil-qrib mal-gvernijiet lokali, li huma l-iżjed awtoritajiet li jimpurtahom mill-kwalita' u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi. L-Enemalta u l-kunsilli lokali għandhom ifittxu li jiżviluppaw metodi ta' komunikazzjoni, rispett, ippjanar u ħidma għax b'hekk biss jistgħu jaslu biex jieħdu l-aħjar valur minn nefqa pubblika. Il-kunsilli lokali bħala gvernijiet lokali għandhom id-dmir li jaraw li s-servizzi pubbliċi mhux biss ikunu provduti iżda jkunu wkoll ta' kwalita'. Il-komunitajiet tagħna għandhom id-dritt li jirċievu dan is-servizz pubbliku filwaqt li l-kunsill lokali huma fid-dmir li jaraw li dan is-servizz ilaħħaq mal-ħteġijiet tal-komunita'. Nawgura li l-Enemalta bis-sehem tal-kunsilli lokali tista' tasal biex ittejjeb l-effiċjenza tal-middle management, li xi drabi qiegħed ikun ta' problema fit-twettiq tas-servizz meħtieġ fil-komunita'.
Madam Speaker, hawnhekk ukoll nitlob il-permess sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din il-lista ta' proposti li għadni kemm ressaqt.
MADAM SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Lista' ta' proposti lill-Enemalta u lill-kunsilli lokali.
Madam Speaker, din il-lista ta' proposti jiena lest li ngħaddiha lill-kunsilli lokali u ninsab fiduċjuż li nistgħu naslu sabiex l-Enemalta ttejjeb is-servizzi tagħha. Irridu naraw kif intejbu r-relazzjoni tagħna mal-konsumatur u allura nerġa' ntenni l-appell tiegħi sabiex naħdmu fuq dawn il-proposti, liema proposti jiena għamilthom fil-limiti tiegħi u fil-limiti personali tar-responsabbilta' li għandi hawnhekk, biex b'hekk forsi nagħmlu pass ieħor 'il quddiem lejn kisba ta' relazzjoni dejjem aħjar bejn il-kunsilli lokali u l-Korporazzjoni Enemalta. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Sceberras Trigona.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Madam Speaker, xtaqt nieħu l-opportunita' sabiex nitfa' ħarsa naqra iktar wiesgħa dwar il-provvista ta' sorsi ta' enerġija għal pajjiżna. Jiena xtaqt mill-ewwel nindika l-interess sħiħ li qiegħed jevolvi min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea fi proposta - kont ktibt dwarha f’”The Times" f'Marzu ta' din is-sena - dwar pipeline tal-gass mill-Western Libyan Desert illi jwassal għal Capo Passero fi Sqallija. Jiena kont eżaminajt il-possibbiltajiet jekk dan il-gas pipeline jgħaddix viċin Malta u b’hekk ikollna ċerti vantaġġi għaliex inkunu nisgħu nieħdu dak li jgħidulu t-T-connection u jkollna provvista naqra iktar iggarantita. Pero’ imbagħad ikun hemm ċerti servitu' internazzjonali, biex ngħidulhom hekk, li jiġu ġġenerati bit-tqegħid ta' gas pipeline, l-ewwelnett fuq is-seabed taż-żona territorjali ta' madwar 12-il mil radius madwar Malta; u anke hemm ċertu element ta' servitu internazzjonali fuq gas pipeline li jgħaddi mill-Continental Shelf ta' Malta, kemm min-naħa tas-south bejn Malta u d-dividing line mal-Libja, kif ukoll min-naħa tan-north bejn Malta u d-dividing line ma' Sqallija.
Din il-propożizzjoni tiegħi hija kkonfortata minn Artiklu 79 tal-United Nations Convention on the Law of the Sea, peress li hemmhekk hemm stipulat id-diversi possibbiltajiet li dwarhom pajjiż jista' jagħmel claim għal ċertu risarċiment talli jitqiegħdu submarine cables jew xi pipeline fuq is-seabed. Qed ngħid dan kollu mhux biex nirripeti dak li ktibt fil-ħarġa ta’ “The Times” ta’ l-14 u s-26 ta' Marzu, imma għaliex f'diversi taħdidiet li kelli fi Brussels f'Settembru u f'Ottubru li għaddew ma' membri tal-kummissjoni sibt interess kbir min-naħa Ewropea dwar dan il-ftehim li kien ġiet iffirmat bejn il-Libja u l-Ente nazionale idrocarburi ta' l-Italja fuq dan il-pipeline. Għaliex ovvjament jekk l-Italja tkun qiegħda tirċievi dan il-gass mhux se jkun għaliha biss imma se tkun tista' in turn twasslu lejn l-Awstrija u lejn il-Ġermanja u tnaqqas il-piż li hemm fl-Ewropa fejn qegħdin jipprovaw inaqqsu r-reliance tagħhom fuq in-nuclear energy. Is-suċċess li kellhom biex jaqilbu għal sorsi ġodda ta' enerġija ma kienx kbir mill-oil shock 'l hawn għax mid-dehra xi 6% biss mill-enerġija ta' l-Ewropa issa qiegħda tiġi fornita min-non-nuclear methods. Allura l-istandard supplies huma ħafna iktar importanti għall-Ewropa u għalhekk sibt din il-konferma ta' interess għand il-European Commission fi Brussels. Dan erġajt ikkonfermajtu l-bieraħ fil-press conference li tajt flimkien mas-Segretarju Ġenerali ta' l-Għaqda Parlamentari għall-Koperazzjoni Ewro-GĦarbija, Jean Michel Dumont. Imma ħaġa ta' l-iskantament, dan ir-ringrazzjament li tajt lill-European Commission talli qiegħda tiffinanzja kważi bin-nofs din il-konferenza li għandha sseħħ hawn Malta - u li se jkollha bħala suġġett eżattament Mediterranean Energy -The Times” m'għoġobhiex iġġibu. It-televiżjoni ġabu report tal-press conference imma “The Times” ma ġabet xejn. Min jaf għalfejn? Forsi għaliex il-fatt li membru parlamentari Laburista jirringrazzja lill-European Union Commission talli qiegħda tagħti kważi nofs il-finanzi biex isseħħ din il-konferenza hawn Malta, ma jaqbilx mal-mod kif hi trid tpinġi lin-naħa Laburista?
It-tieni punt li rrid inżid huwa li meta s-Segretarju Ġenerali u jien kellimna lill-European Union Commission, dawn urew interess li jikkonsidraw attivament l-iżvilupp ta' fond ta' garanzija għall-investiment Ewropew fil-qasam ta' enerġija fil-Mediterran. Allura mhux biss se jagħtu l-barka politika biex dan it-tip ta' gas pipeline mil-Libja għall-Italja jseħħ, talli qegħdin jipproponu u jikkonsidraw li jitwaqqaf fond ta' garanzija biex inaqqas ir-riskji ta' dan it-tip ta' investiment. Ara kemm hija sofistikata iktar din il-barka li ma tiqafx biss fil-livell politiku imma tidħol fil-livell finanzjarju - u fl-istess ħin turi wkoll ċertu backing politiku - biex ikunu covered ir-riskji li jkunu qegħdin jieħdu dawk l-investituri bħall-ENI u oħrajn fil-qasam ta' l-enerġija fil-Mediterran! Ovvjament ma jkunux covered kompletament - għaliex ir-riskji qatt ma jkunu covered totalment - imma jkunu qegħdin covered minn dan il-fond li l-European Union Commission qiegħda tikkonsidra li tistabilixxi.
It-twaqqif ta' dan il-fond se jkun wieħed mit-tliet punti fuq l-aġenda ekonomika li se jkollna fil-meeting ta’ dan il-parlament li huwa magħmul minn 80 deputat Ewropew u GĦarbi fit-8 u fid-9 ta' Novembru. Hawnhekk wieħed jara li hawn interess miż-żewġ naħat għal stabilita' b'mod tanġibbli fil-Mediterran. Issa qegħdin nimxu mill-kliem għall-fatti fuq kif jistgħu jitwaqqfu mezzi ta' koperazzjoni aktar serja fil-Mediterran għaliex ovvjament minn kemm kemm trasport bil-vapuri taż-żejt u vapuri tal-gass, jekk ikun hemm gas pipeline, dan se jagħti ċerta rassigurazzjoni lin-naħa Ewropea li dan se jkun għaddej kif kien għaddej il-gass Alġerin għall-Italja u permezz tal-Marokk għal ġo Spanja, u dan ikompli jgħaqqad il-pipelines deħlin ġo l-Ewropa min-naħa t'isfel tal-Mediterran. Il-fatt li se jkun hawn dan il-Mediterranean energy investment guarantee fund juri wkoll kemm hemm interess min-naħa tal-European Commission għaliex permezz ta' dan il-fond imbagħad qed jiġi propost ukoll grid ta' l-elettriku li jkun jista' jkopri l-qasam tan-North Africa kollu kemm hu. Allura se jkun hemm ċerti ekonomiji li jiġu secured u jkun hemm ċerti benefiċċji ekonomiċi li ċertu investiment kapitali żejjed jiġi ffrankat għaliex grid tad-distribuzzjoni ta' elettriku iktar wiesa' fuq il-Mediterran - li forsi għalina hawn Malta ma tantx jibbenefikana minħabba d-distanza għax aħna gżira f'nofs il-Mediterran - jista' jwassal għal ċerta koperazzjoni f'qasam ieħor tanġibbli bejn il-pajjiżi GĦarab u dawk Ewropej fil-Mediterran. Meta wieħed jibda jitkellem f'dan il-kontest jara li l-qalba tal-proposta tal-gas pipeline bejn il-Libja u l-Italja, jekk se tgħaddi minn Malta ...
Jien ikkonfortat sa ċertu estent f'dan il-kontest għaliex il-Kurunell Gaddafi, il-leader tar-Rivoluzzjoni Libjana, fl-ispeech tiegħu ta’ l-1 ta’ Settembru fuq it-televiżjoni kien wera mappa u beda jindika bit-torċ id-direzzjoni li dan il-gas pipeline se jieħu; cioe' min-naħa tal-punent tad-deżert Libjan, kważi jmiss ma' l-Alġerija, jibqa' tiela kważi sal-fruntiera mat-Tuneżija, jaqsam għal Malta u mbagħad jaqsam għal Capo Passero. Allura dan waqqa' dak id-dibattitu li kont irrapportajt f'Marzu jekk dan il-pipeline kienx se jgħaddi bejn il-Libja u Lampedusa minflok bejn il-Libja u Malta u allura l-benefiċċju tat-T-link bejn il-gas pipeline u Malta konna nitilfuha, anzi forsi kienu jgawduha Lampedusa. Issa dan ġie totalment imxejjen b'din l-indikazzjoni u nawgura li l-ogħla uffiċjali li għandna fl-Enemalta iżommu għajnejhom u widnejhom miftuħin, anzi jkunu jistgħu anke jmexxu b'ċerti taħdidiet kemm man-naħa Libjana, man-naħa Taljana, kif ukoll man-naħa tal-Kummissjoni Ewropea biex inkunu nistgħu aħna nibbenefikaw kemm jista' jkun mill-possibbiltajiet li testendi l-Unjoni Ewropea.
Jien nagħlaq billi nirringrazzja lill-Unjoni Ewropea li mhux biss qed tiffinanzja in parti l-Konferenza Ewro-GĦarbija - inżid ngħid li dawn il-finanzjamenti m'humiex parti mill-finanzjamenti maħsuba fil-protokoll finanzjarju bejn Malta u l-Ewropa, anzi huma over and above - talli anke qiegħda tikkonsidra attivament li twaqqaf dan il-Mediterranean energy investment guarantee fund għaliex dan huwa l-aqwa sinjal sabiex ikun hawn iktar investiment. Dan huwa investiment kbir ħafna f'dan il-qasam li tassew iżid il-kooperazzjoni u l-istabilita' fil-Mediterran u tassew ukoll jista' jibbenefika lilna hawn Malta. Grazzi ħafna.
Yüklə 0,57 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin