Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 0.58 Mb.
səhifə1/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0.58 Mb.
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   10


MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru. 305
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar, 2011

Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50


IL-ĦDAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru. 305
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar, 2011

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.02 p.m.

Talba

Seduta Nru. 305

It-Tlieta, 25 ta’ Jannar, 2011

WERREJ


MINUTI 160

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 160

TQEGĦID TA’ KARTI 165

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 167

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-AWTORITÀ TA’ MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET 167

TAL-KONSUMATUR 167

MALTA COMPETITION AND CONSUMERS AFFAIRS AUTHORITY BILL 167

AĠĠORNAMENT 185



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 189

MINUTI



Il-Minuti tas-Seduti Nri. 303 u 304 li saru fid-19 ta’ Jannar 2011 u fl-24 ta’ Jannar 2011, rispettivament, ġew konfermati.

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI



DATA FUQ IL-KWALITÀ TAL-ARJA
17276. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ il-Prim Ministru jikkonferma jekk id-data tal-kwalità tal-arja teżistix by segment? Jista’ jipprovdi figuri dwar particulate matter għal dawn l-aħħar erba’ snin? Kemm-il darba l-gvern jew l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għad m’għandhomx id-data neċessarja, x’time lines jeżistu biex dawn jibdew joperaw skont normi stabbiliti tal-Unjoni Ewropea?
ONOR. MARIO DE MARCO (Segretarju Parlamentari) (f’isem il-Prim Ministru): Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17276 kienet tinkludi l-aħħar data rigward il-livelli ta’ PM10 imkejla mill-istazzjonijiet ta’ kejl fiss u li għaddiet mill-proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Id-data tal-2009 għadha ma għaddietx minn dan il-proċess u għaldaqstant il-MEPA m’għandhiex aġġornamenti f’dan ir-rigward. Dan il-proċess għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru, 2010.
Ma’ din ir-risposta nżid ngħid li din l-informazzjoni kienet inġabret qabel l-aħħar tax-xahar.
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): L-Onor. Leo Brincat, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Allura l-proċess li semma’ is-Segretarju Parlamentari tlesta? Napprezza li din il-mistoqsija damet tmien xhur biex tiġi mwieġba imma f’mistoqsija bil-miktub li ġiet mogħtija lilna, hemm miktub li dan il-proċess għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru, 2010 u din ir-risposta qiegħda tingħata fil-25 ta’ Jannar, 2011. F’dan l-istadju kulma nixtieq inkun naf – qabel ma ngħaddi għal xi mistoqsijiet supplimentari – hu jekk dan il-proċess, li kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru, tlestix jew le.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Għal xi raġuni stramba, din ir-risposta kienet ġiet approvata f’Novembru tas-sena li għaddiet u ma nafx għaliex daħlet illum. Illum m’iniex fi stadju biex ninforma lill-Onor. Brincat jekk dak li kellu jitlesta sal-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru tlestiex jew le. Ovvjament l-indikazzjonijiet kienu – qiegħed nara wkoll xi notamenti interni tiegħi li jien kont approvajt ir-risposta fit-12 ta’ Novembru - li suppost kellhom jitlestew sal-aħħar ta’ Diċembru imma bil-kunsens tal-Onor. Brincat inkun nista’ nivverifika u ninformah f’seduta oħra.  
MR SPEAKER: L-Onor. Brincat, domanda supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Jien m’għandi l-ebda intenzjoni li noqgħod infettaq fuqha imma dan huwa t-tieni każ f’dawn l-aħħar xhur. Fil-fatt kellna ripetizzjoni tal-istorja fejn il-Prim Ministru l-ewwel ta tweġiba li kienet tirriferi għal żmien li jmur lura x-xhur, imbagħad, meta ssikkajnieh fuq it-tweġiba li ta, kien qalilna li dik it-tweġiba li ta dakinhar kienet ġiet overtaken by events. Issa jien se nieħu l-kelma tas-Segretarju Parlamentari biex fl-ewwel okkażjoni li jkollu jikkonfermalna jekk il-proċess tlestiex sal-aħħar ta’ Diċembru, 2010. Apparti minn hekk xtaqt nagħmel ukoll mistoqsija oħra fuq xi ħaġa oħra.  
Hekk kif kellna l-okkażjoni li bħala Partit Laburista nikkumentaw fuqu, illum kellna rapporti li kemm matul il-ġimgħa li għaddiet kif ukoll illum reġa’ kien hemm irwejjaħ li telfu ħafna lill-ħaddiema ta’ Hexagon House. Hemmhekk tinstab located it-taqsima ambjentali tal-MEPA u mill-informazzjoni li tawni l-ħaddiema, dawn ġew imġiegħla jmorru d-dar minħabba l-irwejjaħ.  Din il-kwestjoni qiegħed inqajjimha fil-kuntest ta’ dak li qal ftit ilu l-Prim Ministru meta qal li din il-problema kellha tiġi ndirizzata u qal ukoll li ssaħħaħ l-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) permit għall-kumpanija tal-Waste Oil li topera fil-viċinanzi.
Għaldaqstant nixtieq inkun naf – ġaladarba kien hemm dawn ir-rapporti li ma ġewx miċħuda – jekk kienx hemm xi monitoraġġ għaddej minn mindu ħareġ dan l-IPPC permit. Nixtieq inkun naf ukoll jekk sarux xi sforzi – wara li seħħ dan il-każ l-ewwel darba nhar it-Tlieta li għaddew u reġa’ rrepeta ruħu llum - biex jiġu identifikati l-problemi operazzjonali, u x’azzjoni ttieħdet jew beħsiebha tieħu l-MEPA fir-rigward tal-operaturi nfushom. Qed ngħid hekk l-aktar għax kieku dan il-każ ġara llum nifhimha li forsi l-MEPA tkun trid tinvestiga, imma mill-informazzjoni li daħlitli qed jingħad li l-problema rrepetiet ruħha wara nhar it-Tlieta li għaddew.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nitlob lill-Onor. Brincat japprezza l-fatt li l-mistoqsija li qed nirrispondu bħalissa għandha x’taqsam mal-kwalità tal-arja b’mod ġenerali u b’mod partikolari fuq il-kwestjoni tal-PM10. Issa l-kwestjoni li qed jirriferi għaliha fuq Hexagon House hija totalment differenti. Fil-fatt din hija kwestjoni speċifika u kif irrispondejna mistoqsijiet partikolari fuq il-kwestjoni ta’ Hexagon House u kwestjonijiet ta’ irwejjaħ fil-passat, lanqas illum m’għandi problema biex nirrispondi. Madankollu jkolli nivverifika dak li seħħ illum u li qed jirriferi għalih l-Onor. Brincat. Nerġa’ ngħid li din il-kwestjoni żgur li ma toħroġx mill-mistoqsija parlamentari li qed nagħtu risposta tagħha llum.  
MR SPEAKER: Is-Sedja ppermettiet il-mistoqsija għax kellha attwalità partikolari matul il-ġurnata. L-Onor. Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, jien qajjimt il-mistoqsija f’kuntest partikolari. Huwa minnu li hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq particulate matter, imma primarjament qegħdin nitkellmu fuq il-kwalità tal-arja. Issa li kieku qed nitkellmu fuq xi entità parastatali jew semi-governattiva li b’xi mod taqa’ taħt id-dekasteru ta’ xi ministru ieħor, kont nifhimha tweġiba bħal din, imma meta din il-problema ilha tirrepeti ruħha x-xhur u s-snin, taħt dekasteru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru u tas-Segretarju Parlamentari, u meta ironikament dan il-premises jilqa’ fih dipartiment li suppost qiegħed hemm biex iħares l-ambjent, u li hemm b’kollox madwar 100 ħaddiem li jaħdmu hemmhekk, u meta din hija xi ħaġa topika, li diġà kienet suġġetta għall-media release min-naħa tal-Partit Laburista daqs sagħtejn jew tliet sigħat ilu, kont nippretendi li s-Segretarju Parlamentari de Marco, jekk mhux għalina, almenu għall-ħaddiema f’dan id-dekasteru, kellu joffri xi forma ta’ konfort.
Hawnhekk nixtieq ngħid li min avviċinana fuq din il-kwestjoni ma kellu l-ebda aġenda politika imma kellu biss tħassib dwar is-saħħa ambjentali u għax għandhom id-dubji serji tagħhom kemm minkejja l-IPPC permit, din l-issue qiegħda tiġi indirizzata b’mod proattiv min-naħa tal-gvern kif wieħed kien jistenna f’ċirkostanzi bħal dawn. Dan aktar u aktar meta għada se jkollna IPPC permit għal xi ħaġa aktar estensiva u ċioè fuq il-power station extension. Hawnhekk qed nitkellmu fuq sempliċi waste oil plant! Mela aħseb u ara x’ġej meta niġu biex nieħdu ħsieb il-monitoraġġ tal-imbierka extension tal-power station!
MR SPEAKER: Onor. Brincat is-Segretarju Parlamentari jista’ ma jkollux id-dettalji kollha fuq xi ħaġa speċifika bħal din.  
L-Onor. de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, kif jaf l-Onor. Brincat, jiena kont qiegħed miegħu dalgħodu f’workshop ġewwa Villa Bighi. U hemmhekk għamilna mid-9:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ wara nofsinhar.  Għalhekk ma naħsibx li jippretendi li jien ikolli din l-informazzjoni fuq xi ħaġa daqshekk speċifika. Fil-ħajja legali tiegħi ma nilgħabhiex tal-akkużant u tal-ġudikant fl-istess ħin, imma milli jidher l-Onor. Brincat wasal mill-ewwel għall-konklużjoni tiegħu dwar min hu responsabbli għall-irwejjaħ li kien hemm illum ġewwa Hexagon House! Jista’ ikun li l-Onor. Brincat – mingħajr l-ebda diżrispett lejh – jifhem fl-irwejjaħ daqsxejn aktar minni.  Jiena ngħid biss li hemm proċess ta’ investigazzjoni għaddej u nassigurah li l-aħħar nies li għandhom xi intenzjoni li jagħmlu xi cover-up għal dawn l-irwejjaħ huma proprju l-istess impjegati ta’ Hexagon House. Jekk l-Onor. Brincat jixtieq jagħmel mistoqsija partikolari fuq din il-kwestjoni nkunu nistgħu nirrisponduh bħalma għamilna fil-passat.
MR SPEAKER: L-Onor. Brincat, domanda supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, se nipprova nillimita ruħi strettament għat-tweġiba li tani s-Segretarju Parlamentari u hawnhekk qed nirriferi għat-tweġiba li ta fuq il-particulate matter għal dawn l-aħħar erba’ snin. Jista’ b’mod indikattiv jgħidli kemm hemm nies mal-MEPA li xogħolhom huwa relatat mal-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja? Kemm minnhom għandhom background u kwalifiċi xjentifiċi u kemm minnhom huma involuti direttament fl-immaniġġjar ta’ monitoring stations? Hemm xi ħsieb fl-immedjat li jkun hemm reklutaġġ ta’ nies ġodda f’dan il-qasam biex jissaħħaħ dipartiment li huwa common knowledge li għadu pjuttost dgħajjef? Naturalment dan qed ngħidu mingħajr ebda riflessjoni fuq is-Segretarju Parlamentari.
MR SPEAKER: Onor. Brincat, nerġa’ ngħid li din hija xi ħaġa speċifika ħafna.
L-Onor. de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nista’ ninforma lill-Onor. Brincat li hemm madwar 100 ruħ jaħdmu fid-Direttorat tal-Ambjent u jiena l-ewwel wieħed li ngħid li dan mhuwiex biżżejjed. Kien għalhekk li nsistejt u għamilt talba sabiex jiżdiedu n-nies f’dan id-direttorat.  Fil-fatt hemm proċess sabiex jiġu ngaġġati 45 persuna oħra. Madankollu ma nafx kemm hu n-numru eżatt – jekk humiex 10, 11 jew 12-il persuna - li jaħdmu f’dik is-sezzjoni partikolari u jekk nagħtih numru nkun qed ngħaddi lill-Onor. Brincat biż-żmien, u żgur li mhijiex l-intenzjoni tiegħi li ngħaddi lill-Onor. Brincat jew lil kwalunkwe membru ieħor biż-żmien.  
MR SPEAKER: L-Onor. Brincat, domanda supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Diversi persuni kwalifikati ħafna iktar minni f’dan is-suġġett – bħalissa qed jiġini f’moħħi l-Professur Edward Mallia – kemm-il darba tkellmu fil-kuntest mhux biss ta’ particulate matter imma dwar manteniment li seta’ sar fuq l-apparat tal-power stations u li allegatament dan seta’ sar ukoll bil-lejl. Jiena xtaqt inkun naf mingħand is-Segretarju Parlamentari jekk jafx b’każi fejn dan il-maintenance sar bil-lejl. Jekk iva, jista’ jgħidli kemm-il darba sar b’mod approssimattiv ħafna?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Mr Speaker, jien nieħu gost li l-Onor. Brincat manages to keep a straight face meta jagħmilli dawn il-mistoqsijiet supplimentari! Imma mbagħad meta ngħaddilu l-kumment ikollu dik il-guilty smile għalkemm meta jagħmel il-mistoqsija jassumi l-akbar responsabilità. Issa jiena naf li dawn il-mistoqsijiet jagħmilhom bl-ikbar b’sens ta’ serjetà imma li tassumi li minn din il-mistoqsija, jien fil-file se jkolli l-informazzjoni fuq jekk il-manutenzjoni saritx bil-lejl, jew filgħodu jew wara nofsinhar, naħseb li nkunu qegħdin nippretendu żżejjed!  
Nerġa’ ngħid li rridu nħarsu lejn il-mistoqsija li titkellem fuq id-data tal-kwalità tal-arja. U allura by what stretch of the imagination għandu xi ħadd jaħseb li se jkolli fil-file tali informazzjoni fuq x’ħin u f’liema ġranet sar il-maintenance tal-istazzjonijiet li jikkontrollaw il-kwalità tal-arja?! Onestament ngħidlu li jekk jixtieq jagħmilli mistoqsija, jista’ jagħmilha b’mod formali jew b’mod informali, u jien, bħalma dejjem għamilt, naqsam l-informazzjoni miegħu. Nerġa’ ngħid li m’għandi l-ebda diffikultà biex nagħmel dan, imma li nippretendu li din l-informazzjoni tkun by way of supplementary question ma naħsibx li hu sew. 

UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU – GĦOTI TA’ KUNTRATTI
18483. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Josè Herrera) staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mis-segwenti entitajiet, kemm b’direct order u kemm permezz ta’ tender governattiv: Bord Mediku Kummissjoni Elettorali, Bord tal-Appelli dwar l-Ippjanar, Bord dwar l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet, Bord tar-Reġistrazzjoni u Reviżjoni, Bord tal-Appell għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Bord tal-Appelli dwar it-Turiżmu, Bord tal-Appelli Kunsilli Lokali (Offerti), Bord tal-Fond għall-Ħarsien tal-Ambjent, Bord tal-Warrant ta’ Restawraturi, Ċentru għall-Kreattività San Ġakbu, Direttur tal-Infurzar (MTA), Fondazzjoni Patrimonju Malti, Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Industrial Projects and Services Limited, Kumitat Festi Nazzjonali, Kumitat għall-Prevenzjoni u l-Kontroll dwar il-Patrimonju – Kulturali? Lil min ingħata u kemm kien jiswa kull kuntratt fil-perjodu 2008, 2009 u 2010?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.


CASINO – OPERATUR TAL-KĊINA U L-BAR
18880. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Owen Bonnici) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid jekk rigward ir-restaurant, kċina u l-bar tad-Dragonara Casino ngħatax permess li dawn jingħataw f’idejn operatur li m’għandux x’jaqsam mal-casino? Tenut kont tal-fatt li r-restaurant, minn mindu fetaħ il-casino dejjem tmexxa mill-kumpanija li tkun qed tmexxi l-istess casino, u r-restaurant minn dejjem kien complimentary għall-gaming, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk di fatti kienx hemm bidla f’dan ir-rigward?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-ftehim li ġie ffirmat fit-30 ta’ Ġunju, 2010 mal-operatur il-ġdid Dragonara Gaming Ltd (DGL), it-tmexxija tan-negozju (li huwa ta’ casino u stabbiliment tal-logħob b’faċilitajiet anċillari li jinkludu catering, entertainment u attivitajiet oħra relatati ma’ casino u suġġetti li jinġiebu l-permessi meħtieġa) tħalla f’idejn l-operatur. Dan bil-kondizzjoni li DGL topera fi ħdan l-istabbiliment bl-akbar mod diliġenti u effiċjenti u billi tuża l-aħjar ġudizzju, abilitajiet u sforzi biex tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni tal-post u li tħares li ma jsir xejn kontra l-liġi fl-istabbiliment.
Barra min hekk, fir-rigward tal-faċilitajiet anċillari ta’ catering u entertainment, DGL intitolata li tqabbad terza persuna kompetenti biex topera dawn il-faċilitajiet, basta l-ewwel iġġib l-approvazzjoni bil-miktub ta’ Casma Ltd. Fil-każ li din l-approvazzjoni tingħata, DGL xorta waħda tibqa’ suġġetta għad-danni f’każ li tonqos mill-obbligazzjonijiet tagħha lejn Casma Ltd fit-termini tal-liġi u tal-konċessjoni.
Sal-lum ma saret l-ebda talba lil Casma Ltd għal permess biex xi faċilitajiet jiġu operati minn terzi persuni.

KUNSILLI LOKALI - WORKS MANAGER
18973. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li ma kellhomx works manager mis-sena 2006 sal-lum? Kien hemm raġuni għal dan? B’liema mod kien qed isir l-iċċekkjar tal-ħlasijiet bħalma huma kejl tax-xogħlijiet, jekk ix-xogħol sarx skont kif mitlub u skont is-sengħa eċċ.?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li ma kellhomx works manager mis-sena 2006 u l-informazzjoni mitluba.

MINISTERI U SEGRETARJATI PARLAMENTARI - NEFQA FUQ KONSULENZA
19050. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17731 u jgħid kemm intnefqu flus f’konsulenza fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2010 mill-ministeri u segretarjati ta’ segretarji parlamentari, dekasteru b’dekasteru?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Rigward in-nefqa f’konsulenza minn ministeri oħra, nitlob lill-Onor. Membru jirriferi l-mistoqsija lill-ministri kkonċernati.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, fil-lista nsibu li n-nefqa f’konsulenza għas-Segretarjat tal-Prim Ministru kienet ta’ €8,260. Jista’ jispjegali x’kienet din il-konsulenza?  
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Kif jidher mill-file s-somma ta’ €8,260 intefqet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu u Informazzjoni. Dawn huma servizzi li ngħataw mis-soċjetà Perfect Organizing Company Ltd. u kienu f’consultancy services for unlimited hours in specialized assistance in logistics in connection with the official visit of the Pope in Malta. Din is-somma kienet approvata mill-Ministeru tal-Finanzi u l-approval ingħata fil-11 ta’ Frar, 2010.

MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi, domanda supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Imma kif kellna bżonn tal-konsulenza meta kien hemm is-segretarju privat tal-Prim Ministru li kien qed imexxi kollox hu?! Permessi ħa ħsiebhom hu, l-organizzazzjoni f’idejh kienet u għamel kollox hu dan! Saħansitra anke l-Papa rringrazzjah għax għamel kollox hu! Mela kif ħallsu għall-konsulenza?  
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: M’għandix dubju li s-segretarju privat għen ħafna fl-organizzazzjoni u kien il-bniedem li organizza kollox. Madankollu xorta waħda jkollok bżonn l-assistenza ta’ persuni oħra li jkunu responsabbli mill-affarijiet loġistiċi. Meta nitkellmu fuq iż-żjara tal-Papa, m’aħniex qed nitkellmu fuq żjara ta’ persuna qualsiasi u allura jkun hemm diversi affarijiet involuti. Nafu li din iż-żjara kienet fuq numru ta’ ġranet u ovvjament, fi żjarat bħal dawn ikollok bżonn l-assistenza ta’ organizzazzjonijiet speċjalizzati f’dawn it-tip ta’ affarijiet.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi, domanda supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Peress li l-żjara tal-Papa kienet ilha mħabbra, dawn ħarġu b’tender jew inkella l-affari tant kienet urġenti - allavolja kontu tafu ħafna qabel - li kellkom toħorġu direct order?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Mr Speaker, naħseb li l-Onor. Mizzi japprezza li l-mistoqsija parlamentari li saret kellha x’taqsam man-nefqa tal-konsulenza u ma kenitx dwar jekk sarux direct orders jew tenders jew fil-kas li sar tender meta nħareġ dan it-tender. Min-naħa tiegħi m’għandi l-ebda diffikultà biex inwieġeb jekk issir mistoqsija f’dan ir-rigward, però wieħed għandu japprezza li hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq diversi konsulenzi u li l-informazzjoni dwarhom tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra. Jekk l-Onor. Mizzi jogħġbu jagħmel mistoqsija aktar speċifika dwar dawn il-konsulenzi, jien ma nsib l-ebda problema biex nagħtih l-informazzjoni mitluba.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi, domanda supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, il-mistoqsija tiegħi hija marbuta mal-mistoqsija oriġinali.
MR SPEAKER: Fil-fatt jien ma waqqaftekx Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, jien ma kontx qiegħed nirriferi għalik imma għall-Onor. de Marco. Jien nitolbu biex ma joqgħodx iġibli l-iskużi u jgħidli biex nagħmel mistoqsija oħra. Mela l-Prim Ministru jemmen li għandna nagħmlu question time relatat mal-affarijiet li jaqgħu taħtu, imbagħad nagħmlu question time ieħor marbut mal-kumplament tal-ministri u mbagħad meta nistaqsi xi ħaġa jiġu jgħiduli biex nagħmel mistoqsija bil-miktub!   La din hija relatata direttament ma’ tender huma għandhom ikunu jafu jekk ħarġitx permezz ta’ direct order jew jekk ħarġitx permezz ta’ tender. Din hija l-ewwel mistoqsija li wieħed jistenna li se ssir!  
Jekk aħna mhux se naslu biex nagħmlu dawn il-mistoqsijiet fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, kif nistgħu nissalvagwardaw it-trasparenza?! Nerġa’ intenni li fil-file nistenna li jkun hemm tali informazzjoni u mhux ikolli noqgħod nerġa’ naħli tlett ijiem sakemm tasal il-mistoqsija mbagħad, jekk għandi aktar minn sitt mistoqsijiet irrid noqgħod nistenna sakemm jasal it-turn biex ikollu risposta, bil-probabilità li nilħqu noħorġu bil-vakanzi tal-Għid! Kif jista’ ikun li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż naħdmu b’dan il-mod? Mela mhux ta’ b’xejn li l-ħaddiema tal-gvern ma jaħdmux daqshekk! Kif tista’ l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż tasal f’din l-estremità li biex tieħu risposta għal mistoqsija li tkun għamilt iddum tistenna xahrejn?!
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Mizzi għall-mistoqsija parlamentari 18,483 li saret mill-Onor. Josè Herrera. F’din il-mistoqsija kien aktar speċifiku għax staqsa lill-Prim Ministru sabiex jgħidlu kemm-il kuntratt ingħata mis-segwenti entitajiet, kemm ingħataw b’direct order u kemm ingħataw b’tender governattiv.  Hawnhekk il-mistoqsija kienet b’mod aktar ġenerali għax staqsa fuq kemm intefqu flus f’konsulenza. U allura l-mistoqsija mhijiex dwar kif saret il-konsulenza jew kif ġew magħżula dawk il-konsulenti. Naturalment din il-mistoqsija tirrigwardja ħafna iktar informazzjoni. Nerġa’ ngħid li m’hemm l-ebda diffikultà sabiex tingħata din l-informazzjoni jekk issir mistoqsija f’dan ir-rigward. Imma l-mistoqsija kienet tirrigwardja speċifikament dwar x’intnefqu flus f’konsulenzi u din il-mistoqsija ġiet risposta b’mod eżawrjenti għall-aħħar.
MR SPEAKER: L-Onor. Mizzi, domanda supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, mela dan qed jgħidli b’mod indirett biex ma nagħmilx mistoqsijiet supplimentari! Kulma jagħmel hu li meta tistaqsi mistoqsija, meta jrid iwieġebek iwieġbek u meta ma jridx iwieġbek jgħidlek biex tagħmel mistoqsija bil-miktub! Mela allura l-mistoqsijiet supplimentari għalfejn qegħdin?! Ara kemm ġibnieha tajjeb lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż!
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti u nsejjaħ lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.


Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   10
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə