ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Dikjarazzjonijiet magħmula minn Ministri u Segretarji Parlamentari skond paragrafi 48 u 49 tal-Kodiċi ta' l-Etika għas-sena 1996;
Rapport tal-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs għas-sena 1996;
Informazzjoni dwar qbid ta' droga mill-forzi ta' l-ordni matul l-1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 423;
Tabella li turi kif kienu l-ħatriet fuq bordijiet/kummissjonijiet tal-Gvern qabel it-28 ta' Otturbu 1996 u wara t-28 ta' Ottubru 1996, maqsuma bejn nisa u rġiel, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 451;
Informazzjoni dwar nies li daħlu jaħdmu fis-Servizz Pubbliku f'Novembru 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 455; u
Kopja tal-kuntratt li għandu Dr George Abela bħala konsulent personali tal-Prim Ministru, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 545.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 208 ta’ l-1996 - Regolamenti ta’ l-1996 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Drittijiet għal Liċenza fl-Att dwar Servizzi ta’ Investiment.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar skejjel f'Malta u Għawdex u l-faċilitajiet sportivi li għandhom, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 497; u
Informazzjoni dwar żjarat minn żgħażagħ barranin f'Malta matul is-sena 1996 organizzati mill-Youth Service Organisation fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 540.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 206 ta’ l-1996 - Regolamenti ta’ l-1996 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Kunserva tat-Tadam u l-Kontroll fil-Bejgħ tat-Tadam li jkun se jinħadem;
Lista ta' substations u distribution centres tal-Korporazzjoni Enemalta li ġew kummissjonati minn Mejju 1987 sa l-aħħar ta' Novembru 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 529; u
Lista ta' dwar inġiniera mal-Korporazzjoni Enemalta maqsuma skond il-grad, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 531.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 204 ta’ l-1996 - Ordni ta’ l-1996 dwar Delegazzjoni ta’ Funzjoni lil Kunsilli Lokali (Liċenzi tal-Pulizija); u
Avviż Legali Nru 205 ta’ l-1996 - Regolamenti ta’ l-1996 dwar l-Emenda ta’ l-Ewwel Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Emenda Nru 3).
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Soeaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tad-diskors li għamilt jien fil-Euro-Mediterranean Conference on Local Water Management li saret f'Marsilja, Franza, f'Novembru 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 716;
u f'isem il-Ministru għat-Trasport u Portijiet inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 203 ta’ l-1996 - Civil Aviation (Route Charges for Navigation Services) (Amendment) (No. 2) Regulations, 1996.
Estimi ta' Dħul u Nfiq ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta għas-sena finanzjarja 1996/1997;
Report and Accounts ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta għall-perijodu li għalaq fit-30 ta' Settembru 1996; u
Rapport Annwali ta' l-Awtorita' Marittima għas-sena 1995/1996.
Kopji ta' dawn ir-rapporti se jitqassmu lill-Onor. Membri.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar nurses mal-Gvern li m’humiex jagħmlu xogħol ta’ nurses, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 463; u
Lista ta' mediċini li ilhom nieqsa mill-Medical Stores mis-16 ta' Diċembru 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 465.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 207 ta’ l-1996 - Ordni ta’ l-1996 dwar l-Awtorita’ tad-Djar (Trasferiment ta’ Proprjeta’) (Nru. 7); u
Kopja tal-kuntratt li Dr Stefan Buontempo għandu bħala adviser mal-Ministeru tad-Djar, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 685.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet.
MOZZJONIJIET MOZZJONI BIEX IL-KAMRA TMUR F'KUMITAT TA' PROVVISTA GĦALL-KONSIDERAZZJONI TA' L-ESTIMI ĠENERALI TA' SPIŻA GĦAS-SENA 1997
MADAM SPEAKER: Bis-saħħa tal-ftehim milħuq fis-17 ta’ Diċembru, 1996 fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, nistieden lill-impjegati tal-Public Broadcasting Services jidħlu fil-Kamra sabiex jittrasmettu dirett fuq it-televiżjoni d-diskors tal-Budget.
L-impjegati tal-PBS daħlu fil-Kamra u bdew jaqdu d-dmirijiet tagħhom.
MADAM SPEAKER: Skond il-Mozzjoni Nru. 26 ta’ l-14 ta’ Diċembru, 1996 id-diskors kollu tal-Budget kien eżenti mil-limitu ta' ħin għad-diskussjoni (Ordni Permanenti 49) u mill-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol (Ordni Permanenti 9).
Il-Ministru tal-Finanzi.
ONOR. LINO SPITERI: Madam Speaker, għandi messaġġ mill-President ta' Malta.
MADAM SPEAKER: Se naqra l-messaġġ tal-President:
UGO MIFSUD BONNICI
PRESIDENT
Il-President jirrakkomanda lill-Kamra tad-Deputati n-nefqa mill-Fond Konsolidat ta' somma ta' mhux aktar minn erba' mija u tliet miljuni, disa' mija u seba' u ħamsin elf, mija u wieħed u ħamsin liri Maltin (Lm403,957,151) kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali għall-1997.
Il-President jirrakkomanda wkoll l-Att ta' Approprjazzjoni meħtieġ.
13 ta' Jannar 1997
ONOR. LINO SPITERI: Sinjura President, nipproponi li l-Kamra tirrisolvi ruħha f’Kumitat ta’ Provvista biex tikkonsidra l-Estimi Ġenerali ta’ l-Infiq għas-sena finanzjarja 1997.
Dan huwa l-ewwel Budget tal-Gvern Laburista li ngħata mandat popolari fl-elezzjoni tas-26 ta' Ottubru, 1996. Il-mandat kien wieħed ċar. Fis-sempliċita' tiegħu - jiġifieri, li ċ-Ċittadin għandu jiġi l-Ewwel - kien ukoll wieħed profond. Il-ħidma tal-Gvern Laburista trid tkun ibbażata dejjem u bla eċċezzjoni fuq dan il-prinċipju fundamentali.
Għax f’soċjeta' demokratika u miftuħa, hu ċ-ċittadin li huwa l-pern ta’ kollox. Bħala d-determinant tal-proċess demokratiku. Bħala ħaddiem. Bħala sid. Bħala produttur. Bħala konsumatur. Bħala l-bniedem li jeħtieġ u jistenna servizzi pubbliċi, tajba u pprovduti b’mod effiċjenti u ta’ l-aħjar valur, mingħand il-gvern tal-ġurnata. Servizzi li fuq kollox iħallas għalihom hu stess bit-taxxi, f’forma jew oħra, u bil-piż tas-self pubbliku li jġorr.
Hu ċ-ċittadin li jibqa’ hemm dejjem, jitbiddlu kemm jitbiddlu l-gvernijiet minn żmien għall-żmien.
Ċentru ta’ sliem
Il-mira tal-Gvern hi li jqiegħed liċ-ċittadin l-ewwel billi, bl-għajnuna ta’ l-istess ċittadin permezz tar-rappreżentanti tiegħu fid-diversi oqsma tal-ħajja, u bil-għan li dan ikun dejjem għall-ġid tiegħu, jagħmel minn Malta ċentru ta’ sliem u eċċellenza fil-Mediterran. Waqt li Malta żżomm il-valuri għoljin u l-identita` li jagħmluha dak li hi, il-Gvern Laburista jrid, bħala l-ewwel prijorita', ifittex relazzjonijiet eqreb u iżjed effettivi ma’ l-Unjoni Ewropea u jisfrutta b’mod pożittiv id-dimensjoni Mediterranja tagħna.
Dan infittxu li nagħmluh fis-sens li permezz tal-vantaġġi li tagħtiha n-newtralita' tagħha, permezz ta’ l-impenn invijolabbli li Malta tikkontribwixxi biex tintlaħaq u tirrenja l-paċi fir-reġjun u lil hinn minnu - ngħixu fis-sliem mal-ġirien tagħna. Fis-sens li dejjem infittxu li nkattru iżjed il-valuri bażiċi ta’ ġustizzja, ħniena u solidarjeta'. Fis-sens li npoġġu x-xogħol produttiv għal kull min irid u jiflaħ jaħdem - miksub permezz ta’ investiment għaqli, permezz ta’ kompetittivita' u kwalita' - bħala l-mira ekonomika ewlenija tagħha.
X’inhi l-qagħda
Fil-kontest ta’ dan kollu u tal-mandat li ngħata, l-ewwel ħaġa li ħtieġlu jagħmel il-gvern wara l-elezzjoni ta’ Ottubru kienet li jara u jgħarbel x’tassew kienet il-qagħda li wiret mingħand l-amministrazzjoni ta’ qabel.
X’kienet tabilħaqq il-qagħda ekonomika ġenerali kienu ilhom jgħidu l-operaturi ekonomiċi stess. Għal raġunijiet li ma qisux l-interess nazzjonali, il-gvern ta’ qabel ma tax widen xieraq lil dawn l-operaturi. Flok għamel sforzi serji biex tkun magħrufa r-realta' ħalli, jekk u fejn ikun meħtieġ, jittieħdu miżuri korrettivi, il-gvern intilef ipinġi bla heda kollox sabiħ u perfett. Fl-istess ħin, ħela snin jitlob sħubija fl-Unjoni Ewropea, jgħaġġel biex jantiċipa dak li għad xi darba tistenna minnu l-Unjoni, u fil-proċess iġġenera inċertezzi bla ma kiseb riżultati konkreti.
Il-Gvern Laburista sab li l-problemi ekonomiċi m'humiex indirizzati kienu jinkludu xejra ta’ qgħad li kienet ilha sew li reġgħet qabdet it-telgħa, impatti negattivi fuq il-prezzijiet, settur turistiku jixxengel u settur tal-manifattura inkwetat. Sab żbilanċi qegħdin jikbru fil-kummerċ u l-pagamenti ma’ barra, u wkoll telf qawwi ta’ riżervi barranin mis-sistema bankarja.
Biex inkunu ċari għall-aħħar, nirreġistra li dawn ix-xejriet ilhom sejrin mas-sentejn, u mhux fiġġew f’dawn l-aħħar xahrejn.
Fuq kollox, l-amministrazzjoni ta’ qabel żammet lura milli turi f’liema qagħda finanzjarja wasslet lis-settur pubbliku, jiġifieri kemm dik il-parti tiegħu magħmula mill-gvern ċentrali, kif ukoll dik magħmula mis-settur parastatali.
Il-piż tal-wirt
Din il-politika ta’ espedjenti politiċi bilfors xi darba kellha tinkixef ta’ li kienet, u toħroġ il-verita'. L-essenza ta’ dik il-verita' ġiet imsabbta ma’ wiċċ dan il-Gvern fl-ewwel sigħat li beda jamministra, anki jekk id-dettalji sħaħ bdew ħerġin ftit ftit. Jekk stess kien hemm diġa` xi ħjiel ta’ x’setgħet kienet dil-verita`, jekk il-ħala fl-infiq xejn eżemplari ta’ min missu ta eżempju kien agħar milli diġa' kien magħruf, il-piż li wiret il-Gvern Laburista mingħand ta’ qablu kien ħafna u ħafna ikbar milli saħansitra stenna.
Fid-deher l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet tipproġetta l-immaġni li kien hemm immaniġġjar tajjeb, li qegħdin isiru proġetti b’mod maħsub. Il-verita` li sab tistennieh il-Gvern Laburista kienet għal kollox bil-maqlub.
Waqt li l-pubbliku ma ngħatax tagħrif dwar dan fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni, malajr beda jidher dejjem iktar evidenti li l-Estimi tad-Dħul u Ħruġ ippreżentati għas-sena 1996, ma kellhomx bażi meqjusa sewwa u soda, lanqas imqar fejn jidhol id-Dhul u Infiq rikorrenti.
L-iżbilanċ
Dik il-prattika perikoluża u kerha li ma tħarisx `il quddiem sewwa u tippjana l-infiq u t-tmexxija pubblika b’mod meqjus u serju, kellha tagħti l-ħsad morr tagħha, f’xi żmien jew ieħor. Dak iż-żmien kien ilu jberraq, iżda wasal b’qilla matul l-1996, għalkemm il-Gvern Nazzjonalista ħbieh mill-poplu sa l-aħħarnett.
L-estimu ta’ l-iżbilanċ fiskali li l-Gvern Nazzjonalista ipproġetta li kellu jkun hemm fl-1996 kien żbaljat b’mod li bilkemm jista’ jitwemmen, kif juru l-figuri komparattivi fl-Estimi li qed inressaq illum f’forma iktar ċara mis-soltu.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, barra li d-dejn pubbliku u garanziji ta’ self ieħor qabeż id-disa’ mitt miljun lira, il-Gvern Nazzjonalista tella’ u ħalla warajh żbilanċ saħansitra bejn id-Dħul u l-Ħruġ rikorrenti. Anki qabel tqis il-ħlas ta’ kważi Lm30 miljun għas-servicing tas-Self Pubbliku, dan l-iżbilanċ storiku qabeż Lm29 miljun. Meta tgħodd id-debt servicing u wkoll in-Nefqa Kapitali, issib li l-Expenditure Gap splodiet għal Lm132.8 miljun mill-Lm54 miljun li kien proġettat. Wara li tqis l-għotjiet li daħlu minn barra, issib li il-Gvern Laburista wiret żbilanċ ta’ Lm112 miljun. Dan hu kważi tliet darbiet tat-Lm38.9 miljun li l-Gvern Nazzjonalista qal li se jkun l-iżbilanċ li jrid jiġi finanzjat b’self meta ressaq il-Budget għall-1996 - jiġifieri 9.3 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, u mhux 3.2 fil-mija, kif qal li se jkun.
Dan kollu seħħ minkejja li l-Gvern Nazzjonalista kien ilu jiġi mwissi. Wissieh il-Fond Monetarju Internazzjonali. Wissieh il-Bank Ċentrali. Barra minn hekk, il-Kabinett Nazzjonalista kien ilu mgħarraf bil-qagħda kerha u perikoluża li kienet qiegħda tiżviluppa fl-1996. Dan sar f’Lulju li għadda, permezz ta’ memorandum dettaljat għall-aħħar mill-Ministeru tal-Finanzi.
Imma l-ħsieb tal-Gvern Nazzjonalista, ta’ min l-ewwel responsabbilta' tiegħu kellha tkun lejn il-pajjiż, kien iżjed fuq l-espedjenti politiċi, ta’ kif jista’ jaħbi l-verita' ħalli ma jitlifx il-voti fl-elezzjoni li kellu l-ħsieb jgħaġġel jagħmel qabel ikollu jressaq il-Budget għall-1997. (Onor. Membri: Hear, hear)
Il-Gvern Nazzjonalista ħalla wkoll arretrati straordinarji x’jitħallsu, uħud ilhom ġejjin is-snin bħal dawk lill-Knisja għall-iskejjel tagħha. Ħalla infiq kommess bla ħsieb serju, bħal fuq San Raffaele u t-toroq. Biċċa minn dan l-infiq ġie kommess b’għaġġla lejlet l-elezzjoni stess, qisu ma kien fiha xejn ħażin, qisu kienet ħaġa bla implikazzjonijiet ċiviċi, morali u politiċi, li l-gvern jipprova jixtri l-voti bi flus li joħroġ il-poplu jew bid-dejn nazzjonali li jiżdied fuq kull ċittadin, l-iżjed fuq iż-żgħażagħ li jirtuh.
Għalkemm il-Gvern Nazzjonalista kien ilu jaf il-qagħda finanzjarja li se jkun hemm wara l-elezzjoni, lill-poplu għażel li ma jgħarrfu b’xejn, u lanqas imqar tah xi ħjiel ta’ għarfien tal-gravita' tas-sitwazzjoni permezz ta’ rażan fuq ċertu tberbiq li kien għaddej.
Fil-Bqija tas-Settur Pubbliku
Dak li kellu jsib ma’ wiċċu l-Gvern Laburista ma waqafx hawnhekk. Fis-snin ta’ qabel kienet ġiet stabbilita d-drawwa li l-gvern jidher li qed jagħti iżjed awtonomija operazzjonali billi kabbar is-settur parastatali u waqqaf kumpaniji biex jieħdu post dipartimenti governattivi. Irriżulta li dan il-proċess wassal mhux biss għal nuqqas ta’ dixxiplina finanzjarja, iżda għal qagħda fejn ma hemm ebda koordinament, ebda koerenza, fin-nefqa globali tas-Settur Pubbliku sħiħ. Is-serjeta` metodoloġika li titlob strateġija finanzjarja nazzjonali raġunata u dinamika kienet għal kollox ineżistenti.
Il-Gvern Laburista sab qagħda fejn il-Ministeru responsabbli mill-Finanzi lanqas kien jaf sewwa x’hemm kommess minn din il-parti tas-Settur Pubbliku. Ma kienx jaf sewwa kif l-infiq ġie kommess, kif se jkun finanzjat, kemm se jirrendi, kemm se jqumu kull sena ċerti inzijattivi biex jitmexxew. Wisq inqas kif se jinfeda l-infiq.
Saħansitra sibna li l-Kabinet Nazzjonalista kien irriġetta rakkmandazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi biex tidħol iżjed kontabilita' f’din il-parti tas-Settur Pubbliku, għax ħass li dan jista’ jindika dgħjufija fl-impenn tiegħu li jiddeċentralizza l-ħidma tal-gvern.
Dan meta l-Ministeru kien responsabbli mid-Dħul u l-Infiq tal-gvern ċentrali, mill-Ippjanar Ekonomiku li bilfors jiddependi mill-ko-ordinament tan-Nefqa Pubblika totali. Kien responsabbli jesiġi kontabilita` ta’ dawk li jonfqu biex f’isem il-gvern u l-poplu jkun jista’ jara li kollox qed isir kif jixraq. Fuq kollox, kien responsabbli biex jiġi assigurat li dak li jkun se jsir ikun sostenibbli, li fl-ekonomija mhux qegħdin jiżviluppaw difetti u problemi mnissla mill-gvern stess.
Qafas
Dan hu l-qafas tal-qagħda li ħalla fil-kantina l-Gvern Nazzjonalista. Qagħda finanzjarja li kienet ilha tiżviluppa u li flok ġiet attakkata, kien hemm illaxkar sa mill-bidu ta’ l-1996 fil-ġbir tal-gvern. Dan għax forsi kien hemm il-ħsieb li l-elezzjoni ssir f’Ġunju li għadda.
Hi qagħda finanzjarja fejn il-gvern ta’ qabel għabba lil ta’ warajh u lill-poplu kollu bil-wirt ta’ piżijiet kbar. U dan meta tkun għadek ma għoddejtx il-qagħda mwiegħra li sibna li waslu fiha numru ta’ korporazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi, li wkoll ġiet aggravata b’illaxkar fil-ħruġ ta’ kontijiet u ġbir lura huma u jsiru kalkoli politiċi mill-bidu tas-sena li għaddiet.
Triq gradwali
Hi din ir-realta` li sab u jrid iħabbat wiċċu magħha l-Gvern Laburista. Li jrid jibda jindirizzaha biex flimkien noħorġu minnha ħalli nħarsu l-ġejjieni. Il-mistoqsija hi, kif se nagħmlu dan? Kif se nibdew nippruvaw inħollu l-problemi enormi li writna mingħand il-Gvern Nazzjonalista?
L-ewwel tweġiba li rrid nagħti minnufih nixtieqha tkun mill-iżjed ċara u bla tlaqliq. Il-problemi huma kbar, iżda m’għandniex - u m’aħniex sejrin - inħalluhom jegħlbuna. Nistgħu nsolvuhom. U se nsolvuhom. (Onor. Membri: Hear, hear) Biex jirnexxilna nagħmlu dan, irridu nuru serjeta`, sens ta’ kuraġġ, u għaqda. Ħalla x’ħalla warajh il-gvern ta’ qabel, u għalkemm issa hemm gvern ieħor, dan tagħna hu poplu wieħed, pajjiżna hu tagħna lkoll. Is-soluzzjonijiet li rridu nfittxu, irridu nfittxuhom flimkien għax neħtiġuhom ilkoll. U jekk naħdmu tajjeb u nkunu responsabbli lkoll, nistgħu u għandna insibuhom.
Il-piż li tħalla jrid jinġarr biċċa biċċa, waqt li lkoll, f’kontest demokratiku u miftuħ, infittxu f’iżjed tul l-aħjar soluzzjonijiet biex innaqqsuh u negħlbuh. Soluzzjonijiet li jkunu ta’ fejda kemm ekonomika kif ukoll soċjali, kemm għal-lum kemm għal quddiem. Soluzzjonijiet li rridu nibdew naħsbu għalihom minn issa, u li għalkemm mhux possibbli li nsibuhom kollha f’daqqa, għandu jkollna l-ħila li naslu għalihom fi żmien raġonevoli.
It-triq li jagħżel il-Gvern Laburista hi waħda gradwali. Il-Gvern se jagħmel minn kollox biex ifittex li, fuq medda xierqa ta’ żmien, jistabilizza n-nefqa pubblika. Se jagħmel minn kollox biex jara li ma jkunx hemm ħala u abbużi f’din in-nefqa, biex jikbru l-kontabilita`, it-trasparenza u l-effiċjenza. Se jesiġi li kull lira tal-poplu li tmur fin-Nefqa Pubblika, tirrendi l-valur xieraq tagħha.
Il-gvern se jara wkoll li kull min jissupplixxi prodotti jew servizzi lis-Settur Pubbliku, jagħmel dan wara għażla kompetittiva u taħt l-obbligu li jagħti valur sħiħ għall-ħlas li jirċievi. Dan hu li jistenna ċ-ċittadin li huwa hu li, b’mod jew ieħor, jiffinanzja dak il-ħlas. Iċ-ċittadin jistenna wkoll - anzi jesiġi bil-qawwa u l-jedd kollu - li ma jkunx hemm korruzzjoni jew abbuż tal-poter.
Il-gvern irid jara li l-ġbir li għandu jsir għall-kaxxa pubblika, jinġabar. Kemm jekk dan il-ġbir hu f’forma ta’ Taxxa tad-Dħul, kemm jekk tal-VAT sa ma tidħol sistema oħra flokha, kemm b’dak li jidħol bid-Dazji u s-Sisa, kemm b’kontribuzzjonijiet għas-Sigurta` Soċjali, u kemm bi ħlas fejn dan hu dovut għal servizzi mogħtija mill-gvern jew awtoritajiet pubbliċi.
Irid jagħmel dan mhux għalih innifsu, iżda għall-poplu. Il-gvern m'hu xejn ħlief it-tifsira tar-rieda tal-poplu - hu l-mezz kif dik ir-rieda titwettaq għall-aħjar ġid komuni.
Moralita` Fiskali
Biex jilħaq dawn l-għanijiet il-Gvern se jieħu passi biex inissel kemm jiflaħ u bl-iżjed mezzi effikaċi, Moralita` Fiskali. Jiġifieri, l-għarfien u l-aċċettazzjoni li kulħadd għandu jħallas dak li hu dovut minnu, mhux għax b’hekk il-gvern idaħħal iżjed, iżda għax b’hekk ikun hemm il-finanzjament meħtieġ u jista’ jiġi wkoll żmien meta jkun possibbli li kulħadd iħallas inqas, f’termini reali, meta tieħu flimkien kemm it-taxxi diretti kif ukoll dawk indiretti.
Hu ta’ sodisfazzjon li kulma jmur qed jikber l-għarfien tal-ħtieġa li jsir dan, u li qed isiru dikjarazzjonijiet favur il-Moralita` Fiskali kemm minn rappreżentanti tal-ħaddiema, kif ukoll tas-sidien, u anki minn għaqdiet professjonali.
Il-Gvern se jikkumplimenta l-promozzjoni tal-Moralita` Fiskali billi jsaħħaħ il-mezzi tiegħu li jinforza l-ġbir ta’ dak li hu għandu jiġbor f’isem iċ-ċittadin biex ikun jista’ jiffinanzja s-servizzi pubbliċi li l-gvern hu obbligat li jagħti lill-poplu. Dan se jagħmlu sew fir-rigward tat-Taxxa tad-Dħul, waqt li r-rati eżistenti se jibqgħu dawk li hemm diġa` stabbiliti, u se jagħmlu anki fil-ġbir tat-taxxi indiretti.
Il-Gvern, kif hu mandat li jagħmel u kif infisser iktar fil-parti dwar Tibdil fit-Taxxi, se jressaq sistema ta’ taxxi indiretti minflok il-VAT. Jagħmel dan mingħajr skossi bla bżonn.
Marbut ma’ dan tibqa’ l-ħtieġa li kull min hu dovut li jħallas il-VAT, u li min hu obbligat li jiġborha u jgħaddiha, jagħmel hekk, f’kull każ fl-ammont sħiħ li hi dovuta. Dan sew meta l-VAT għadha teżisti, kif ukoll wara t-transizzjoni għal sistema ġdida, fejn jifdal - kif għandu jifdal - bilanċi x’jiġu mgħoddija lill-Gvern.
It-twettiq tad-dmir li kulħadd iħallas it-taxxi dovuti minnu hu l-pern ta’ soċjeta' serja u kuxjenzjuża. Min ma jwettaqx dan id-dmir ikun qed jisraq. Jisraq mhux lill-gvern tal-ġurnata, iżda lil għajru. Jekk ċittadin jisraq liċ-ċittadini l-oħra billi huma jħallsu t-taxxi iżda hu jaħrab milli jħallas sehmu, il-prinċipju li ċ-ċittadin għandu jkun l-ewwel, jiżżarma. Naħseb li ebda ċittadin serju ma jixtieq dan. U gvern serju hu obbligat li jara li dan ma jsirx.
Iktar u iktar meta dan hu mod ewlieni kif, bis-sens u bil-galbu, nibdew noħorġu b’kuraġġ mill-qagħda finanzjarja li qegħdin fiha u li għandna quddiemna.
Nagħmlu dan waqt li fl-istess ħin inħeġġu bla heda lis-settur privat biex ifittex u jisfrutta opportunitajiet tajba li jirrendu fit-tul. Nagħmlu dan ħalli s-settur privat ikun, iżjed ma jmur, il-mutur ħalli l-ekonomija tissaħħaħ fl-oqsma kollha fejn nistgħu nikkompetu b’mod dinamiku u immaġinattiv bħala nazzjon li għandu fih innifsu ħila ħafna ikbar mid-daqs fiżiku tiegħu. Oqsma bħat-turiżmu, il-manifattura kbira, medja u żgħira, is-servizzi finanzjarji, l-assikurazzjoni, u oħrajn.
Nagħmlu dan waqt li nħeġġu t-tkattir ta’ l-impjiegi li jżidu valur, waqt li nħeġġu u ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna biex ikunu dejjem u bla riserva xprun għal tħejjija minn issa għal ġejjieni aħjar, li jridu jirtuh huma u li għandhom kull jedd ifittxu li jipparteċipaw fil-bini tiegħu minn issa.
In-Nefqa Pubblika
Fil-kontest ta’ dan l-ewwel Budget tal-Gvern Laburista, qabel ngħaddi għad-dettalji, u anki b’rabta magħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-programm għas-snin li ġejjin kif kundizzjonat mill-qagħda finanzjarja li sibna, bilfors trid titqiegħed iżjed fil-perspettiva xierqa tagħha n-nefqa li ssir mill-amministrazzjoni, jiġifieri in-Nefqa Pubblika. Din in-nefqa hija fattur mill-iżjed importanti fl-istrateġija ekonomika tal-pajjiż, u tat-twettiq tagħha.
Miri Ewlenin
In-Nefqa Pubblika trid tolqot tliet miri ewlenin.
L-ewwel, li tissodisfa d-domanda taċ-ċittadin għal servizzi li jistenniehom mill-gvern, bħalma huma sigurta` taċ-ċittadin f’daru u barra minnha, sigurta` interna u barranija, ħarsien soċjali, triqat, dawl u ilma, edukazzjoni u saħħa. Uħud minn dawn is-servizzi - bħall-edukazzjoni u s-saħħa - jista’ jipprovdi minnhom il-privat fuq bażi kummerċjali. Iżda l-kotra li tiddependi għalihom fuq l-iStat għandha jedd issibhom mingħandu, u li jkunu ta’ l-aħjar kwalita` possibbli.
It-tieni, li hu u jwettaq din in-nefqa, il-Gvern ma jokkupax spazju bla ħtieġa jew kbir wisq fl-ekonomija, ħalli s-settur privat ikollu fejn jimraħ kemm jeħtieġ biex jieħu l-inizjattivi kollha possibbli u jisfrutta l-opportunitajiet li jidentifika f’kompetizzjoni xierqa u bil-kompetittivita' misnuna li hi ingredjent essenzjali fl-ekonomija globali. Dan jgħodd anke meta jkun hemm ċirkostanzi fejn il-gvern jeħtieġlu jieħu miżuri ta’ infiq biex jistimula l-ekonomija, barra l-miżuri li għandu jieħu fuq bażi kontinwa biex jgħin ħalli jkun hemm l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-investiment produttiv meħtieġ biex jipprovdi mpjiegi u jkattar il-ġid, u barra l-infiq biex iwettaq ġustizzja soċjali.
It-tielet mira hi li l-gvern għandu jonfoq b’mod ġust u trasparenti u skond normi li jassiguraw li jinkiseb valur għal kull lira li tintnefaq billi l-infiq isir b’effiċjenza, b’ekonomija, u b’mod effettiv.
Ir-raġunijiet għal dawn il-miri huma ċari. Jekk il-gvern ma jipprovdix servizzi pubbliċi tajbin, jiġri li s-soċjeta' u l-pajjiż imorru lura. Barra minn hekk jiġri li, fejn ċerti servizzi jkunu wkoll offruti mis-settur privat ħalli min irid u jista' jeħodhom minn hemm jagħmel dan bid-dritt kollu, min ma għandux il-mezzi biex hu wkoll jakkwistahom jaqa’ iżjed lura u, b’hekk, tikber l-inġustizzja soċjali.
Jekk il-gvern jokkupa spazju żejjed, jekk jonfoq bla qies xieraq u rażan meħtieġ, barra li jorbot idejn is-settur privat iħarbat lill-pajjiż kollu billi jkebbes hu stess in-nirien ta’ l-inflazzjoni domestika, apparti dik li tista’ tasal hawn minn barra.
Jekk il-gvern ma jonfoqx b’mod trasparenti, bla ħala u bla korruzzjoni, u b’mod li juri li hemm konoxxenza ta’ l-ispiża, jekk in-nefqa ma tkunx l-iżjed effettiva li tista’ tkun għal li qed jintnefaq, ikun il-poplu li jħallas. U jħallas darbtejn. L-ewwel għax il-ħtieġa li joħroġ flus permezz ta’ taxxi u ħlasijiet tkun ikbar milli diġa' hemm bżonn. U t-tieni għax ikun moqdi ħażin.
Dan kollu llum-il ġurnata hu aktarx ovvju u - bil-fomm - milqugħ minn kulħadd. Meta tiġi biex tara kif jitwettaq, iżda, issib li altru li mhux dejjem isir dak li jistenna kulħadd.
Kif diġa' bdejt infisser, sewwa sew hekk sab il-Gvern Laburista x’ħin ħa l-ħatra u beda jgħarbel in-nefqa pubblika iżjed fil-fond, kif tista' tagħmel l-aħjar meta jkollok iżjed fatti u figuri.
Barra minn hekk, dan il-Gvern sab ukoll li, qabel biss radd is-salib, se jkollu jħabbat wiċċu ma’ żbilanċ finanzjarju ieħor fl-1997 li - jekk ma jurix kuraġġ u jibda jaqbad il-barri minn qrunu - japprossima l-iżbilanċ enormi li wiret għall-1996.
Dostları ilə paylaş: |