Tberbiq u Ħala
Hu rilevanti ħafna wkoll, fil-kontest ta’ l-oġġettivi ta’ għaliex u kif għandha ssir in-Nefqa Pubblika, li nħarsu lejn il-mod kif sar l-infiq f’dawn l-aħħar snin. Minn dan il-lat il-Gvern Laburista sab li l-amministrazzjoni ta' qabel bosta drabi nefqet bl-oppost ta' kif hu aċċettat u mistenni li għandha ssir in-Nefqa Pubblika, ta' kif jonfoq f’daru ċ-ċittadin, li bilfors joqgħod attent għax jaf li kull lira li jonfoq ħierġa minn butu.
F’qasam wara l-ieħor dan il-gvern sab tberbiq u ħala, sab li l-konoxxenza ta’ l-ispiża u l-ħtieġa li tkun ekonomika u effettiva wisq drabi qishom ma jeżistux.
Eżempju hu l-mod kif ġew minfuqa flejjes fuq il-Crans Montana Forum fl-1995 u kif, minkejja kemm ġie żbursat bl-addoċċ u kemm ma nkisibx bħala ritorn, l-amministrazzjoni ta’ qabel ikkommettiet iżjed infiq bla rażan biex il-Forum jerġa’ jsir fl-1996. Dan minkejja li l-istess organizzaturi barranin tal-Forum ma setgħux jifhmu kif f’Malta qam id-doppju ta’ meta sar fl-Isvizzera.
Eżempju ieħor, bil-wisq ikbar minn tal-Crans Montana Forum, hu l-proġett ta’ l-isptar San Raffaele. Anki jekk wieħed hawnhekk ma jidħolx f’kif ingħata l-kuntratt, anki meta tqis id-dimensjoni soċjali ta’ dan is-settur, xorta jsib li l-iffinanzjar ma kienx ippjanat kif jixraq, la f’sens kapitali u, lanqas f’sens rikorrenti, jiġifieri kemm se jqum biex jitmexxa l-isptar meta jitlesta u mnejn se jiġu r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jitmexxa kif jixraq.
Il-Gvern Laburista sab ukoll imrekkna f'xi kexxun kontijiet kbar ta’ ministeri bħal dak responsabbli mit-Toroq. Kif irrapporta l-Awditur Pubbliku, id-Dipartiment tat-Toroq nefaq bil-wisq iżjed milli kienet l-istima, ikkommetta nfiq mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Ministeru tal-Finanzi, u ma għandux sistemi ta’ kontroll. Biex nagħti biss eżempju, l-istima tan-nefqa fl-1996 fil-proġett tal-mina tal-Qroqq kienet ta' miljun lira. Sa Ottubru kienu diġa' ntnefqu jew ġew kommessi iżjed mid-doppju u nofs ta' dan l-ammont.
Fuq kollox il-Gvern Laburista sab - kif konna nwissu mill-Oppożizzjoni - li l-gvern ta’ qabel kien jonfoq bla ma jqis li biċċa sewwa mid-Dħul ma kinitx sostenibbli. Dan għax kienet tiġi minn sorsi li ma jiġġeddux - bħall-bejgħ ta’ ishma fil-Bank of Valletta u l-Lombard Bank. Dan apparti wkoll mill-iżbilanċ li xorta jifdal biex jiġi ffinanzjat b’self ġdid, u apparti l-effett fuq il-prezzijiet, fuq il-konsum u l-bilanċ tal-pagamenti mal-bqija tad-dinja.
Żbilanċ Strutturali
Din il-politika wasslet mhux biss biex jikber dejjem iżjed is-self pubbliku, iżda biex inbena żbilanċ strutturali - jiġifieri mhux wieħed temporanju jew ġej minn fatturi li mhux mistennija, jew aggravat l-iżjed minn cash flow dgħajfa.
Min jgħid li żbilanċ strutturali bħal dan tista’ ssolvih b’xi taxxa bħall-VAT, bla ma fuq kollox tara li l-infiq tal-gvern isir b’għaqal sħiħ, jghid hekk biss biex jipprova jidħak bil-poplu.
Barra li sab din il-qagħda mill-iżjed kerha, ikolli ntenni li l-Gvern Laburista sab li l-gvern ta' qablu kien ħalla l-bqija tas-Settur Pubbliku taħrab għal rasha, waqt li bl-iskuża tad-deċentralizzazzjoni, dan is-settur kiber sew waqt li naqset il-kontabilita'.
Ma kenitx ħaġa ta' l-iskantament li bdew joħorġu fil-beraħ ħwejjeġ li messhom ħassbu lill-gvern ta' qabel, iżda għażel li jinjorahom jew jiddefendihom. Fost eżempji oħra, kien hemm il-każ tal-Posta Ltd u l-Lm1.9 miljun li baqgħet tinsisti li trid tħallas għal ċentru ġebel u saqaf mingħajr sejħa għal offerti, anke wara l-mod kritiku kif irrapporta dwar dan l-Awditur Pubbliku.
Il-Gvern Laburista kellu jsib li l-qagħda reali f'dawn l-oqsma li ma jagħmlux parti mill-gvern ċentrali, kienet saħansitra agħar milli dehret minn barra.
Waqt li l-bqija tas-Settur Pubbliku meta tneħħi minnu l-gvern ċentrali jrid ikollu l-ispazju tiegħu għall-inizjattiva u l-identita' ta' kif jopera, bilfors xorta jrid ikollu koordinament, irid koerenza. Imqar kumpannija privata li għandha diversi sezzjonijiet, li timxi skond il-konċett ta' Business Units separati, ma tistax tħallihom jaħdmu għal rashom bla ma ħadd jorbot flimkien dak li qegħdin jagħmlu. Min b'difiża jsemmi d-dimensjoni soċjali mingħajr ma jorbotha wkoll mas-sens ekonomiku, ikun qiegħed ifittex li jaljena l-imħuħ mill-perikli kbar li jinħolqu għall-istess qasam soċjali meta jsir dan.
Il-Gvern Laburista minflok sistema li tista’ tħares u tgħasses biex tassigura li s-Settur Pubbliku meħud flimkien jidħol biss għal dak li jiflaħ, li jaħdem bi trasparenza, bla ħala jew agħar, b'konoxxenza sħiħa ta' l-ispiża, b'mod li jikseb valur sħiħ ta’ li jonfoq, sab sistema tabilħaqq bil-maqlub.
Sab qagħda fejn il-kapijiet tal-Ministeru tal-Finanzi responsabbli min-Nefqa Pubblika ma kinux ikunu mgħarrfa x'inhu għaddej. Sab li f'ħafna oqsma, il-Ministeru ma għandux tagħrif, la ta' x’sar, lanqas ta' x'ġej. GĦandu biss talbiet għal iżjed flejjes u garanziji ta' self.
X'Jeħtieġ Isir
Hemm min hemm fil-gvern, in-Nefqa Pubblika jrid iwettaqha skond il-miri msemmija, skond dak li jiflaħ il-pajjiż, skond għassa bla heda ta' li qed jiġri u ta' dak li jista' jiġi antiċipat ħalli l-ekonomija ma tingħatax gambetti flok tiġi megħjuna, ħalli l-problemi tal-lum ma jsirux akbar għada għax ma jiġux indirizzati fil-waqt.
Hekk jgħid is-sens komun. Iżda, sfortunatament, il-Gvern Laburista sab li f'dawn l-aħħar snin is-sens kulma jmur intilef.
Hu essenzjali għas-saħħa tal-pajjiż, għall-ġid ta' kull ċittadin, għall-ġejjieni tagħna u ta' wliedna, li s-sens jerġa' jinstab. U jinstab minn kulħadd.
Intenni li jrid jinstab mill-gvern tal-ġurnata, li jrid jitgħallem mill-iżbalji ta' l-imgħoddi biex ma jirrepetihomx hu; li mill-banda l-oħra, ma jridx iwarrab dak li hemm tajjeb imma għandu japprezzah u jibni fuqu.
Irid jinstab miċ-ċittadini kollha, li jridu jgħarfu iżjed li dan hu pajjiżhom, li dak li jonfoq il-gvern irid jitħallas minn buthom. U li għalhekk iridu jifhmu aħjar li ma jridx ikun hemm min ifittex li jiddependi bla ħtieġa fuq il-Gvern li juża servizzi sussidjati b'mod mhux meħtieġ jew b'ħala għax meta jsir dan, iċ-ċittadini jkunu qed jheddu lilhom infushom; li ma jkunx hemm min hu fis-settur pubbliku, u għalhekk imħallas minn flus il-poplu, li ma jagħtix ġurnata xogħol sħiħa u serja, bħal ma jagħtu l-ħaddiema fis-settur privat; li kull min qiegħed f'oqsma li jiddependu fuq sussidji tal-gvern biex joperaw - bħat-tarznari u oħrajn - jifhem li jrid isir sforz bil-wisq ikbar, ħafna iżjed serju u reali, biex tiżdied il-produttivita' ħalli l-gliegel ta’ sovvenzjonijiet - flok dejjem jikbru - jibdew jonqsu, darba li l-pajjiż żgur ma jistax jibqa' jiflaħhom għal żmien indefinit.
Irid jifhem kulħadd li dan hu l-pajjiż ta' kulħadd. Jekk stess dan il-gvern wiret qagħda ħażina li hu essenzjali li tibda tiġi ndirizzata bil-galbu l-pajjiż jibqa' ta' kulħadd.
Il-gvern għandu obbligu jaħdem ħalli jfittex soluzzjonijiet. Aħna rridu nsaħħu dak li sejjer tajjeb u nsewwu u nirfdu fejn jeħtieġ li dan isir, waqt li nimmiraw biex innaqqsu l-iżbilanċ pubbliku ħalli ma jibqax irewwaħ l-inflazzjoni. Fl-istess ħin, il-mod kif dan isir irid ikun mhux qtugħ bl-addoċċ, iżda tfittxija persistenti għall-kisba ta' valur sħiħ mill-infiq li jsir.
Il-gvern xogħlu bdieh mill-ewwel. Fittex u beda jsib ir-realta'. Mar-radda tas-salib beda jaħdem fuq in-nervituri kritiċi tal-problema, bħal ma huma t-tarznari fejn waqqaf Task Force ħalli tidħol iktar fil-fond u tfittex x’għandu jsir hemmhekk. Qabel ikun tard wisq.
Sadanittant, nerġa' ntenni apposta, il-gvern ma jistax jaħdem waħdu. Il-gvern irid jistinka, irid jagħti l-eżempju, irid jiggwida. Fl-istess ħin, min mhux jiġbed biżżejjed irid jibda jagħmel sehmu. L-individwaliżmu, l-inizjattiva personali, huma essenzjali fil-bniedem, huma dawk l-elementi fih li jimbuttawh biex ifittex li jagħmel lilu nnifsu aħjar. Dan għandu jkun inkoraġġit.
Iżda mbagħad, l-egoiżmu, dak in-nuqqas fina li ma nqisux lil ħaddieħor anki fejn jidħlu dmirijietna lejn xulxin bħala ċittadini, hu forsi l-akbar għadu tagħna nfusna.
Kultura Ġdida
It-triq quddiemna, l-istrateġiji li hemm bżonn nesploraw flimkien, iridu jkunu msejsa fuq dan kollu, fuq il-bini ta’ kultura ġdida fejn kulħadd, hu min hu, qiegħed fejn qiegħed, jagħti sehmu. Mhux f’ġieħ il-gvern. Iżda għax b’hekk, fl-aħħar mill-aħħar, se jgawdi hu stess.
B'din il-kultura nistgħu nsolvu l-problemi li għandna waqt li nżommu dak li ksibna. Nistgħu nibnu fuq is-sod biex nimxu iktar 'il quddiem.
Din hi kultura li nistgħu nnissluha. Li għandna l-ħila għaliha. In-Nefqa Pubblika u kif tiġi finanzjata jridu jkunu parti integrali minn din il-kultura ġdida, mibnija għalina lkoll. Bħala nazzjon li, fl-aħħar mill-aħħar, irid jiddependi minnu nnifsu.
Il-Qagħda Ekonomika
Mill-bidla fil-Gvern f'Ottubru li għadda, kelli l-okkażjoni nenfasizza numru ta’ indikaturi li juru kif verament sejra l-ekonomija tagħna. Il-kontest ekonomiku jrid jiġi analizzat b’mod oġġettiv li jara dak li sejjer tajjeb u dak li jrid jiġi rranġat.
Fl-ewwel disa' xhur ta' l-1996 il-Prodott Gross Domestiku f'termini nominali hu kkalkolat li żdied b'6.9 fil-mija għal Lm884.3 miljun jew 4 fil-mija f'termini reali. Dan kien jirrifletti l-aktar żidiet fl-ispiża għal konsum u n-nefqa tal-Gvern. L-ammont minfuq għal konsum kien jirrifletti l-aktar iż-żieda fl-impiegi u dħul aktar għoli filwaqt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet l-aktar minħabba spejjeż rikorrenti għall-amministrazzjoni pubblika.
Mill-banda l-oħra, kien hemm tnaqqis fl-investiment. L-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi niżlet anke f'termini nominali, l-aktar minħabba esportazzjoni domestika inqas, partikolarment fis-settur tal-makkinarju u apparat tat-trasport. Daħħalna wkoll inqas flus mit-turiżmu, li kompla mar lura. L-importazzjoni tal-prodotti u s-servizzi f'termini nominali niżlet b'0.3 fil-mija għal Lm902.8 miljun, li tfisser tnaqqis ta' 1.7 fil-mija f'termini reali. Hu preokkupanti mil-lat ekonomiku li kien hemm tnaqqis fl-importazzjoni tal-provvista industrijali u prodotti kapitali, waqt li l-importazzjoni għall-konsum għoliet.
Il-Prodott Gross Domestiku (at factor cost) huwa stmat li tela' għal Lm783.1 miljun (minn Lm729.4 miljun sena qabel). Id-dħul mill-impjiegi tela' b'Lm30.9 miljun (jew b'7.9 fil-mija) għal Lm421 miljun. Din iż-żieda kienet riflessa fl-istima ta' dħul medju tal-ħaddiema, li tela' f'termini nominali b'Lm4.37c jew b'5.8 fil-mija għal Lm79.35c. F'termini reali huwa stmat li tela' bi 3.1 fil-mija. Dan id-dħul medju huwa maħdum fuq medda wiesgħa ta' nies bi dħul baxx kif ukoll minn numru ferm inqas li d-dħul tagħhom ikun ħafna iktar għoli.
Il-profitti huma stmati li telgħu b'6.7 fil-mija, għal Lm223.2 miljun, filwaqt li d-dħul mill-proprjeta' laħaq it-Lm72.9 miljun, żieda ta' 9 fil-mija.
Il-kontribut tas-settur produttiv żdied bi 3.6 fil-mija biex tela’ għal Lm278.4 miljun. Dan jirrifletti żieda fl-attivitajiet kollha li jaqgħu f’din il-kategorija. Il-qasam tas-servizzi żdied b’9.8 fil-mija, l-aktar minħabba l-attivitajiet konnessi mas-setturi tat-trasport u komunikazzjonijiet, l-assikurazzjoni, il-banek u l-proprjeta', mis-servizzi privati u minn dħul ieħor mill-proprjeta'. Min-naħa l-oħra, is-settur tal-bejjiegħa bl-ingrossa u l-imnut irreġistra tnaqqis meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-amministrazzjoni pubblika telgħet għal Lm132.2 miljun, żieda ta’ Lm10.6 miljun jew 8.7 fil-mija.
Matul l-ewwel disa' xhur ta' l-1996 kien stmat titjib fil-produzzjoni fis-setturi ta’ l-agrikoltura u sajd, servizzi privati, u l-kumpanniji tal-Gvern.
Id-dħul nett mill-investiment barrani tela' għal Lm23.8 miljun, l-aktar minħabba li kien hemm anqas pagamenti mill-privat fuq investimenti barranin kemm diretti u dawk finanzjarji, kif ukoll għaliex kien hemm nefqa aktar baxxa fuq id-dejn barrani tas-settur pubbliku, b'kuntrast ma' l-ispiża lokali.
Ix-xejra 'l fuq tal-qgħad, li kienet bdiet tinħass matul is-sena, dehret f'rata ta’ 3.7 fil-mija f'Settembru 1996, imqabbla ma' dik ta' 3.4 fil-mija s-sena ta' qabel. In-numru ta' nies jaħdmu żdied b'1,819 matul is-sena sa Settembru ta' l-1996, bis-settur privat u dak pubbliku jikkontribwixxu t-tnejn għal livell ogħla ta' mpiegi. Is-settur tas-servizzi sostna ż-żieda fl-impiegi tas-settur privat, għalkemm parti minnha setgħet kienet attivita' li qabel kienet fl-ekonomija moħbija. Il-proporzjon ta' dawk li jaħdmu għal rashom meta mqabbel man-numru totali ta' nies li kienu qed jaħdmu f'pajjiżna niżel minn 11.7 fil-mija f’Settembru ta' l-1995 għal 11.2 fil-mija fl-istess xahar is-sena l-oħra.
Stima tal-produzzjoni fis-settur tal-manifattura turi tnaqqis fuq l-1995. Il-bejgħ totali niżel b'5 fil-mija minħabba l-waqgħa fl-esportazzjoni li tfiet iż-żieda fil-bejgħ fis-suq lokali. Is-settur tal-makkinarju rreġistra l-akbar waqgħa fl-esportazzjoni. L-investiment nett ta' Lm27.2 miljun kien anqas minn dak għall-1995, għalkemm dan kien ogħla mill-medja ta' dawn l-aħħar snin.
Is-settur tal-biedja u sajd jikkontribwixxi madwar 2.9 fil-mija tal-prodott gross domestiku. Il-bejgħ ta' ħxejjex u frott fis-suq hu stmat li kiber bi 17.7 fil-mija filwaqt li kien hemm żieda fin-numru ta’ bhejjem li ġew maqtula l-biċċerija. Il-volum tal-ħut li s-sajjieda qabdu matul l-ewwel disa' xhur ta' l-1996 huwa stmat li kien madwar 4 fil-mija anqas minn dak tas-sena ta' qabel. L-esportazzjoni tal-ħut, li l-aktar tkun lejn l-Italja u l-Ġappun, żdiedet xi ftit filwaqt li l-pajjiż xtara 27.7 fil-mija aktar ħut minn barra.
L-industrija tat-turiżmu kompliet tħabbat wiċċha ma' numru ta' problemi, kemm minħabba l-qagħda ekonomika fl-Ewropa, l-attrazzjoni ta' destinazzjonijiet imbiegħda, u n-numru dejjem jikber ta' postijiet turistiċi fil-Mediterran. Matul l-ewwel disa' xhur ta' l-1996 in-numru ta' turisti naqas b'6.1 fil-mija, għalkemm hu stmat, skond il-metodi wżati, li kien hemm żieda żgħira fid-dħul għal kull turist li ġie. Huwa stmat li aktar minn miljun turist ġew f'pajjiżna matul l-1996. Minkejja n-nuqqas fin-numru ta’ turisti, ma deherx li l-impiegi f'dan is-settur intlaqtu, anke minħabba li l-ewwel aġġustamenti jsiru f'xogħol part-time. Il-proporzjon tal-ħaddiema fil-lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel kien ilaħħaq madwar 7.1 fil-mija tan-nies kollha li jaħdmu.
Fiċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji kien hemm żieda ta’ 11.1 fil-mija fin-numru ta’ reġistrazzjonijiet ġodda għal International Trading Companies u International Holding Companies. L-attivita' ta’ trasbord fil-Port Ħieles kibret b’24.7 fil-mija fuq dik li kienet matul l-ewwel disa’ xhur tal-1995. Wieħed jinnota li l-Port Ħieles qiegħed jiffaċċja kompetizzjoni dejjem akbar fil-Meditterran għan-natura ta’ attivita' li jipprovdi.
Matul it-tnax-il xahar sa Settembru 1996, l-inflazzjoni f’Malta kif imkejla bl-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut kienet ta’ 2.94 fil-mija. Din ir-rata, li għadha titqies b’dubju minn ħafna, kienet anqas mir-rata li kellna matul dawn l-aħħar snin, iżda xorta baqgħet ogħla mir-rata ta’ inflazzjoni f’numru ta’ pajjiżi li magħhom Malta għandha rabtiet kummerċjali.
Kemm l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni rreġistraw tnaqqis. L-importazzjoni niżlet b’Lm5.8 miljun, jew b’ 0.8 fil-mija, l-aktar minħabba t-tnaqqis li kien hemm fl-importazzjoni tal-provvista industrijali u prodotti kapitali. Il-valur ta’ l-esportazzjoni niżel 4.4 fil-mija, jew b’Lm21.3 miljun. Dan ġara billi l-esportazzjoni tas-settur tal-makkinarju niżlet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. B’riżultat ta’ dan, l-iżbilanċ fil-kummerċ tela’ għal Lm296.6 miljun, minn Lm281.1 miljun sena qabel.
L-iżbilanċ fil-kont kurrenti tela’ għal Lm105.7 miljun meta mqabbel ma’ Lm93.9 miljun matul l-ewwel disa’ xhur ta' l-1995.
Fix-xena internazzjonali, ir-rata ta’ 2.4 fil-mija żieda fil-prodott gross domestiku ta’ l-Unjoni Ewropea li hija mistennija għall-1997 hi xi ftit baxxa. Aktarx li l-miżuri fiskali li qed jieħdu xi pajjiżi sabiex jersqu għal Unjoni Monetarja Ewropea se jnaqqsu ir-ritmu tal-konsum f’diversi pajjiżi. Jidher li l-qgħad fl-Unjoni se jkompli jippersisti u mistenni li jilħaq il-10.8 fil-mija fl-1997. L-inflazzjoni fl-Unjoni hija stmata li tinżel għal 2.4 fil-mija matul l-1997 billi ħafna membri tal-Unjoni huma mistennija li jkollhom rata ta’ inflazjoni taħt it-3 fil-mija, li tpatti għal xi oħrajn b’rata ogħla.
Din l-istampa għandha ħafna rilevanza għal Malta, kemm mil-lat tal-kummerċ kif ukoll għall-industrija tas-servizzi, partikolarment it-turiżmu. Barra minn dan, l-istennija li l-prezzijiet fl-Ewropa se jkunu stabbli għandu jkollu effett pożittiv f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-inflazzjoni minn barra. Dan ifisser ukoll li l-operaturi Maltin iridu jkunu effiċjenti u innovattivi sabiex jibqgħu kompettittivi.
Dan li għidt hu mfisser f’iżjed dettal fl-Economic Survey, li qiegħed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Qasam Monetarju
L-iżvilupp ewlieni fil-qasam monetarju matul l-1996 kien it-tnaqqis fir-rata li biha kiber l-Stock totali ta’ assi monetarji. Dan żdied b’disgħa fil-mija sa Ottubru. Filwaqt li d-depożiti fil-banek, partikolarment dawk fissi, telgħu b’mod sostanzjali, il-flus fl-idejn żdiedu b’rata inqas imgħaġġla.
GĦalkemm jista’ jkun fatt pożittiv li jgħaddu aktar flus mis-sistema finanzjarja għaliex dawn igħinu fl-iffinanzjar ta’ l-attivita' ekonomika, dan jiddependi fuq ir-raġunijiet għall-kawżi ta’ l-espansjoni monetarja. Din tista’ sseħħ kemm minn żieda fir-riservi barranin, jew minħabba żieda fis-self domestiku kif ukoll mit-tnejn flimkien. L-aħjar meta sseħħ l-iżjed mir-riservi barranin. Mhux hekk qed jiġri f’dawn l-aħħar snin.
Matul l-1996, is-self mill-banek kompla jikber b’pass imgħaġġel, u żdied b’għoxrin fil-mija. Minħabba li l-Gvern matul is-sena kellu bżonn ta’ ħafna aktar finanzjament kien hemm żieda qawwija ta’ madwar ħamsa u għoxrin fil-mija fis-self lill-Gvern. GĦalkemm ma sarx użu mill-faċilita' fil-Bank Ċentrali magħrufa bħala Ways and Means Advances kien hemm żieda fl-Stocks tal-Gvern u l-Bills tat-Teżor f’idejn il-banek. Il-Gvern ġdid kien kostrett - minħabba l-qagħda finanzjarja li sab - li jirdoppja l-livell massimu ta’ Bills tat-Teżor li jistgħu jinħarġu sabiex kienet disponibbli l-likwidita' meħtieġa matul l-aħħar parti tas-sena li għaddiet.
Is-self lis-setturi ewlenin ta’ l-ekonomija espanda wkoll, għalkemm is-self lis-settur tal-manifattura kiber aktar bil-mod.
Sadanittant, l-assi barranin netti tas-sistema bankarja naqsu għat-tieni sena konsekuttiva. Fl-1995 kienu naqsu b’Lm64.6 miljun u huma stmati li niżlu qrib hekk fl-1996. Dawn il-figuri juru li kien is-self domestiku li qiegħed inissel espansjoni monetarja u żieda fil-konsum kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Min-naħa tiegħu dan il-konsum wassal għal żieda fl-importazzjoni li ġabet magħha t-tnaqqis sostanzjali li semmejt fir-riservi tal-pajjiż f’munita barranija.
Din kienet il-qagħda li sab il-Gvern Laburista lejn l-aħħar ta’ Ottubru 1996. Din il-qagħda tikkonferma, kif kien ilu indikat mill-Bank Ċentrali bla ma’ l-Gvern ta’ qabel ta’ kas biżżejjed, li kien hemm bżonn ta’ politika monetarja u fiskali aktar iffokata sabiex jingħeleb dan l-iżbilanċ u titrażżan l-inflazzjoni. Il-Bank Ċentrali, li issa għandu l-awtorita' li jmexxi b’awtonomija l-politika monetarja, ħa passi biex jissikka l-kundizzjonijiet monetarji fin-nuqqas ta’ miżuri mill-Gvern ta’ qabel biex titjieb il-qagħda fiskali. Fil-fatt, matul l-1996, il-Bank Ċentrali diversi drabi daħal fis-swieq tal-flus biex inaqqas il-likwidita' żejda. Il-ħidma tal-Bank wasslet għal żidiet żgħar fl-imgħaxijiet, l-ewwel fis-suq tal-flus, u mbagħad fis-sistema bankarja. B’hekk, l-imgħaxijiet f’Malta qorbu aktar lejn dawk ta’ barra, u f’ċerti każi ġew ogħla. Dan kellu l-ħsieb li jiġi mħajjar tifdil b’rata akbar u anqas self għal konsum, għalkemm sibt li dan ma seħħx biżżejjed.
Matul is-sena kien hemm żviluppi fis-suq tal-flus li għenu biex dan is-suq ikompli jikber u jersaq ħalli jibda jaħdem aħjar. Fil-fatt, il-volum tan-negozju fis-suq tal-flus tela’ għal aktar minn Lm730 miljun fl-1996, imqabbel mat-Lm320 miljun li kien reġistrat fl-1995. Fis-suq primarju, inħarġu għall-ewwel darba bills tat-Teżor bi skadenza ta’ xahar. Fis-suq sekondarju, in-negozju f’bills li kienu ġew akkwistati fis-suq primarju kiber sostanzjalment. Kien hemm aktar attivita' fis-self ta’ bejn il-banek infushom, filwaqt li l-Bank Ċentrali fittex li jrażżan ċaqliq żejjed fl-interessi fis-suq tal-flus permezz ta’ bidla fil-mod kif il-banek kummerċjali jimmaniġġjaw ir-riservi li huma mitluba jżommu ma’ l-istess Bank. Is-suq tal-kapital, fejn isir self bi skadenza fit-tul, kien dominat minn ħarġiet ta’ stocks tal-Gvern, li matul l-1996 ħareġ stocks id-doppju ta’ l-1995 biex jiffinanzja l-iżbilanċ attwali ta’ l-1995 u l-iżbilanċ proġettat ta’ l-1996. Iżda dan it-tieni total ta’ stocks ma kienx biżżejjed biex jiffinanzja iżjed minn terz ta’ l-iżbilanċ li attwalment irriżulta u li beda jinbena b’rata qawwija ħafna qabel l-elezzjoni ta’ Ottubru.
Sadanittant, in-negozju fis-suq sekondarju tal-kapital jidher li qed jaħdem aħjar bil-moderniżżazzjoni tas-sistema li fuqha timxi il-Borża. Barra minn hekk, twaqqfu skemi ta’ investiment kollettiv, li għandhom ikattru n-negozju u l-likwidita` tas-suq.
Servizzi Finanzjarji
Fis-settur bankarju, il-Midland Bank beda jopera lokalment matul is-sena li għaddiet. Żewġ banek barranin oħra, l-Investkredit International Bank u l-Austrian Raiffeissen Bank, waqqfu kumpaniji sussidjarji f’Malta. Aħna nilqgħu lil dawn l-istituzzjonijiet ta’ reputazzjoni internazzjonali serja. Is-servizzi finanzjarji huwa għan li se nkomplu ninkoraġġixxu matul l-1997. Dan għandu jseħħ skond kriterji li bihom infittxu dak li hu l-aħjar fis-swieq globali, li nimmiraw b’mod fokat għal dak li jgħodd għalina, u li l-iżjed iżid il-valur lokali, li jkollna reġim regolatorju mill-iktar xieraq bil-Bank Ċentrali jżomm ir-rwol tiegħu ta’ superviżjoni fl-oqsma li ilu jattrezza għalihom u jindukrahom waqt li ċ-Ċentru Finanzjarju jsaħħaħ is-superviżjoni fil-qasam tiegħu.
Il-viġilanza f’dan il-qasam tas-servizzi finanzjarji trid iżżomm il-pass ma’ l-isforzi li jsiru biex nattiraw iżjed minn dan ix-xogħol lejn Malta u għandha hi stess tikkontribwixxi għal dawn l-isforzi. Min hu serju jfittex is-serjeta`.
Il-QaGĦda Finanzjarja fl-1996
Kif fissirt, l-amministrazzjoni l-ġdida wirtet qagħda finanzjarja li kienet qiegħda titmermer. Biss biss id-dħul minn sorsi ordinarji fl-1996 kien ferm anqas minn dak stmat fil-Budget u meħtieġ biex isostni l-ispiża rikorrenti ta’ l-operat pubbliku.
B’hekk, waqt li l-Estimi pproġettaw żbilanċ (qabel għotjiet u self) ta’ Lm54 miljun, dan tela’ għal Lm132.8 miljun. Meta tqis l-għotjiet u self barrani, l-iżbilanċ li fl-Estimi kien meqjus li se jkun Lm32.8 miljun tela’ għal Lm108.9 miljun, żieda ta’ Lm76 miljun. Dan kien minħabba żbilanċ strutturali li kiber tul l-aħħar snin u l-estimi ta’ Dħul li saru għall-1996.
Barra minn dan l-iżbilanċ kbir ta’ livell li bħalu qatt ma kellna qabel, il-Gvern sab ukoll bilanċ kumulattiv kommess ta’ madwar Lm15 miljun li mhux attribwit għal ħlasijiet li, kif jiġri minn sena għall-oħra, ma jkunux laħqu saru fl-aħħar tas-sena. Il-Ministeru responsabbli mill-Finanzi qiegħed iħares bir-reqqa lejn din il-qagħda. Ovvjament krediti dovuti jridu jitħallsu. GĦaldaqstant dawn l-eċċessi fl-infiq ikomplu jżidu ma’ l-iżbilanċ qawwi li sabet proġettat għall-1997 din l-amministrazzjoni.
Dħul Ordinarju
Id-dħul ordinarju tal-Gvern kien Lm69.4 miljun anqas milli proġettat. Dan ifisser li se jkunu daħlu Lm446.1 miljun mit-tbassir oriġinali ta’ Lm515.4 miljun. Id-dħul mill-VAT, kif kien ilu magħruf mill-Gvern l-ieħor minn ħafna qabel l-elezzjoni, kien Lm31 miljun anqas milli ġie proġettat fil-Budget tal-1996. Hu ċar li t-tbassir oriġinali li għamlet l-amministrazzjoni l-oħra li ddaħħal Lm110 miljun netti mill-VAT kien għoli fl-aspettattiva - u r-riżultat ta prova ta’ dan minn kmieni matul is-sena, kif ġie mwissi dak iż-zmien il-Gvern ta’ qabel.
Sorsi oħra ta’ dħul li jidher ċar li kienu stmati ’l fuq minn dak li wieħed seta’ jistma ragjonevolment kien d-dħul mill-Income Tax li naqas b’Lm7 miljun u mill-Liċenzji, Taxxi u Multi fejn ukoll ġie rreġistrat dħul ta’ Lm7 miljun inqas. Dħul ieħor ta’ Lm15-il miljun baqa’ ma daħalx mid-Dħul Mixxellanju . Dħul ieħor ta’ Lm3 miljun mill-profitti tal-Korporazzjonijiet Pubbliċi ma seħħx minħabba li l-profitti ma seħħewx.
Dan in-nuqqas fid-dħul ordinarju tal-Gvern ittaffa ftit b’żieda netta ta’ Lm2.8 miljun minn finanzjament minn sorsi barranin.
Dostları ilə paylaş: |