Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,51 Mb.
səhifə2/6
tarix09.03.2018
ölçüsü0,51 Mb.
#45270
1   2   3   4   5   6

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista li turi l-ispiża b'konnessjoni ma' l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bejn l-1993 u l-1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13890;
Informazzjoni dwar membri fil-Korp tal-Pulizija għaddejjin proċeduri quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14259;
f'isem il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-applikazzjonijiet li dehru quddiem id-Development Control Commission ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bejn Lulju 1997 u l-15 ta' Marzu 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13165;
Kopja tal-kondizzjonijiet maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mal-permess għall-użu tal-barriera għar-radam fl-GĦarb, GĦawdex, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamnetari numru 13201; u
f'isem il-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar social cases fl-Isptar Zammit Clapp u l-Isptar San Luqa, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14417.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar persuni impjegati f’dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti, bejn l-1 ta' Jannar 1988 u t-30 ta' Settembru, 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11567;
Tagħrif dwar kuntratti mogħtija minn dipartimenti, kumpanniji u entijiet oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali bejn l-1 ta' Novembru, 1996 u Mejju, 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11904;
Tagħrif dwar direct orders mogħtija mid-dikasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali għall-perjodu bejn l-1 ta' Novembru, 1996 u l-31 ta' Ottubru, 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12247;
Tagħrif dwar karozzi u mobile phones użati fid-dikasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali bejn is-16 ta' Mejju, 1987 u Settembru, 1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12332;
Tagħrif dwar wheelchair cases u każijiet ta' tfal b'diżabilita' li jsibuha diffiċli jitilgħu taraġ, fi skejjel tal-Gvern, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12409; Tagħrif dwar impjegati part-time fil-Pixxina Nazzjonali b’żieda mat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 12252, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12493;
Tagħrif dwar tenders ta' valur aktar minn Lm10,000 maħruġa minn dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali bejn l-1 ta’ Novembru, 1996 u Mejju, 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13442;
Lista ta' kumitati soċjali lokali li ngħataw għajnuna finanzjarja mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali matul is-snin bejn l-1995 u l-1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13563;
Rapport dwar l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi li saru fl-1994 fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol, GĦajn Dwieli fil-Kottonera, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13638; u
Lista li turi l-postijiet li fihom saru żjarat waqt il-ħarġiet kulturali li saru mid-Dipartiment tal-Kultura bejn Novembru, 1996 u Mejju,,1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14389.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SELF LOKALI

LOCAL LOAN BILL



L-Ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.

Ikompli mit-12 ta' Mejju, 1998.

Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MADAM SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Louis Galea.
ONOR. LOUIS GALEA: Madam Speaker, nibda billi ngħid li bil-pawsa tal-lejl, bejn id-diskorsi tal-bieraħ u ta' dalgħodu, ma sibtx raġuni valida għaliex għandi nbiddel il-fehma tiegħi fuq dan l-abbozz ta' liġi, li permezz tiegħu l-Gvern qed jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Parlament biex jissellef sa Lm110 miljun. Waqt li l-Ministru tal-Finanzi kien qed jintroduċi dan l-abbozz ta' liġi, b'tongue-in-cheek stieden lilna, Membri ta' l-Oppożizzjoni, biex fid-diskors tagħna nżommu r-realtajiet quddiem għajnejna. Ma naħsibx li biex nagħmlu dan irridu nieħdu l-eżempju li tagħna l-Ministru fl-introduzzjoni li għamel. Qiegħed ngħid dan għaliex id-diskors li għamel il-Ministru l-bieraħ, a paragun ma' ħafna diskorsi li saru minn esponenti oħra ta' dan il-Gvern f'din il-Kamra, tista' tiddeskrivih biss bħala attitudini li t-Taljani jsejħulha dalle stalle alle stelle, mill-istalel għall-istilel. Veru li aħna pajjiż ta' l-estremi għax sena ilu tawna stampa enfasizzata ta' pajjiż fallut, ta' Gvern Nazzjonalista li warajh ħalla sitwazzjoni assolutament falluta, u issa morna għan-naħa l-oħra u qed jagħtuna stampa ta' pajjiż li qiegħed jirpilja fuq kull front.
Jien sinċerament u minn qalbi ngħid li nixtieq li dak li qal il-Ministru tal-Finanzi l-bieraħ, jiġifieri li qed nirpiljaw fil-manifattura, li qed nittekiljaw il-problema tad-deficit strutturali, li qed nikkontrollaw il-problema tan-nefqa fis-settur pubbliku, u li fit-turiżmu sejrin tajjeb ħafna, huwa minnu. Kieku dawn huma affarijiet li huma parti mir-realta' li għandna quddiemna jiena nieħu gost ħafna bihom u ngħid: Minn fomm il-Ministru għal fomm Alla! J'Alla l-ġid li qed jipprospetta l-Ministru Brincat ikun ġid li jseħħ fir-realta' u li jmissuh b'idejhom il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Pero' meta mbagħad tidħol iktar fil-fond u tara dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, u tara dak li qal il-predeċessur tiegħu, l-Onor. Lino Spiteri, u meta teżamina ftit iktar dak li qed jiġri madwarna, allura bilfors ikolli ngħid li ma nistgħaġeb xejn li xi ħadd li ilu josserva x-xena politka f'Malta għal dawn l-aħħar 40 sena jgħid: Donnu li huwa naqra diffiċli li dawn in-nies jitgħallmu mill-iżbalji tal-passat! Donnu li l-attitudini u l-impostazzjoni tal-problematika tal-pajjiż - ta' gvern li jista' jkun bħal l-gvernijiet ta' qablu, parlamentari bħall-parlamentari ta' din in-naħa, tan-naħa l-oħra u ta' qabilna - hija li l-iżbalji tal-passat ftit li xejn nitgħallmu minnhom. Naturalment jekk ma nitgħallmux mill-iżbalji tal-passat dan ma nkunux qed nagħmluh tant a spejjeż tagħna daqskemm a spejjeż tal-poplu, l-aktar dawk li jifilħu l-inqas.
Jien nixtieq li f'dan il-kontribut tiegħi dwar dan l-abbozz ta' liġi nagħmel tliet tipi ta' rimarki. L-ewwel nixtieq nagħmel rimarki bi tweġiba għal xi punti ta' natura ta' politika partiġjana li saru s'issa, għax naħseb li huma rimarki li wieħed m'għandux iħallihom għaddejjin bħallikieku ma ntqalux għaliex, kif jgħid it-Taljan, troppo bonta' bestialita'. Irrid nagħmel ukoll kwalita' ta' rimarki li jolqtu l-problema tad-deficit u l-ammonti li qed jiddejjen il-Gvern illum. Fl-aħħar nixtieq ukoll, marbut ma' dan it-tieni punt, nagħmel rimarki dwar id-direzzjoni li qiegħed jgħid li qed isegwi l-Gvern, b'relazzjoni għall-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna. Madam Speaker, nibda billi nirrispondi xi ftit rimarki ta' natura partiġjana.
Sew il-Ministru tal-Finanzi, l-Onor. Leo Brincat, u anke l-predeċessur tiegħu, l-Onor. Lino Spiteri, għamlu attakk fuq l-Oppożizzjoni u qalu li hawn oppożizzjoni magħmula mill-Partit Nazzjonalista li hija negattiva u distruttiva. X'imkien ieħor xi ħadd kiteb li hawn oppożizzjoni ta' "total obstruction". Qalulna li aħna "prophets of doom", inbeżżgħu u naqtgħu l-qalb. Jien naħseb li dawn it-tip ta' kummenti jixirqilhom risposta. Dawn huma t-tip ta' attakki li l-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni sofra mill-amministrazzjoni Laburista mmexxija mill-Onor. Dom Mintoff u minn Dr Karmenu Mifsud Bonnici. Kulħadd jiftakar kemm għajruna li aħna oppożizzjoni negattiva u distruttiva u li nbeżżgħu u li naqtgħu l-qalb. Imma naħseb li jkun aħjar l-ewwel li tan-naħa l-oħra jiddeċiedu x'jaħsbu li hi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Għaliex jew aħna tant attivi, tant qed nagħmlu oppożizzjoni dinamika li l-Gvern qed iħoss ruħu soffokat mill-attakk tagħna, jew inkella, kif anke kiteb l-istess Ministru Brincat, u kif anke jgħidu diversi kelliema tan-naħa l-oħra, din hi oppożizzjoni dgħajfa, oppożizzjoni li għadha ma qamitx mix-xokk tat-telfa, oppożizzjoni "that needs to get its act together". X'aħna, oppożizzjoni dgħajfa jew oppożizzjoni li għandha l-ħila li tagħmel total obstruction? Tajjeb li hawn neżaminaw ftit jekk l-Oppożizzjoni jixirqilhiex dan l-attakk u nsemmi xi affarijiet, 'l hinn u 'l hawn, ħalli naraw jekk verament l-Oppożizzjoni Nazzjonalista sal-lum kenitx irraġonevoli u moħħha biss biex tbeżża' bil-babaw.
Madam Speaker, hawn irrid infakkar li t-transfer tal-poter sar f'ambjent ta' tolleranza u demokrazija, mertu wkoll - u nirrikonoxxih - tal-Partit Laburista llum fil-gvern u ta' l-Onor. Alfred Sant, illum Prim Ministru. Dan kien transfer ta' poter li għall-ewwel darba, f'ċertu sens, il-Maltin setgħu jgħidu: Hekk taħdem demokrazija normali. Ħalli niftiehmu, proprjament m'għandna qatt nistgħaġbu b'dak li huwa normali, imma wara kollox tajjeb li jiġi rrikonoxxut dan ukoll. Irrid ngħid li l-Partit Nazzjonalista mar fl-oppożizzjoni wara telfa li ħafna, inkluż ħafna Laburisti, ma kenux qed jistennew. Il-Partit Laburista spiċċa fil-gvern wiċċ imb'wiċċ ma' realta' finanzjarja, li skond ma qalulna ma kenux qed jistennew. Mela f'ċertu sens wieħed jista' jgħid li l-Partit Nazzjonalista iktar minn sena u nofs ilu kien ixxukkjat bit-telfa elettorali u, skond huma, il-Partit Laburista xxukkjat b'dak li sab. Issa ejja naraw ftit kemm f'dan ix-xenarju l-Oppoiżizzjoni Nazzjonalista kienet oppożizzjoni negattiva.
Jiftakru l-kelliema tal-Gvern kemm sa mill-ewwel diskorsi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b'mod partikolari sa mill-ewwel diskorsi tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, l-Onor. Eddie Fenech Adami, bdiet twissi lill-Gvern Laburista biex jikber, biex jinduna li ma għadux fl-oppożizzjoni, biex jifhem li issa għandu responsabbilta' ta' gvern u allura għandu joqgħod attent dwar kif qiegħed ipinġi stampa mill-aktar sewda ta' x'ħalla warajh gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista? Jiftakruhom dawn it-twissijiet il-kelliema tal-Gvern, Madam Speaker? Dak iż-żmien il-kelliema tal-Gvern kienu għamlu storbju u bdew jgħidu li d-deficit kien ta' miljuni kbar. Lanqas naf kemm smajna diskors dwar ħofor, li kullimkien qed jikkrolla u kullimkien fallut. Issa llum sibna li ma kenitx ħofra daqskemm qalu li hija kbira, kienet inqas, imma fuq dan nitkellem ftit iktar tard. Jiftakru fid-diskors u fit-twissija ta' l-Oppożizzjoni li dak id-diskors, proprju fil-bidu ta' l-amministrazzjoni Laburista, kien diskors irresponsabbli? Jiftakru li aħna konna għidnilhom li dik kienet attitudini li se ġġib inċertezza kbira fil-pajjiż?
Meta f'dawn iż-żmienijiet li qed ngħid jien il-Partit Nazzjonalista beda d-diskors dwar l-inċertezza kien vuċi fid-deżert, Madam Speaker. Pero' kif spiċċajna mbagħad hekk kif bdejna nżommu r-realtajiet tal-ħajja quddiemna? Spiċċajna li minn oppożizzjoni li kienet qegħda b'vuċi solo, għall-ewwel bdejna bi duet, komplejna a quattro voci, u mbagħad kellna kor nazzjonali, Laburisti u m'humiex, unions ta' kull tip, u korpi kostitwiti u m'humiex, kollha jgħidu: Hawn gvern li qiegħed iġib l-inċertezza fil-pajjiż. Meta dak iż-żmien konna qed inwissu lill-Gvern u ngħidulu li gvernijiet oħra ma jġibux ruħhom hekk, qalulna li dik hija attitudini ta' oppożizzjoni negattiva. Imma l-Partit Nazzjonalista spiċċa bil-biċċa l-kbira tal-poplu jagħtih raġun. Issa aħna nafu l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni kemm kien xempju ta' oppożizzjoni kostruttiva, meta l-Gvern Nazzjonalista kien qiegħed jintroduċi l-liġi tal-VAT u diversi miżuri oħra! Kieku kellna nkunu negattivi u distruttivi, għandna fost l-aħjar xempji li tista' ssib fid-demokraziji tal-Punent.

Madam Speaker, naħseb li l-kelliema tal-Gvern żgur li jiftakru kemm il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament u barra l-Parlament wissa dwar l-implikazzjonijiet tat-tneħħija tal-VAT. Issa tneħħiet il-VAT. Kif spiċċajna wara dawn it-twissijiet ta' din l-oppożizzjoni "negattiva"? Għall-ewwel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista bdiet titkellem hekk waħedha, imbagħad bdiet tingħaqad xi vuċi jew tnejn, imbagħad xi erba' vuċijiet, u erġajna ġejna kor nazzjonali u b'consensus nazzjonali u b'membri taż-żewġ naħat tal-Kamra jaqsmu dawn l-ideat fuq din is-sistema fiskali u l-implikazzjonijiet ta' dak li qed jagħmel il-Gvern. Daqshekk hija negattiva l-Oppożizzjoni!


Ma jiftakrux il-kelliema tal-Gvern kemm din l-oppożizzjoni ta' "total obstruction" wissiet dwar l-implikazzjonijiet ta' l-iffriżar ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Anke dwar dan bdejna b'vuċi solitarja min-naħa ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista imma bil-mod il-mod, meta ffaċċjajna r-realtajiet ta' madwarna, kif stedinna nagħmlu l-Ministru tal-Finanzi, minn vuċi waħda erġajna bdejna nsiru tnejn u erba', vuċijiet ta' kull lewn politiku u vuċijiet li ġejjin minn esponenti ta' statura politika nazzjonali u erġajna ġejna, tista' tgħid, kor nazzjonali appoġġat minn sondaġġi ta' opinjoni pubblika li juru fehma ta' maġġoranza konsistenti fuq dan is-suġġett, u dik l-oppożizzjoni li kienet negattiva meta bdiet titkellem fuq dan is-suġġett spiċċat li kellha raġun għax it-twissijiet li kienet tagħti huma sinkronizzati ma' dak li jaħsbu l-esperti, ma' dak li jaħseb kull min hu f'sensih u kull min għandu s-sens komun, ma' kull minn isegwi u ma' dak li jixtieq il-poplu Malti. Issa ma rridux immorru 'l bogħod lanqas.
Il-kelliema tal-Gvern li qed jgħajru lil din in-naħa kemm hi negattiva din l-oppożizzjoni, kemm tgħid ħmerijiet, kemm tbeżża' bix-xejn u bil-babaw, jiftakru meta sitt xhur ilu l-Ministru tal-Finanzi ressaq il-budget u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista mill-oppożizzjoni wissewh biex joqgħod attent dwar dak li kien qed jagħmel, dwar iż-żieda fil-costs of production, dwar iż-żieda fl-ispiża, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li permezz tagħhom se jkun hawn impatt soċjali negattiv u dwar ir-rati ġodda tad-dawl, ta' l-ilma u tad-drenaġġ li se jagħfsu lil min jiflaħ l-inqas. Kemm iddieħqu bina l-Prim Ministru, il-Ministru tal-Finanzi u l-kelliema tal-Gvern fid-dibattitu tal-budget! Kemm għajruna oppożizzjoni negattiva u distruttiva! U x'ġara għal darb'oħra? Erġajna rajna kif dan l-assessment li għamlet din l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tant negattiva, ġurnata wara l-oħra hekk kif kulħadd beda jiffaċċa r-realtajiet tal-ħajja ta' madwaru, beda jiġbor kunsens li beda dejjem jitwessa' sakemm sar mewġa li radmet lill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, li radmet lill-Onor. Lino Spiteri, li daħlithom biex ikunu konsulenti tal-GWU u spiċċaw b'rapport dwar kemm wara kollox kellu raġun il-Partit Nazzjonalista meta qal li dawk ir-rati huma anti-soċjali, anti-ekonomiċi u anti l-iżvilupp ta' pajjiżna. Jiena semmejt erba' affarijiet biss minn lista twila għax f'din is-sena u nofs ġara ħafna bejn il-paroli u l-fatti u bejn l-impressjoni ta' stil maniġerjali impekkabbli u r-realta'.
Meta l-Onor. Lino Spiteri jgħidilna biex noqogħdu attenti għax niġu skreditati żgur li jkun qed jgħid hekk minn fommu 'l barra għax naħseb jaf li jekk hawn xi ħadd li bħalissa qed jiġi skreditat żgur m'huwiex il-Partit Nazzjonalista. L-Onor. Spiteri qalilna biex noqogħdu attenti għax dan huwa pajjiż delikat u mhux sew li nimbuttawh iżżejjed wiċċu 'l isfel u patattu 'l fuq! Imma lil min qed jgħidu dan id-diskors l-Onor. Spiteri? Lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li xahar wara xahar qaltlu biex joqgħod attent kif ipoġġi l-pajjiż wiċċu 'l isfel? Jew forsi, kif iħobb jagħmel hu jilgħab il-karambola, kien qiegħed jindirrizza lil din in-naħa biex id-diewi tiegħu jasal proprju faċċata għand sieħbu l-Prim Ministru! F'dawn l-aħħar għaxar snin żgur li ma kien hawn ħadd li mbotta lil pajjiżna wiċċu 'l isfel u patattu 'l fuq daqs il-Prim Ministru Alfred Sant. Dażgur li pajjiżna delikat! Issa qed nindunaw li pajjiżna delikat? Daqskemm qalet l-Oppożizzjoni li fejn si tratta ta' dawn l-affarijiet - illum ħafna aktar minn għaxar snin jew għoxrin sena ilu - kollox qiegħed fuq bilanċ ta' xifer ta' xafra u li dawn l-affarijiet wieħed irid jifhimhom. Pajjiżna llum sar delikat? Ma kienx delikat f'Ottubru ta' l-1996 meta tela' l-Partit Laburista fil-gvern u ried joqgħod attent kif se jassessja l-problemi li kellu quddiemu, kif ikollu kull gvern, sew jekk ikun għadu kif jitla' kif ukoll jekk ikun għadu qed jiġi kkonfermat? Fil-budget ta' Jannar ta' l-1997 pajjiżna ma kienx delikat? Fil-budget ta' Novembru ta' l-1997 ma kienx delikat? Altru li kien delikat!
Qalilna wkoll l-Onor. Spiteri biex ma naqtgħux qalb dak li jkun. Naqtgħu qalb dak li jkun? Mela aħna qegħdin naqtgħu qalb dak li jkun? Aħna lill-Gvern qed ngħidulu biex joqgħod attent u ma jpoġġix lill-poplu tagħna u lil pajjiżna on a life-supporting system għax imbagħad ikun inutli ngħidu li m'għandniex naqtgħu qalb dak li jkun. Jien hekk qed nistħajjel li ġara. Ħafna mid-diskors li għamel il-Gvern f'din is-sena u nofs kien ta' qtigħ il-qalb. Għandna sitwazzjoni li tixbaħ ħafna lil dik li wieħed isib fl-ITU, fejn bniedem, mhux għax qalbu tkun maqtugħa imma għax tant ikun malandat, ipoġġuh on a life-supporting system. Dażgur li dan huwa dak li se jiġri! Imma x'kien iwissi l-Kap ta' l-Oppożizzjoni f'dawn iż-żmenijiet kollha meta kienu jsiru dawn il-psewdo-analisi u l-psewdo-rapporti ta' kullimkien fallut u kullimkien ħofor? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien iwissi biex ma naqtgħux qalb in-nies u biex ma neħdulhomx il-fiduċja.
L-Onor. Spiteri qalilna wkoll li jekk hemm xi problemi għandna naffaċċawhom. Dażgur li għandna naffaċċaw il-problemi! Imma hawnhekk id-domanda importanti hija din: Are we really facing these problems? Mid-diskors tal-Ministru tal-Finanzi u ta' l-Onor. Spiteri ma nħossx li qed naffaċċaw il-problemi veri. Mhux qed nirriferi għal kull problema li tissemma' f'din il-Kamra, għax iż-żewġ naħat għandhom ħabta jeskoġitaw problemi li kultant ma jkunu problemi xejn, jew ma jkunux daqshekk kbar. Are we really facing the real challenges and the real problems? Id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi u d-diskors ta' l-Onor. Lino Spiteri ma jispiraw xejn that we are really facing these problems. GĦalhekk nixtieq nagħlaq l-ewwel parti tad-diskors tiegħi billi ngħid li d-diskors propagandistiku li din l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija negattiva għandu jinqata'. Mhux qed ngħid li kulma ngħidu aħna huwa vanġelu. Allaħares nimxu b'dan il-kriterju għax kieku tispiċċalna l-liberta' ta' l-espressjoni, imma għandu jkollna leeway ta' liberta' ta' espressjoni li tħalli d-diversi membri singoli jkollhom ċans jimirħu in a wide band of opinion biex ikun hawn ċerta demokrazija. Imma meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista titkellem fuq affarijiet ta' importanza nazzjonali u fundamentali, meta tafferma pożizzjoni, tinsisti fuqha, tiftaħ għajnejn dak li jkun u taħdem biex tqanqal kuxjenza nazzjonali fuq dawn l-issues kruċjali, ejja ma ngħidux li din hija oppożizzjoni negattiva, sempliċement għax ma naqblux mal-point of view tagħha! Nerġa' ngħid li taħt l-ex-Prim Ministru Mintoff u taħt l-ex-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, bl-appoġġ ta' ħafna mid-deputati llum fuq in-naħa tal-Gvern, inkluż tal-Prim Ministru Alfred Sant, konna xbajna nisimgħu kemm aħna oppożizzjoni xewwiexa, li aħna għedewwa tal-poplu u tant affarijiet oħra bħal dawn. Domna 16-il sena biex ħadna raġun, imma finalment min bata? Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li bata kien il-poplu u l-pajjiż.
Ngħidu wkoll li l-Oppożizzjoni hija negattiva. Imma x'inhi oppożizzjoni u kif għandha tkun? Il-verita' hi li f'demokrazija, aktar ma gvern ikun b'saħħtu, aktar jenħtieġ oppożizzjoni b'saħħitha. Aktar kemm gvern jipprova joħloq dik li tissejjaħ grand coalition ta' interessi differenti tal-pajjiż, avolja ħafna minnhom jistgħu jkunu konfliġġenti ... M'hemmx dubju li l-Prim Ministru Alfred Sant qiegħed jipprova joħloq a grand coalition ta' dawn l-interessi - jien m'iniex se nlumu għax kieku jien hekk nipprova nagħmel - imma ma naħsibx li qed jirnexxielu ħafna u sfortunatament għall-pajjiż ma jidhirx li għandu l-aħjar atteġġament biex jagħmel hekk, imma jekk jirnexxielu jsib il-kunsens ta' dawn l-interessi varji allura aktar għandu bżonn oppożizzjoni li tkun b'saħħitha.
Dan l-aħħar kont qed naqra "The Daily Mail" u laqatni kumment f'artiklu li kiteb Lord Blake, u wara li smajt lill-Onor. Spiteri jitkellem mort infittxu. Lord Blake qal hekk:
"For our unique unwritten constitution is adversarial in nature. It needs conflict. That is its great strength. Indeed without a formidable opposition to test ministerial ideas to the point of destruction, even the government suffers."
Lord Blake fakkar fil-famuża frażi ta' Disraeli meta qal hekk:
"The opposition's task is to oppose, oppose and oppose again. Without that spur no government can long be secure."
Tista' taqbel jew ma taqbilx u tista' tgħid li nbidlu ċ-ċirkostanzi imma jiena ma nemmen assolutament xejn f'oppożizzjoni li topponi for opposition's sake. Jiena nemmen li d-dmir ta' l-oppożizzjoni huwa li topponi b'mod kostruttiv, b'mod onest u b'mod konsistenti, għax l-inkonsistenza li nara f'ħafna mill-affarijiet li jgħidu l-kelliema tal-Gvern u li jagħmlu n-nies tal-Gvern hija xi ħaġa qawwija ħafna. Nerġa' nirrepeti li d-dmir l-oppożizzjoni huwa li topponi b'mod kostruttiv, b'mod onest u b'mod konsistenti. Aħna wrejna kif nopponu b'mod kostruttiv.
Kultant jgħidulna li aħna oppożizzjoni negattiva imma ma nfissrux u ma nfehmux lill-poplu Malti kemm liġijiet f'din il-Kamra - wara li jgħaddu mill-forn tal-Gvern u mil-forn ta' l-esperti legali tal-Gvern - jitjiebu meta jiġu mirquma mill-kummenti ta' deputati li jirriflettu s-sens komun u jkun hawn min ukoll jirrifletti l-expertise legali. Ejja naqbdu l-liġijiet u naraw kemm hemm minnhom - meta ma jkunux affarijiet ta' kontroversja kbira - li sarulhom emendi bl-appoġġ ta' l-Oppożizzjoni. Hemm kwantita' minnhom, Madam Speaker. Dan nibqa' ngħidu għax f'dan il-pajjiż ma nistgħux nibnu tajjeb, speċjalment fi żmenijiet tal-lum, jekk nibqgħu ngħidu li l-oppożizzjoni hija negattiva. Xogħolna hu illi nopponu b'mod onest, b'mod konsistenti u b'mod kostruttiv. Id-dmir ta' l-Oppożizzjoni huwa wkoll li żżomm lil din il-Kamra konxja minn affarijiet li jkunu qegħdin jiġru u li jekk ma tqanqalhomx l-oppożizzjoni - hi min hi, tista' tkun Oppożizzjoni Laburista jew Oppożizzjoni Nazzjonalista - dawk l-affarijiet ma jaslux sa dan il-livell. Huwa dmir ukoll ta' l-oppożizzjoni li tipproponi u tevolvi politika u strateġiji alternattivi, għax b'hekk tkun tista' sservi lill-poplu u lid-demokrazija. Issa m'għandniex niġru bl-idea li din l-Oppożizzjoni għandha xi rwol jew xi possibbilta' li tkun xi deus ex machina fi żmenijiet tal-lum, jew li għandha xi saħħa li tkun total obstruction. Il-gvernijiet ma tantx jinbidlu sempliċement għax ikollhom oppożizzjoni b'saħħitha imma jinbidlu minħabba l-ġrajjiet li jseħħu fi ħdan l-istess gvern.
Ngħaddi issa għat-tieni kwalita' ta' rimarki li nixtieq nagħmel fuq dan l-abbozz ta' liġi. Nibda billi nsemmi l-problema tad-deficit u għat-talba li qed jagħmel il-Gvern lil dan il-Parlament biex jawtorizzawh jissellef sa Lm110 miljun. Issa dan barra li konna diġa' awtorizzajnih jissellef xi Lm130 miljun oħra u allura b'kollox f'sentejn se jkun issellef xi Lm300 miljun. Il-Ministru tal-Finanzi ġie hawnhekk u għamel l-espożizzjoni tiegħu. Imma semma' xi argumenti validi li jistgħu jikkonvinċu lil xi ħadd u jserħulu rasu? Apparti li ma nistax nifhem kif nista' nafda lill-Gvern Laburista preżenti with a borrowing requirement programme fit-tul li diġa' tela' għal madwar Lm300 miljun, jekk lanqas wera ruħu li hu kapaċi jipprogramma bis-serjeta' u bi kredibbilta' budget għal sena waħda, naħseb li hemm argumenti li vale la pena jiġu rripetuti.
L-ewwelnett bil-mod il-mod aktar qed toħroġ ċara l-verita' dwar x'management ta' kafkaf għandna li werwer lil kulħadd bil-ħofra, biex issa bdejna ngħidu li l-ħofra m'hijiex ta' Lm125 kif għidna qabel imma ta' Lm22 miljun inqas, qisna qed nilagħbu bis-soldi u biċ-ċenteżmi! Ma qalulniex kif filli ma riedux jimxu fuq politika ta' privatizzazzjoni ta' ishma u proprjeta' pubblika - kif kellu kull intenzjoni li jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern - imbagħad f'temp ta' sena ssir kuntrumbajsa, issir U-turn, u nerġgħu nibdew nimxu fuq il-linja ta' privatizzazzjoni. Ara kieku dik il-privatizzazzjoni kompliet mhux biss konna niskopru li l-ħofra m'hijiex daqskemm qalu huma imma Lm22 miljun inqas, imma kienet tkun b'xi Lm20 miljun inqas oħra, jiġifieri minn Lm125 miljun diġa' inkunu ġejna għal madwar xi Lm80 miljun. Dan apparti l-argument - fost l-argumenti tajbin li għamel il-bieraħ l-Onor. Josef Bonnici - li jekk ir-ritmu ta' l-ekonomija qed jitnaqqas u t-tkabbir ekonomiku m'huwiex bir-rata li konna mdorrijin biha, allura anke l-ekonomija tagħna u d-dħul tal-gvern se jkun bata. Il-biża', l-isfiduċja, il-qtigħ il-qalb, l-attitudni negattiva u diviżiva mhux l-Oppożizzjoni taħti għaliha imma jaħti għaliha l-Gvern Laburista għax minflok iffaċċa l-problema b'għaqal u fl-interess nazzjonali, ħela ħafna żmien. Nenfasizza li l-Gvern minflok iffaċċa l-problemi ħela ħafna żmien u ż-żmien huwa prezzjuż ħafna għall-poplu Malti. Illum li qiegħed fuq din in-naħa nista' nara b'aktar ekwanimita' kemm stajna ħdimna aktar u kemm stajna konna aktar urġenti f'ħafna mill-affarijiet li konna qegħdin nagħmlu. Imma issa nixtieq nirrifletti ftit fuq punt ieħor.
Meta gvern jissellef bir-rata li qed jissellef dan il-Gvern, suppost jistimula l-ekonomija tal-pajjiż bl-aktar mod qawwi. Fl-ewwel budget li konna ressaqna meta tlajna fil-gvern fl-1987/1988, konna mbarkajna fuq politika li nagħmlu deficit ta' xi Lm30 miljun li kien meħtieġ għall-interess tal-pajjiż u tal-poplu tagħna. B'dak l-ammont il-pajjiż qabad rankatura li fl-istorja moderna tiegħu ma jafx bħalha. Tista' ssib ħafna x'tikkritika dwar x'ġara f'dawk id-disa' snin - anke jien nagħmel analisi u awtokritika ta' x'ġara f'dawk id-disa' snin - imma ħadd ma jista' jinnega l-fatt li kien feel-good factor reali, u ma jiġux jgħidulna li l-feel-good factor kien xi ħaġa artifiċjali. Lanqas m'huwa artifiċjali l-feel-bad factor li għandna llum. Allura kif nistgħu nifhmuha din? Għandna gvern li fl-ewwel budget tiegħu - barra li ried ikopri dik il-ħofra li qal li sab - ried jerġa' jissellef, reġa' għamel budget u qed jitlob l-awtorizzazzjoni tagħna biex jissellef sa Lm110 miljun u din l-ekonomija tagħna m'hijiex qed tiġi stimulata. X'inhi l-verita', dik li qed jgħid l-Onor. Leo Brincat li r-rota issa bdiet iddur? Dik li qed jgħid l-Onor. Josef Bonnici? Dak li qed iħoss il-poplu li hawn ekonomija staġnata? Kif jista' jkun li tissellef daqstant u l-ekonomija ma tistimulax ruħha? X'hemm fundamentalment ħażin f'dak kollu li qegħdin nagħmlu?
Yüklə 0,51 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin