Miżuri u Inizjattivi
Diġa' fissirt biżżejjed li l-qagħda ta’ żbilanċ finanzjarju strutturali qawwi li tħalliet tiżviluppa mill-amministrazzjoni ta’ qabel u li wiret dan il-gvern, żbilanċ li hu theddida serja għas-saħħa tal-pajjiż, trid tiġi indirizzata. Dan irid jibda jsir b’mod konkret u raġunat minnufih. Irid isir dan kemm biex ikollna xi dħul addizzjonali, kif ukoll biex infittxu fina nfusna ħalli nibdew ħerġin mill-qagħda li aħna fiha.
Għal dan il-għan se jkolli nħabbar għadd ta’ miżuri fiskali. Meħudin flimkien dawn iżidu xi ftit id-dħul u jnaqqsu l-iżbilanċ li kien proġettat bla ma jolqtu l-operat ekonomiku kritiku. Irrid ngħid ukoll li l-miżuri li se nħabbar, kif jidher mid-dettalji, fil-biċċa l-kbira għandu jkollhom ukoll ċerti impatti ambjentali mixtieqa u meħtieġa, u anki fuq aspetti ta’ saħħa.
Dawn ġew magħżula hekk apposta. It-tassazzjoni mhix biss mezz kif il-Gvern jiġbor il-flus. Hi wkoll mezz biex dak li jkun jiżen iżjed l-effett ta’ li jikkonsma hu fuq il-bqija tas-soċjeta', permezz tat-tniġġiż. Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jiġi aċċettat li min iniġġes għandu jħallas.
Il-Miżuri huma:
Waqt li t-taxxa għas-servizz tal-passiġġieri bl-ajru u bil-baħar li hemm inkorporata fil-biljett tas-safar se tibqa’ kif inhi, għal min jibda vjaġġ minn Malta qed nipproponi li tidħol levy ta’ Lm4 fuq kull biljett għal safar mill-1 ta’ Frar li ġej.
Id-dazji tas-sisa fuq l-ispirti u s-sigaretti nipproponi li jitilgħu b’mod li l-prezz ta’ l-ispirti jiżdied b’10 fil-mija filwaqt li pakkett sigaretti ta’ l-20, hu x’inhu d-daqs, jiżdied b’10ċ għall-konsumatur. Ir-rati l-ġodda tas-sisa huma b’effett minn għada.
B’effett minn għada wkoll dawk fuq il-petrol nipproponi li jitilgħu hekk li litru petrol normali jiġi jinbiegħ 30ċ (minn 26ċ4 issa), waqt li litru petrol bla ċomb jiġi jinbiegħ 27ċ5 (minn 25ċ3). B’hekk tikber ukoll id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ kwalitajiet minn 4.3 fil-mija bħalissa għal 9 fil-mija. Dan għandu jinkoraġġixxi iżjed l-użu tal-petrol bla ċomb. Is-sisa fuq id-diesel nipproponi li titla’ b’ċenteżmu l-litru, minn 16ċ5 għal 17ċ5.
Il-ħlas għar-Reġistrazzjoni fuq karozzi privati impurtati, minn għada se jinbidel skond iċ-ċilindraġġ kif ġej:
sa
|
1300cc
|
minn
|
48.5 %
|
għal
|
50.2%
|
minn
|
1301cc sa 1500cc
|
minn
|
48.5%
|
għal
|
52.7%
|
minn
|
1501cc sa 1800cc
|
minn
|
53.0%
|
għal
|
59.5%
|
minn
|
1801cc sa 2000cc
|
minn
|
53.0%
|
għal
|
64.5%
|
`l fuq minn
|
2000cc
|
minn
|
53.0%
|
għal
|
74.5%
|
Qed nipproponi wkoll li jinbidlu l-liċenzji annwali tal-karozzi privati u l-vetturi kummerċjali kif se ngħid:
Karozzi b’makni
sa
|
1300cc
|
Lm22
|
minn
|
1301cc sa 1500cc
|
Lm25
|
minn
|
1501cc sa 1800cc
|
Lm30
|
minn
|
1801cc sa 2000cc
|
Lm50
|
`l fuq minn
|
2000cc
|
Lm100
|
Vetturi kummerċjali
|
|
Lm30
|
Dawn ir-rati jibdew iseħħu mill-1 ta’ Frar 1997.
Rajna wkoll ir-rati tar-reġistrazzjoni ta’ pleasure crafts (tal-baħar) u l-liċenzja annwali tagħhom. Dawn ir-rati se jiġu kif se ngħid, ukoll b’effett mill-1 ta’ Frar 1997:
Dawk b’makna
|
|
Reġistrazzjoni
|
Liċenzja
|
taħt
|
10h.p.
|
Xejn
|
Xejn
|
fuq
|
10h.p. sa 25h.p.
|
Lm175
|
Lm15
|
fuq
|
25h.p. sa 50h.p.
|
Lm225
|
Lm20
|
fuq
|
50h.p. sa 75h.p.
|
Lm275
|
Lm30
|
fuq
|
75h.p. sa 150h.p.
|
Lm300
|
Lm40
|
fuq
|
150h.p.
|
Lm400
|
Lm50
|
Qabel inkompli, nixtieq infisser xi ħaġa dwar dawn il-bidliet li qed insemmi fir-rati tar-reġistrazzjoni u l-liċenzji. Bidliet bħal dawn m’hemmx għalfejn jitħabbru fid-diskors tal-Budget, għax jista’ joħroġ Avviż Legali. Xorta ħassejt li għandi nħabbar dawn il-bidliet hawnhekk ħalli dak li qed nipprovaw nagħmlu jkun ċar għal kulħadd.
Sadattant, ir-rati ġodda jikkonfermaw il-mira li tassew jitqies iżjed il-fattur ambjentali, u jibda jidher iktar ċar il-prinċipju li min iniġġes l-ambjent, jew jagħmel użu relattivament iżjed qawwi mir-riżorsi pubbliċi, bħat-toroq, għandu jagħti lis-soċjeta` xi kumpens.
Bdejt inħares ukoll lejn l-oqsma fejn il-kaxxa pubblika qiegħda toħroġ sussidji, indirettament permezz tas-sovvenzjonijiet li tagħti lill-korporazzjonijiet jew awtoritajiet pubbliċi. Dawn huma sussidji li wieħed irid jgħarbilhom aħjar ħalli jara x’ġustifikazzjoni soċjali jew ekonomika għad hemm għalihom. F’dan il-kontest, jolqtok il-konsum tal-pitrolju, u ta’ l-ilma wżat minn dawk li jibbottiljaw, il-banek u l-Air Malta, u s-settur parastatali.
Il-pitrolju hu sussidjat b’mod esaġerat meta tqis li l-użu soċjali tiegħu naqas sewwa. Ilu minn Jannar ta’ l-1987 jinbiegħ 7c8 il-litru meta l-kost kurrenti biex tipproduċih l-Enemalta hu stmat li jilħaq 12ċ8. Hemm x’jindika li s-sussidju fuq il-pitrolju qed jittieħed l-iktar minn uħud li - b’mod abbużiv, u bi ħsara ambjentali - jużaw dan il-prodott minflok id-diesel.
Minħabba f’dan il-konsum illegali s-sussidju fuq il-pitrolju jiswa lill-Enemalta mal-miljun lira fis-sena. Dan m’għandux ikun. Fl-istess ħin, jekk inġibu l-prezz tal-pitrolju f’pass wieħed fil-livell li għandu jkun, jintlaqtu l-iktar in-nies - li l-għadd tagħhom mhux identifikat - li għadhom jużawh għal ħtiġiet bażiċi.
Għalhekk l-aġġustament meħtieġ se nħarsu lejh gradwalment. B’effett immedjat il-prezz tal-pitrolju se jsir 10ċ l-litru, waqt li sadattant nippruvaw nidentifikaw aħjar il-pattern tal-konsum mil-lat soċjali.
Sussidju qawwi hu dak ta’ l-ilma li tieħu l-industrija ta’ l-ibbottiljar mingħand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Apparti volum bir-rata industrijali ta’ 4ċ5, l-industrija tikseb il-ħtiġiet tagħha b’rata ta’ 12ċ l-metru kubu, biex b’hekk tassorbi sussidju stmat għal Lm400,000 fis-sena.
Din il-qagħda trid tiġi indirizzata u l-Kabinett tal-Gvern ta’ qabel ilu sew li kellu proposti dettaljati biex jagħmel dan, iżda baqa’ ma għamel xejn. Aħna se nagħmlu, iżda b’mod li l-industrija jkollha żmien tassorbi ċ-ċaqlieq meħtieġ u anki taħseb għal sorsi alternattivi fejn tista’, u mhux billi ngħollulha l-prodott għal-livell propju f’daqqa waħda. Bħala l-ewwel pass, il-prezz għal dan is-settur minn din is-sena se jitla’ għal 25ċ l-metru kubu. Meta tqis li l-kontenut ta’ l-ilma bħala materja prima fl-ibbottiljar huwa tabilħaqq minimu, ma nistenniex li għandu jkun hemm impatt fuq il-prezzijiet għall-konsumatur. Sadattant, inkunu bdejna nindirizzaw qagħda oħra li żgur ma tiġix maħlula billi sempliċement nibqgħu ninjorawha.
F’dan il-qasam sibt ukoll li l-banek, l-Air Malta, xi korporazzjonijiet parastatali u xi awtoritajiet pubbliċi jieħdu l-ilma bit-tariffa sussidjata ta’ 4ċ5 il-metru kubu, minkejja li l-Gvern stess beda jħallas bl-ogħla rata ta’ 75ċ. Minn din is-sena, ir-rata għal dawn kollha se titla’ wkoll għal 75ċ. B’hekk, fost aspetti oħra, għandu jkun hemm anki f’dawn l-oqsma konoxxenza aħjar tal-kost u b’hekk użu iżjed ekonomiku ta’ dal-prodott hekk essenzjali.
Tajjeb li nfakkar li l-produzzjoni ta’ l-ilma għax-xorb tqum ħafna iżjed minn din it-tariffa ta’ 75ċ u li ank3 hawn, apparti problemi ta’ distribuzzjoni, hawn ħafna ħala, u ġieli agħar. Ikun xieraq li kulħadd jagħraf li, waqt li l-ilma għandu kontenut soċjali, min jabbuża fl-użu tiegħu altru li ma jkunx iqiegħed liċ-ċittadin l-ewwel jew jgħin biex noħorġu bil-galbu mill-qagħda li sibna f’dan is-settur ukoll.
Diġa' tkellimt dwar il-Posta Ltd. Din il-kumpannija kienet qed titħalla wkoll f’qagħda finanzjarja fejn hu meħtieġ li jittieħdu miżuri korrettivi. Infatti kienu diġa' saru proposti lill-amministrazzjoni ta’ qabel biex tirrevedi r-rati tal-posta. Kien sar pass u issa jrid isir ieħor. Filwaqt li Posta Ltd xorta trid tfittex kif tirrazzjonaliżża iżjed is-servizzi tagħha u kif tikseb l-aħjar għal dak li tonfoq, ir-rati tas-servizzi postali se jiġu riveduti mill-1 ta’ Frar 1997 billi l-pustaġġ lokali se jiżdied b’1ċ u dak għal barra b’2ċ.
Impatt fuq l-GĦoli tal-Ħajja
Dan il-pakkett ta’ miżuri fiskali li ħabbart għandu jirrendi madwar Lm14-il miljun f’sena sħiħa. Billi wħud mill-miżuri ma jkunux għal 12-il xahar, u minħabba li jaf ikun hemm tnaqqis fil-konsum fejn jolqtu, għall-finijiet ta’ Dħul qed nieħu in konsiderazzjoni somma ta’ Lm12-il miljun. B’hekk jibda jixxellef l-iżbilanċ għal din is-sena. Dawn il-miżuri ftit li xejn jolqtu l-konsum essenzjali. Għalhekk huma mistennija jkollhom impatt negliġibbli fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Lanqas ma għandhom jgħollu l-ispiża tal-produzzjoni.
Dwar l-impatt pożittiv li dawn il-miżuri għandu jkollhom fuq l-ambjent, naħseb li hu ċar biżżejjed li pajjiżna ma jistax jibqa’ jżid in-numru ta’ karozzi fit-triq bil-mod li għamel f’dawn l-aħħar snin. Id-dritt ta’ l-għażla ta’ dak li jkun, waqt li nisħqu li għandu jkun hemm, irid ikun bilanċjat mad-dritt taċ-ċittadini kollha li t-tniġġiż ta’ l-ambjent jibda jiġi mrażżan, li l-pressjoni fuq it-triqat tagħna u l-konġestjoni fl-ibliet u l-irħula tibda tiġi indirizzata.
Jekk dan l-għarfien ikun hemm u d-dħul tal-gvern ikun anqas minn dak proġettat, il-kost għall-gvern ikun benefiċċju għas-soċjeta'.
L-istess ngħid dwar is-sigaretti, jekk l-effett taż-żieda fil-prezz tagħhom twassal biex ikun hemm inqas tipjip, u b’hekk inqas mid-dħul mistenni. Għax b’hekk ikun hemm gwadann personali għal dawk li jnaqqsu mit-tipjip jew jitħajru ma jpejpux. Dan ikun ta’ ġid għall-individwu u, fl-aħħar mill-aħħar, għas-saħħa tas-soċjeta' kollha.
Tisħiħ tan-Nefqa Pubblika
Bħala parti mill-programm li jrid isir biex nissanaw il-qagħda finanzjarja, ma rridux nistrieħu fuq id-Dħul biss. Irridu nagħmlu minn kollox biex inrażżnu b’mod sensibbli u ma nħallux tibqa’ taħrab in-Nefqa Pubblika. Waqt li m’għandniex inwaqqfu dak li għandu jitkompla, u ma rridux noqogħdu lura milli nikkonsidraw u nibdew inizjattivi meħtieġa, irridu naraw li n-Nefqa tibda, b’mod meqjus u marbut mar-ritmu ekonomiku, issir iżjed konsonanti ma’ dak li jiflaħ jiffinanzja d-dħul tas-settur pubbliku.
Dan se jkun megħjun aħjar bit-twaqqif ta’ Forum għal Ekonomija Aħjar, li se jieħu post il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku. Wasal iż-żmien li, f’dik li hi gwida ekonomika, nersqu lejn mudell ġdid, anki billi nitgħallmu minn kif mexa 'l fuq il-Kunsill innifsu.
Din ma tkunx biss bidla fl-isem iżda wkoll fil-funzjonijiet li jeħtieġ il-pajjiż. Il-Gvern Laburista jtenni li jixtieq u jħeġġeġ li s-settur privat ikun hu l-mutur dinamiku ta’ l-ekonomija tagħna u t-tiġdid kontinwu tagħha, bil-Gvern joffri l-gwida u għajnuna meħtieġa minnu.
Il-Forum ikollu chairperson mis-settur privat u segretarjat eżekuttiv, rappreżentanti ta’ l-operaturi ekonomiċi, tat-trejdunjins, tal-konsumaturi, ta’ edukaturi, ta’ għaqdiet professjonali u oħrajn, u tas-settur pubbliku. Huwa jkun jista’, permezz ta’ konsultazzjonijiet u djalogu kontinwu u flessibbli, jikkontribwixxi b’mod ewlieni għall-ħarsien serju ta’ l-ekonomija. Ikun jista’ jirsisti biex il-problemi - bħall-Welfare Gap illum u iżjed u iżjed għal li ġej - kemm jista’ jkun jiġu antiċipati u mhux jilħqu jiġu fuqna u jkollna nirreaġixxu għalihom.
Il-Forum ikun ukoll inkarigat jieħu sehem sħiħ fit-tfassil ta’ Pjan għal Ekonomija Aħjar, li jista’ jkun strument ewlieni għal din il-linja makro-ekonomika (indirizzata lejn l-ekonomija s-sħiħa), li f’pajjiżna għadha tiddependi ħafna fuq Nefqa Pubblika sana u koordinata. Il-Forum ikun jista’ jiffoka wkoll fuq prijoritajiet mikro-ekonomiċi fid-diversi setturi ta’ dik l-ekonomija.
Skond l-għan primarju li nistabbilizzaw u nissanaw il-finanzi pubbliċi, mhux l-inqas biex inħarsu l-livell tal-prezzijiet, il-ministri qegħdin jintalbu jieħdu passi gradwali biex itejbu l-effiċjenza ta’ l-operati responsabbli minnhom bħala parti mill-pjan ta’ stabbilizzazzjoni.
Anki biex dan ikun jista’ jseħħ, in-Nefqa Pubblika trid tibda ssir b’mod iżjed trasparenti u b’kontabilita' sħiħa mill-ministeri li jonfqu. Se ssir reviżjoni mill-ġdid tar-Regolamenti ta’ l-Akkwist, fuq bażi ta’ pariri tekniċi, u se jiġu estiżi għas-settur pubbliku kollu. Se jkun hemm tisħiħ ta’ kontrolli interni fil-livelli ta’ fejn isir l-infiq, u wkoll - kif ġa għidt - sorveljanza minn Unit apposta fil-Ministeru responsabbli mill-Finanzi.
Dawn l-isforzi min-naħa ta’ l-Eżekuttiv għandhom ikunu kontrapuntati mit-tisħiħ ta’ l-indipendenza u r-riżorsi ta’ l-Awditur Pubbliku u l-Uffiċċju tiegħu, u tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex is-sorveljanza u kontroll tal-Parlament ikunu iżjed qawwija u diretti.
Iċ-ċittadin, bħala l-konsumatur ta’ dak li tiffinanzja din in-Nefqa, għandu jagħmel sehmu wkoll, mhux l-inqas billi jiddomanda u jara li jkun moqdi tajjeb.
Għal Dħul Iżjed Serju
Mill-banda l-oħra, id-Dħul dovut lill-gvern u l-bqija tas-settur pubbliku, ħalli jkunu jistgħu jaqdu liċ-ċittadin, irid jinġabar. B’mod dixxiplinat, fejn min għandu jagħti, jagħti. Dan jgħin ukoll ħalli min għandu jieħu mingħand il-gvern, ikun jista’ jiġi mħallas.
Id-Dħul sħiħ tal-gvern irid jinġabar aħjar fost kollox bit-tnissil tal-kultura tal-Moralita' Fiskali. Barra minn hekk, id-Dħul dovut irid jinġabar sewwa b’infurzar aħjar.
Il-ġbir ta’ dak li hu dovut lill-gvern, għandu jiġi sostnut mill-ħolqien ta’ kultura ta’ Moralita' Fiskali jekk ilkoll nikkontribwixxu bis-serjeta' għaliha. Bħala mezz biex tinkoraġġixxi dan se nwaqqfu Kummissjoni għall-Moralita' Fiskali. Din tkun mekkaniżmu ta’ ħarsien miċ-ċittadin, permezz ta’ nies l-iżjed mill-Media, il-unions u s-sidien, biex teduka u tfiehem li l-ħlas tat-taxxi hu dmir li jrid jitwettaq fl-interess ta’ kulħadd. Intenni illi jekk tikber il-Moralita' Fiskali jfisser li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jkun possibbli li jiffranka ċ-ċittadin, billi jiġi żmien meta l-piż ġenerali tat-taxxi jkun jista’ jitħaffef b’responsabbilta'.
Waqt li nfittxu li noħolqu din il-kultura, il-ġbir ta’ dak dovut lill-gvern irid ikun sostnut ukoll b’infurzar iżjed qawwi, iktar iffokat.
Dan irid isir minn kull ministeru responsabbli minn xi Dħul tal-gvern, kemm ta’ taxxi, ħlasijiet, multi u penali. Dak li hu legalment dovut, irid jinġabar, u fejn hemm arretrati - bħal fuq l-Income Tax u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma - irid isir sforz partikolari. Ikun hemm ukoll sorveljanza minn Unit ieħor apposta fil-Ministeru responsabbli mill-Finanzi.
GĦidt diġa' wkoll li 'l quddiem nesploraw it-twaqqif ta’ Aġenzija Fiskali li tista’ tkun il-mekkaniżmu fokali li jikkoordina d-Dħul u l-Ħruġ pubbliku, waqt li dejjem tibqa’ s-sorveljanza sovrana tal-Parlament bil-mekkaniżmi tiegħu.
Barra minn hekk se nikkonsidraw tibdiliet leġislattivi biex l-evażjoni tat-taxxa - li hi serq soċjali - tkun meqjusa reat kriminali, u għalhekk punibbli hi wkoll bil-penalijiet kollha taħt il-liġi kriminali. Għal dan l-għan isiru emendi jew leġislazzjoni neċessarji.
Il-ħsieb ta’ dawn it-tibdiliet ikunu li, l-ewwel inħallu perijodu xieraq biex il-gvern, il-Kummissjoni għall-Moralita` Fiskali u kull min jixtieq jikkontribwixxi għal din il-mira, jgħinu u jaħdmu biex joħolqu kuxjenza u jissensibilizzaw iżjed nies dwar il-ħtieġa ta’ Moralita' Fiskali. Imbagħad it-tibdiliet leġislattivi jkunu jistgħu jidħlu in vigore bħala deterrent mill-iżjed ċar għal min jibqa’ jrid jevadi t-taxxi.
Dan kollu għandu jgħin biex, fuq firxa ta’ ftit snin, jibda jidher effett ċar fid-Dħul u, flimkien ma’ Nefqa Pubblika iżjed serja, effiċjenti u effettiva, jimpattja fuq l-iżbilanċ finanzjarju ħalli l-problema tinħall b’mod sensibbli li jgħin ukoll biex il-pajjiż jimxi aħjar.
Kumpens għall-GĦoli tal-Ħajja
Fit-12-il xahar sa Settembru, skond kif jirriżulta lill-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku bil-metodi stabbiliti tiegħu, l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut indika żieda b’kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ Lm1.50 fil-ġimgħa. Din se tkun iż-żieda statutorja b’effett mill-1 ta’ dan ix-xahar. Fl-istess ħin il-unions komplew isostnu n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħhom dwar kif l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut taħt is-sistema ta’ issa jirrifletti l-għoli tal-ħajja.
B’għarfien ta’ dan il-punt, iż-żieda b’kumpens għall-għoli tal-ħajja se tkun awmentata fuq dak li rrifletta l-Indiċi, b’żieda statutorja oħra ta’ 25c fil-ġimgħa, b’effett mill-bidu ta’ April li ġej.
Dan l-awment se jsir fil-kontest waqt li diġa' nbeda l-proċess għal bidla f’dan il-qasam, kif ilna nipproponu u kif ippronew ukoll il-unions. Waqqaft Task Unit tekniku li beda jgħarbel dwar kif għandu jkollna Istitut ta’ l-Istatistika li jaħdem b’mod indipendenti mill-gvern tal-ġurnata fil-ġbir ta’ l-Istatistika u l-kejl ta’ l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Fost kollox it-twaqqif ta’ dan l-Istitut għandu jgħin ukoll biex ikun hemm għarfien ċar li dan ix-xogħol ikun qed isir bl-iżjed mod oġġettiv u trasparenti possibbli. L-għan hu li dan l-Istitut ikun jirrapporta direttament lill-Parlament, permezz ta’ l-iSpeaker. 'Il quddiem l-imsieħba soċjali jiġu mgħarrfa iżjed bix-xogħol tat-Task Unit ħalli jibdew il-konsultazzjonijiet meħtieġa dwar kif l-aħjar niżviluppaw iżjed u nimplimentaw din l-idea. Waqt li tibqa’ l-ħtieġa li jkun hemm żieda statutorja b’kumpens għall-għoli tal-ħajja, din tkun skond kif joħroġ mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut maħruġ minn dan l-Istitut.
Fl-istess ħin, għandu jkun intensifikat bl-akbar serjeta' l-isforz biex għoli bħal dan ikun imrażżan kemm jista’ jkun mill-forzi tas-suq permezz ta’ kompetizzjoni vera u ġusta. Irrid ngħid f’dan il-kontest li għal din is-sena l-indikazzjonijiet s’issa huma li l-prezzijiet fl-Unjoni Ewropea, mnejn nimportaw il-biċċa l-kbira tal-prodotti għall-konsum tagħna, mistennija jkunu stabbli. Jekk tassew ikun hawn kompetizzjoni ħielsa, vera u ġusta fis-swieq tagħna, jekk ir-riforma li rridu nagħmlu fit-taxxi indiretti matul is-sena jkollha l-effetti mistennija, dan għandu jnissel ċertu rażan fuq l-għoli tal-ħajja matul l-1997.
Ikun xieraq, fil-kontest ta’ dan kollu, fil-kontest tal-qagħda tal-pajjiż, tal-ħtieġa fundamentali li nżommu l-kompetittivita' internazzjonali, li kulħadd juri għaqal meta jkun hemm negozjar għal ftehim kollettivi ġodda, u fil-produzzjoni ta’ kuljum tal-prodotti u s-servizzi li bihom, bħala poplu u bħala pajjiż, irridu naqilgħu l-għajxien tagħna fis-swieq internazzjonali fejn il-kwalita' u l-kompetittivita' huma kollox. Il-produttivita' miksuba b’teknoloġija, riżorsi umani mħarrġa u stmati u management tajjeb, hi fl-aħħar mill-aħħar il-bażi fuqiex irridu nibnu.
Miżuri Soċjali
Jinftiehem mill-ewwel li l-ispazju għal miżuri fil-qasam soċjali hu ristrett mill-qagħda finanzjarja. Dak li mhux possibbli, ma għandux jiġi moħbi, inkella nkunu qegħdin sempliċiment nirrepetu l-iżbalji ta’ l-imgħoddi u nsostnu l-kultura stabbilita flok infittxu li nibdluha.
Fl-istess ħin, anki fil-kontest tar-rassa tal-qagħda finanzjarja, ser inħabbar xi miżuri, waqt li nirsistu biex jaslu kmieni kemm jista’ jkun il-kondizzjonijiet li jħalluna ntejbu iżjed il-qagħda, ngħidu aħna, tal-pensjonanti fir-rigward ta’ kumpens meta togħla l-ħajja.
Sadanittant, iż-żidiet li semmejt b’kumpens għall-għoli tal-ħajja ser ikunu riflessi bi proporzjon stabbilit fil-liġi tas-Sigurta' Soċjali fuq il-pensjonijiet u l-għajnuna soċjali.
Mill-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena se nibdew l-ewwel fażi biex nies li, għax igawdu minn pensjoni tas-Servizzi Ingliżi, isirilhom tnaqqis mill-pensjoni dovuta lilhom skond il-Liġi dwar is-Sigurta’ Soċjali, jibdew jieħdu din il-pensjoni sħiħa. Miżuri oħra diġa' mibdija biex ċerti pensjonijiet ikunu miżjudin gradatament, ikomplu.
Il-gvern se jiffinalizza inizjattiva mibdija taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel biex jinxtara post fin-naħa t’isfel ta’ Malta ħalli jservi ta’ Ċentru ta’ Taħriġ għall-Adulti, maħsub biex jiftaħ l-ispazju għal nies b’diżabilita', f’kontest ta’ iżjed enfasi tal-ħtieġa li dawn ħutna li jistgħu jaħdmu jkollhom spazju biex jagħmlu dan. F’dan il-l-qasam, irridu wkoll nagħtu ħarsa iżjed wiesa’ b’żieda ma’ xogħol fejjiedi li diġa' sar.
Skond rikmandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita' qed nagħmel ukoll allokazzjoni kapitali biex jitwaqqaf Accessability Unit - li jaħdem ħalli dipartimenti pubbliċi li jintużaw ħafna mill-pubbliku jsiru iżjed aċċessibbli għal persuni li għandhom problemi ta’ mobilita'. Skond l-istess rikmandazzjoni, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni wkoll se jibda xogħol simili fl-iskejjel tal-Gvern.
Se nipproponi wkoll allokazzjoni ħalli minnha jkunu jistgħu jiġu megħjuna djar jew istituzzjonijiet speċjali mmexxija mhux fuq bażi kummerċjali minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Nixtieq nagħmilha ċara li b’hekk il-gvern mhux beħsiebu jidħol minflok dawk li jieħdu ħsieb it-tmexxija u l-iffinanzjar ta’ dawn l-oqsma, u li dan l-ammont ma għandux jiġi meqjus bħala wieħed li jibda kulma jmur jiżdied. L-għan hu għajnuna limitata, u mhux it-twarrib tal-volontarjat jew servizzi mogħtija barra l-qasam governattiv, li hu tajjeb li jibqa’ jkun kumplimentat minn inizjattivi minn setturi b’kuxjenza soċjali.
Inizjattivi
Din is-sena wkoll se ninizjaw it-twettiq ta’ proposti oħra fil-programm Laburista.
Se jingħata bidu biex il-maġistratura tissaħħaħ b’poteri investigattivi u b’riżorsi meħtieġa li jkunu indipendenti mill-Pulizija. Dan biex tkun tista’ tgħasses is-settur pubbliku u l-partiti politiċi, u każi fejn ikun hemm ħjiel jew rapporti ta’ abbuż, jew nuqqas apposta, mill-pulizija.
Biex ikun hemm verifika ta’ kif ikunu qegħdin jitmexxew u jingħataw is-servizzi soċjali, jitwaqqaf Unit għall-Awditjar Soċjali. Isiru wkoll tħejjijiet għat-twaqqif ta’ Kummissjoni biex tistħarreġ id-drittijiet soċjali ta’ nies impjegati għal rashom.
F’kontest ta’ attenzjoni għar-riżorsi li nikkommettu, u b’mod li mill-bidunett ikun hemm għarfien tal-ħtieġa li niksbu valur ta’ li nonfqu, qiegħed nipproponi wkoll allokazzjonijiet biex jinbdew inizjattivi li, waqt li mhux għal kollox ekonomiċi jew soċjali, għandhom rabtiet intrinsiċi maż-żewġ setturi u jistgħu anki jissejħu investiment nazzjonali.
Biex tingħata iżjed tifsira lill-mandat li ċ-Ċittadin ikun l-Ewwel, hu meħtieġ li ċ-ċittadin ikun jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-gvern u kif jista’ jiksibhom. Għal dan l-għan se jibda t-twaqqif ta’ Aġenzija għaċ-Ċittadin. Din l-Aġenzija jkollha l-inkarigu li twettaq il-prinċipju li jrid iniedi l-Gvern Laburista ta’ tfassil ta’ Charter jew Charters taċ-Cittadin li, b’mod kemm jista’ jkun ċar, ikun gwida għal kulħadd, kemm għaċ-ċittadin innifsu, kif ukoll għal kull min hu obbligat li jaqdih fis-settur pubbliku.
Fil-kontest ta’ kulma qegħdin nagħmlu l-identita' tagħna tibqa’ valur essenzjali li għandna dejjem infittxu li nħarsuh u nkabbruh. Forsi l-aqwa turija ta’ l-identita' tagħna bħala Maltin hi l-wirt kulturali tagħna, imsejjes fuq l-Ilsien Malti. Bħala kontribut għal din il-mira se nipprovdu biex nibdew naħsbu ħalli nwaqqfu Fondazzjoni Wirt Malta, bħala organu mhux statali, biex barra li tikkoordina l-ħidma li qiegħda ssir fil-qasam kulturali tniedi strateġiji ġodda ħalli jkabbruh u jtejbuh. Din tifrex ukoll lejn dawk il-Maltin li għal raġuni jew oħra emigraw minn pajjiżna, li jibqgħu ħutna u għandu jinżamm kuntatt organiku magħhom, bil-għan li tippromwovi l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi li jkunu ta’ interess għall-iżvilupp taċ-ċivilta' Maltija fil-komunitajiet barranin.
Wieħed mill-mezzi moderni biex il-kultura tagħna tespandi billi jkollna poplu mgħarraf oġġettivament, offrut kontributi u divertiment ta’ kwalita', hu x-xandir. F’era ta’ pluraliżmu f’dan il-qasam, hu iżjed u iżjed importanti li l-mezzi li s-sid tagħhom hu l-poplu kollu permezz tal-PBS Ltd, joffru lil dak il-poplu l-aħjar servizz possibbli, f’kompetizzjoni pożittiva u dinamika mal-mezzi l-oħra. Kif hu magħruf, dan l-aħħar fil-PBS Ltd saru tibdiliet maħsuba biex isaħħuha. Biex il-kumpannija tkun tista' u tibda era ġdida b’kuraġġ, pendenzi li huma dovuti lill-gvern se jiġu kapitalizzati (isiru ishma). B’hekk il-PBS ikollha bażi aħjar fuqhiex taħdem, bil-għan li tagħti l-aħjar servizz professjonali possibbli.
Bħalissa għandna qagħda fejn, fost l-attivitajiet li ilhom isiru f’artna b’mod illegali hemm il-logħob hekk imsejjaħ tal-pools. Se nitlob lid-Direttur tal-Lottu Pubbliku biex, b’konsultazzjoni xierqa, jeżamina hux il-każ li għandha tidħol forma ta’ pools taħt l-awspiċi tal-gvern. Jekk issir, ma jkunx l-għan li l-introjtu nett eventwali jmur kollu għand il-gvern. Il-ħsieb ikun li jiġi megħjun aħjar l-isport f’Malta, anki b’mod li ninċentivaw iżjed żgħażagħ għalih.
Dostları ilə paylaş: |