Debates tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 441,91 Kb.
səhifə2/7
tarix27.01.2018
ölçüsü441,91 Kb.
#40970
1   2   3   4   5   6   7

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



ONOR. ALFRED SANT: Sur Presidenti, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista li turi n-numru ta' telephone boxes fil-11 u t-12-il distrett, kif ukoll in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Korporazzjoni Telemalta għall-istess distretti, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3677.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Sur President inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta’ organizzazzjonijiet u individwi li bbenefikaw taħt l-iSport Support Programme mill-1992 sal-lum, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3857;
Informazzjoni dwar Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3860;
Lista ta' Education Officers fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3861;
Mailing list tal-ħarġa "Foundation Circle" maħruġa mill-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3967; u
Income and expenditure Accounts tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali għall-perjodu bejn l-1987 u l-1995, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W116.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi lista sħiħa ta' talbiet li l-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ irċeviet minn kumpanniji parastatali għall-permessi għas-sejħiet pubbliċi għal xogħol mill-1 ta’ Novembru 1996 sa l-aħħar ta’ Frar 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3998.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ESTIMI TA' DĦUL U NFIQ TAL-KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TA’ L-ILMA GĦAS-SENA FINANZJARJA 1996/1997



Ikompli mill-5 ta' Marzu 1997.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Carmelo Borg.
ONOR. CARMELO BORG: Sur President, illum qegħdin niddiskutu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u meta wieħed jifli sew il-policy document ta' din il-korporazzjoni jsib li din tinsab f'diffikultajiet kbar, kemm finanzjarji, kemm dawk li għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema, kemm dawk li għandhom x'jaqsmu ma' ġbir ta' kontijiet u affarijiet oħra. Hemm diversi fatturi li qed jikkawżaw dawn il-problemi, pero' hemm tliet raġunijiet ewlenin, ċioe' it-tmexxija ħażina ta' din il-kumpannija, in-nuqqas ta' inċentivi u nuqqas ta' flus provduti għar-riċerka u l-battibekki li kien hemm bejn l-Amministrazzjoni ta' qabel u din il-korporazzjoni.
Wieħed ma jridx jgħid li l-problema ta' l-ilma tfaċċat minn meta nħolqot din il-korporazzjoni għaliex il-problema ta' l-ilma ilha magħna minn żmenijiet ta' l-imgħoddi. Jekk wieħed iqalleb fl-istorja jsib li l-kavallieri fir-rapport tagħhom lill-Granmastru kienu ġibdulu l-attenzjoni għall-fatt ta' nuqqas kbir ta' ilma li kellha Malta. Pero' wieħed irid isemmi wkoll ix-xogħol kbir li għamlu dawn in-nies biex isolvu l-problemi tagħhom. Kienu daħħlu regolamenti biex kull dar ikollha l-ħażna ta' l-ilma, il-bir, liema regolamenti għadhom magħna sal-lum. Naraw li dawn bnew ġibjuni, ħażniet kbar għall-ilma, fl-ibliet ewlenin u f'inħawi oħra tal-gżira u vvintaw sistemi ta' akkwidotti u sistemi oħra biex jitrasportaw l-ilma minn post għal ieħor. Fl-Italja m'għandhomx il-problemi ta' l-ilma li għandna aħna pero' wieħed sewwa jagħmel li jħares lejn dan il-pajjiż ġar tagħna.
It-Taljani, biex ħolqu l-funtani u l-ġonna magħrufin tagħhom, ivvintaw sistemi ta' kanali taħt l-art, liema sistemi għadhom il-meravilja ta' żmienna. Minkejja li kellhom abbundanza ta' ilma, dawn xorta kellhom problema biex iġorru l-ilma minn post għal ieħor u s-sistemi li ħarġu bihom kienu meravilja għal dak iż-żmien u għadhom meravilja llum għaliex l-ilma jistgħu faċilment idawruh min-naħa għall-oħra biex jagħmlu xogħlijiet fuq funtani fi żmien qasir. Forsi tgħiduli: Dan x'għandu x'jaqsam mas-suġġett tagħna? Dan qed ngħidu għaliex kull fejn kien hemm is-suċċess warajh dejjem kien hemm ħidma sħiħa, għaqal u perseveranza. U dawn it-tliet affarijiet insibuhom kemmxejn neqsin f'din il-korporazzjoni u f'korporazzjonijiet u azjendi oħra Maltin.
Fil-policy document kien hemm suġġerimenti oħrajn li laqtuni wkoll. Per eżempju, kien hemm suġġerimenti għall-użu aħjar ta' l-ilma tax-xita u anke għat-tisfija tad-drenaġġ. Dawn huma affarijiet li konna ielna żmien nisħqu fuqhom għaliex huma affarijiet importanti u jmisshom ilhom li saru. Għaliex? Nieħdu d-drenaġġ. Dan qiegħed jikkontamina l-ibħra tagħna u anke l-ħut li hemm fih pero' l-parti l-kbira ta' l-ilma li nikkonsmaw jispiċċa fis-sistema tad-drenaġġ. Allura vale la pena li dan l-ilma jerġa' jiġi riċiklat.
Meta tara l-ħidma ta' din il-korporazzjoni u korporazzjonijiet oħra, anke dawk privati, hemm fatti oħra li huma inkwetanti. Minkejja li f'pajjiżna għandna nuqqas ta' materja prima, mhux bħal pajjiżi oħra li għandhom ir-riżorsi naturali tagħhom bħall-pitrolju, iż-żejt, l-ilma u affarijiet oħra, aħna għandna sorsi ta' enerġija madwarna li m'aħniex nagħtu kashom u m'aħniex nagħmlu użu minnhom. Ta' min igħid li fl-1995 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nefqet 'il fuq minn Lm5 miljun f'enerġija.
Per eżempju, f'pajjiżna ftit li xejn qed nagħmlu użu mill-enerġija tax-xemx, tar-riħ u tal-baħar. Minkejja li f'Malta jkollna siegħat twal ta' xemx ma tantx nużaw din l-enerġija biex insaħħnu l-ilma fid-djar tagħna. L-istess ngħid għall-postijiet pubbliċi u naħseb li ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li l-enerġija tax-xemx ma tintużax biex jitħaddem apparat elettriku jew elettroniku min-naħa tal-Gvern. Anke fejn tidħol l-enerġija tar-riħ, fejn qabel għat-tisqija konna nużaw l-imtieħen tar-riħ biex intellgħu l-ilma minn taħt l-art illum qlibna għall-enerġija elettrika, jiġifieri mhux talli ma wżajniex iktar ir-riħ bħala enerġija talli morna lura. U għal dik li hija enerġija tal-baħar, minkejja li din hija abbundanti u nsibuha s-sena kollha madwarna m'aħniex qed nagħmlu użu minnha.
Il-policy document isemmi ċerti miżuri li jmissha tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex timxi iktar 'il quddiem. Xi żmien ilu ġie suġġerit li biex jitnaqqas is-serq ta' l-ilma għandha tidħol sistema ta' meters li jekk m'iniex sejjer żball kienu se jiswew madwar Lm12 miljun. Dawn il-meters tant kienu sofistikati li qegħdin joqorsu lil dawk in-nies li jimxu b'kuxjenza retta għaliex dawn jimmarkaw anke l-arja li tgħaddi minnhom meta jingħalaq l-ilma. Biex korporazzjoni timxi 'l quddiem trid iżżomm f'moħħha li tipproduċi l-aħjar prodott bl-inqas spejjeż possibbli. Biex jinqata' s-serq ta' l-ilma l-kumpannija trid taħdem bil-għaqal u tagħmel użu aħjar mill-enerġija ta' madwarna ħalli tagħti lill-poplu prodott tajjeb bi prezz moderat. Din hija l-unika soluzzjoni għall-problema tas-serq. Jekk il-korporazzjoni tkompli tgħolli l-prezzijiet u twaħħal meters biex jonqos is-serq tkun qed tagħmel żball għaliex tinħoloq kompetizzjoni qawwija bejn il-poplu u l-korporazzjoni dwar min jisfrutta l-iktar l-ilma ta' taħt l-art. Jien nixtieq niċċara iktar dawn l-affarijiet għax il-korporazzjoni trid tifhem li jekk l-ilma ta' taħt l-art se jkompli jiġi sfruttat mill-poplu direttament dan ikun ta' dannu kbir għall-istess poplu u għalhekk nissuġġerixxi li filwaqt li l-korporazzjoni torganizza ruħha aħjar u taqta' l-ħela li hemm b'iktar għaqal, tipproduċi kwalita' aħjar ta' ilma bi prezzijiet moderati. Dan huwa l-aħjar suġġeriment li nista' nagħti biex is-serq ta' l-ilma jinqata'. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Francis Agius.

ONOR. FRANCIS AGIUS: Sur President, bħala kelliem għas-settur ta' l-enerġija nieħu pjaċir ferm li nista' nitkellem fuq is-settur ta' l-ilma wkoll. Kif jaf kulħadd madwar dan is-settur kibru ċiviltajiet kbar u, għalkemm aħna dejjem ingergru li ma għandniex ilma, pajjiżna għandu fost l-ogħla densita' ta' popolazzjoni fid-dinja u xorta waħda dejjem irnexxielu jisfrutta dan ir-riżors. Meta nitkellmu fuq il-konċett ta' l-ilma ma rridux inqisu biss l-ilma għall-konsum imma wkoll l-ilma tal-baħar ta' madwarna. F'Malta spiss nisimgħu l-argument li għax ma għandniex ċerti riżorsi - bħal xmajjar, għadajjar kbar, muntanji u silġ - allura speċi għandna xi ħaġa inqas minn ħaddieħor. Jien ma tantx naqbel ma' dan l-argument għax kemm minħabba l-annual rainfall li għandna, kif ukoll minħabba li aħna mdawrin bil-baħar - fil-fatt iktar 'il quddiem se nitkellem dwar il-policies taż-żewġ partiti ewlenin fuq dan l-aspett - inħoss li ma rridux nibdew inħarsu lejn l-ilma f'sens negattiv imma rridu nħarsu lejh bħala wieħed mill-aqwa riżorsi li għandna f'dan il-pajjiż. Ġeneralment fuq l-ilma nitkellmu biss meta nħossu n-nuqqas tiegħu għax meta nsibuh neħduh for granted ilkoll kemm aħna u fil-fatt aħna minn dan l-aspett irridu nitilqu biex inneħħu l-idea li f'Malta ma għandniex ilma. F'Malta għandna ilma biżżejjed, basta nagħrfu nutilizzawh tajjeb, u ċ-challenge huwa proprju l-management ta' l-ilma li jinżel mis-sema u li għandna bl-abbundanza fil-baħar ta' madwarna. Ovvjament imbagħad hemm ukoll l-element ta' l-ispejjeż u l-element ta' kif se tuża l-aħjar teknoloġija.
Sur President, kif diġa' ssemma mill-kelliema ta' qabli l-antenati tagħna, speċjalment il-kavallieri, kienu bnew akkwidotti u kabbru msaġar - u dan huwa importanti għax ċerti affarijiet li kienu jsiru fl-antik għadhom jiswew sal-lum - biex pajjiżna xi darba seta' jħaddar. Li nnaqqsu mill-ħamrija li tittieħed ma' l-ilma tax-xita għal ġol-baħar, li jkollna iktar ħarsien tal-widien u li jkollna l-manutenzjoni tal-ġibjuni kollha huma passi li għalkemm żgħar huma importanti biex dejjem inżommu l-ilma milli jmur fil-baħar jew fid-drenaġġ, kif diġa' ssemma hawnhekk. Madanakollu rridu nqisu wkoll li d-domanda tal-poplu għall-ilma dejjem qed tiżdied għax il-Malti qed isir iktar konxju mill-iġjene u meta t-turist jiġi għal vaganza f'pajjiżna ma għandna assolutament inħallulu l-ebda idea f'moħħu li mhux se jsib ilma. Fil-fatt anke l-industrija qed iżżid id-domanda għal dan il-prodott tant essenzjali.
Indur lejn il-policy document u fil-fatt l-ewwel ħaġa li jolqotni f'dan id-dokument huwa t-titlu stess li jġib l-isem ta' "A Fresh Start - 1997". Jien inħoss li f'dan it-titlu l-kelma "start" pjuttost tqarraq, għax kemm se ndumu nibdew! Kull darba li tinbidel l-amministrazzjoni se nibdew xi ħaġa ġdida! Ejjew nammettu li l-wirt li ħalla l-Gvern Nazzjonalista fuq is-settur ta' l-ilma fih ħafna affarijiet pożittivi għalkemm għad fadal xi problemi li nixtieq li nikkonċentraw fuqhom għall-futur. GĦalhekk jien ma nħossx li "A Fresh Start" huwa titlu li jagħmel ġustizzja ma' dak li sar u forsi li kieku wżajna "A Fresh Outlook" bħala titlu kien ikun iktar xieraq.
Sur President, il-mission statement tal-korporazzjoni jiffoka fuq tliet affarijiet; l-ewwelnett fuq l-użu razzjonali u għaqli ta' l-ilma li jiddetermina kemm se tkun il-produzzjoni; it-tieni nett fuq il-bilanċ bejn it-talba u l-produzzjoni; u fl-aħħarnett fuq l-ambjent. L-ambjent kull darba jidħol - qisu xi footnote - pero' hemm bżonn li meta nitkellmu naraw l-affarijiet globalment u fil-fatt jien għalhekk fil-bidu għidt li nieħu pjaċir nitkellem fuq dan is-suġġett għax is-settur ta' l-ilma huwa suġġett li jirrigwarda l-enerġija wkoll. Qed ngħid dan għax meta nisfruttaw l-enerġija b'mod tajjeb biex l-ilma mielaħ nikkonvertuh f'ilma ħelu nkunu qed inġiegħlu lill-gvern, ikun min ikun, iħallas il-flus għax sew biex jiġi ppompjat l-ilma ħalli jiġi desalinat kif ukoll biex jitqassam bilfors irid jidħol il-qasam ta' l-enerġija. Il-kelliem ta' qabli rrifera għal ħafna tipi differenti ta' enerġija imma jenħtieġ li nkunu prattiċi u naraw fejn waslet it-teknoloġija tad-desalination, it-teknoloġija tar-riħ u t-teknoloġija li tuża l-enerġija tax-xemx. Kif għidt diġa' jkun tajjeb jekk ikollna saqajna ma' l-art u qed ngħid dan għax hawn ġew saħansitra ssemma li nistgħu nużaw l-ocean thermal energy conversion. Kulħadd jaf li aħna m'aħniex f'nofs l-oċean u hemm limitu ta' x'tip ta' enerġija nistgħu nużaw fuq skala nazzjonali u kummerċjali.
Sur President, il-prijorita' ewlenija li ffaċċja l-Gvern Nazzjonalista kienet il-produzzjoni ta' l-ilma. Żgur li kulħadd jiftakar iż-żmien meta ma kienx ikollna ilma u l-protesti li kienu jsiru bit-turisti u l-Maltin jiġru bil-jerry cans. Dawk il-Maltin li kienu jmorru villeġġatura żgur li ma setgħux jgħaddu l-vaganzi tagħhom bil-kwiet minħabba li ma kellhomx ilma. Dak iż-żmien il-problema ta' l-ilma kienet materja għolja ħafna fil-prijorita' tal-poplu Malti u għalhekk hawn tiġi weħidha l-kwestjoni ta' jekk l-ilma għandux ikun materja ta' politika partiġjana. Sur President, jien ma naħsibx li l-kwestjoni ta' l-ilma għandha tkun materja ta' politika partiġjana pero' hemm ċerti issues - dawn se nitkellem fuqhom - li jistgħu juru ċerta differenza bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
GĦas-settur ta' l-ilma jrid ikollna l-iktar set-up professjonali possibbli għax għalih huwa importanti li nużaw l-aħjar teknoloġiji, mhux biss mil-lat finanzjarju imma wkoll mil-lat ambjentali. In the long run dawn it-teknoloġiji jridu jkunu sostenibbli u ma jikkaġunawx problemi. Hawnhekk nixtieq nirriferi għall-kwestjoni ta' l-aquifer, li diġa' ssemmiet, u once li ssir ħsara fih dan jieħu ħafna żmien sakemm jerġa' jiġi għan-normal. Meta nitkellmu fuq is-settur ta' l-ilma rridu nżommu l-ħin kollu quddiem għajnejna li qed nitkellmu fuq in-natura u biex waslet għal dik li hija llum in-natura mhux eluf ta' snin ħadet imma miljuni. Dan huwa punt importanti għax kull deċiżjoni li nieħdu fuq l-użu ta' l-ilma taffettwa lin-natura. L-ilma huwa parti minn ċiklu u allura jenħtieġ li nifhmuh tajjeb u noqogħdu attenti ħafna li ma nikkontaminawhx.
Sur President, nonostante dak li għadni kemm għidt, ma nistgħux naħarbu l-fatt li fil-prezz ta' l-ilma hemm aspett soċjali u għalhekk li l-ilma huwa ssussidjat. Anke l-ikel huwa essenzjali imma dan inħallsu għalih ilkoll, għalkemm hemm xi kwalitajiet ta' ikel li huma ssussidjati, pero' l-użu ta' l-ilma żgur li se jibqa' xi ftit jew wisq issussidjat. GĦalhekk imbagħad tidħol il-kwestjoni ta' kemm se nagħtu sussidju u din il-kwestjoni konna ttrattajniha fil-programm elettorali tagħna.
Il-programm elettorali tal-partit jelenka dak kollu li għamel Gvern Nazzjonalista fuq il-kwestjoni ta' l-ilma, jiġifieri li rdoppja l-produzzjoni u naqqas it-telf. Hawnhekk irrid nagħmel distinzjoni bejn telf u ħela, għaliex ċertu telf, biex ngħid hekk, huwa impossibbli li tnaqqsu. Tajjeb li wieħed jifhem li meta tasal f'ċertu livell ta' telf, meta tiġi biex tnaqqas dak it-telf, fil-fatt issib li tkun qed tonfoq iżjed. Huwa importanti li nifhmu dan il-konċett ta' l-economic leakage level ħalli nagħmlu distinzjoni bejn dak li huwa telf aċċettabbli u dik li hija l-ħela. Sintendi l-ħela rridu nikkombattuha b'iktar edukazzjoni fil-livelli kollha.
X'kien beħsiebu jagħmel il-Partit Nazzjonalista iktar 'il quddiem? Il-Partit Nazzjonalista kien beħsiebu jħares iktar lejn il-kwalita' u tajjeb li nitkellmu fuq il-kwalita' u mhux biss fuq il-kwantita'. L-ilma huwa prodott li jagħmel parti essenzjali mill-ħajja tal-kreaturi kollha, inkluż il-bniedem, u għalhekk huwa importanti li jkollna titjib fil-kwalita'. Nafu li salinita' għolja hija assoċjata ma' pressjoni għolja fil-bniedem u għalhekk tajjeb ukoll li nkomplu nagħfsu fuq kwalita' ogħla ta' ilma. Kif diġa' għidt kien hemm - u għad hemm - il-kwestjoni finanzjarja ta' kemm se jkun is-sussidju għall-ilma u x'inhu l-livell aċċettabbli ta' sussidju min-naħa tal-Gvern. Kien hemm ippjanat ukoll il-customer charter li fuqha għandha tinbena bażi aħjar bejn il-korporazzjoni u l-konsumatur.
F'"Iċ-Ċittadin l-Ewwel" il-Partit Laburista jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern m'użax tajjeb il-flus li kien ivvota għall-ilma, pero' imkien ma rajt dettalji ta' kif jidhrilhom li dawn il-flus ma ntnefqux tajjeb, lanqas minn dak li qalu l-kelliema tan-naħa l-oħra. Dan il-programm elettorali jgħid ukoll li jrid iżid il-produzzjoni fin-naħa t'isfel ta' Malta pero' jiena li ġej min-naħa t'isfel ta' Malta nista' nassigurak, Sur President, li l-problema ta' l-ilma f'dawn l-inħawi ttaffiet mhux ftit mill-1994 'l hawn, speċjalment bil-pipeline l-ġdid tal-Qrendi South. Il-Gvern Nazzjonalista għamel pedamenti sodi fir-rigward tal-produzzjoni. Veru li daħal fi spejjeż kbar u li dan il-piż finanzjajru se jkollna nġorruh għal ftit żmien ieħor, pero' ħariġina miċ-ċirku vizzjuż ta' nuqqas ta' ilma.
Nixtieq nitkellem ukoll fuq il-problema ta' nuqqas ta' cash flow fil-Korporazjoni Enemalta. Nittamaw li jsir xi ħaġa fis-sistema ta' billing preżenti li tkun b'inqas żbalji, li preferibbilment tkun bil-Malti, tkun ċara, u li tingħata attenzjoni lill-anzjani.

Il-problema tal-cash flow tista' tiġi solvuta pero' qegħda ssir kritika għaliex il-kontijiet ilhom ma jintbagħtu għadd ġmielu ta' xhur. X'se jiġri meta jintbagħtu dawn il-kontijiet u magħhom dawk il-kontijiet li qegħdin jinħadmu bħalissa? Il-korporazzjoni se jkollha surplus fuq dawn il-ħlasijiet?


Nixtieq nitkellem ftit ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema. Qrajt li l-ħaddiema qegħdin jagħmlu xogħol bil-lejl biex il-konsumatur ikun moqdi aħjar pero' ma nafx jekk huwiex qiegħed jingħata l-overtime u nixtieq li l-ministru responsabbli jgħidilna jekk dan huwiex il-każ. Inkella x'kienet dik il-kritika li kienet issir lill-Gvern Nazzjonalista li kien jagħti overtime bl-addoċċ? Ħalli niġi għan-numru ta' ħaddiema. Meta fl-1987 din il-korporazzjoni kienet għadha dipartiment kellha kważi 2,000 ruħ impjegati magħha u fl-1996 dan l-ammont niżel għal 1,356. Jidher ukoll li l-kwalita' tal-ħaddiema qiegħda dejjem titjieb. Kif diġa' għidt, huwa importanti ħafna li l-ħaddiema jkomplu jiġu mħarrġa għaliex meta jkollha ħaddiema ta' kwalita' għolja nkunu nistgħu verament nilqgħu għall-problemi kollha li jistgħu jinqalgħu 'il quddiem, li ħafna drabi huma problemi tekniċi.
Ta' min jgħid li l-prezz ta' l-ilma juri d-differenza bejn gvern li huwa tal-lemin li jara biss l-affarijiet mil-lat kummerċjali u li jipprova jibbilanċja kollox bl-eżatt u gvern b'iktar kuxjenza soċjali li jara li l-poplu jkun jiflaħ għall-prezz ta' l-ilma bħala konsumatur domestiku u jara wkoll li lill-industrija ma jtellifhiex ir-ritmu ta' iżvilupp u espansjoni. Jiena naħseb li huwa tajjeb li naraw fejn nistgħu ntejbu l-effiċjenza rigward l-użu ta' l-enerġija biex ikollna iktar ilma. Hemm suġġerimenti li l-ilma jkun issussidjat mhux mill-Gvern imma minn dawk li jagħmlu użu mis-servizz, per eżempju, il-qasam ta' l-industrija u l-qasam ta' l-agrikoltura. F'dan ir-rapport qed jingħad li jekk il-korporazzjoni tneħħi r-reverse osmosis plants minn taħt idejha, hija tiffranka bejn wieħed u ieħor Lm1.3 miljun. Irrid nenfasizza li taħt Gvern Nazzjonalista, minkejja d-diffikultajiet u minkejja li kellu l-prijorita' li jipproduċi aktar ilma, dejjem inżamm livell aċċettabbli fil-prezz ta' l-ilma, f'sens soċjali iktar milli f'sens kummerċjali. Waħda mill-akbar uġigħ ta' ras f'dan id-dipartiment hija l-unaccounted for water u l-Gvern Nazzjonalista kien diġa' beda jaħdem biex jieħu ħsieb din il-problema billi sar bdil tal-kanen tal-galvanised metal għal oħrajn tal-polyethylene. Dan il-proċess jidher li se jitkompla taħt dan il-Gvern.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3540 li kienet tirrigwarda x'kienet ir-rata ta' dan il-bdil ta' kanen - forsi l-Ministru jista' jagħtina spjegazzjoni li tkun iktar raġunata - jidher li mill-1 ta' Novembru 'l hawn ir-rata kull xahar naqset b'medja ta' 20%. Dan huwa punt importanti ħafna għaliex huwa telf sostanzjali ta' ilma mis-sistema tal-main sakemm jasal għall-meter u s'intendi huwa telf għall-korporazzjoni. Aħna nafu li bħala prijorita' l-korporazzjoni qed tara kif tista' tnaqqas it-telf minn din il-parti tas-sistema għax peress li llum għandna kapaċita' ta' ilma tajba ħafna jenħtieġ li nkomplu ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni. Issa ħalli ngħid xi ħaġa rigward l-Istitut għat-Teknoloġija ta' l-Ilma.
Sur President, it-twaqqif ta' dan l-istitut kien pass importanti fl-istrateġija tal-Gvern Nazzjonalista biex ikun jista' jilqa' għall-iżvilupp li kellu jseħħ fil-qasam ta' l-ilma u għalhekk wieħed irid jara x'alternattivi qed jiġu offruti. Ħafna drabi min-naħa l-oħra tal-Kamra ssemma li ma nistgħux inkomplu nħaffru fl-aquifer u kien hemm min issuġġerixxa li jsiru aktar boreholes, li jkun hemm żieda fil-prezz biex nilqgħu għall-problema finanzjarja li teżisti fil-korporazzjoni u kien hemm saħansitra diversi suġġerimenti fuq l-użu ta' enerġija alternattiva, pero' l-fatt jibqa' li l-ewwel prijorita' li attakka fuqha l-Gvern Nazzjonalista, dik ta' iktar produzzjoni ta' ilma, illum seħħet u l-fatt li llum ma għadekx tisma' fuq il-problema ta' l-ilma jfisser li ċertament dik il-prijorita ntlaħqet għalkemm għad fadal ħafna xi jsir. Dan huwa importanti għax il-mission statement stess jisħaq fuq il-bżonn li l-pajjiż ikollu ilma biżżejjed ħalli jkun jista' jservi kemm għall-konsum domestiku kif ukoll għall-industrija. Kif diġa' spjegajt, jeħtieġ naraw il-konċett fundamentali ta' l-ilma mill-għeruq tiegħu u għalhekk il-Gvern irid jieħu l-aspett tiegħu kollu, jiġifieri kemm l-aspett finanzjarju kif ukoll dak ambjentali għax anke t-tip ta' enerġija li tintuża teffettwa l-ambjent. Jekk il-Gvern se jkompli jara s-settur ta' l-ilma biss mill-aspett finanzjarju ċertament ikun falla qabel ma jkun beda. Grazzi, Mr Speaker.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Karl Chircop.
ONOR. KARL CHIRCOP: Sur President, waqt li qed niddiskutu l-estimi ta' din il-korporazzjoni ta' min ifakkar li l-provvediment ta' dan is-servizz huwa neċessita' bażika li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajrha għax fil-fatt l-ilma huwa neċessita' għall-ħajja. Għaldaqstant l-organu responsabbli minn dan is-servizz, jiġifieri l-Water Services Corporation, mhux biss għandha l-obbligu li tipprovdi l-ilma iżda anke li tagħmel dan bl-aktar mod effiċjenti u tara li dan jinbiegħ lill-konsumatur bl-aktar mod soċjalment aċċettabbli. Huwa importanti wkoll li jinżamm ekwilibriju bejn id-domanda, li qiegħda dejjem tiżdied u s-supply ta' l-ilma, filwaqt li rridu nżommu quddiem għajnejna l-fatturi ambjentali biex kemm jista' jkun ma niddisturbawhomx kif fil-fatt ġara fil-passat. Imma issa ħalli niġu għall-fatti.
Sur President, ikollna nammettu li sfortunatament is-sitwazzjoni tal-Water Services Corporation hija waħda li kummerċjalment tista' tissejjaħ bħala falluta għax id-dħul tagħha m'huwiex qed ilaħħaq mal-ħruġ rikorrenti. Mhux ta' b'xejn din ma setgħetx tiffinanzja n-nefqa kapitali li riedet tagħmel f'dawn l-aħħar snin bħal, per eżempju, t-tibdil ta' mains difettużi li kienu qed jillijkjaw. Fuq dan il-proġett kien stmat li se jintnefqu madwar Lm5.3 miljun, imbagħad in-nefqa kellha tiġi ridotta għal Lm3.3 miljun. Dan it-tnaqqis ta' madwar Lm2 miljun sar sabiex jipprovaw jagħmlu tajjeb għall-iżbalji li saru fil-production costs, għax filwaqt li dawn kellhom ilaħħqu għal Lm10 miljun fil-fatt telgħu għal Lm12 miljun.
Il-korporazzjoni għandha problema serja ta' cash flow - jiġifieri flus fil-but - sabiex tkun tista' tattwa l-proġetti tagħha stess. Din il-problema tħalliet takkumula matul is-snin minn kemm ilha li ġiet imwaqqfa l-korporazzjoni, iżda fl-aħħar xahar ta' qabel l-elezzjoni il-problema kompliet tikber minħabba li ma ħarġux kontijiet għall-użu ta' l-ilma domestiku għal żmien twil ħafna u kif jgħid ir-rapport stess dan ilaħħaq għal madwar 12-il xahar. Fl-opinjoni tiegħi u ta' ħafna nies oħra din hija għarukaża li tista' tiġi spjegata biss minn żewġ aspetti. Kien hemm aspett purament politiku fejn, minħabba li kienet riesqa l-elezzjoni biex nidhru sbieħ pprovajna kemm jista' jkun lill-poplu nħallulu l-flus fil-but. Sfortunatament dan ma nistax ngħidu għall-istess Water Services Corporation li, kif diġa' tennejt, tinsab fi stat finanzjarju ħażin ħafna, bħalma jinsabu diversi korporazzjonijiet oħra li writna mill-Gvern preċedenti. Id-defiċjenza l-oħra kienet mill-aspett amministrattiv u hawn qed nirriferi għal sistema ta' billing imħawda għall-aħħar, ħaġa li verament ma tistħoqqx lil korporazzjoni ta' dimensjonijiet li qegħdin niddiskutu llum bħalma huma l-water services. Din fil-fatt għandha gross turnover ta' madwar Lm21 miljun fis-sena u timpjega madwar 1,500 ħaddiem. Kif tista' korporazzjoni daqshekk kbira, li wara kollox tipprovdi servizz tant bażiku u neċessarju għal ħajjet il-Maltin u l-GĦawdxin, ma jkollhiex sistema ta' accounts ta' min joqgħod fuqha! Fl-opinjoni tiegħi u ta' ħafna nies li titkellem magħhom din jistħoqqilha a fulltime accounts department u m'għandhiex tkun immexxija biss minn part-timers kif fil-fatt hi s-sistema preżenti.
Sur President, problema oħra li qed tiffaċċja l-Water Services Corporation hija li, proprju minħabba l-loan li tlaħħaq figura astronomika ta' Lm30 miljun, minn sena għal sena qed tisbilanċja ruħha tant li tilfet il-kredtu mal-banek lokali. Dan jixhdu l-istatement li ħareġ il-Bank Ċentrali fejn wissa lill-banek kummerċjali sabiex ma jisilfux aktar flus lill-Water Services Corporation, anke jekk ikunu garantiti mill-Gvern stess.
Ħaġa li tan-naħa l-oħra kienu jattakkaw fuqha lill-amministrazzjonijiet Laburisti preċedenti, fis-snin sebgħin u anke fil-bidu tas-snin tmenin, kienet proprju l-unaccounted for water u fil-fatt, kif jaf l-Onor. Francis Agius, din il-problema hemm għadha. Hawnhekk huwa tajjeb li wieħed jieqaf u jgħid, u anke nispjegaw lin-nies, li fil-fatt din hija problema reali li ssibha fi kwalunkwe pajjiż u fi kwalunkwe sistema li tintuża biex jiġi prodott l-ilma. GĦalhekk wieħed għandu jara x'jagħmel biex din il-ħela ta' l-ilma kemm jista' jkun nipprovaw inrażżnuha b'tali mod li nkunu nistgħu nżidu l-effiċjenza u nnaqqsu mill-ispejjeż żejda. Issa jekk kien hemm żelqa li ħadu tan-naħa l-oħra, li kif diġa' għidt fil-passat kienu kienu jattakkaw lilna, hija proprju f'dan ir-rigward. Huwa inaċċettabbli u inkonċepibbli li llum il-ġurnata f'Malta, proprju fl-antiporta tat-tielet millennju, tnejn minn kull tliet litri - jew aħjar żewġ terzi - ta' l-ilma li qegħdin nipproduċu huma unaccounted for. Bħala spjegazzjoni għal dan fil-passat kien intqal li dan in-nuqqas kien dovut għal diversi fatturi. Kien intqal li 50% ta' dan l-unaccounted for water ġej minħabba meters ħżiena, 20% ġejn minħabba leakages, 10% minħabba telf u l-20% l-oħra ma kenux speċifikati pero' wieħed jista' jassumi li dan l-ammont kien dovut għal serq dirett ta' ilma. Allura kien aċċettabbli li wieħed jintroduċi water meters ġodda fis-sistema u aħna konna wasalna biex qbilna mal-Gvern ta' qabilna fuq dan il-pass, imma sfortunatament issa qegħdin naraw li l-meters ġodda li ġew istallati huma redikoli. Dawn ġew litteralment imbellgħin lill-konsumatur.
Kif aċċennaw il-kelliema ta' qabli, speċjalment minn din in-naħa tal-Kamra, dawn il-meters iduru bl-ajra biss u meta jkollok il-mains magħluqa dawn il-meters jibqgħu jduru. Mhux ta' b'xejn imbagħad li ħafna mill-kostitwenti tad-distrett mill-inħawi ta' Raħal Ġdid jikkomplejnjaw magħna li qed jirċievu kontijiet esaġerati li qatt ma kienu joħolmu li jirċievu! Peress li kien hawn din il-problema serja, il-Gvern preċedenti ħass il-bżonn li jrid jilqa' għal dawn il-complaints. Fil-fatt ġie mwaqqaf il-customer care department li kien pass pjuttost għaqli imma dan id-dipartiment ma ffunzjonax kif kellu jiffunzjona, għalkemm bħas-soltu ngħata isem sabiħ bl-Ingliż. Tant hu hekk, li ħafna kostitwenti kienu qegħdin jerġgħu jiġu lura u jikkomplejnjaw magħna li baqgħu jirċievu kontijiet għoljin u esaġerati,anke meta jkun inbidlilhom il-water meter, u dan għas-sempliċi raġuni li dawn il-water meters għandhom xi difett fihom. Jiġifieri inutli li tibdlilhom il-meter u tistallalhom wieħed ġdid għaliex xorta se jibqa' jagħtik l-istess żball fir-reading. GĦalhekk hemm bżonn li din il-problema tiġi ndirizzata kemm jista' jkun malajr.
Sur President, illum kulħadd jaf li ħafna mill-boreholes li għandna m'għadekx tista' tutilizzahom minħabba li l-aquifer ġie disturbat u allura s-sistema ta' l-ilma tagħna bil-mod il-mod ġiet tiddependi ħafna fuq ir-reverse osmosis plants. Ladarba l-użu ta' din is-sistema kiber daqshekk u s-sistema in ġenerali għall-provvediment ta' l-ilma f'pajjiżna ġie jiddependi daqstant fuqha, u ladarba l-Water Services Corporation tħaddem daqshekk nies magħha, aħna ma nistgħux nifhmu għaliex il-maintenance tar-reverse osmosis plants għadu qed jiġi fdat f'idejn kuntrattur privat. Fil-fatt hemm il-ħsieb li l-Water Services Corporation tuża n-nies tagħha stess biex tilħaq dan il-għan. Jekk dan il-pass jirnexxielna nagħmluh, il-poplu Malti jiffranka s-somma sabiħa ta' madwar Lm1.3 miljun. Nafu pero' li dan it-takeover ma jistax isir mil-lum għal għada għaliex trid tħarreġ lin-nies u probabbilment se jkollna ngħaddu minn fażi transitorja fejn tista' tiġi mwaqqfa xi kumpannija sussidjarja mill-istess Water Services Corporation biex tilħaq dan il-għan.
Sur President, il-kollega tiegħi l-Onor. Francis Agius, li jiġi min-naħa ta' isfel ta' Malta - u jien bħalu niġi minn hemm - għadu kemm qalilna kemm iħoss ruħu sodisfatt bit-titjib fil-provvista ta' l-ilma li kellna f'dawk in-naħat, pero' jiddispjaċini li jien ma tantx nista' ntenni dawn l-istess veduti. GĦadu kif kellna diversi każi, per eżempju, f'Santa Luċia fejn hemm provvista ta' ilma ta' kwalita' ħażina ħafna, fejn tiftaħ il-vit u l-ilma joħroġ kannella. Issib zoni sħaħ minn Raħal Ġdid fejn huma milquta b'nuqqas ta' ilma. Hemm iz-zona ta' Lourdes, quddiem il-ħabs u iktar 'l isfel, fejn qed ikollhom ħafna qtugħ tal-provvista ta' l-ilma. Dawn huma kollha problemi li sintendi ma kkaġunajnihomx aħna imma ovvjament writnihom mingħand ta' qabilna. Dawn il-problemi jindikawlek li fil-fatt il-provvista hija inadegwata għaż-żmien tal-lum u din trid tiġi ndirizzata.
Sur President, fl-aħħarnett ikolli ngħid ukoll li Gvern Laburista ġdid qiegħed jaħdem fuq pjani sabiex l-ilma tax-xita u tad-drenaġġ imsoffi ma jinħeliex. Din hija problema reali u allura dan l-ilma jrid jiġi wżat biex inkunu nistgħu nlaħħqu, jekk jista' jkun to the full, mad-domanda agrikola u industrijali ta' l-ilma. Hemm bżonn li nsibu sistema, forsi anke bi prezz irħas minn dik tal-proċess tar-reverse osmosis plants, fejn dan it-tip ta' ilma - nistgħu nsejħulu second class water - inkunu nistgħu nirrenduh f'ilma tajjeb. B'hekk xi ftit mill-ilma prodott mir-reverse osmosis plants ikun jista' jiġi replaced b'ilma prodott permezz ta' din is-sistema. Din għandha tkun soluzzjoni tajba oħra biex il-Water Services Corporation nerġgħu nwaqqfuha fuq saqajha kif jistħoqqilha u fl-aħħar mill-aħħar sabiex liċ-ċittadin nagħtuh value for money. Nirringrazzjak.
Yüklə 441,91 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin