Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)


MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion. ONOR. CHARLES MANGION



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə3/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

MR SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Mr Speaker, il-liġi li għandna quddiemna, kif diġà ġie espress minn diversi kelliema oħra qabli, hija intiża sabiex tipprovdi għat-twaqqif ta’ awtorità biex tippromwovi, iżżomm u tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni, tissalvagwardja l-interessi tal-konsumatur u ttejjeb il-ħarsien tiegħu u tippromwovi prattiċi ta’ negozju tajjeb. Hija awtorità li bażikament l-oġġettiv tagħha hu li minn naħa waħda toħloq kompetizzjoni ġusta u level playingfield kif titlob l-ekonomija u n-negozju, u min-naħa l-oħra toħloq mekkaniżmi sabiex il-konsumatur ikun imħares aktar.
Żgur li wieħed ma jistax ma jaqbilx ma’ dawn l-oġġettivi u l-għanijiet u lanqas ma jista’ jgħid li dawn mhumiex miri għaqlin, anzi naħseb waħda mill-aspirazzjonijiet li l-poplu Malti kien ħares lejha fis-sena 2004 u anke fis-snin ta’ qabel, kienet li ladarba nkunu parti mill-Unjoni Ewropea, il-konsumatur ikollu d-drittijiet tiegħu ta’ konsumatur imħarsa u salvagwardjati bħalma huma f’pajjiżi aktar żviluppati fl-Unjoni Ewropea. Ma nistax ma nsemmix ukoll li matul dawn is-snin kellna transposition ta’ ċerti liġijiet ukoll li huma komuni fl-Unjoni Ewropea fosthom dwar il-product safety u dwar it-twaqqif ta’ diversi awtoritajiet li se nsemmihom aktar ‘il quddiem. Minkejja dan, x’ħin wieħed jibda jagħsar, wieħed ma jistax ma jikkonkludix li minkejja li għandna diversi entitajiet li jħarsu lill-konsumatur, l-istess konsumatur baqa’ fejn kien. Pereżempju, fil-qasam finanzjarju għandna l-Malta Financial Services Authority (MFSA) u l-Bank Ċentrali, għandna mbagħad l-uffiċċju tal-kompetittività, l-uffiċċju għall-ħarsien tal-konsumatur, il-Malta Communications Authority (MCA), il-Malta Resources Authority (MRA) u l-Malta Environment and Planning Authority (MEPA). Jekk wieħed joqgħod jifli l-liġijiet li waqqfu dawn l-istrutturi u jara l-funzjonijiet tagħhom, isib li bħala parti mill-funzjonijiet tagħhom hemm il-ħarsien tal-konsumatur.
Minkejja dan, matul is-snin li għaddew assistejna għal realtà fejn is-suq jiġi abbużat u ftit li xejn ikun hemm intervent reali. Bħalissa, pereżempju, għaddejja kwestjoni dwar l-isport bejn il-Go u l-Melita. Min hu abbonat ma’ service provider li m’iniex se nsemmih ħalli ma nirreklamax, ma jistax ikollu s-servizz li kien igawdi qabel għax issa d-drittijiet ħadhom is-service provider l-ieħor. Dawn iż-żewġ entitajiet bejniethom għandhom monopolju sħiħ, u minħabba f’hekk qegħdin naraw li n-nies li jħobbu l-isport, primarjament il-futbol, u li kienu abbonati ma’ kumpanija waħda, iħallsu tariffi sostanzjali biex jieħdu dan is-servizz, issa dan is-servizz ġie mċaħħad lilhom. Mr Speaker, l-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni ilha tiġi mħeġġa biex tħares lejn din is-sitwazzjoni, imma sadanittant ix-xhur għaddejjin u l-konsumatur, speċjalment dawk entużjasti tal-isports, li għandna ħafna minnhom f’pajjiżna, qed ikollhom iħallsu għas-servizz taż-żewġ kumpaniji bi spiża addizzjonali fuqhom. Dan huwa eżempju wieħed in partikolari li qed narawh kontinwament.
Mr Speaker, fl-2008 kellna każijiet ta’ abbuż anke mill-prezz tal-mediċini. Kellna nistennew tliet snin biex il-Medicines Authority jew min kien qed jieħu ħsieb il-qasam tal-konsumatur jibda jagħmel partial intervention. Il-kwestjoni tal-prezzijiet fuq il-mediċini taqra u tisma’ biha kuljum u jidher li m’hemm l-ebda forma ta’ regulation, fis-sens biex ma jsirx abbuż mill-konsumatur. Il-mediċina hija essenzjali daqs l-ilma u l-ħobż u m’hemm xejn li jirregola lil minn ikollu l-monopolju ta’ xi mediċina partikolari. Il-konsumatur min qiegħed jipproteġih illum, minkejja li għandna dawn l-istituzzjonijiet kollha?
Dawn l-istituzzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar biex jitħaddmu, jqumu l-flus. Jekk inħarsu lejn il-budget u naraw kemm qegħdin nikkontribwixxu bħala taxxi lejn dawn l-extra budgetary units, insibu li bejniethom dawn jieħdu madwar €180 miljun fis-sena biex jinżammu. Għandna dawn l-istrutturi li żviluppaw matul dawn l-aħħar snin u li kienu wkoll ikkuppjati biex aħna ndaħħlu l-kriterji tal-Unjoni Ewropea fis-sistema legali f’pajjiżna imma bil-fatti qed naraw li dawn huma kompletament ineffiċjenti f’dawn l-oqsma regolatorji.
M’iniex se nitkellem dwar il-MEPA għax diġà smajna kelliema miż-żewġ naħat tal-Kamra jgħidu kontra din l-awtorità u kif din taħdem b’two weights and two measures, bi kriterji differenti ‘l hawn u ‘l hemm, fejn ħafna drabi jiddependi minn dak u mill-ieħor. Kemm-il darba jiġi allegat hawnhekk li fejn jidħol l-ambjent, il-MEPA fejn jaqblilha tħares u fejn jaqblilha tilbes nuċċali skur biex ma tarax minnu u kollox jibqa’ għaddej.
Mr Speaker, qed ngħid dan kollu biex nuri li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna diġà jeżistu u li qed jagħmel il-gvern b’din il-liġi huwa li jiġbor taħt awtorità waħda dawn l-entitajiet kollha. Għalija din hija ammissjoni li l-istrutturi kollha li waqqafna matul dawn l-aħħar erba’ jew ħames snin - l-MRA ilha mis-sena 2000 li twaqqfet - fallew fil-ħidmiet tagħhom għax kieku kienu qegħdin jaħdmu tajjeb ma kienx ikun hemm ġustifikazzjoni li ssir din il-liġi omnibus biex tiġborhom kollha taħt awtorità waħda. Mhux hekk biss, imma f’din il-liġi qed nippresupponu wkoll li anke l-ministeru se jkun ministeru li fil-ħidma tiegħu huwa wieħed kbir ħafna. Fil-fatt jekk wieħed iħares lejn id-definizzjoni ta’ ministru fl-interpretation clause isib li ministru tfisser il-ministru responsabbli għall-kompetizzjoni, l-affarijiet tal-konsumatur, standardisation, metroloġija u regolament tekniċi. Imbagħad x’ħin wieħed iħares lejn dawk li huma l-erba’ direttorati li se jkun hemm taħt il-bord tal-gvernaturi li se jkun qed jiffissa l-policy, wieħed jara li dawn id-direttorati jinkorporaw fihom ukoll ħafna u ħafna awtorità u poteri.
Mr Speaker, ilna ħafna nisimgħu dwar il-one-stop-shop. Fil-fatt darba kien hemm xi ħadd li ħareġ bl-idea li l-qasam tal-Malta Enterprise nagħmuha one-stop-shop, imma meta jkollok x’taqsam mal-Malta Enterprise, malajr tkun taf fejn qiegħed il-one-stop-shop! Kemm trid tiġri minn dipartiment għall-ieħor! Anke min irid jagħmel fabbrika, lanqas jagħtuh il-permess biex jkun jista’ japplika l-MEPA, jew inkella jgħidulu biex japplika b’mod imbagħad il-permess li jagħtu huma lill-MEPA jkun differenti minn dak li jkun applika għalih l-individwu. Dawn huma awtoritajiet li kollha suppost wettqu l-one-stop-shop u li kollha fallew fil-ħidma tagħhom. Issa se titwaqqaf struttura kbira ħafna, u l-ewwel mistoqsija li tiġi f’moħħi hi għaliex il-ministeru li taħtu se taqa’ din l-awtorità jinkludi consumer affairs, competition, metrology u technical regulations, imma imbagħad food safety, product safety u doorstep contracts mhumiex inklużi. Qed ngħid hekk għax filwaqt li din l-awtorità tmiss dawn is-setturi kollha, x’ħin tħares lejn id-definizzjoni ta’ “Ministru” tara li qisu hemm biss dawk l-erba’ linji prinċipali li semmejt aktar kmieni, jiġifieri consumer affairs, competition, metrology u technical regulations; l-oqsma l-oħra xorta se jibqgħu taħt ministeru ieħor.
Qed inqanqal dan il-punt għax bħalma diġà għedt fil-bidu, awtoritajiet, korpi, u dipartimenti għandna patafjun u l-poplu diġà qed iħallas madwar €180 miljun fis-sena f’pagi u spejjeż amminstrattivi sabiex dawn jinżammu, u issa qisu se jkollna żewġ ministeri li se jibdew jimpikaw fejn tibda l-awtorità ta’ wieħed u fejn tispiċċa tal-ieħor; se jkollna l-famuż overlapping. Jien naħseb li wieħed li mill-oġġettivi li għandha liġi ta’ dan it-tip li tkun ikkappeġġjata minn bord wieħed, hu li ma jkunx hemm dan l-overlapping. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li dan il-bord huwa estiż ħafna, fil-fatt huwa compost minn seba’ membri minbarra ċ-chairman li huma nies ta’ professjoni. Jien fhimt li allura jekk se nagħmluha one-stop-shop, kull aspett li jaqa’ taħt l-awtorità għandu wkoll jaqa’ taħt dak l-istess ministeru. Jekk se jkollna overlapping ta’ awtorità, minflok ngħinu lill-ekonomija, lin-negozjant iż-żgħir u lil dak mhux daqstant żgħir, minkejja li s-suq huwa liberalizzat, iktar se nfixxkluhom amministrattivament; jgħidulu li għandu dritt li japplika u jingħata dak id-dritt, imma imbagħad biex jingħata dak id-dritt nagħmlulu ħajtu nfern. Dan huwa operatur ekonomiku imma huwa konsumatur fl-istess ħin għax ikun għamel investiment biex jingħata l-permess jeżerċità t-tip ta’ negozju partikolari. Sakemm jieħu l-permess, dak ukoll għalih ifisser telf ta’ investiment, għax id-dewmien huwa telf ta’ flus u bħala konsumatur mhux qed jiġi protett.
Mr Speaker, hawnhekk se jkollna awtorità li l-amministrazzjoni tagħha se tkun top heavy. Dan l-aħħar kellna l-każ tal-Automated Revenue Management Services (ARMS) li wellduha bejn żewġ entitajiet kbar. Dawn welldu dan il-mostru li ħoloq konfużjoni sħiħa minkejja li kellu l-iskop biex jiġbor l-flus u jaqdi aħjar lill-konsumatur. Dawn għamlu helpline li trid iddum iċċempel 24 siegħa u, jew issibu okkupat jew ma jirrispondik ħadd. Kellna konfużjoni sħiħa f’dawk li huma kontijiet, jiġifieri għalkemm l-iskop jista’ jkun tajjeb, l-istruttura minnha nnfisha, x’ħin tipprova tagħmel pjanta tagħha ta’ kif se taħdem, naħseb li hija pjuttost tqila. Jiena wisq nibża’ li l-burokrazija se tikber, u fejn tikber il-burokrazija la għandek effiċjenza u lanqas ħarsien tal-konsumatur. Dwar dan għandna l-esperjenza tal-MEPA u f’din l-awtorità li se nwaqqfu sfortunatament hekk jidher li se jiġri minkejja l-għan tajjeb.
Mr Speaker, f’paġna 24 tad-diskors tal-budget ta’ din is-sena l-Ministru kien qal li fejn jirrigwarda n-negozji ż-żgħar u l-SMEs, kien se jagħmel kulleġġ tar-regolaturi biex qabel ma jiġu introdotti ċerti liġijiet dawn jagħtuh assessment ta’ kif se jkunu milqutin l-SMEs burokratikament. Jekk dan il-kulleġġ tar-regolaturi ġie mwaqqaf, x’parir ta dwar din l-istruttura li qegħdin nagħmlu hawnhekk? Ta parir li se nkunu iktar effiċjenti, se ntejbu l-kompetittvità, se nnaqsu l-piżijiet tal-burokrazija? Saret xi analisi dwar dan? Sar xi studju dwar dan biex almenu jiġi ppreżentat lilna li rridu nilleġiżlaw, napprovaw u nissuġerixxu emendi?
Mr Speaker, qed insemmi din il-wegħda li saret fil-budget, jiġifieri li kull liġi jrid isirilha assessment biex tara kif se teffettwa burokratikament, għax hawn nagħmlu ħafna kliem li jkunu sbieħ imma lilna, effettivament, hija s-sustanza li tinteressana. Dan il-punt li qed ngħid, ikompli jissaħħaħ meta wieħed iħares lejn id-direttorati varji, għax il-poter u l-funzjonijiet tad-direttorati huma estiżi ħafna. Dawn se jkollhom poteri sostanzjali, u għalhekk dejjem nistaqsi jekk hux se jkollna konflitt bejn liġi u oħra, bejn ministeru u dipartment – hemmhekk l-agħar - għax l-arranġamenti u l-emendi fil-liġijiet rispettivi jistgħu jiġu rfinuti u allura nsibu soluzzjoni għalihom. Tant hu hekk li fi klawsola 66, il-Ministru, għax kellu dubju jekk l-amministrazzjoni ta’ din l-awtorità kollha tkunx effiċjenti jew le, arroga għalih innifsu li bir-rakkmandazzjoni tal-bord ikun jista’ jirregola biex l-amministrazzjoni tal-awtorità tkun qed taħdem aħjar. Anke hawnhekk, fil-liġi stess, ukoll nesprimu d-dubju li din l-awtorità, minflok ma hi qed itejjeb l-effiċjenza se tkun qed ittaqqalha u tkabbar l-burokrazija.
Mr Speaker, nixtieq insemmi l-uffiċċju tal-kompetizzjoni li se jkun immexxi minn direttur ġenerali li għandu r-responsabbiltà:
“(a) li jinvestiga, jiddetermina u jrażżan prattiċi restrittivi;
(b) li jeżamina u jikkontrolla konċentrazzjonijiet bejn intrapriżi rigward l-effett tagħhom fuq l-istruttura talkompetizzjoni fis-suq;
(ċ) li jaġixxi bħala l-awtorità kompetenti nazzjonali f’Malta kif magħruf bis-saħħa tal-artikolu 35(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1/2003;
(d) li jirrevedi s-swieq u l-attivitajiet kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mal-provvista ta’ oġġetti u servizzi u li jiġbor informazzjoni u evidenza sabiex ikun jista’ jaċċerta jekk dawk s-swieq u attivitajiet jistgħux jaffetwaw b’mod ħażin l-interessi tal-konsumatur;
(e) li jistudja s-swieq u jirrakkomanda azzjoni fejn meħtieġ;
(f) li jinkoraġġixxi l-intrapriżi u l-għaqdiet ta’ intrapriżi biex iħarsu l-liġi tal-kompetizzjoni u jippromwovu prattiċi ta’ negozju tajba;
(ġ) li jagħti parir lis-settur pubbliku dwar l-implikazzjonijiet tal-proposti għal-leġislazzjoni;
(ħ) li jagħti parir lis-settur pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni li jistgħu jqumu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu;
(i) li jagħti parir fuq restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni imposti bil-liġi, politika jew prattika amministrattiva;
(j) li jgħin fit-tħejjija ta’ pjan ta’ dħul u nefqa tal-Aworità;
(k) li jipparteċipa f’laqgħat organizzati minn aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali;
(l) li jagħti parir lill-Bord fuq materji talkompetizzjoni;
(m) li jissottometti lill-Bord rapport annwali dwar ixxogħol tiegħu; u
(n) jeżerċità b’mod ġenerali is-setgħat mogħtija lilu taħt dan l-Att u taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni u kull regolamenti magħmula taħthom.”.
Il-mistoqsija mhijiex jekk għandux ikollu din l-awtorità kollha imma kif se tkun l-amministrazzjoni tal-awtorità issa li qed tiġi transposed għal din d-direttorat. Kif se nassiguraw li ma jkunx hemm overlapping tal-affarijiet. L-individwu se jkollu lil din l-awtorità li jikteb lilha u dawn se jgħidulu li hemm dipartiment ieħor li qabel iridu jirreferu għalih. Id-direttur li se jkun responsabbli se jkollu l-obbligu li jagħti sempliċement acknowledgment tar-risposta, jew lil dak li jkun irid jgħidlu li l-każ tiegħu se jkun solvut jew inkella indirizzat fi żmien perentarju? Din ma rajtha mkien - forsi qabżitli għax il-liġi hija twila – imma allura inutli li nagħmlu dawn it-tip ta’ liġijiet meta r-riżultat on the ground, li jinħass mill-poplu, ma jkunx qiegħed hemmhekk.
Mr Speaker, dan l-element ta’ xettiċiżmu jirriżulta mill-fatt li sal-lum, anke entitatijiet oħra mhux politiċi bħall-GRTU u ċ-Chamber Of Commerce, kemm-il darba kkritikaw bil-qawwi l-awtoritajiet li għandna llum. Jekk pereżempju, naraw l-iskop li għalih ġiet imwaqqfa il-MRA, u dak li fil-fatt qed jiġri, jaqbdu d-daħq, jekk mhux il-biki. Skont klawsola 4, waħda mill-funzjonijiet ta’ din l-awtorità se tkun to regulate the price structure for any activity regulated by this Act and where appropriate, to establish mechanisms, whereby the price to be charged for the acquisition, production, manufacture, sales, storage and distribution thereof is to be determined.
Biex nagħti eżempju nsemmi ż-żieda li kellna fil-bidu ta’ din is-sena fil-prezzijiet tal-gass u tal-fuel. Ħa nieħu tal-gass bħala element essenzjali. Meta l-awtorità ġiet mistoqsijja jekk il-prezzijiet li kienu qegħdin jeħlu l-konsumaturi kenux prezzijiet ġusti, li jassiguraw min-naħa waħda l-qligħ ġust, imma fl-istess waqt iħarsu lill-konsumatur fid-dawl tar-realtajiet eżistenti, mill-workings li ħarġet - u din hija tad-daħk - l-awtorità kważi qalet li l-prezzijiet tal-gass kif għolew qed jinbigħu irħas u li mnalla għandna l-kompetittività, għax kieku l-prezzijiet ikunu iktar għolja. Naħseb li hija talbet il-workings taż-żewġ kumpaniji u sempliċement qagħdet fuqhom. U qed qed ngħid li naħseb li qagħdet fuq il-kalkoli tagħhom għax huwa ovvju. Kif jista’ jkun xi ħadd jemmen li dawn iż-żewġ kumpaniji illum, bil-prezz tal-gass kif għollewh, qegħdin ibigħu kważi bit-telf? Dan skont ir-rapport li għamlet l-MRA. Allura jista’ xi ħadd jeħodha bis-serjetà lil din l-awtorità? Mela hawn xi kumpanija li tista’ topera bit-telf li tfisser li fin-negozju tagħha mhux biss tkun qed tmur kontra l-articles tal-memorandum tagħha imma anke kontra l-liġi? Jekk tkun qed topera bit-telf, ċertament li l-kredituri tagħha se jmorru minn taħt għax tfalli. Meta l-awtorità għamlet l-analisi tagħha vverifikat il-costings li ngħatawlha, jew sempliċement qabdet il-costings li għamlulha dawn il-kumpaniji u ħadithom bħala vanġelu? Kien hemm każijiet oħra barra l-pajjiż fejn l-awtorità regolatorja partikolari ħadet interess u ħadmet sew, fejn daħlet verament biex tevalwa l-ispejjeż tal-operat.
Mr Speaker, għaliex qed indaħħlu d-dubju dwar jekk l-ispejjeż tal-operat inħadmux tajjeb jew le? Għax meta tqabbel l-elementi ma’ pajjiżi oħra ssib li fost oħrajn hemm il-pagi. Pereżempju, f’Ċipru l-istess gass fl-istess ċilindri huwa irħas, u dan meta l-paga minima tagħhom hija madwar 20% iktar minn tagħna, u allura wieħed jibda jistaqsi fejn qegħdin l-ispejjeż biex dawn jiġġustifikaw li jkollhom prezzijiet ogħla. Is-suq internazzjonali inħallih għalih għax dak ma tista’ tagħmel xejn dwaru għalkemm tista’ tippjana biex tilqa’ għalih, imma fil-Lussemburgu l-paga minima hija aktar mid-doppju tagħna, jekk mhux id-doppju u nofs tagħna, ukoll il-prezz tal-gass kull ċilindru huwa irħas minn tagħna. Meta wieħed jara dan bilfors li jibda jiddubita dwar il-costings li ħarġet bihom l-MRA fejn implikat li dawn qed ibigħu bit-telf u qalet li qed isir hekk għax imnalla hawn is-suq liberalizzat. Hawn qed nidħqu bina nfusna u qed nidħqu bin-nies. Jiena fil-professjoni tiegħi dejjem ħdimt fis-settur privat, ikolli x’naqsam man-negozju u fi 30 sena qatt ma niftakar li ġie xi ħadd u qalli li se jibda jopera biċċa negozju bit-telf, u kieku kien hemm xi ħadd li ġie jgħidli hekk nagħmillu rikors biex niċċertifika huwiex f’sensieh. Kieku xi ħadd jitkellem b’dan il-mod jinħatarlu kuratur. U qed insemmi dan il-punt għax inutli li nibnu l-istrutturi u noħolqu l-impjiegi ‘l hawn u ‘l hemm mingħajr ma jsir xejn.

Mr Speaker, hawn ma nistax ma niħux l-okkażjoni li nsemmi punt li kont għamilt diversi mistoqsijiet dwaru. Qed nirriferi għall-qasam finanzjarju, fejn jinvolvi każ ta’ bank ewlieni f’pajjiżna li kumpanija sussidjarja tiegħu tat pariri ta’ investiment li ma jeffetwa xejn is-saħħa tal-bank f’dan il-każ, imma l-investiment li rrikkmandat din il-kumpanija sussidjarja intilef perċentwali sostanzjali minnu u minħabba f’hekk batew ukoll l-investituri. Rapport dwar dan il-każ suppost li kellu jkun lest sal-aħħar tas-sena. Fil-bidu ta’ din is-sena għamilt mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi dwar ir-rapport tal-property fund tal-BOV biex naraw xi drittijiet għandhom u m’għandhomx l-investituri skont il-liġijiet li għandna, però qalli li għadu mhuwiex lest. Meta se jkun lest dan ir-rapport? Dan hu l-ħarsien tal-konsumatur? Dan il-każ ilu sejjer minn Awwissu, trid issir investigazzjoni u jien naf x’qed isir mill-investigazzjoni għax ninforma ruħi, imma fl-aħħar mill-aħħar l-investigazzjoni trid tiġi magħluqa. Jiena nista’ nsemmi l-każ tal-Barclays Bank fl-Ingilterra fejn ingħataw pariri ħżiena. Mhux biss il-bank weħel £8 miljuni bħala penali imma kellu jirrifondi lill-klijenti tiegħu madwar £60 miljun minħabba bejgħ aggressiv. Meta tara każijiet bħal dawn li jiġru f’pajjiżna kif jista inti jkollok il-fiduċja fl-istituzzjonijiet li nkunu qed nagħmlu. Jiena bl-ebda mod ma rrid nippreġudika dan il-każ, imma nistenna l-eżitu tar-rapport għax jista’ jkun Ii kollox sar kif kellu jsir, kellek ir-riskju tas-suq li jien nikkonċedih ukoll, imma ċertament id-dewmien biex jingħata r-rapport ma jgħinx lill-konsumatur u lanqas ikabbarlu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna.


Mr Speaker, dawn kienu punti li ridt inressaq għall-konsiderazzjoni dwar dan l-abbozz. Huwa l-obbligu tagħna li filwaqt li nagħmlu liġi fejn inwiegħdu dawn l-oġġettivi, naraw li tinqata’ il-burokrazija, ikun hemm l-effiċjenza u jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni tkun qed tgħin biex tikber l-ekonomija. Fl-aħħar u mhux l-inqas irridu naraw li jkollna liġi li jkollha l-għodda neċessarji biex tħares lill-konsumatur fl-aspetti kollha tiegħu. Jiena semmejt l-istituzzjonijiet li ilhom joperaw 10 snin jew aktar f’pajjiżna li ma waslux biex jilħqu dawn l-għanijiet minkejja l-oġġettivi tagħhom fil-liġijiet u din il-liġi li qed issir tikkonferma kemm dawn fallew fl-għanijiet tagħhom.

Nesprimi wkoll ir-riżervi tiegħi jekk dawn l-għanijiet humiex se jintlaħqu. Dan jiddependi minn kif se taħdem u tiġġestixxi l-affarijiet l-amministrazzjoni, imma wisq nibża’ li l-istruttuta li qed tiġi ppreżentata se tkabbrilna l-burokrazija, u fl-aħħar mill-aħħar, meta għandek il-burokrazija żejda, ikollok l-abbuż tal-burokratiku, mhux għax jieħu xi flus jew xi ħaġa oħra, imma l-abbuż tal-burokratiku li jinqata’ mir-realtà tas-suq u mir-realtà tal-bżonnijiet tal-konsumatur. Ikollok ħajt twil ta’ burokrazija fejn dak li jkun mingħand Qajfas jintbagħat għal għand Pilatu, u meta jiġri hekk ir-riżultat ta’ dak kollu li jkun qed isir f’dan il-Parlament ma jkunx dak mixtieq. Nirringrazzjak.


MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Helena Dalli.
ONOR. HELENA DALLI: Sur President, aħna lkoll ta’ kuljum inħabbtu wiċċna ma’ prezzijiet, ma’ kwestjonijiet ta’ safety tal-prodotti li qegħdin nixtru, mal-kwalità tal-prodotti, mal-għażla, u anke mal-kwalità ta’ servizzi li ningħataw. Inħabbtu wiċċna wkoll ma’ prattiċi kummerċjali inġusti u fost dawn insibu, pereżempju, reklamar li jidħaq bin-nies u anke kuntratti inġusti. Dawn jammontaw għal serq għax meta nwiegħdek prodott u fil-fatt nagħtik ieħor, ma nkunx qed nagħtik dak li inti qed tħallas għalih. Niffaċċjaw ukoll, bħala konsumaturi, problemi meta niġu għall-infurzar ta’ garanziji u anke meta niġu biex insewwu ċerti prodotti speċjalment fejn jidħlu l-white goods, jew għax ma ssibx, jew għax ma jkunx hemm spare parts available. Jekk tinqagħalalek il-ħsara f’xi oġġett u ma tingħatax after sales service tajjeb, allura tiġi li dak l-oġġett qisek xtrajtu għalxejn. Nafu wkoll kemm is-servizz jinbidel minn qabel ma tixtri xi ħaġa għal wara. Ovvjament m’iniex qed ngħid għal kulħadd, imma naħseb li kulħadd għandu esperjenza ta’ kemm iżiegħlu bik qabel tixtri, imbagħad wara, speċjalment jekk ikollok xi problema, bilkemm ikellmuk.
Mr Speaker, dawn huma kollha realtajiet li lkoll kemm aħna bħala konsumaturi ngħaddu minnhom. Jiena ngħid li anke s-salespersons għandhom ikollhom ċertu training ta’ kif imorru mal-konsumaturi għax dan ukoll huwa parti mir-rispett lejn il-konsumatur. Nerġa’ ngħid, aħna lkoll konsumaturi, u anke dik l-istess salesperson li tkun qiegħda tbigħlek, xi darba jew oħra se jkun konsumatur u naħseb li tkun tixtieq li tiġi ttrattata b’rispett. Ikun tajjeb ukoll li s-salespersons kollha jkollhom ċertu training ta’ kif jitrattaw mal-klijenti mhux biss biex jippruvaw ibigħulhom imma anke wara meta jkollhom xi problema bil-prodott jew servizz li jkunu xtraw.
Mr Speaker, aħna nafu li gżira żgħira bħalma hija tagħna tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni, u f’ċerti każi l-prezz tal-affarijiet jogħla anke minħabba ineffiċjenzi fil-port. Il-prezzijiet jogħlew ukoll għall-fatt li ma jinxtarax ħafna stock minħabba d-data tal-iskadenza. Aħna m’aħniex bħal pajjiżi kbar li jistgħu jixtru ħafna, u l-fatt li nixtru f’ammonti inqas jeffettwa l-prezz u jżid mal-piżijiet li jkollna nġorru bħala konsumaturi. B’riżultat ta’ dan, il-ħajja għall-poplu Malti togħla sproporzjonalment komparata ma’ dik ta’ pajjiżi oħra f’mainland Europe. Nafu wkoll li l-pagi tagħna huma aktar baxxi u allura l-għoli tal-ħajja tinħass aktar. Ħafna drabi l-konsumatur Malti jsib ruħu f’qagħda agħar minn dik tal-konsumaturi fuq il-kontinent, għalkemm din is-sitwazzjoni qiegħda tittaffa ftit għal xi setturi tas-soċjetà minħabba x-xiri u s-servizzi permezz tal-internet. Hawn irridu ngħidu li mhux kulħadd, għall-inqas s’issa, jixtri minn fuq l-internet, però nistgħu ngħidu li m’għadniex maqtugħin daqskemm konna qabel. Minn fuq l-internet wieħed jista’ jsib prezzijiet tajbin kif isibhom f’pajjiżi oħra għax inkunu qegħdin nixtru direttament minn dawn il-pajjiżi, u allura nkunu qed nixtru bl-istess prezzijiet. Ngħid għalija jien nixtri ħafna kotba permezz tal-internet u ma nistax nifhem kif hemm daqshekk differenza kbira fil-prezz milli kieku nixtri minn book store hawnhekk. Ovvjament hemm involuti spejjeż għal min qiegħed ibigħ kotba minn ħanut, però d-differenza fil-prezz bejn dak li nixtri direttament minn fuq l-internet għal dak li nixtri minn book store hija enormi u naħseb li din hija xi ħaġa li hemm bżonn tiġi indirizzata wkoll. Jiena ċerta li l-bejjiegħa tal-kotba qegħdin jiffaċċaw problemi u naħseb li rridu naraw kif dan il-piż jista’ jiġi maqsum b’mod li mhux qed jintefa’ kollu fuq min qiegħed ibigħ il-kotba.
Hemm imbagħad il-kwestjoni tal-mediċini, li wieħed ma tantx jingħata parir li jixtrihom minn fuq l-internet. Il-mediċina mhijiex ktieb, però ukoll hemm diskrepanza kbira fil-prezz bejn il-mediċini li nixtru minn hawnhekk għall-istess mediċini li nixtru minn ftit ‘il bogħod minna, jiġifieri minn Sqallija. Nhar il-Ħamis ġiet tkellimni persuna li għandha marda kronika u bilfors trid tixtri b’madwar €60 pilloli fix-xahar u qaltli li l-istess pakkett, minn Sqallija, it-tifel tagħha ġabhomlha bi €30, nofs il-prezz eżatt. Ftit ilu l-Professur Zammit semma xi nisa Slimiżi li jmorru ġita ta’ ġurnata sa Sqallija bil-katamaran u jixtru l-pilloli minn hemmhekk għax jgħidu li hemmhekk jiġu irħas plus li jkunu ħadu divertita. Iggustajtu jgħid li dawn in-nisa Slimiżi jmorru ġita u joqogħdu jixtru l-pilloli kif ikunu hemmhekk, però mhux kulħadd jista’ jagħmel hekk speċjalment min ikollu xi marda li minħabba fiha tkun muġugħ; l-aħħar ħaġa li jkollu f’moħħu tkun li joqgħod jitla’ fuq il-katamaran u jmur Sqallija biex iġib il-mediċina!
Dan qed ngħidu biex nuri kemm il-mediċini għandhom prezz għoli f’pajjiżna. U minkejja li din is-sitwazzjoni ilha hemm żmien, l-affarijiet dejjem baqgħu kif inhuma. Illum tieħu qatgħa meta tidħol fi spiżerija għaliex il-prezzijiet tal-mediċini huma ferm għoljin. Issa l-mediċini mhumiex xi kapriċċ jew xi ħaġa li tista’ tgħaddi mingħajrhom imma huma bżonn, u biex jixtru lilhom, ħafna familji qed inaqqsu minn affarijiet oħra li huma importanti imma forsi mhux daqshekk essenzjali. Dan jgħodd speċjalment għal min għandu t-tfal żgħar u jimirdu malajr, speċjalment bħalissa fix-xitwa. Jiena pereżempju kelli każijiet ta’ nies fejn biex jixtru mistura tas-sogħla ma bagħtux lit-tfal l-outing. Dan l-outing kien se jsir xi żmien wara, jiġifieri mhux ma bagħtithiex għax kienet ma tiflaħx imma għax wara li xtrat il-mediċina ma kellhiex biex tħallas l-outing għat-tifla. Dawn huma affarijiet li l-konsumaturi, jiġifieri aħna lkoll, qed ikollna niffaċċjaw. Mank li l-biċċa il-kbira tagħna huma bħal dawk in-nisa Slimiżi! Imma r-realtà mhijiex hekk, ir-realtà hija li ħafna mill-familji tagħna huma bħall-każ ta’ din il-familja li biex tixtri l-mediċina kellha ċċaħħad lit-tifla tagħha minn xi ħaġa oħra li wkoll hija importanti għax l-outings tal-iskola huma affarijiet li jgħinu lit-tfal fl-iżvilupp tagħhom ukoll.
Huwa fatt li f’pajjiżi żgħar ikun hawn numru żgħir ta’ kompetituri u għalhekk is-suq jista’ jkun faċilment kontrollat minn monopolji naturali bħall-Enemalta u minn dawk li huma dominanti fis-suq li jistgħu joħonqu l-kompetizzjoni. Din hi raġuni oħra għalfejn il-konsumatur iħallas prezzijiet ogħla milli suppost. Dan minbarra li jkun hemm nuqqas fl-effiċjenza fil-produzzjoni tal-affarijiet u għażla limitata. Aħna nafu li ilna snin twal ngħidu li hemm bżonn ta’ restructuring fl-Enemalta u ilna żmien twil nafu li hemm il-ħela u mismanagement. Nafu wkoll li parti minn dak li qed inħallsu aħna għall-enerġija jmur biex jagħmel tajjeb għal din il-ħela, għall-mismanagement u għall-ineffiċjenzi, imma xorta bqajna għaddejjin mill-istess problemi f’din il-korporazzjoni. Huwa tajjeb li nagħmlu dawn l-istrutturi u l-liġijiet imma inutli jkollna l-liġi u l-istrutturi mbagħad il-gvern jibqa’ ma jagħmel xejn fuq korporazzjoni li xbajna nisimgħu fuq kemm hi ineffiċjenti u kemm il-konsumatur qed ikollu jħallas prezz għoli għal din l-ineffiċjenza. Minflok jara kif se jirristruttura u jagħmel din il-korporazzjoni effiċjenti biex apparti li ma jkunx hemm ħela, jnaqqas ftit mill-piż li qed ikollna nġorru bħala konsumaturi, niġu hawnhekk u noqogħdu nagħmlu liġi biex nipproteġu l-konsumatur. Aħna lill-konsumatur mhux fuq il-karta irridu nipproteġuh, imma fil-prattika billi nirranġaw l-affarijiet fejn naraw li qed ikun misruq, u fil-każ tal-Enemalta qed ikun misruq. Hija daqshekk diffiċli biex din l-korporazzjoni nagħmluha taħdem suret in-nies? Issa għandna l-kwestjoni tal-estensjoni tal-power station ukoll li tgħallimna ħafna fuqha.
Semmejna fuq kif għaddew flus u fuq nies b’konessjonijiet politiċi u dwar miljuni ta’ flus għaddejjin għal dak u għall-ieħor. Minn qed iħallashom dawn il-flus? Mhux il-konsumatur! Minflok rajna kif se nirranġaw din il-korporazzjoni ħalli ssir effiċjenti, ħalli n-nies ma jibqgħux jinsterqu, dħalna f’din is-saga tal-estensjoni tal-power station fejn komplejna rajna direct orders għaddejin, chairman li jaħdem ma’ min ħa t-tender u jagħtih il-pariri fuq affarijiet oħrajn, rajna konnessjonijiet politiċi; min jaf lil “dak” u min jaf lill-“ieħor”. Dan kollu fl-aħħar mill-aħħar iħallas għalih il-konsumatur għax huwa lill-konsumatur li l-gvern jintaxxa. Il-konsumatur qed iħallas, kif jgħidu l-Ingliżi, through the nose, u min hu miljunarju qed ikompli jsir miljunarju għax għandu konnessjonijiet very high up fil-politika lil min jista’ jkellem. Din hija s-sitwazzjoni.
Mr Speaker, hawnhekk qed nitkellmu fuq gvern li ilu hemmhekk mill-1987 ħlief għal sentejn bejn l-1996 u l-1998, jiġifieri jekk ried jirriorganizza u jirranġa lill-Korporazzjoni Enemalta kellu ħafna snin biex jagħmel hekk, imma minflok il-ferita iddewwiet, aktar kompliet tkabbret u bil-kwestjoni ta’ din l-estensjoni tal-power station l-affarijiet marru għall-agħar. U min qed ibati minħabba f’hekk? Qed ibatu l-konsumaturi kollha għax kulħadd bilfors irid juża s-servizzi tal-Enemalta minħabba li kif għidt fil-bidu, din għandha l-monopolju u allura dak li jkun ma jistax imur għand xi provider ieħor jekk iħoss li mhux qed jinqeda. Huwa għalhekk li l-gvern jibqa’ għaddej fuq kulħadd, għax jaf li kulħadd bilfors irid juża s-servizzi ta’ din il-korporazzjoni.
Hemm ukoll il-problema tal-cartels li wkoll itellfu l-kompetizzjoni ġusta u wasslu għall-prezzijiet aktar għoljin dejjem għad-dettriment tal-konsumatur. Kif għedt fil-bidu, qegħdin nagħmlu abbozz fuq il-karta biex intejbu l-qagħda tal-konsumatur però fir-realtà, bil-fatti, qiegħed isir minn kollox biex il-konsumatur nisolħuh u nisirquh. Din hi l-verità li qegħdin ngħixu lkoll kemm aħna għax ilkoll kemm aħna niġu bżonn is-servizzi ta’ min għandu l-monopolji u ta’ min jifforma cartels u jibqa’ ma jiġri xejn. Hemm imbagħad, negozjanti oħra li jsibuha diffiċli biex jippenetraw is-suq u dan mhux biss minħabba l-investiment tal-bidu, imma anke minħabba ftehim esklussiv li jorbot lil min ibigħ u lid-distributuri ma’ supplier eżistenti u allura tkun xi ħaġa iebsa għall-ġodda li jidħlu f’dak is-suq. Eżempju ta’ dan huwa l-każ tal-Easygas. Din is-sitwazzjoni tkompli ssir agħar minħabba n-nuqqas ta’ infomazzjoni li l-konsumaturi għandhom u li tpoggihom fi żvantaġġ fejn jidħol bargaining power. Ħafna drabi l-konsumaturi ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni rigward kwalità, prezz u kundizzjonijiet. Nafu kemm f’ċerti pajjiżi fl-Ewropa l-konsumaturi huma moqdijin b’informazzjoni li tingħatalhom minn għaqdiet tal-konsumaturi stess, minn magazines u minn rapporti li jinħarġu fuq prodotti, kemm qabel ma jinxtara l-prodott jew servizz kif ukoll wara. Jekk wieħed iħares lejn xi website ta’ dawn l-għaqdiet jara kemm dawn huma b’saħħithom u naħseb li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-gruppi tal-konsumaturi għandhom ikunu nkorraġġiti f’pajjiżna.
Mr Speaker, niġi issa għal dan l-abbozz li qegħdin niddiskutu li se jistabbilixxi l-Malta Competition and Consumers Affair Authority. Kif diġà għedt, it-twaqqif ta’ din l-awtorità mhijiex se tirranġa l-affarijiet, mhijiex se tirranġa s-sitwazzjoniet li qegħdin fihom il-konsumaturi Maltin jekk m’aħniex se nirranġaw direttament ċerti affarijiet li ħafna minnhom jiddependu mill-gvern li jirranġahom, bħal fil-każ tal-korporazzjonijiet u l-awtoritajiet. Nafu kemm hemm bżonn li dawn il-ħafna quangos li jagħtu servizz lin-nies isiru effiċjenti, u allura waqt li jwaqqaf din l-awtorità, hemm bżonn li fl-aħħar mill-aħħar il-gvern jagħti l-eżempju u jistma lill-konsumaturi ta’ nies billi jkun effiċjenti u billi ma jisraqhomx hu stess.

Hemm bżonn ukoll li din l-awtorità jkollha r-riżorsi meħtieġa biex twettaq xogħolha. Jekk dawn l-awtoritajiet ma jservux biex jaqdu lill-konsumaturi b’effiċjenza u b’mod effettiv, allura ma jiswa xejn li noqogodu nwaqqfuhom. Jiena diġà tajt eżempji ta’ korporazzjonijiet u awtoritajiet li mhumiex effiċjenti u nittama li din l-awtorità ma tmurx f’dik it-triq ukoll. Jien naf li m’hemmx xi ħafna uffiċjali ta’ esperjenza u huma speċjalizzati fil-qasam tal-konsumatur u hemm bżonn li naraw li nużaw l-expertise tagħhom sabiex l-esperjenza u l-għerf tagħhom jgħaddi wkoll għand nies ġodda ħalli f’din l-awtorità jkollna l-professjonalità. Huwa importanti li ma nogħoqdux inħarsu lejn jekk għajnejn dawn in-nies esperti humiex blu jew ħomor qabel ma nagħtuhom ix-xogħol f’din l-awtorità. Min hu kapaċi u min hu speċjalizzat irridu nużaw l-espertise tiegħu biex almenu nibdew on the right track. Irridu naraw li tassew hemm l-impenn politiku billi l-gvern jagħti riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, imma d-dikjarazzjonijiet ta’ mpenn waħedhom mhumiex biżżejjed.


Irridu naraw li x-xogħol isir u l-pubbliku jkun moqdi, imma jkun moqdi meta l-awtorità jkollha r-riżorsi meħtieġa, speċjalment ir-riżorsi umani li huma esperti f’dan is-settur. Irridu naraw li lil dawn l-esperti mhux inħalluhom f’xi rokna f’xogħol mhux relatat ma’ dan il-qasam. Ma tantx għandna fiex nintilfu, u nerġa’ ngħid li huwa importanti li nużaw kemm jista’ jkun lil kull min huwa mħarreġ f’dan is-settur. Ma nistgħux lanqas naħlu aktar ħin, specjalment meta għandna sitwazzjoni xejn tajba fil-qasam tal-konsumatur. Hemm bżonn li nużaw dak li għandna ħalli nirrimedjaw dan minnufih. Hawn ngħid li jiena għandi dubji kbar, għaliex kemm-il darba meta dan il-gvern kien iffaċjat bi problema, is-soluzzjoni tiegħu kienet li nwaqqfu awtorità. Mingħalina li issa għax se jispiċċa d-dipartiment u se jkollna awtorità, l-affarijiet awtomatikament se jibdew isiru aħjar, imma dan qatt ma jiġri. In-naħa tal-gvern jgħidu għax tagħti ethos ġdid u differenti minn dak tad-dipartiment u għax in-nies, billi jkunu mal-awtorità u mhux ma’ dipartiment, allura strettament ma jkunux fil-manglu tas-servizz pubbliku.
Imma jekk tagħmel awtorità biex ikollok xi ħaġa aħjar u tpoġġi nies li ma kinux qed jipproduċu fid-dipartment, taħseb li għax poġġejthom fl-awtorità issa se jsiru brillanti għax se jkollhom kundizzjonijiet differenti u salarji ogħla? Fil-biċċa l-kbira ta’ fejn ġrat din il-ħaġa ma rajna l-ebda titjib; kulma ġara kien li x-xogħol sar iktar għoli u li t-taxpayer qed iħallas iktar għas-servizz li tagħti din l-awtorità partikolari li minn dipartment saret awtorità. Is-sitwazzjoni ma tjibitx minkejja li tkun qed tiswa iktar lill-poplu. Mr Speaker, aħna kemm-il darba tkellimna hawnhekk fuq diversi awtoritajiet u jien ma nafx b’każ li minn meta dipartiment sar awtorità sirna aktar effiċjenti. Anzi bil-maqlub; kien hemm każijiet fejn issaħħu dipartimenti tal-gvern billi ngħataw riżorsi umani u finanzjarji kif suppost u dawn bdew jiffunzjunaw tajjeb. Jiena ngħid li s-soluzzjoni mhijiex li tagħmel awtorità imma li jkollok l-impenn u r-rieda li tkun effiċjenti u effettiv.
Dan l-abbozz ta’ liġi huwa voluminuż u l-kelliema ta’ qabli diġà tkellmu fuq il-ħafna burokrazija li hemm involuta u fuq kemm uffiċċji u strutturi amministrattivi se jitwaqqfu. Jien ngħidlu labirint sħiħ ta’ burokrazija fejn iċ-ċittadin jista’ jħossu mitluf, u Max Weber kien isejjaħlu “the iron cage of bureaucracy” għax tkun qisek dħalt ġo gaġġa tal-ħadid. Hawnhekk qed naraw ħafna u ħafna livelli ta’ burokrazija li finalment tibda tistaqsi x’inhu l-iskop. Jiena ma nafx għalfejn din l-istruttura kollha għax wara kollox l-għan aħħari għandu jkun li l-konsumatur jieħu dak li jkun ħallas għalih, li ma jidħkux bih, ma jisteraqx, u verament ikollu għażla u mhux isib il-monopolji jew il-cartels. Dan huwa l-bottomline ta’ kollox. Il-konsumatur għandu jsib fejn iressaq l-ilment tiegħu meta jħossu li qed jinsteraq jew li mhux qed jieħu dak li ħallas għalih u m’għandux jintilef f’baħar ta’ burokrazija li taqtagħlu qalbu qabel ma jibda. Ħafna drabi tant ikun hemm burokrazija nvoluta li wieħed jaqta’ qalbu milli jagħmel xi ħaġa u allura filwaqt li fuq il-karta qed naraw l-affarijiet mod, meta niġu għat-twettiq ma nafx kemm se nkunu effettivi.
Kif diġà semmejt, kemm-il darba ġejna hawnhekk fejn il-gvern jippreżentalna abbozzi biex iwaqqaf awtoritajiet u wara li jgħaddu dawn il-liġijiet insibu li ma jkunx inbidel wisq għajr in-nomenklaturi ta’ dawk li jmexxu u ħafna drabi s-salarji tagħhom. Kif għedt ukoll, għandna l-esperjenza ta’ nies li ma tantx kienu jipproduċu fis-servizz pubbliku li marru f’awtorità bħallikieku dawn se tinbidlilhom il-work ethic tagħhom imma fil-fatt xorta baqgħu ineffiċjenti. L-unika differenza kienet li ma baqgħux fid-dipartiment u allura għandhom kundizzjonijiet differenti, ħafna drabi aħjar, għax kieku mhux se jemigraw mid-dipartment għall-awtorità, imma bħala effettività, bħala value for our money ftit li xejn ikun hemm differenza. Li għandu jingħata prijorità huwa kif il-konsumatur se jkun protett.
F’din il-liġi ngħatat ħafna importanza lill-istrutturi, u hawn fejn irridu noqogħdu attenti, għax il-ħajja tal-istruttura ma ssirx ir-raġuni għall-eżistenza tagħha. B’dan il-mod il-konsumatur jibqa’ xorta minn taħt għax struttura bulky bħalma hi din, hemm it-tendenza li tibda taħdem għaliha nnifisha. Ir-raġuni għalxiex teżisti l-awtorità tkun il-funzjoni tagħha, in-nies tagħha x’qegħdin jagħmlu u d-diretturi. Suppost hawn qed nagħmlu xi ħaġa biex il-konsumatur ikun protett, imma meta inti tant tagħmillu layers ta’ burokrazija, nispiċċaw li l-konsumatur lanqas biss jersaq ‘l hemm. B’dan il-mod l-awtorità titbiegħed mill-iskop ewlieni li għalih tkun twaqqfet u tispiċċa tibda taħdem għaliha nnifisha.
Mr Speaker, kieku kienet struttura aktar sempliċi u aktar customer friendly konna niffrankaw il-flus, għax tkun struttura iżgħar u n-nies jagħmlu aktar użu minnha għax jagħmlu kuraġġ jersqu lejha minħabba li ma tkunx daqshekk ikkumplikata. Meta għandek organizzazzjoni daqshekk kbira u kkumplikata jista’ jkun ukoll li l-konsumatur idum iżjed biex jieħu dak li ħaqqu. Anke jekk dan jagħmel kuraġġ u jmur jipprova jieħu raġun, dan jispiċċa jintbagħat mingħand wieħed għal għand l-ieħor u jispiċċa jinħela ħafna żmien. Irridu naraw li din ma tkunx sempliċement bidla fl-istrutturi imma tkun bidla fl-impenn tal-gvern li jrid bis-serjetà jagħti ħajt ta’ kenn lil dak il-konsumatur li għandu raġun. Jien jimpurtani aktar li ntejbu s-servizz li nagħtu liċ-ċittadini u għalhekk ikun inutli li narmaw b’awtorità oħra biex nidhru kemm aħna moderni biex imbagħad in-nies se jkunu inqas moqdija apparti l-flus li t-taxpayer se jkun qed iħallas għal din l-awtorità. L-inqas li jistenna xi ħadd minn din l-awtorità hu li ma jintilifx f’labirint ta’ strutturi u ta’ burokrazija meta jkollu bżonn jinqeda.
Hemm ukoll imbagħad l-aspett ta’ kontabbiltà. Min se jieħu r-responsabbiltà meta għandek ħafna livelli ta’ burokrazija? Where does the buck stop? Se tieqaf fuq min se jkun qed imexxi f’dawn il-livelli ta’ responsabbiltà? L-istorja s’issa hi li f’dawn l-awtoritajiet dejjem spiċċat li fl-aħħar ikollna l-Ministru jagħti l-ordnijiet minkejja li l-awtorità suppost hija awtonoma. Mhux l-ewwel darba li rajnieha tiġri li awtorità tant tikber, li jispiċċa qisu ħadd m’hu accountable u ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà u l-istess l-awtorità tispiċċa yes men jew yes women tal-Ministru. Dan meta aħna suppost ħriġna minn dipartiment biex ma jibqax ikun hemm l-influwenza tal-Ministru. Ħarsu lejn l-awtoritajiet li għandna u tifhmu x’qed ngħid. Nirringrazzjak, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Mr Speaker, meta kelli 18-il sena u kont qed nistudja għal avukat kelli bħala wieħed mill-għalliema l-professur Salvo Andò, li kien Ministru tad-Difiża fil-Gvern Taljan u li llum huwa r-Rettur tal-Università ta’ Enna. Jien kont nammirah għax kien l-ewwel ex Ministru ta’ Stat barrani li qatt ilqtajt miegħu. Jien kont immur għal-lectures ippreparat u kont nistudja, u l-professur Andò darba kien qalilna li hu ġej mix-xellug, jiġifieri huwa Soċjalista u li l-isfida tal-partiti soċjalisti fid-dinja hi għal-liema kawża qed jiġġieldu u li hu kien għamel analisi introspettiva u dehrlu li kellu r-risposta. Jien stagħġibt meta smajt lil dan il-Professur Andò jgħid li għandu risposta ta’ x’inhi l-ġlieda tal-partiti soċjalisti fl-Ewropa. Qalilna li l-ġlieda, fil-fehma tiegħu, hija għad-drittijiet tal-konsumatur. Jiena bdejt naħseb għalfejn semma d-drittijiet tal-konsumatur għax ħsibtu li kien se jsemmi t-trade union rights, u allura kont staqsejtu dwar x’inhi r-raġuni li qed isemmi d-drittijiet tal-konsumatur. Huwa qalli li jaħseb hekk għax id-drittijiet tal-konsumatur huma d-drittijiet li jappartjenu lil kulħadd għax kulħadd huwa konsumatur, m’hemmx persuna li mhijiex konsumatur però l-aktar li trid tiddefendi huma lil dawk li għandhom l-inqas, għaliex inti bħala soċjalist għandek tħossok fid-dmir li tiddefendi lil dak li għandu ftit.
Mr Speaker, għaliex hemm il-prinċipju li l-bejjiegħ u x-xerrej mhumiex qegħdin fuq l-istess wavelength? Il-bejjiegħ għandu – u hemm kotba sħaħ dwar dan – vantaġġ fuq ix-xerrej u għalhekk lil dan tal-aħħar jingħatawlu dawn it-tip ta’ drittijiet. Irrid ngħid li jiena bqajt nhewden fuq l-aspett filosofiku ta’ din il-kwestjoni tad-drittijet tal-konsumatur bħala sejħa ġdida għall-partiti xellugin u komplejt naqra fuq is-suġġett. Fil-fatt sibt li hemm ħafna ħassieba li jemmnu li waħda mill-funzjonijiet li għandhom jassumu l-għaqdiet tal-ħaddiema hija appuntu li jipproteġu u jagħtu iktar impulse għad-drittijiet tal-konsumatur.

Mr Speaker, f’dawk li huma drittijiet tal-konsumatur, sfortunatament f’pajjiżna, għadna mhux biss fl-infanzja, imma l-liġi m’għandhiex is-saħħa li nixtiequ. Jien naħdem ta’ avukat fix-xogħol ta’ kuljum u nista’ ngħid li nara ħafna diffikultajiet li se nitkellem dwarhom iktar tard. Sfortunatament f’pajjiżna m’hemmx dak il-lobby group b’saħħtu li hemm f’pajjiżi oħrajn. In-nies li jiġu għandi, jgħiduli li jkunu marru għand tal-konsumatur u dawn jibagħtuhom għand avukat. Mela allura għalfejn imorru għand tal-konsumatur? Ikun hemm min jiġi għandi fuq kwestjoni dwar kitla li tqum €50! Qed ngħid dan biex wieħed jifhem kollox fil-perspettiva tiegħu għax jidher li dawn l-għaqdiet m’għandhomx is-saħħa.


Mill-banda l-oħra mbagħad l-għaqdiet tal-ħaddiema f’pajjiżna għandhom is-saħħa, għandhom in-numri, għandhom il-forza u għandhom ukoll il-possibbiltà li jagħtu dan is-servizz li forsi l-għaqdiet tal-konsumatur għal xi raġuni għadhom ma waslux biex jagħtu. Dan l-argument aktar u aktar għandu rilevanza meta f’pajjiżna qed ikun hawn influss ta’ nies ta’ nazzjonalità Ewropea. M’iniex qed ngħid li hawn xi invażjoni, imma l-ammont dejjem qed jikber. Dan l-aħħar ġie jkellimni wieħed Ingliż li jgħix Malta u qalli li xtara electric blanket mill-Ingilterra, ma ħadmitlux u ried rifużjoni tal-prezz. Jiena staqsejtu jekk hux se jmur l-Ingilterra u jfittex lil tal-ħanut imma hu wrieni direttiva – sinċerament lanqas kont naf biha – li bis-saħħa tagħha tista’ tkun faċilitata kawża kontra l-kumpanija Ingliża minn hawn Malta. Permezz ta’ din id-direttiva tal-konsumatur wieħed jista’ jressaq l-ilment tiegħu għand body Ewropew.
Meta nara dan l-aspett xellugi ta’ din il-ġlieda kollha nħoss li t-trade unions f’pajjiżna għandhom l-obbligu li jkunu huma difensuri tal-konsumatur, u dan għax l-għaqdiet tal-konsumatur, għal xi raġuni, għadhom ma rnexxewx. Issa filwaqt li ngħid hekk, jiġuni quddiem għajnejja nies bħal Manuel Farrugia u oħrajn, li b’mod volontarju jmorru hemmhekk u jfiehmu lin-nies, però at the end of the day, il-parir li jingħata normalment ikun biex dak li jkun imur ikellem avukat. B’dan il-mod spiċċajna biex xorta waħda każijiet li jirrigwardaw il-konsumatur jispiċċaw bi proċeduri legali. L-idea hi li jekk bniedem, pereżempju, xtara laptop u dan ma jaħdimx ma jispiċċax irid jagħmel talba quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar il-qorti, imma jkun hemm inqas proċeduri, inqas burokrazija u inqas spejjeż.
Jiena nħoss li t-trade unions il-kbar f’pajjiżna, bħalma huma l-General Workers’ Union (GWU) u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) jistgħu faċilment jittrasformaw parti mill-organizzazzjoni tagħhom f’għaqda favur il-konsumaturi. Dawn huma trade unions organizzati ħafna, b’saħħithom u għandhom il-possibbiltà li jimlew huma dan il-vojt kbir li jeżisti fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumatur. Ikunu jistgħu jaraw li persuna li hija membru f’dik il-union tkun tista’ tapplika permezz tagħhom sabiex hi jkollha għajnuna mingħajr ma tidħol il-qorti u mingħajr ma toqgħod tirrikorri għas-servizzi ta’ avukati bl-ispejjeż kollha li huma nvoluti. Aktar ma naħseb fuqha din l-idea aktar inħoss li hija idea tajba u allura qed nitfagħha għad-diskussjoni. Naturalment ma jiddependix mis-Segretarju Parlamentari, imma jiddependi l-iktar min-nies hemm barra li jkun hemm stimolu ta’ ideat bħal dawn dwar il-possibbiltà li t-trade unions f’pajjiżna jassumu favur tagħhom dan ir-rwol li bħalissa huwa vojt fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumatur.
Mr Speaker, hemm mitt elf raġuni għalfejn konsumatur jista’ jħoss li d-drittijiet tiegħu ma ġewx salvagwardjati. Illum l-għażliet huma tnejn, jew tagħmel talba quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar, jew inkella tmur quddiem it-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Nibda bit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li huwa presedut mill-Avukat Martin Fenech li minn hawnhekk inselli għalih. Dan it-tribunal jagħmel xogħol tajjeb u meta nisma’ l-kelma “konsumatur” għal xi raġuni, jiġini f’moħħi dejjem l-Avukat Fenech, għaliex ilu f’din l-esperjenza u naħseb li ta skorta ta’ ġurisprudenza interessanti ħafna. Mingħajr ma nneħħi r-rispett kbir li għandi lejn l-Avukat Fenech u għax-xogħol enormi li jagħmel, irrid ngħid li t-tribunal fih innifsu ċertament li ma jlaħħaqx l-aspettattiva ta’ soċjetà li trid tħares l-interessi tal-konsumatur. Jien inħoss li l-proċeduri, ħafna drabi, jiffrustraw lin-nies, speċjalment meta xi parti ma titlax, imbagħad tirbaħ il-claim, l-ieħor ma jħallasx u tispiċċa xorta waħda tesegwiha b’ittra uffiċjali. Il-proċedura x’imkien trid tiġi simplifikata. Jien su due piedi ma nistax ngħid li għandi xi soluzzjoni għal dan, imma rridu nirrikonoxxu li l-proċedura trid tiġi simplifikata għax ma jistax ikun li nużaw l-istess kejl li nużaw il-qorti għal kwestjonijet ta’ ammonti żgħar ħafna.

Dwar it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar irrid ngħid li naħseb li kien storja ta’ suċċess. Qed ikun hemm chairmen tajbin, ippreparati, u hemm element ta’ dinjità fit-tribunal. Meta kont immur it-Tribunal għall-Affarijet tal-Konsumatur konna nitilgħu fuq fejn hemm kamra waħda żgħira u m’hemmx dik id-dinjità ta’ post fejn wieħed qed jieħu deċizjoni fuq kwestjonijiet li jistgħu jlaħħqu Lm500 li għal bniedem jistgħu jkunu ħafna. It-Tribunal għat-Talbiet Żgħar għandu d-dinjità li l-ieħor m’għandux u allura ħafna drabi, meta jiġi xi ħadd anke fuq ammonti żgħar, il-parir ikun li jmur għat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar għax inħoss li l-proċedura hemmhekk hija iktar ġusta, hemm iktar dinjità u hemm iktar serenità fil-mod kif isiru l-affarijiet. U qed ngħid dan mingħajr ma nneħħi l-mertu tat-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur.


Mr Speaker, l-għan għandu jkun li jkun hemm forum fejn iċ-ċittadin ikun jista’ jmur fih u jkun assistit minn bniedem imħarreġ fid-drittijiet tal-konsumatur. M’hemmx għalfejn ikun avukat imma jista’ jkun avukat, għax forsi hawn avukati li jixtiequ jispeċjalizzaw proprju f’dan is-settur għalkemm biex jgħixu jridu jagħmlu kwantità ta’ kawżi minn dawn għax żgur li mhux se tgħix mid-dritt li tieħu fuq kawża ta’ Lm200. Jekk hawn avukati li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dik il-linja hemm lok li jsir hekk, però jien inħoss li aktar hemm lok li ndaħħlu sistema fejn quddiem Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikun hemm il-complainant assistit minn persuna li m’hemmx għalfejn tkun avukat, imma tkun imħarrġa fid-drittijiet tal-konsumatur. U hawnhekk nerġa’ norbot mas-suġġeriment li għamilt rigward il-qasam trejdjunjonistiku; the end result hu li jrid ikollna forum li jgawdi ċerta fiduċja.
Mr Speaker, jien inħoss li jekk tneħħi t-Tribunal għat-Talbiet Żgħar u t-Tribunal Industrijali, it-tribunali l-oħrajn fallew, saru farsa; tmur hemmhekk u ssib ġudikant jibża’ jieħu deċiżjoni. Pereżempju, ftit ilu kellna deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fuq l-impjant tar-riċiklaġġ li sabet lill-Ministru Pullicino ħati li kiser id-drittijiet fundamentali ta’ smigħ xieraq taċ-cittadini tal-kunsill lokali ta' Marsaskala. Meta jien għamilt dak l-argument quddiem il-bord tal-appell tal-MEPA, kienu ċaħaduhuli f’sekonda. Alla jbierek, iċ-chairman tal-bord tal-MEPA lanqas, għall-prudenza, qal li se jaħsibha ftit u jagħtini deċiżjoni bil-miktub l-għada, imma ta dik li nsejħulha deċiżjoni in camera, jiġifieri dak il-ħin. Issa kellna l-Qorti Kostituzzjonali li tatna raġun, u dan qed ngħidu biex nispjega għalfejn qed ngħid li t-tribunali l-oħra f’pajjiżna prattikament fallew.
Hemm ukoll quddiem il-Bord tal-Appell tal-MEPA ħafna kwestjonijiet rigward il-fish farms f’Marsaskala, fejn dan il-bord, dak il-ħin stess qabad u qal li t-talbiet huma irriżorji, meta mbagħad il-Qorti tal-Appell, sede inferjuri, l-Imħallef Ray Pace qalilna li kellna raġun. Dawn huma żewġ każijiet li huma pubbliċi, jaf bihom kulħadd, u qed insemmihom biex insammar il-punt li għalkemm hemm żewġ tribunali li ħadmu, l-oħrajn iridu joqogħdu ftit attenti. Jiġifieri jekk hawn xi ħadd f’dan il-Parlament jaħseb li t-tribunali f’Malta qed jaħdmu, ngħidlu li dawn m’huma qed jaħdmu xejn, imma saru farsa. Għandek chairmen li qegħdin hemmhekk, qed jaqilgħu xi ħaġa żejda, jekk jista’ jkun ma jbiddlu xejn mill-ġurisprudenza, m’huma avventurużi xejn u jirraġunaw bil-mod ta’ mexxi, suq għax sebaħ. Il-kwestjonijiet tal-konsumatur huma kwestjonijiet importanti li żgur jimmeritaw aktar studju.
MR SPEAKER: Onor. Bonnici, ippermettili niġbidlek l-attenzjoni li wasal il-ħin għall-aġġornament. Tibqa’ in possession?
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, Mr Speaker, nibqa’ in possession.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Fid-9:00 pm id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.
MR SPEAKER: Nitlob lis-Segretarju Parlamentari Chris Said sabiex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.


Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin