THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, ikkonkludi, jekk jogħġbok.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jiena xtaqt kieku kelli l-opportunita' li nispjega kif dan il-Gvern imissu jibqa' fit-triq li Malta tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea u kif dik it-triq tgħina anke f'dan is-settur. GĦalhekk l-aħħar mistoqsija li għandi hija dwar x'beħsiebu jagħmel il-Gvern Laburista biex jassigurana li m'aħniex se nitilqu minn dik it-triq li wasslitna biex ingawdu kwalita' ta' ħajja garantita permezz ta' produzzjoni adegwata ta' ilma. Fil-fatt il-messaġġ mill-European Environment Agency għal din is-sena huwa li:
"Water is a daily touchstone in the life of every citizen sustaining health, economic development and eco-systems.",
u dan jista' jseħħ biss jekk ikun hemm l-impenn politiku assolut min-naħa tal-Gvern Laburista.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Il-ħin għad-dispożizzjoni ta' l-Oppożizzjoni skada u l-ħin li fadal huwa kollu għan-naħa tal-Gvern. Il-Ministru Charles Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sur President, fid-diskors li se nagħmel se nipprova nirrispondi għall-kritika li saret, kif ukoll nispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal din il-korporazzjoni. Li wieħed jagħti nifs ġdid lil din il-korporazzjoni żgur ma jfissirx li din se tingħalaq u lill-Onor. John Vella, li qal li r-rapport tas-Sur Mifsud wera l-ħrafa tal-ħofra, se nipprova nurih kemm din il-ħofra ma kenitx ħrafa.
Sur President, kif għidt fl-introduzzjoni tiegħi għal dan id-dibattitu, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha problemi finanzjarji kbar u għalhekk jekk aħna rridu nanalizzaw is-sitwazzjoni tal-korporazzjoni ma nistgħux ma nindirizzawx il-problemi finanzjarji tagħha. X'inhuma l-problemi finanzjarji li għandha l-korporazzjoni? Jien m'iniex se nirripeti dak li diġa' għidt imma se nikkwota minn xi dokumenti li juru jekk il-ħofra hijiex ħrafa. L-ewwelnett, x'wassal lill-korporazzjoni f'dan l-istat finanzjarju? F'idejja għandi ittra miktuba mis-Sur Albert Attard, l-permanent secretary fil-ministeru tal-finanzi, indirizzata lill-permanent secretary fil-ministeru għall-ambjent u dan f'din l-ittra, fost affarijiet oħra, qallu hekk:
"This level of subvention ..."
- hawnhekk qed jirriferi għas-subvention ta' Lm14 miljun li talbet il-korporazzjoni għas-sena kurrenti li qegħdin fiha -
"... would increase government's 1997 projected budgetary deficit, which is already standing at unacceptable levels, ...".
Din l-ittra, li nkitbet fid-29 t'Awissu, 1996 qed tgħid fejn qiegħda l-ħofra. GĦalhekk meta l-ex-ministru tal-finanzi kien qed iħejji l-estimi diġa' kien jaf li fl-1997 il-pajjiż kien se jkollu a budgetary deficit mhux aċċettabbli. Din hija l-ħofra li nirriferu għaliha aħna meta nkunu qed nitkellmu fuq is-sitwazzjoni tal-pajjiż, Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni. Hawn irrid nenfasizza li fl-1996 il-Gvern preċedenti diġa' kien jaf li din is-sena kien se jkollna ħofra finanzjarja kbira u dan nistgħu nikkonfermawh minn din l-ittra għax kieku kellha tintlaqa t-talba għal sussidju akbar id-deficit, skond din l-ittra tas-Sur Albert Attard, kien se jitla'
"... by a further Lm3 million."
Fil-fatt il-korporazzjoni kienet qed titlob Lm14 miljun u l-Gvern ried jagħtiha Lm11 miljun, jiġifieri kien hemm differenza ta' Lm3 miljun.
Imbagħad il-permanent secretary fil-ministeru tal-finanzi konpla jgħid fl-ittra tiegħu li:
"Consequently the Water Services Corporation should undertake, as a matter of priority, an overhaul of its tariff structure and revenue collection".
Kif għidt diġa' dan qalu f'Awissu ta' l-1996 is-Sur Albert Attard, permanent secretary
tal-finanzi f'parir li ta lill-ministeru għall-ambjent ta' dak iż-żmien. Dan qalilhom li jekk riedu jsolvu l-ħofra li waqgħu fiha kellhom jirrevedu t-tariff structure u l-mod kif jinġabru l-flus. Issa ma jiġix xi Onor. Membru tal-Gvern jgħidilna li l-ħofra hija ħrafa! Hawnhekk għandna l-iswed fuq l-abjad li jikkonferma dak kollu li konna ngħidu aħna fuq il-pożizzjoni tal-korporazzjoni u l-effetti konsegwenzjali fuq il-finanzi tal-Gvern.
Sur President, nitlob il-permess biex inqiegħed kopja ta' din l-ittra u xi dokumenti oħra fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Estratt minn "Review of Results and Management Accounts" datat 30 ta' Settembru 1995;
Estratt minn ittra mibgħuta mill-MSD Consulting Ltd liċ-Chief Executive tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fit-23 ta' Ottubru 1995; u
Kopja ta' ittra dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mibgħuta mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ambjent fid-29 ta' Awissu 1996.
Sur President, dawn kienu jafu minn ħafna qabel x'kienet il-pożizzjoni finanzjarja tal-korporazzjoni u dan joħroġ ċar mir-"Review of Results and Management Accounts" ta' Settembru, 1995 - meta kienu qegħdin jippreparaw il-budget ta' l-1996 - li jgħid hekk:
"We have been informed that the Corporation is presently negotiating for further bank overdraft facilities to finance due loan repayments and part of recurrent expenditure for the coming year. The existing state of affairs is extremely preoccupying."
- hawnhekk qed nitkellmu fuq il-financial affairs tal-korporazzjoni -
"The Corporation is continuing to increase its debt levels as it does not have sufficient funds to finance its recurrent expenditure in full and to honour its loan repayments as these fall due.".
Mela f'Settembru ta' l-1995 diġa' kienu jafu f'liema ħofra finanzjarja kienet nieżla fiha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Jien se nikkwota minn ittri oħrajn li għandi hawnhekk li kollha jindikaw li minn ħafna qabel - hawnhekk għandi ittra oħra datata 23 ta' Ottubru, 1995 - kienu jafu bil-problemi finanzjarji tal-korporazzjoni. L-ex-ministru Francis Zammit Dimech staqsiena x'inhuwa r-rimedju tagħna. Issa ngħidulhom ir-rimedji li qegħdin nipproponu aħna x'inhuma.
Fl-ittra tat-23 ta' Ottubru, 1995 mibgħuta lill-korporazzjoni mill-financial consultants qiegħed jingħad:
"During the meeting of the 25th September, 1995, the Minister of Finance ..."
- jiġifieri l-ex-Ministru John Dalli -
"... made it clear that the Government was reluctant to guarantee additional loans to the Corporation.".
Dan ifisser li lanqas il-Gvern ma ried jiggarantixxi l-loans li kellha bżonn il-korporazzjoni sabiex din tkun tista' taħdem. Jien se nikkwota minn extracts oħrajn li poġġejthom fuq il-Mejda tal-Kamra ħalli wieħed ikun jista' jaqrahom. X'inhi waħda mir-raġunijiet li wasslitna f'din is-sitwazzjoni?
Waħda mir-raġunijet li affettwat ħafna t-turnover u l-cashflow tal-korporazzjoni kienet - din diġa' rriferejt għaliha darba oħra pero' se nerġa' nirriferi għaliha - is-sistema ta' billing li riedet iddaħħal l-istess korporazzjoni. Peress li l-informazzjoni li kienet miżmuma fil-Computer Centre tas-Swatar ġiet trasferita għand il-korporazzjoni din iddeċidiet li tagħmel is-sistema tagħha. S'hawnhekk m'hawn xejn ħażin. Pero' jekk wieħed janalizza kif saret din is-sistema jsib li għalkemm din kellha tieħu ftit xhur biex issir għaddew tliet snin u tliet xhur u sal-lum is-sistema għadha m'hijiex sodisfaċenti. Għalhekk wieħed bilfors jistaqsi jekk l-affarijiet sarux sewwa meta ġiet biex issir din is-sistema. Aħna nafu li l-affarijiet żgur li ma sarux kif suppost kellhom isiru. Aħna - meta ngħid aħna nkun qed nirreferi għalija u għall-kollega tiegħi, l-Onor. Leo Brincat, li huwa responsabbli mill-Enemalta, għax din is-sistema tal-billing taffettwa d-dħul ta' dik il-korporazzjoni wkoll - ordnajna li jsir rapport fuq is-sistema tal-billing. Fil-fatt dan ir-rapport tlesta u qed jiġi studjat miż-żewġ korporazzjonijiet.
Nista' ngħid li kien hemm ħafna affarijiet li jidhru "irregolari" u fost dawn insibu, per eżempju, l-mod kif ġie magħżul il-computer hardware għal din is-sistema ta' billing. Hawnhekk jien nistaqsi - din irridu nistudjawha aktar - għaliex intgħażel hardware li jiswa aktar mid-doppju ta' l-orħos offerta, meta din kienet konformi mat-tender? Nixtieq inkun naf ukoll kif ġie mqabbad konsulent biex jagħti pariri fuq il-computer hardware li żgur li kellu konflitt ta' interess minħabba konnessjonijiet ma' waħda mid-ditti li kienet tefgħet it-tender. Dan il-konsulent kien jaħdem ma' sussidjarja ta' ditta tal-computers li mbagħad spiċċat biex rebħet it-tender. Dawn l-affarijiet se ninvestigawhom bis-serjeta' għax jidher ċar li fil-kwestjoni tal-billing mhux biss is-sistema li ntużat ma kenitx l-aħjar waħda u kienet waħda li ħolqot ħafna problemi lill-Korporazzjoni Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, imma anke mill-mod kif din ġiet mibnija u kif saret l-adjudication tat-tender jidher ċar li prima facie saru diversi rregolaritajiet. Aħna dawn l-affarijiet se narawhom bis-serjeta' u se nagħmlu inkjesta ħalli nkunu nistgħu naraw x'kien hemm warajhom. Nispera li ma ndumux ma nsolvu din il-kwestjoni tal-billing għax qed toħloq problemi kbar lill-korporazzjonijiet.
Staqsewni x'miżuri se nieħdu sabiex intejbu l-qagħda finanzjarja tal-korporazzjoni. Meta jkollok korporazzjoni jew kumpannija li tkun qed tagħmel telf, li trid tagħmel huwa jew tkabbar id-dħul jew tnaqqas l-ispejjeż. Ma tantx għandek fejn tmur. Fil-fatt dak hu li se nagħmlu. L-ewwelnett, se nieħdu miżuri sabiex nipprovaw inżidu d-dħul. U x'se nagħmlu biex dan ikun jista' jsir? L-ewwel ħaġa li se nattakkaw - ħaġa li ssemmiet ħafna hawnhekk - hija l-kwestjoni ta' l-unaccounted for water. L-aħħar figura preċiża li kellna ta' unaccounted for water kienet ta' 67%. Diġa' intqal minn x'hiex tirriżulta din il-figura, parti minnha ġejja minħabba leakages, parti minħabba meters li jaqraw ħażin u parti minħabba s-serq ta' l-ilma. Dan huwa korrett u fil-fatt aħna se nkomplu bl-iskema ta' leakage detection testing li kienet qed issir qabel mill-korporazzjoni għaliex fejn l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb aħna nkomplu fuqhom. Fejn hemm it-tajjeb m'aħniex se nneħħuħ, anzi se nibnu fuqu. Aħna l-affarijiet li ma jsirux tajjeb irridu nirranġaw. Is-sistema ta' leakage detection tests li kienet qed tagħmel il-korporazzjoni fuq il-mains hija waħda tajba u allura se titkompla għax permezz t'hekk se jkollna aktar informazzjoni dwar fejn qegħdin dawn il-leakages u se nieħdu ħsieb li nirranġawhom. Rigward il-meters difettużi li qed jgħidu li qed jirreġistraw inqas għax m'humiex tajbin irrid ngħid li ma naqbilx ma' l-esperti tal-korporazzjoni għax kieku l-meters huma fattur daqshekk importanti ta' l-unaccounted for water, kieku bl-ammont sostanzjali ta' meters li nbiddlu - għax inbidlu terz jew aktar tal-meters li għandna f'Malta - il-persentaġġ ta' unaccounted for water kien jonqos ħafna aktar milli fil-fatt naqas s'issa. GĦandna mbagħad il-kwestjoni tas-serq ta' l-ilma u aktar tard ngħid x'se nagħmlu dwar l-enforcement.
Il-kollegi tiegħi l-Onor. Joe Farrugia u l-Onor. Francis Zammit Dimech tkellmu dwar l-effiċjenza tal-ħaddiema tal-korporazzjoni. Din il-ħaġa wkoll irridu nindirizzawha ħalli naraw liema hu l-aktar mod cost effective ta' kif għandhom jiġu mpjegati l-ħaddiema tal-korporazzjoni. Jien nemmen ħafna fil-kapaċita' tal-ħaddiema tal-korporazzjoni u ma nafx jekk l-unskilled workers li huma mpjegati magħha jafux jaqraw bil-Malti u bl-Ingliż, għaliex biex ngħid il-verita' ma naħsibx li dan huwa daqstant importanti. Għaliex? Għax jekk fil-korporazzjoni għandna numru ta' ħaddiema li huma unskilled jew semi-skilled, jien naħseb li l-kuntratturi li jagħmlu x-xogħol tagħna għandhom l-istess tip ta' mpjegati. Li ma nistax nifhem hu kif kuntrattur b'60 jew 70 ruħ jispiċċa jagħmel xogħol aktar milli tagħmel korporazzjoni b'400 ruħ! X'imkien hemm xi ħaġa ħażina u din il-problema rridu nsolvuha. Jiena ħadt il-parir li ta l-ħabib tiegħi, l-Onor. Joe Farrugia, meta qal li dawn wieħed jista' jorganizzahom f'koperattivi. Meta dan il-konċett ġie introdott fil-postijiet tax-xogħol ta riżultati tajbin u għalhekk,
flimkien ma' l-unions, għandna nħarsu lejn il-possibilita' li noħolqu l-kooperattivi tal-ħaddiema.
L-Onor. Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar it-tariffi ta' l-ilma. Jien nista' ngħidlu li m'għandniex il-ħsieb li nirrevedu r-rati ta' l-ilma għas-settur domestiku, pero' hemm ċerti rati li wieħed irid iħares lejhom u li diġa' ħarisna lejhom. Fil-fatt fil-budget li għadda kellna l-kuraġġ li nirrivedu r-rata tal-bottlers, li nafu li jagħmlu qligħ kbir mill-ilma, pero' hemm affarijiet oħrajn li wieħed irid iħares lejhom. L-Onor. Zammit Dimech semma wkoll il-kwestjoni tal-frontage contribution u qal li lill-korporazzjoni din tqumilha Lm37-il metru u lill-konsumatur niċċarġjawh Lm4-il metru. Din il-kwestjoni tal-frontage contribution qed tqum lill-korporazzjoni Lm0.5 miljun fis-sena u żgur li rridu nistudjawha u naraw x'jista' jsir.
L-Onor. Zammit Dimech tkellem ukoll fuq il-fixed rate tal-meters. Inċidentalment il-meter ta' l-Enemalta huwa l-irħas wieħed għaliex is-somma li nħallsu għall-meter tat-Telemalta hija ħafna iktar għolja minn dik li nħallsu għall-meter ta' l-ilma. U fiċ-ċirkostanzi li qegħda fihom il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li qiegħda f'xifer ta' rdum finanzjarju, bilfors li irridu nħarsu lejn dawn l-affarijiet. Jien mhux qed ngħid li se ngħollu dawn ir-rati imma żgur li se nħarsu lejhom, speċjalment għal ċerti users.
Irridu nħarsu wkoll lejn id-dħul li l-korporazzjoni għandha minn servizzi oħrajn, naraw kif tista' tkun aktar cost effective u jekk tistax iżżid id-dħul tagħha. Per eżempju, il-korporazzjoni għandha laboratorju li huwa equipped tajjeb. Jiena ċert li bi ftit ħsieb dan il-laboratorju jista' jintuża fuq skala kummerċjali aktar milli qed jintuża bħalissa u b'hekk inkunu nistgħu niġġeneraw aktar flus b'dan il-mod. Il-korporazzjoni għandha in-house expertise u tagħmel ċerti konsulenzi għal ħaddieħor dwar l-ilma u tagħmel ukoll xogħol ta' drilling għal ħaddieħor. Dawn kollha huma affarijiet li rridu nħarsu lejhom għaliex meta inti qiegħed f'sitwazzjoni fejn litteralment qiegħed dahrek mal-ħajt kull naqra tgħodd u għalhekk irridu nħarsu lejn kollox. Ħalli ngħid kif nistgħu nnaqqsu l-infiq.
Sur President, kif għidna anke fil-budget, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hija li naraw il-management tar-reverse osmosis plants. Kieku kellna nneħħulha r-reverse osmosis plants kollha minn taħt idejha u nieħdu ħsieb il-management tagħhom aħna, il-korporazzjoni tiffranka aktar minn Lm1.3 miljun. Dan huwa ammont sostanzjali meta qed titkellem fuq korporazzjoni li qiegħda tagħmel telf ta' miljuni u żgur li din, mhux biss irridu nħarsu lejha, imma anke nimplimentawha. Issa jekk aħniex se nimplimentawha b'mod phased, għaliex forsi ma jkunx jaqbel li tagħmel kollox f'daqqa, hija xi ħaġa li wieħed irid jistudjaha ħalli nsibu l-aħjar mezz u filwaqt li nkunu qegħdin innaqqsu l-infiq tal-korporazzjoni bl-ebda mod ma nipperikolaw is-supply.
Kwestjoni oħra li ssemmiet milll-Onor. Francis Agius, li għamel diskors tajjeb ħafna, hija l-kwestjoni ta' l-elettriku. Aktar minn Lm4.5 miljun mill-infiq tal-korporazzjoni jmur għall-infiq ta' l-elettriku fit-tħaddim tar-reverse osmosis plants. Issa r-rati li qed nieħdu mingħand l-Enemalta huma r-rati li jieħu kulħadd u jiena jidhirli li dawn għandna fejn innaqqsuhom. Aħna nafu li l-Enemalta tagħti special rates għall-industrija li taħdem bil-lejl. Per eżempju, l-SGS Thomson tingħata rata preferenzjali fuq l-elettriku meta taħdem bil-lejl. Aħna għaliex ma nistgħux nagħmlu l-istess ħaġa? Jidhirli li l-bieraħ stess kien hemm diskussjonijiet għaddejjin mal-Korporazzjoni Enemalta ħalli naraw jekk nistgħux inħaddmu r-reverse osmosis plants bil-lejl u l-Enemalta tapplika r-rati ta' bil-lejl u b'hekk ikollna ċerti vantaġġi. Għal min ma jafx, dan ifisser bejn Lm1 miljun u Lm2 miljun fis-sena anqas x'inħallsu għad-dawl. Din tista' ssir faċilment għaliex kulma tkun trid tagħmel huwa li tħaddem ir-reverse osmosis plants aktar matul il-lejl milli matul fil-għodu, iżżomm l-ilma fir-reservoirs u mbagħad dan jintuża matul il-ġurnata. Dan jagħmel sens ukoll fir-rigward tal-konċett l-ieħor li qed nipprovaw indaħħlu fil-pajjiż bħala gvern ġdid u modern, jiġifieri l-konċett ta' integrated resource management. Aħna rridu naraw kif ir-riżorsi tagħna nagħżluhom bl-aħjar mod. Jekk l-Enemalta hi kapaċi tuża t-turbini kollha tagħha fl-istess ħin bl-istess ammont, u mhux ikollha l-peaks tagħha fil-għodu u bil-lejl kważi ma tuża xejn minnhom, ifisser li l-Enemalta mhux qed taħdem b'mod effiċjenti. Jiġifieri jekk aħna naslu f'sitwazzjoni fejn flimkien ma' l-Enemalta naqblu li fil-għaxija nagħmlu użu mir-reverse osmosis plants, ikun jaqbel lilna, lill-pajjiż u lill-Enemalta stess għax niffrankaw l-ispejjeż.
Rigward il-medium u l-long terms projects li qegħdin isiru sabiex niffrankaw l-ispejjeż, waħda mill-affarijiet li rridu nagħmlu - u din ssemmiet hawnhekk kemm min-nies ta' din in-naħa u anke tan-naħa l-oħra - hija li nużaw il-provvista ta' l-ilma tas-second class. Jekk din aħna kapaċi nagħmluha jkollna sors ta' ilma ħafna irħas minn dak li għandna llum. Allura qed ngħidu li jekk aħna kapaċi nużaw is-second class water biex niffrankaw ftit minn dak l-ilma li nipproduċu permezz ta' l-impjanti tar-reverse osmosis se jiswina tajjeb għax f'pajjiżna l-iktar ilma li jqum huwa dak li nġibu mir-reverse osmosis plants.
Madam Speaker, dan qed naħdmu fuqu bis-serjeta' u diġa' qabbadna konsulent sabiex jibda jistħarreġ dwar il-kwestjoni ta' l-istorm water. Ippreparajna brief għall-master plan fuq l-istorm water u qed nipprovaw ninteressaw lill-European Investment Bank - fil-prinċipju dan diġa' aċċetta t-talba tagħna - sabiex jiffinanzja x-xogħol li hemm bżonn isir. Il-brief li għamilna diġa' tajnih lir-rappreżentanti ta' l-EIB meta kienu hawn Malta fil-ġranet li għaddew. Huma dan aċċettawh u se jagħmlu studju fuqu; u se nagħmlu l-istess ħaġa għar-rigward tas-second class water u tat-treated effluent.
L-Onor. Francis Zammit Dimech semma l-Impjant ta' Sant'Antnin u qal li l-Oppożizzjoni jista' jkun li ma tafx li dan l-impjant bħalissa qed jipproduċi 7,000 metru kubu ilma u li l-produzzjoni kellha titla' għal 17,000 metru kubu. Għal mument jiena ħsibt li l-Onor. Membru seta' nesa li dak l-impjant kien għamlu Gvern Laburista u mhux Gvern Nazzjonalista. Aħna kburin li għamilna dan l-impjant u b'dispjaċir kbir ngħid li f'disa snin u nofs Gvern Nazzjonalista m'għamel xejn biex ikompli jwessa' l-konċett tat-treated effluent. Il-gvern preċedenti ma bena l-ebda impjant; nafu li sar ħafna diskors li se jsiru studji u baqa' ma sar xejn. Jien naħseb li d-differenza fundamentali bejn Gvern Laburista - ta' issa u anke ta' qabel - u Gvern Nazzjonalista hija li tan-naħa l-oħra dejjem jistudjaw biex jaraw x'se jagħmlu u fir-realta' ma jsir xejn, u aħna nipprovaw immexxu l-affarijiet. U naħseb li dan huwa li rridu nagħmlu hawn, Madam Speaker. Iva, aħna naqblu li jekk sar studju - sar minn min sar - li jgħid li sas-sena 2000 - inċidentalment din hija xi ħaġa li aħna marbutin biha minħabba li l-Gvern Laburista fil-passat kien irratifika l-Konvenzjoni ta' Barcelona - id-drenaġġ kollu li jintefa' fil-baħar irid ikun trattat, dan se nagħmluh. Din hija xi ħaġa tajba u se nagħmluha għax hemm il-funding għaliha u se naħdmu fuqha. Se nagħmluha għaliex huwa tajjeb li nipproteġu l-ambjent tal-Baħar Mediterran, imma aktar minn hekk għax dan lilna se jagħtina sors ta' ilma li se jkun ifisser ħafna għall-pajjiż, kemm għall-agrikoltura, kemm għall-industrija, kif ukoll għal kwalunkwe użu ieħor li nkunu nistgħu nagħmlu minn dan l-ilma. Huwa veru li qegħdin tight ħafna mat-time frame li għandna imma se nipprovaw nagħmlu ħilitna biex dan isir.
Madam Speaker, issa ħalli niġi għall-kwalita' ta' l-ilma li nixorbu. Dan huwa suġġett li ma tantx tkellmu fuqu, ħlief li ssemma ftit mill-Onor. Zammit Dimech. Huwa veru li għandna bżonn intejbu l-kwalita' ta' l-ilma, speċjalment dak li ntellgħu mill-boreholes. Din m'hijiex xi ħaġa li qed ngħiduha llum, imma f'rapport li kien ġie kkommissjonat mill-Water Works Department - għamluh l-BRGM - ukoll waslu għall-konklużjoni li hemm bżonn innaqqsu l-extraction ta' l-ilma li jiġi mill-aquifer billi jiġi replaced b'xi ħaġa oħra. Aħna nistgħu nnaqqsu l-ippumpjar mill-boreholes, imma x'qiegħed isir sabiex jiġi kkontrollat l-ippumpjar ta' l-ilma li jsir mill-boreholes mill-privat? Aħna nafu li l-privat itella' kwantita' kbira ta' ilma mill-ispieri, kemm dawk li huma legali u aktar u aktar minn dawk li huma illegali. Mhux talli hekk, talli qed isir abbuż kbir billi dan l-ilma ħafna drabi jinbiegħ b'mod kummerċjali biex jibbottiljawh jew biex jużawh fis-swimming pools, eċċ. Dan m'huwiex sew għaliex aħna jidhrilna li l-ilma li hemm fl-aquifer huwa riżors - bħalma ntqal tajjeb f'din il-Kamra minn xi kelliem - u għandna nużawh tajjeb u allura m'aħniex se nħallu li dawn l-affarijiet jibqgħu għaddejjin. Huwa inutli li noqogħdu nippriedkaw biex ma tantx intellgħu ilma mill-aquifer jekk imbagħad nippermettu li kulħadd jagħmel li jrid. Il-korporazzjoni qiegħda tara x'jista' jsir biex għallinqas inkunu nafu kemm qiegħed jittella' ilma mill-boreholes mill-privat. Jien naħseb li għandna naslu f'pożizzjoni fejn dan l-ilma jibda jiġi metered. Anke jekk stess ma jħallsux għalih, imma għallinqas inkunu nafu kemm qed jieħdu minnu. Irridu nagħmlu studju bis-serjeta' ta' kemm qed jittella' ilma mill-boreholes mill-privat ħalli naraw x'effett qed iħalli fuq l-ilma li jiġi mill-aquifer tagħna.
Waħda mill-affarijiet li meta kont fl-Oppożizzjoni kont nitkellem ħafna fuqha, u issa li qiegħed fuq din in-naħa tal-Kamra rrid nisħaq ħafna iktar fuqha, hija l-kwestjoni tal-ġarr ta' l-ilma permezz ta' bowsers. Meta konna fl-Oppożizzjoni konna nisħqu li l-bowsers li jġorru l-ilma għandhom ikunu liċenzjati. Għaliex? L-ewwelnett sabiex tevita l-periklu li jista' jkun hemm għaċ-ċittadin meta xi ħadd irresponsabbli juża bowser kontaminat sabiex iġorr l-ilma fih. Barra minn hekk, jekk tilliċenzja l-bowsers ikollok idea minn fejn ikunu qegħdin iġibu l-ilma u fejn ikunu qed jeħduh. Naħseb li waħda mill-affarijiet li rridu nħarsu lejha bis-serjeta' - naf li l-korporazzjoni qiegħda tagħmel dan - hija li ssir sistema ta' kif għandna nilliċenzjaw dawn il-bowsers. Huwa tajjeb li ndaħħlu ftit regolamentazzjoni f'din il-ħaġa u mhux kulħadd jarma tank fuq it-trakk, qisu Alla jbierek kulħadd sar water carrier! Biex tagħmel dan m'hemmx bżonn li tintroduċi xi liġi għax il-Water Services Corporation Act stess tgħidlek li jekk tkun carrier ta' l-ilma għandek bżonn liċenzja, imma din qatt ma ġiet inforzata.
Huwa tajjeb li nħarsu wkoll lejn il-policies li għandhom jiġu applikati għas-swimming pools. Fil-passat minħabba li kien hawn il-problema tan-nuqqas ta' ilma konna ntroduċejna policy li kienet tgħid li s-swimming pools jistgħu jimtlew biss bl-ilma baħar u min ried jimla swimming pool tiegħu bl-ilma ħelu ried iħallas liċenzja ta' madwar Lm150 fis-sena. Illum il-ġurnata qed nindunaw li din il-ħaġa qiegħda tkun counter productive. Għaliex? Għax jekk ikollok leakage minn swimming pool li tkun mimlija bl-ilma baħar se tagħmel il-ħsara fl-aquifer tiegħek. Allura issa rridu naraw jekk wasalx iż-żmien li din il-policy tiġi riveduta. Dan kollu jiena norbtu ma' kwestjoni oħra, il-bżonn li f'dan il-pajjiż isir aktar inforzar tal-liġijiet. Kif diġa' intqal tajjeb, l-ilma huwa riżors mill-aktar importanti f'dan il-pajjiż u l-liġijiet li għandna rridu ninforzawhom bis-serjeta'. Huwa inutli li niġu hawnhekk ngħidu kemm irridu nagħmlu affarijiet tajbin għax mingħajr enforcement ma jsir xejn bis-serjeta'.
Niġi issa għal kwestjoni oħra li qamet fil-passat u li mid-dehra sal-lum għadha għaddejja. Qed nirriferi għall-kwestjoni tal-ħsejjes ikkaġunati mir-reverse osmosis plant ta' Pembroke. Din il-kwestjoni rridu nħarsu lejha bis-serjeta' u naraw kif se nsolvuha u magħha rridu nsolvu wkoll il-problema ta' l-embellishment madwar l-impjanti tar-reverse osmosis. X'irridu nagħmlu biex inwettqu l-għanijiet tagħna? Se nħarsu ftit lejn l-istruttura li għandna fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Huwa veru li din il-korporazzjoni saret wara ħafna ħsieb u fl-intervent li għamel l-Onor. Ninu Zammit qal li saret operations review mill-Water Works Department biex twaqqfet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Imma lill-kollega tiegħi, l-Onor. Ninu Zammit, nixtieq nistaqsih: X'sar min-nies li għamlu din l-operations review?
Ħafna minnhom m'għadhomx mal-korporazzjoni u forsi xi darba jkun jista' jgħidilna għaliex ġara hekk. Aħna qed inħarsu lejn il-korporazzjoni u se nipprovaw naraw xi jrid isir sabiex tibda tiffunzjona b'mod effettiv. Fil-fatt sibna li jridu jsiru żewġ affarijiet. Hemm bżonn li tidħol kultura ġdida għax ma jistax ikun li nibqgħu nħarsu lejn din il-korporazzjoni bħala dipartiment tal-gvern, imma din trid tibda tittratta l-affarijiet b'mod differenti u b'mod ġdid. Ħaġa oħra li rridu nagħmlu hija li nkunu ħafna iktar konxji mill-finanzi tal-korporazzjoni u għandu jkollna sistema fejn il-costs li tkun qed toħroġ il-korporazzjoni jiġu monitored aħjar. Fir-restructuring tal-korporazzjoni qed ngħidu li għandna bżonn ta' internal audit department u b'hekk l-internal auditor, flimkien mal-konsulenti tiegħu, jkun jista' jidħol f'kull dipartiment tal-korporazzjoni u jara kif se jdaħħal l-effiċjenza li hemm bżonn u mbagħad dan jibgħat ir-rapport tiegħu lill-bord tal-korporazzjoni.
Għandna bżonn insaħħu wkoll id-dipartiment li jieħu ħsieb il-finanzi tal-korporazzjoni għaliex qatt ma kellna head tal-financial department. GĦalkemm kienu jinqdew b'sistema tajba jien jidhirli li m'hijiex tajba biżżejjed għall- korporazzjoni. Kien ikollhom private consultants biex jagħmlu dan ix-xogħol, imma jien jidhirli li korporazzjoni bħal din għandha bżonn financial controller fulltime li jkollu d-dipartiment tiegħu. Huwa żgur li fi ħdan dan id-dipartiment hemm bżonn li jkun hemm manager fuq il-credit u anke fuq ir-revenue, għax waħda mill-problemi li għandha l-korporazzjoni hija l-mod kif tikkontrolla l-ħruġ u l-ġbir tal-flus tagħha. Per eżempju, jekk wieħed iħares lejn il-flus li għandha tieħu l-korporazzjoni jsib li għandha bills li jmorru lura għexieren ta' snin u ma jistax ikun li nibqgħu f'din is-sitwazzjoni. Hemm bżonn li naraw l-affarijiet bis-serjeta' u li jkollna persuna nkarigata minnhom.
Fir-restructuring li qed nagħmlu - jidhirli li l-bord tal-korporazzjoni diġa' approvah - se jsir saff ta' management ġdid bejn iċ-chief executive u dawk li nsejħulhom operation managers. Dan se jkun jikkonsisti f'senior management li għandna bżonnu biex il-korporazzjoni nnifisha tiġi managed aħjar. Dan se jkun jikkonsisti f'head tad-dipartiment tal-finanzi, head ta' l-operations, head ta' l-administration, id-direttur ta' l-Institute for Water Technology - għax dan huwa bniedem importanti ħafna u se ngħid għaliex - u ċ-chairman tar-reverse osmosis plants meta dawn jittieħdu over mill-korporazzjoni nnifisha. L-Institute for Water Technology għamel ħafna xogħol tajjeb fil-passat u għalhekk se nwessgħulu r-role tiegħu.
Waħda mill-affarijiet li kienet nieqsa fil-korporazzjoni kienet li ma kienx isir planning wiesgħa u ħafna drabi konna nimxu b'management by crisis - nistennew li jkun hemm kriżi u mbagħad nipprovaw naraw kif se nsolvuha. Hemm bżonn li l-korporazzjoni jkollha sezzjoni biex tagħmel il-forward planning tagħha u, apparti minn hekk, hemm bżonn li nneħħu darba għal dejjem il-parti regolatorja minn idejn il-korporazzjoni. Ix-xogħol regolatorju li tagħmel il-korporazzjoni, fejn allura jkollha l-laboratorji tagħha, għandu jibda jsir minn dan l-istitut. Dan se nkabbrulu r-role tiegħu u fejn qabel kien marbut biss mad-development of human resources - ħaġa li kien jagħmel u għadu jagħmilha tajjeb ħafna - issa se nagħtuh role aktar wiesgħa li tikkonsisti fil-forward planning tal-korporazzjoni, li se tkun il-parti regolatorja tal-korporazzjoni, u l-aspett ta' l-enforcement. Huwa mportanti ħafna li l-enforcement isir barra mill-istruttura ta' l-operations tal-korporazzjoni nnifisha.
Bħala long term planning irridu li l-korporazzjoni tieħu over id-dipartiment tad-drenaġġ li sal-lum għadu jifforma parti mid-diviżjoni tax-xogħlijiet fi ħdan il-ministeru. Dan tgħidu l-istess liġi li permezz tagħha twaqqfet din il-korporazzjoni u għalhekk xi darba jew oħra din trid tkun responsabbli miċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni ta' l-ilma. Il-korporazzjoni trid tibda tieu ħsieb it-treated effluent, allura bilfors se jkun hemm konnessjoni bejn id-dipartiment tad-drenaġġ u l-korporazzjoni nnifisha. Dawn l-affarijiet m'humiex se jsiru mil-lum għal għada, pero' jekk wieħed jaqra l-policies dwar in-nifs ġdid li rridu nagħtu lill-korporazzjoni jsib li dawn l-affarijiet huma kollha nklużi. Dawn se jsiru mhux għax intqal hekk mill-Gvern Nazzjonalista preċedenti imma għax huma affarijiet tajbin. Ħafna drabi jiġu hawn u jgħidulna: Isma', aħna konna qed nagħmlu hekk; issa intom se tagħmlu bħalna? Jekk intom kontu qegħdin tagħmlu tajjeb, iva, se nkomplu fuq dak li kontu qed tagħmlu intom. M'aħna se nbiddlu xejn mit-tajjeb li kien isir. Aħna rridu nagħmlu l-affarijiet aħjar milli kienu jsiru qabel. Naħseb li l-politika hekk għandha tkun, li wieħed jipprova jtejjeb l-affarijiet.
Sur President, x'inhu l-għan tal-korporazzjoni? L-għan tal-korporazzjoni huwa li tipprovdi ilma ta' kwalita' tajba bi prezz raġonevoli u li żżomm bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, għax meta qed tipproduċi l-ilma se taffettwa l-ambjent. Dan huwa l-iskop tagħna u jien nawgura li jintlaħaq.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħi nixtieq nieħu l-opportunita' sabiex nirringrazzja lid-diretturi l-ġodda, liċ-chairman il-ġdid, liċ-chief executive, lill-uffiċjali għoljin u lill-ħaddiema kollha tal-korporazzjoni. Jiena ċert li bil-kooperazzjoni tagħhom l-għanijiet tagħna jintlaħqu għax aħna spjegajnilhom x'inhi l-pożizzjoni u ninsab ċert li huma fehmuna. Jien konvint mill-kollaborazzjoni tagħhom u jekk naħdmu lkoll flimkien l-għanijiet tagħna għandhom jintlaħqu. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-mistoqsija hija li l-Kamra tapprova l-Estimi tad-Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għas-sena 1996/1997.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY SPEAKER: Din id-division tittieħed minn hawn u għoxrin minuta oħra.
Billi ntalbet votazzjoni l-Kamra ġiet sospiża fid-9.00 p.m. u rriżumiet 20 minuta wara.
THE DEPUTY SPEAKER: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi li l-Kamra tapprova l-estimi ta' Dħul u Infiq tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għas-sena 1996/97. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Għadni kemm ġejt informat li l-Onor. Dom Mintoff, l-Onor. George Vella u l-Onor. Karmenu Vella huma paired ma’ l-Onor. Helen D’Amato, l-Onor. Michael Angelo Refalo u l-Onor. Edwin Vassallo.
VOTAZZJONI NRU. 27
FAVUR : 32
L-Onor.
Abela Carmelo
|
Farrugia Joe
|
Abela Joseph
|
Farrugia Michael
|
Agius Chris
|
Farrugia Noel
|
Attard Montalto John
|
Grech Edwin
|
Bartolo Evarist
|
Gulia Gavin
|
Borg Karmenu
|
Herrera Jose'
|
Brincat Leo
|
Mangion Charles
|
Buhagiar Charles
|
Mizzi Joe
|
Buhagiar Louis
|
Pace Bertu
|
Camilleri Maria
|
Portelli Alfred
|
Cardona Chris
|
Refalo Anton
|
Chircop Karl
|
Sant Alfred
|
Cilia Joe
|
Sceberras Trigona Alex
|
Dalli Helena
|
Schembri Adami Sandro
|
Debono Grech Joe
|
Spiteri Lino
|
Farrugia Anglu
|
Vassallo Adrian
|
KONTRA : 31
L-Onor.
Abela Tony
|
Galea Pace Victor
|
Agius Francis
|
Gatt Austin
|
Bonnici Josef
|
Gonzi Lawrence
|
Bonnici Michael
|
Hyzler George
|
Borg Joe
|
Mifsud Bonnici Antoine
|
Borg Tonio
|
Mugliett Jesmond
|
Cassar Joe
|
Muscat Claude
|
Dalli John
|
Muscat Richard
|
De Marco Guido
|
Psaila Savona Joe
|
Debono Giovanna
|
Pullicino George
|
Deguara Louis
|
Pullicino Orlando Jeffrey
|
Farrugia Jean Pierre
|
Tabone Anton
|
Fenech Adami Eddie
|
Vella John
|
Frendo Michael
|
Zammit Ninu
|
Galea Censu
|
Zammit Dimech Francis
|
Galea Louis
|
|
Il-mozzjoni għaddiet u l-Estimi ta' Dħul u Infiq tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għas-sena finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1996 sat-30 ta' Settembru 1997 ġew approvati.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.
Dostları ilə paylaş: |