MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili niġbidlek l-attenzjoni li skadilek il-ħin u għandek bżonn extension. ONOR. MICHAEL REFALO: Nipproponi li l-Onor. Galea jkompli jinstema'.
ONOR. LOUIS BUHAGIAR: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Galea jkompli jinstema'. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. LOUIS GALEA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Madam Speaker qalulna biex naraw kif niffaċċaw il-problemi. Hawn il-problema tad-deficit strutturali. Dażgur li rridu niffaċċaw din il-problema! Imma fil-fatt qegħdin niffaċċawha? Naħseb li l-problema tad-deficit tal-gvern hi the tip of the iceberg tal-problemi strutturali li jrid jiffaċċa l-Gvern u l-pajjiż. Ir-realta' turi li taħt din il-problema li tissemma' ħafna tad-deficit strutturali għandna ħafna ineffiċjenzi fis-settur pubbliku. Hawn il-ħtieġa li ssir ristrutturazzjoni u biex wieħed jagħmilha ma jistax jibqa' jagħfas fuq is-settur privat għax il-problema l-kbira m'huwiex is-settur privat imma s-settur pubbliku. Allura huwa hawn li wieħed irid jipprova jifhem x'qed jiġri.
Jien kont qiegħed insegwi mill-aħjar li nista' - forsi mhux bl-istess professjonalita' li jsegwu wħud minn sħabi, bħall-Onor. John Dalli u l-Onor. Josef Bonnici - u kont qiegħed naqra l-artiklu ta' l-ekonomista Lino Delia, fejn spjega li f'pajjiżna d-dħul mit-taxxa fuq firxa ta' 20 sena kien fil-livell ta' 30% tal-GDP. Issa kulħadd jaf li diversi gvernijiet ipprovaw jaħdmu biex iżidu d-dħul tagħhom minn taxxi diretti u taxxi indiretti, u nafu wkoll li kien hawn riforma fiskali waħda wara l-oħra. L-istess, jekk inħarsu lejn l-ispiża pubblika nsibu li din kienet tiela' minn sena għal oħra, kemm f'dik li hija spiża rikorrenti u kemm fl-ispiża kapitali. Mela x'kien qiegħed jiġri? Kien qed jiġri li bil-mod il-mod bdejna naslu fi stat fejn biċċa mill-ispiża kapitali kienet qed isservi, daqqa b'mod espliċitu u daqqa b'mod inqas trasparenti, biex tkopri l-ispiża rikorrenti. Nemmen li jekk aħna għandna spiża rikorrenti li hija ċertu persentaġġ ta' l-ispiża kollha tal-gvern - jgħidu li l-ispiża rikorrenti hija ta' xi 73% jew 75% ta' l-ispiża tal-gvern - allura biċċa mid-deficit fuq l-ispiża kollha tal-gvern huwa wkoll deficit ta' l-ispiża rikorrenti. Għalhekk problema reali oħra li trid tiġi tackled - din m'hijiex problema li nibtet hekk kif tela' dan il-Gvern, għax anke l-Gvern Nazzjonalista ħass li kienet qed tersaq lejna - hija li mid-dħul ordinarju tal-gvern m'aħniex inkopru l-ispiża rikorrenti. Din hija waħda mill-kwestjonijiet fejn kulħadd irid iħabbat rasu ma' xulxin ħalli tkun tista' tiġi tackled. Irridu nifhmu li ma nistgħux niffinanzjaw l-ispiża rikorrenti permezz tad-dejn u tas-self.
Il-Gvern Nazzjonalista din ħassha ġejja wkoll u għalhekk ħadem ħafna fuq il-qasam tar-riforma ta' l-income tax, beda jaħdem ukoll fuq ċerti riformi fil-qasam tas-sigurta' soċjali u ntroduċa t-taxxa l-ġdida tal-VAT, biex ikollna taxxa li tirrifletti l-iżvilupp modern ta' pajjiż modern, li ma setax jibqa' bil-bażi dejqa tat-taxxa kif kienet, li tinjora l-iżviluppi li saru fl-oqsma tas-servizzi u ta' l-ekonomija tagħna. Pero' l-Onor. Lino Spiteri m'għandux jiġi jippriedkalna dwar il-moralita' fiskali with tongue in cheek. X'għamel il-Partit Laburista mill-bankijiet ta' l-oppożizzjoni meta aħna konna qed nipproponu li hawn bżonn li tidħol il-VAT għax din tipprovdi l-ingranaġġ u l-makkinarju biex tkun tista', ġustament u skond il-ħaqq u s-sewwa, tintaxxa attivita' ekonomika li qabel il-VAT il-gvern lanqas qatt seta' jħares lejha? X'għamlet l-Oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien? Tkellmet fuq il-moralita' fiskali? Jew bl-alleati kollha tagħha, dawk magħrufa u dawk inqas magħrufa, ħolqot kampanja li mminat? Dik oppożizzjoni negattiva, dik oppożizzjoni li tadotta attitudni ta' totalobstruction! Dak iż-żmien fil-pajjiż saħansitra kellna strike ġenerali sostnut u mbuttat mill-Oppożizzjoni Laburista. Mela niġu hawn u ngħidu għax waqqafna l-Kummissjoni għal Moralita' Fiskali! Din il-moralita' fiskali hija baby tajjeb imma ma nafx whether it is healthy or not. Huwa tajjeb li llum hemm l-Avukat Joe Micallef Stafrace, persuna li għandha l-ħila u l-kapaċita' ta' komunikazzjoni, li tista' timbotta aktar biex ixxettel il-valur li t-taxxi jridu jitħallsu minn kulħadd. Aħna dejjem hekk għidnilhom liċ-ċittadini tagħna u lil kull wieħed minna: Għati sehmek biex tieħu sehmek u għati s-sehem tiegħek fit-taxxi ġusti, fuq dak li inti tista' tiflaħ, skond il-piż li qed iġġorr, u ħu sehemek, u l-pajjiż iberikulek dak is-sehem. Imma nerġa' nistaqsi: X'għamlet l-Oppożizzjoni Laburista meta konna qegħdin nagħmlu dawn l-affarijiet? Imminat u kkorrompiet il-moralita' fiskali bil-wegħda, diretta jew indiretta, li se jitneħħa l-cash register u per conseguenza jispiċċa l-audit trail. X'ġara dak iż-żmien? X'ma għamlux meta aħna ntroduċejna r-riforma taċ-children allowance, abbinata mar-riforma ta' l-income tax! Kemm għajritna l-Oppożizzjoni Laburista li aħna qegħdin naħqru liż-żgħir! Permezz ta' din ir-riforma fiċ-children allowance, lil min kien batut kważi rrduppjajnilu l-allowance, u min kien tajjeb ma ħax children allowance imma ffranka mijiet kbar ta' liri f'taxxa ta' l-income. X'għamlet l-Oppożizzjoni dak iż-żmien? GĦalhekk jekk irridu niffaċċaw il-problemi m'għandniex niffaċċawhom bil-paroli biss imma bir-realta'.
M'iniex qed nitkellem hekk bħallikieku l-paroli u n-nuqqas ta' realiżmu huma xi dominju tan-naħa l-oħra, għax ilkoll kemm aħna l-politiċi għandna ħabta nbatu bihom, inkluż jien. Imma min jista' jgħid li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx konxju tal-problema creeping in li r-revenue ordinarju ma kienx qed iwassal biżżejjed għall-ispiża tal-gvern? Altru li kien konxju! Mhux biss il-VAT imma kemm ipprovajna nimxu lejn il-privatizzazzjoni! X'ma għamlilniex il-Partit Laburista kontra l-privatizzazzjoni, appoġġat mill-GWU? Din kienet il-fourth clause fil-kostituzzjoni tal-Partit Laburista: No to privatization; privatization over our dead bodies! Dik kienet sena ilu, imma llum mhux hekk. Hemm kienu l-problemi. Diversi gvernijiet ipprovaw jaqbdu din l-għadma mill-aktar iebsa - qed nirriferi għar-riforma tas-servizz pubbliku - u jaraw kif jistgħu jgermuha għax jafu li d-duda ta' waħda mill-kwestjonijiet tad-deficit strutturali hija fis-settur pubbliku, kemm dak governativ kif ukoll dak parastatali. Allura waħda mill-problemi li l-gvern, hu min hu, irid jiffaċċa u l-mistoqsija li jrid jagħmel hija din: Nistgħu ntellgħu d-dħul tal-gvern għal aktar mill-medja ta' 30% tal-GDP li kellna f'dawn l-aħħar 20 sena, jew ma nistgħux?
Id-deficits li għamlu l-gvernijiet kollha sal-lum, wasluna f'sitwazzjoni li probabbilment sa l-aħħar tas-sena d-dieħla nkunu qegħdin inħallsu qrib il-Lm50 miljun b'mod rikorrenti biex inħallsu l-imgħaxijiet, somma akbar mill-vot kollu tas-saħħa. Dawn sa l-aħħar tas-sena d-dieħla għandna ċans nispiċċaw inħallsuhom kollha f'imgħaxijiet. Irridu niftakru wkoll li llum il-ġurnata nbiddlu l-parametri u aħna l-politiċi ma nistgħux nassumu dak li kien jassumi l-Onor. Perit Mintoff. Fi żmienu l-Onor. Mintoff kellu ekonomija mill-aktar ċentralizzata, seta' jbiddel il-parametri 'l hawn u 'l hemm, kif kien jaħseb li jaqbel lilu. Kien hawn ekonomija internazzjonali li ħafna drabi kienet tippermettilu li jagħmilhom. Nafu kemm kienu ħżiena l-konsegwenzi talli ġara hekk imma għallinqas dak seta' b'xi mod jgħid li biċċa mill-leveragesof economic powers kienu f'idejh u ktar ma għadda żmien dawn spiċċaw.
Meta l-Partit Nazzjonalista tela' fil-gvern, biex il-pajjiż ikun modern beda jiftaħ, beda jilliberalizza, qrajna s-sinjali ta' x'qed jiġri fid-dinja, għax id-dinja kollha qed tersaq 'l hemm u wisq aktar wara dak li ġara fl-1989. Dan l-aħħar xi ħadd qal li l-agħar ħaġa li ġrat lill-Maltin wara l-aħħar gwerra kien dak li seħħ fl-1989. Meta staqsejtu x'ġara f'dik is-sena qalli li waqa' l-ħajt ta' Berlin u dawk il-ħafna pajjiżi li kienu għedewwa tal-West u ma setgħux ikunu kompetituri, f'daqqa waħda saru kompetituri tagħna l-Maltin. Kien qed jirriferi għall-Ungerija, il-Polonja u ċ-Ċekoslovakja, li filli kienu għedewwa tal-West u llum qegħdin fin-NATO u qed jinnegozjaw biex jidħlu membri ta' l-Unjoni Ewropea. Illum qegħdin fil-qalba ta' l-Ewropa u l-Bambin biss jaf x'għajnuna se jieħdu u kif se jiżviluppaw!
Illum aħna bħala politiċi ftit li xejn nistgħu nikkontrollaw dawn il-parametri li qegħdin nitkellmu fuqhom. Għalhekk kien żball kbir meta neħħejna l-VAT. Issa kulħadd qiegħed jaqbel u jaċċetta li għandna nintaxxaw bażi aktar wiesa' ta' l-attivita' kummerċjali. Biex irbaħna dan il-prinċipju kważi farrakna pajjiż. Biex naqblu fuq l-aktar ħaġa minn ewl id-dinja ta' sens komun, li għandek tintaxxa l-bażi aktar wiesa' ta' l-attivita' kummerċjali la din kibret, kważi farrakna pajjiż. U t-tort huwa kollu tagħna l-politiċi. Illum l-esperti kollha qegħdin jaqblu li l-VAT tagħti aktar, hija aktar nadifa, hija fiskalment morali, lin-negozjanti iddaħlilhom kultura ta' kontijiet preċiżi u jagħmlu ekonomija aħjar. Veru stajna ħdimna aktar fuq id-dipartiment ta' l-income tax. Stajna ħdimna aktar biex is-sistema tal-PAYE inġibuha aħjar u stajna għamilna ħafna aktar fuq is-sistema tal-provisional tax. Imma l-verita' hi li kulħadd qed jaqbel li s-sistema ta' taxxi li qed iħaddem il-Gvern tmur kontra l-konsumatur u hija kontra l-gvern. Jista' jkun li taqbel għan-negozjant jekk ikun hawn nies li għandhom biex jixtru, għax milli jidher ma tantx hawn.
Anke din, Sur President, li nbiddlu s-sistema fiskali tagħna bejn sena u oħra. Xi kredibbilta' jifdallu l-pajjiż jekk bejn sena u oħra nbidlu s-sistema fiskali tagħna? Wieħed mill-argumenti huwa x'seta' għamel il-Gvern. Il-Gvern kien jaqbillu jħalli s-sistema ta' taxxa li kien hawn u jibdel il-politika li kien ħabbar fil-programm elettorali, għax seta' qal li tant sab sitwazzjoni ħażina li dak lii kien qal fil-programm elettorali ma setax jagħmlu. Kieku l-Gvern għamel hekk seta' jibqa' għaddej, ma kienx jagħti skoss lill-ekonomija, ma kienx ikollu nkwiet, anke meta issa jiġi biex jinnegozja ma' l-Unjoni Ewropea, imbagħad kien jikkontrolla l-infiq. Imma, kif diġa' għidt, il-Gvern ħela sena jibbattalja kontra l-VAT - li fuq kollox ma kenitx really tested għax kienet sistema ta' sena u nofs biss - sakemm neħħija u daħħal is-CET minflokha. Issa anke kieku stess tgħid li din għad trid tiġi tested għax forsi wieħed jista' jiġġustifika li kienet ilha ftit u allura stajna naraw aħjar kif se taħdem, imma issa l-Gvern stess qed jgħidilna li din is-sistema se jkollu jbiddilha.
Irridu naraw ukoll kif il-Gvern se jattakka l-problema ta' l-ispiża pubblika. Nafu li qed jipprova jattakka l-problema ta' l-ilma, ta' l-enerġija, jgħolli d-dawl, jgħolli ll-ilma u qed jara kif se jattakka l-problema tad-Drydocks. Tajjeb li wieħed jistaqsi dwar it-telf tal-Win Cargo u tal-Gantry, li hu ta' madwar Lm5 miljun. Dan x'se jsir minnu? Qed jingħadd mat-telf tax-Shipbuilding jew le? Naturalment issa se mmorru wkoll għall-privatizzazzjoni tal-Maltacom u ta' l-MIA u tajjeb li wieħed ifakkar li biċċiet minn dawn iż-żewġ korporazzjonjiet saru bid-deficits li għamel Gvern Nazzjonalista. Fil-fatt biċċa sewwa mid-deficit tal-Gvern Nazzjonalista marret biex ikollna sistema ta' telekomunikazzjoni mill-aktar moderna. Biċċa oħra mid-deficit tal-Gvern Nazzjonalista marret biex jinbena airport ġdid. Allura issa se nbiegħuhom dawn biex ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb. Anke hawn irridu nsegwu l-linja tajba li dawn il-korporazzjonijiet għandhom jersqu kemm jista' jkun lejn il-punt li jiffinanzjaw lilhom infushom, biex il-poplu jkun jista' jissieħeb permezz ta' xiri ta' shares, permezz ta' xiri ta' bonds, u l-gvern min-naħa ma jkollux għalfejn joħroġ il-finanzi li dejjem konna qed noħorġu sal-lum, u min-naħa l-oħra għax ikun hemm dan it-tisħib tal-poplu u tas-settur privat, dawn ikunu korporazzjonijiet li jkunu jistgħu jsiru iktar accountable u responsabbli.
Allura rridu noqogħdu attenti għax meta għamilna l-budget ta' din is-sena għidna li d-deficit se jkun ta' Lm120 miljun. Dik hija r-realta' li rridu niffaċċaw Sur Ministru tal-Finanzi! Issa fl-1998 se nispiċċaw, skond il-previżjonijiet tal-Gvern, b'deficit ta' Lm120 miljun. Mela se jkun hawn bżonn ta' Lm80 miljun għax il-Gvern qed jikkalkola li se jdaħħal Lm40 miljun mil-privatizzazzjoni. Imma ma nitkellmux fuq privatizzazzjoni u mbagħad nibdew nitkellmu dwar dikjarazzjonijiet ta' assi kapitali, liema mossa l-Gvern kellu jirtira ftit ġranet wara li ħabbarha. Ma noqogħdux nitfgħu dubji fuq kif se mmexxu u ma mmexxux l-income tax! Irid ikollna policies ċari, maħduma idealment b'consensus minn qabel ma' dawk involuti, ħalli ma noqogħdux nagħmlu dak li l-Prim Ministru jħobb joqgħod jagħmel, jiġifieri l-kite flying. Jekk se nimbarkaw fuq il-privatizzazjoni lanqas għandu jkun hawn min - qed nirriferi għal xi uffiċjali ta' xi korp parastatali - jibda' jitkellem dwar jekk il-flus joħorġux barra jew le, għax jew se nipprivatizzaw bis-serjeta' inkella mhu se jkollna din il-privatizzazzjoni xejn.
Mela l-ewwel problema f'dan il-kamp hija din. Tista' ttella' d-dħul minn taxxi għal persentaġġ akbar tal-GDP? Dak li skond Lino Delia ma rnexxilniex nagħmlu f'20 sena, issa nistgħu nagħmluh? Jekk nistgħu nagħmluh jaqbel li nżidu l-persentaġġ tad-dħul tal-gvern minn taxxi aktar milli hu jew le? Naħseb li wieħed irid jaħseb b'ħafna għaqal u b'ħafna serjeta' fuq dan l-argument.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni li bħalissa fil-Kamra m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.34 a.m. u rriżumiet ħames minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER:L-Onor. Louis Galea jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. LOUIS GALEA: Sur President, kont qed nargumenta jekk wieħed jistax ikabbar id-dħul minn taxxi għal persentaġġ akbar tal-GDP u jekk jaqbilx li jsir hekk. Dan huwa argument importanti ħafna u għandu implikazzjonijiet mhux żgħar għall-iżvilupp ta' l-ekonomija.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Censu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni li reġa' m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża għal darb'oħra.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.40 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Louis Galea jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. LOUIS GALEA: Sur President, apparti li wieħed jagħmel minn kollox biex b'għaqal soċjo-ekonomiku u kompetenza jżid id-dħul, irridu naħdmu ħafna biex titnaqqas l-ispiża billi l-pajjiż kollu jsir aktar cost-conscious, insiru aktar cost-effective u nsiru aktar kompetittivi, fi ftit kliem li wieħed jimbarka fuq ir-ristrutturazzjoni. Sur President, hawn se nagħmel ftit riflessjoni fuq dan il-punt.
L-ewwelnett, nidħlu jew ma nidħlux fl-Ewropa, huwa importanti li nitkellmu fuq il-kwestjoni tar-ristrutturazzjoni, li saret il-buzzword tal-ġurnata. Fl-opinjoni tiegħi, l-Ewropa ftit li xejn tiċċentra f'din il-kwestjoni. L-Ewropa tista' tkun mutur, tista' tkun inċentiv ieħor imma m'hijiex ir-raġuni vera għaliex il-pajjiż għandu jirristruttura ruħu. Kif qal l-Onor. Spiteri l-bieraħ, meta nitkellmu fuq ir-ristrutturazzjoni hemm bżonn that we spell out the implications, li anke aħna nifhmu li l-ewwelnett dan huwa proċess naturali, proċess ta' evoluzzjoni li beda mill-antik, pass wara pass kulħadd jirristruttura skond kif jiżviluppaw l-affarijiet. Meta daħlet il-biedja fil-ħidma tal-bniedem kien hemm ristrutturazzjoni mod. Meta kien hemm ir-rivoluzzjoni industrijali saret ristrutturazzjoni mod ieħor. Wara l-iżviluppi li seħħew minn wara l-gwerra dinjija 'l hawn saret ristrutturazzjoni oħra. Jiġifieri llum mhux qed nagħmlu xi ħaġa li tappartjeni għalina biss. Min mhux qed jagħmel ristrutturazzjoni? Rajna lil pajjiżna jirristruttura ruħu anke meta pajjiżna sar indipendenti u ridna niffaċċjaw ir-rundown tas-Servizzi Ingliżi għaliex iċ-ċirkostanzi politċi u ekonomiċi ta' pajjiżna ġabu dik is-sitwazzjoni. Rajna eluf ta' mpjiegi jintilfu u bil-mod il-mod jinħolqu eluf ta' mpjiegi oħrajn. F'dan il-perijodu ta' ristrutturazzjoni Malta ħadet ix-xejra moderna li għandha llum, b'settur tal-manifattura u b'settur tat-turiżmu. Naturalment donnu li bejn l-1971 u l-1987 biċċa minn din ir-ristrutturazzjoni waqfet, għax rajna li din kienet tfisser korpi taħt dixxiplina militari, wieħed wara l-ieħor, u żieda ta' eluf ta' mpjiegi mas-settur pubbliku. Meta aħna erġajna tlajna fl-1987 beda l-iżvilupp ekonomiku u daħħalna l-konċett tal-liberalizzazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili, jekk jogħġbok, Onor. Galea, imma għandek bżonn leave of House. Hawn permess biex l-Onor. Membru jkompli jinstema? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata ONOR. LOUIS GALEA: Nirringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra, Sur President. Anke f'dan il-perijodu bejn l-1987 u l-1996 rajna telf ta' mpjiegi minn naħa u ħolqien ta' eluf ta' mpjiegi ġodda min-naħa l-oħra. GĦalhekk ma rridux nagħtu l-impressjoni li din ir-ristrutturazzjoni hija xi ħaġa ta' katakliżma, xi ħaġa li aħna ma nifilħux għaliha. We have to take it in our stride u rridu ngħinu lilna nfusna biex nagħmluha bl-aħjar mod possibbli. Imma rridu nifhmu wkoll li fir-ristrutturazzjoni l-gvern ma jistax jippreżenta lilu nnifsu bħallikieku għandu xi spazju ta' manuvrar iktar milli fil-fatt għandu għaliex, għalkemm il-gvern irid jgħin biex is-settur privat jirristruttura ruħu, mhux il-gvern waħdu se jġegħelhom jirristrutturaw.
Is-settur privat se jkollu jirristruttura minħabba l-kompetizzjoni li qed jiffaċċja fis-swieq li rridu nikkompetu għalihom, sew f'dawk li huma ħwejjeġ ta' manifattura kif ukoll ta' turiżmu. U kif qal il-bieraħ l-Onor. Josef Bonnici, il-gvern jidħol billi joqgħod attent li ma jiskossax il-cost structure tal-pajjiż billi jżid il-government induced costs, li żgur ikollhom ripple effect mhux żgħir fuq il-kompetittivita` ta' pajjiżna. Jien nemmen li f'dan il-kamp ir-rwol tal-gvern, ir-rwol tal-politiċi u tal-parlament huwa li nfiehmu, nagħmlu l-kuraġġ u nħallu lil ħaddieħor jaħdem għaliex nerġa' ngħid li r-restructuring ma jsirx biss fis-settur privat imma jrid isir u b'doża iktar qawwija fis-settur pubbliku. Naħseb li hawn wieħed irid jgħaddi minn ħafna diskors sabiħ u jiffaċċa r-realtajiet.
Sur President, dan l-aħħar f'"The Malta Indepedent" kien hemm artiklu ta' Carmelo Libreri, intestat "Parole, Parole, Parole" - fakkarna f'Mina! - li kien jitkellem fuq ir-realtajiet li rridu ngħixu. Jien naħseb li f'dan il-kamp għandna ħafna xogħol xi jsir biex infiehmu li hawnhekk il-problema hija ta' kultura u ta' mentalita`. Irridu naħdmu biex inkunu preparati għal din ir-ristrutturazzjoni li se jkollha implikazzjonijiet mhux żgħar u rridu nkunu lesti għar-realtajiet tagħha. F'dan il-kamp anke l-Oppożizzjoni trid taħdem għaliex jekk il-pajjiż ma jgħaddix mir-ristrutturazzjoni li għandu bżonn issa, irid jgħaddi minnha għada pitgħada u allura l-Oppożizzjoni trid ukoll tinforma lilha nfisha u tifforma wkoll l-opinjoni tagħha għall-implikazzjonijiet ta' din ir-ristrutturazzjoni.
Niġi għall-qasam edukattiv għax il-bieraħ il-Ministru ta' l-Edukazzjoni poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u għamel stqarrija dwar il-kurrikulu minimu nazzjonali. Qrajtu l-ewwel darba dan il-lejl u rrid ngħid li huwa bażi tajba għad-diskussjoni u jien żgur li aħna bħala oppożizzjoni u bħala partit se nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nagħtu l-kontribut tagħna. Hemmhekk il-punt kruċjali se jkun kif se nimmaniġġjaw din il-biċċa xogħol tal-kurrikulu minimu nazzjonali għaliex m'huwiex diffiċli li wieħed jaqbel fuq l-iskopijiet, fuq il-valuri li qiegħed jimporta dak il-kurrikulu minimu nazzjonali, imma hemm perikli li mhux biss jistgħu jiġu mill-istess nies li jaħdmu fil-qasam edukattiv imma jistgħu jiġu anke minn perceptions ta' ġenituri u ċittadini in ġenerali - u l-Ministru ta' l-Edukazzjoni dan żgur jafu iktar minni - u allura rridu noqogħdu attenti kif se nintroduċuh. Għandna opportunita` oħra - ngħid "oħra" għaliex f'dan il-kamp saru diversi passi matul iż-żmenijiet - li nagħmlu biċċa xogħol tajba fil-qasam ta' l-edukazzjoni u ma nistgħux naħluha, kemm aħna bħala politiċi, gvern, unions, speċjalment il-union ta' l-għalliema, l-għalliema nfushom, l-universita`, il-ġenituri u kemm l-għaqdiet ta' l-istudenti. Kien hawn ukoll il-white paper l-oħra li titkellem dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali wara li wieħed jagħlaq is-sittax-il sena. Il-Ministru tahieli l-bieraħ u nistqarr il-verita`li ma rajthiex sewwa imma naħseb li trid ħafna iktar konsiderazzjoni.
Sur President, kont qed ngħid li din ir-ristrutturazzjoni se tolqot lil kulħadd. Ma nistgħux ngħidu li se tolqot biss lill-ħaddiema tal-fabbriki imma se tolqot lin-nies li huma kwalifikati ħafna u se tolqot anke lill-gradwati. Aħna ma rridux paniku imma rridu nkunu nformati biex inkunu nafu eżattament x'se niffaċċaw. Fl-aħbarijiet ġieli nisimgħu li xi kumpanniji, kultant nazzjonali u kultant multi-nazzjonali, qed jagħmlu merger li bih inaqqsu eluf ta' mpjiegi. Hija problema meta jitnaqqsu l-impjiegi imma fil-vokabularju ekonomiku internazzjonali hija aċċettata bħala proċess naturali u leġittimu, filwaqt li hawnhekk għadna lanqas naċċettaw il-kelma prattikament. Allura m'hemmx dubju li se jkollna nidraw forom ġodda ta' kuntratti tax-xogħol fis-settur privat, u probabbli anke fis-settur tal-gvern. M'hemmx dubju li dan se jolqot lil kulħadd għax anke jekk wieħed jara, per eżempju, ir-rwol tal-mara fid-dinja tax-xogħol, issa li se tibda tikkompeti għal job in her own right, ma nistax nifhem kif nistgħu nevitaw ċerti problemi jekk ma noħolqux dawn it-tipi ta' kuntratti differenti fid-dinja tax-xogħol. Allura f'din ir-ristrutturazzjoni l-kliem li se jispikkaw huma l-cost, il-profitti, il-flessibbilta` u l-ispeed li bihom wieħed jagħmel id-deċiżjonijiet. Dan hu l-proċess inevitabbli li rridu nidħlu għalih u ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel. Ma nistgħux noqogħdu nparlaw biss kull nhar ta' Ħadd f'xi każin u ma naħdmux fuq dan il-proċess kbir li rridu nagħmlu. Xi ħadd fl-Amerka, mingħalija l-ex-President Bush, f'xi diskussjoni darba qal għal li: It is the economy that is stupid. Fil-każ tagħna naħseb li it is the culture, it is the mentality. Din hi r-realta` li aħna rridu niffaċċaw. U f'dan ir-rigward, Sur President, m'hemmx dubju li hemm ħafna xogħol li għad irid isir.
Meta nitkellmu fuq id-deficit - u m'iniex se nidħol f'dan għaliex inkella ntawwal iżżejjed - irridu nifhmu li għalkemm veru hawn il-problema ta' l-ispiża pubblika, irridu noqogħdu attenti li mhux mingħalina qed insewwu ħaġa u niżirgħu r-riefnu f'settur ieħor. Per eżempju, meta niġu għall-qasam soċjali, li jien għandi ħafna xi ngħid fuqu, nisimgħu spiss li għandna an over-generous welfare state. Irridu nifhmu fejn qed ninvestu għaliex fil-qasam tal-problematika soċjali, fil-qasam tal-familja, fil-qasam ta' l-abbuż tat-tfal, tal-vjolenza domestika, tal-problemi tad-drogi, tal-persuni b'diżabilita`, tal-persuni bi problemi mentali, l-investiment għadu infantili. Jekk irridu nżommu koeżjoni soċjali, jekk irridu soċjeta` li verament qiegħda ssarraf it-tkattir tal-prosperita` f'ġustizzja soċjali, irridu noqogħdu attenti kif isir id-diskors. U għalhekk meta nitkellmu fuq ir-ristrutturazzjoni huwa importanti li aħna nifhmu eżattament x'qegħdin nagħmlu u li jkollna iktar informazzjoni. Sur President, għarukaża kemm hawn informazzjoni nieqsa! M'iniex qed ngħid li tort tal-gvern imma tort tagħna lkoll. M'hawnx informazzjoni kordinata u analisi tajba. Fl-istatistika ta' pajjiżna għadna ntellgħu u nniżżlu, lanqas nafu eżattament mit-370,000 ruħ kemm hawn nies jaħdmu. Kultant ġieli nisma' lil xi ħadd jgħid li lanqas nafu kemm hawn karozzi li huma verament liċenzjati. Possibbli li dan l-Istat modern, wara 40 sena indipendenza, għandu jkun f'din is-sitwazzjoni! U għalhekk huwa importanti li wieħed iħaffef u jsaħħaħ anke l-miżuri li qed jittieħdu fil-qasam ta' l-istatistika.
Sur President, issa niġi għat-tieni argument tiegħi. X'qegħdin nipprovaw nagħmlu meta aħna se nissellfu Lm110 miljun? Jekk dak li qed jgħid l-ekonomista Lino Delia huwa korrett, kif naħseb li hu, li f'20 sena aħna qatt ma rnexxielna naqbżu 30% minn dħul ta' taxxi bħala persentaġġ tal-GDP, allura se jirnexxilna li ntaffu l-iżbilanċ bejn id-dħul ordinarju u l-ispiża rikorrenti billi nżidu dak id-dħul? Min-naħa l-oħra, ir-ristrutturazzjoni kif se tgħinna biex aħna nnaqqsu l-ispiża pubblika u fl-istess ħin inkunu nistgħu niffaċċaw il-problemi kbar li hawn fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam ta' l-edukazzjoni, fil-qasam soċjali, f'oqsma oħra kulturali, f'oqsma ta' wirt ta' artna u fil-qasam ta' l-ambjent li kollha jirrikjedu investimenti li jrid ikun l-istat li jimbottahom? Din hi r-realta` li rridu niffaċċaw meta niġu għal dan il-punt. Sur President, niġi issa għall-aħħar kummenti tiegħi.
Il-Gvern qed jitlob li jiġi awtorizzat biex jerġa' jissellef sa Lm110 miljun, imma x'garanzija għandu l-pajjiż li l-Gvern jaf fejn sejjer? U jekk jaf, għandna garanzija li d-direzzjoni li qabad hija d-direzzjoni t-tajba? Żgur li fejn jidħol l-aspett fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, lanqas il-Gvern fih innifsu m'għandu l-garanzija u l-fiduċja meħtieġa. The proof of the pudding hawn qiegħda. Jekk qed jgħidulna li rridu niffaċċaw il-problemi, mhux bil-paroli biss, mhux bil-kitba biss, mhux bix-shadow boxing irridu niffaċċawhom. Il-problemi rridu niffaċjawhom hawnhekk fil-Parlament, bil-voti tagħna finalment, bir-rieda espressa b'mod demokratiku u ħieles. L-Onor. Spiteri qalilna li l-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-Unjoni Ewropea bħala ġenna. U jien ngħidlu: Onor. Spiteri, għandek raġun tgħid li l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux ifisser il-politika tiegħu dwar l-Unjoni Ewropea lill-poplu Malti. Wieħed jista' jiddiskuti wkoll jekk l-istrateġija li segwejna setgħetx twassalna, jew kienx hemm strateġiji aħjar li setgħu jwassluna. Imma ħadd ma jista' jiċħad li l-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea hija marbuta b'mod fundamentali mal-ġejjieni ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna u li għandha impatt anke dirett fuq il-kwestjoni tad-deficit strutturali tagħna. L-ewwelnett ejjew niffaċċaw bis-serjeta` l-problemi tal-ftehim li l-Gvern għamel ma' l-Unjoni Ewropea. U hawn diversi punti kardinali x'wieħed jiddiskuti.
Il-Ministru ġie jitlobna awtorizzazzjoni ħalli jissellef Lm110 miljun, li meta ngħoddu l-imgħax fuqhom se nsibu li żidna l-ispiża rikorrenti b'aktar minn Lm6 miljun fis-sena. Imbagħad bil-ftehim li għamel ma' l-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu l-Gvern ġab lill-Maltin żona ta' kummerċ ħieles biss. Din hija żona pjuttost mitika, m'hijiex xi ħaġa fiżika li taraha. Din iż-żona ta' kummerċ ħieles tfisser li tħalli l-prodotti Maltin jidħlu fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jħallsu dazju u l-istess jgħodd naturalment għall-prodotti Ewropej. Imma dan il-ftehim fih innifsu ma jġib xejn ġdid miegħu. Din m'hijiex xi ħaġa li ma teżistix, għax bħalissa aħna nesportaw b'kemm jiswew miljuni ta' liri fi prodotti Maltin lejn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea mingħajr ma nħallsu dazju. Ngħidu aħna kumpannija, ma nsemmux isimha, li taħdem fil-qasam ta' l-elettronika, li tipproduċi 60% tal-prodotti li nesportaw, ma tħallasx sold dazju fuq il-prodotti tagħha meta għad m'għandniex il-ftehim iffirmat taż-żona ta' kummerċ ħieles. L-eluf ta' prodotti li nimportaw mill-pajjiżi Ewropej ma jħallsux dazju lanqas għaliex fl-1970 għamilna ftehim ta' assoċjazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea fejn ftehemna li nibdew inħallu l-bdil ta' prodotti mingħajr ma jitħallas dazju. Anzi dak iż-żmien għamilna xi ħaġa aħjar minn daqshekk, għaliex filwaqt li l-prodotti tagħna ma kenux iħallsu dazju biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea - l-ewwel kienet il-Common Market u mbagħad il-Komunita` Ekonomika Ewropea - għal għexieren ta' snin il-prodotti tagħhom li kienu jidħlu hawn Malta kellhom iħallsu d-dazju u ħafna minnhom għadhom iħallsu dazju sal-lum. Allura jekk trid nistgħu ngħidu li l-ewwel żona ta' kummerċ ħieles ħoloqha George Borg Olivier 28 sena ilu. Jekk wieħed jagħsar id-diskors sabiħ li għamel il-Gvern fuq il-kwestjoni tal-free trade agreement, isib li essenzjalment il-Gvern Laburista u l-Unjoni Ewropea qed jissuġġerixxu li tiżdied il-lista tal-prodotti li fuqhom ma jitħallasx dazju, ta' naħa u ta' oħra, sew meta jiġu għandna u sew meta tagħna jmorru għandhom. Pero' issa rridu naraw xi prezz se nħallsu talli nżidu din il-lista.
Fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk il-Prim Ministru, l-Onor. Alfred Sant, il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, l-Onor. George Vella, u l-Gvern kollu qed juru nuqqas gravi ta' viżjoni politika għax il-prezz biex aħna nżidu din il-lista ta' prodotti huwa għoli żżejjed. Meta toqgħod tirrifletti - u dan mhux jien qed ngħidu għax barra li qaluh l-esperti u ħafna nies, qed jgħidu wkoll l-Onor. Lino Spiteri - ssib li l-prezz li l-Gvern Laburista lest iħallas talli nżidu l-lista tal-prodotti li jistgħu jidħlu għandna u nibagħtu għandhom mingħajr ma jitħallas dazju, huwa sold b'sold l-istess prezz li nħallsu għal sħubija sħiħa. Issa jidhirli li wieħed irid ikun veru stramb biex iħallas għal xi ħaġa li tiswa anqas meta l-valur tagħha m'huwiex dak li hu. Il-Prim Ministru lilna l-Maltin jitlobna to do more with less u lill-Ewropej jgħidilhom: I want less for more! Din hi d-differenza. Dan hu l-mod kif wieħed jinterpreta dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista. Lill-poplu rridu ngħidulu li aħna għandna gvern li se jħallas lira ta' xi ħaġa li tiswa żewġ ċentenżmi. Dak li qed jiġri u dak li rridu ngħidulu lill-poplu. Ejjew infissruha ftit aħjar din.
X'kien il-prezz li talbet l-Ewropa biex insiru membri sħaħ, biex aħna jkollna l-istess privileġġi bħat-Taljani, bħall-Ingliżi, bħall-Griegi, bħall-Irlandiżi u membri oħra? Bażikament dawn kienu żewġ affarijiet, li ndaħħlu l-VAT u nneħħu l-levies. U x'inhu l-prezz li qed jintalab iħallas il-Gvern Malti biex jitħalla jżid il-lista ta' prodotti li jidħlu ġo l-Ewropa b'mod ħieles imma mbagħad sentejn oħra jidħlu b'mod ħieles ġo Malta? Qed jgħidulu li jrid idaħħal il-VAT u jneħħi l-levies. Qed jgħidulu li jekk ma jerġax idaħħal sistema fiskali bħal tal-VAT u jekk ma jneħħix il-levies, bye-bye iż-żona ta' kummerċ ħieles! Allura mhux biss qed iħallas prezz għoli ta' xi ħaġa li tiswa inqas imma rrid ngħid - u bħala Malti ngħidha bi kritika għall-Unjoni Ewropea - li l-Unjoni trid tbegħelna r-riħ bi sħiħ. Trid tbegħelna x-xejn u nagħtuha s-sustanza kollha, trid il-laħma u tagħtina l-għadma. Hekk qed timxi magħna l-Unjoni Ewropea f'dan il-mument u għandna gvern li qed iħalliha. Jien nemmen li l-Unjoni għandha timxi ta' raġel mal-poplu Malti aktar milli qed timxi. Din ma narahiex kwestjoni ta' Laburisti u Nazzjonalisti imma kwestjoni ta' kif tittratta lill-poplu Malti kollu kemm hu. Meta l-poplu Malti kien immexxi mill-Gvern Nazzjonalista, l-Unjoni Ewropea kienet lesta tagħtih Rolls-Royce u lill-Gvern Laburista bl-istess prezz - bl-istess prezz tafux - lesta tagħtih mini minor! Naturalment id-differenza hija li hawn il-prezz se jħallsuh il-Maltin kollha kemm huma. Jien ngħid li l-Unjoni Ewropea missha fehmitu lill-gvern li biex tiftiehem fuq kemm għandha tkun twila l-lista ta' prodotti li fuqhom ma jitħallasx dazju, m'għandekx tħallas prezz daqshekk għoli. Jien narah serq u abbuż jekk se nħallsu dan il-prezz kollu. X'se jiġri issa?
L-esperti qed jaqblu li bis-sistemi ta' taxxi li qiegħed jipproponi l-Gvern mhux se jdaħħal il-flus li għandna bżonn, la għal biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż li għandna bżonn għall-ħidma ta' kuljum tal-pajjiż u lanqas biex innaqqsu d-deficit, għamlu min għamlu dan id-deficit għall-mument. Se jibqa' problema għaliex issa l-Gvern qiegħed b'dahru mal-ħajt u qed jiġi sforzat idaħħal il-VAT, pero' sal-lum għadu mhux f'qagħda li jgħidilna b'liema rata se jintroduċiha. Immaġina kif nistgħu nagħmlu ristrutturazzjoni bis-serjeta` meta dan il-Gvern għadu sal-lum lanqas jista' jagħti indikazzjoni ta' x'rati ta' taxxi se jkollna f'dan il-qasam fiskali. U jien nibża' li l-Gvern se jiġi sforzat biex jerġa' jkun salvaġġ fir-rati u f'miżuri oħra li jintroduċi, bħalma qed ikun salvaġġ fir-rati ta' l-ilma, tad-dawl u tad-drenaġġ. Jekk neżaminaw iktar fil-fond insibu kemm huwa fqir il-ftehim li qed jagħmel il-Gvern Laburista ma' l-Unjoni Ewropea. Mhux talli l-Unjoni qed titlobna nħallsu prezz ta' sħubija sħiħa għal biċċa żona ta' kummerċ hekk imsejjaħ ħieles, talli meta taqra l-istqarrijiet li saru, meta tara d-dikjarazzjoni konġunta bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea tirrealizza kemm il-Gvern ma wera ebda viżjoni politika waqt li kien qed jinnegozja. Għaliex qed ngħid dan, Sur President? Ħalli nibdew mill-iktar ħaġa importanti.
F'din id-dikjarazzjoni konġunta m'hemm xejn li jiggarantixxi lil kwalunkwe gvern ieħor id-dritt li jekk irid - anke lil dan il-Gvern stess wara li jkun lesta r-ristrutturazzjoni ta' l-industrija tal-manifattura - ikompli bil-ftehim għal sħubija sħiħa. Apparti kemm tlifna bil-fatt li domna s'issa ma dħalna, apparti kwestjonijiet oħrajn, bħala Gvern Nazzjonalista aħna konna ġejna mgħajrin għaliex ħdimna biex inkunu nistgħu nkopru kemm nistgħu mit-triq li twassalna għal sħubija sħiħa. Kulħadd jaf li għal snin sħaħ konna koprejna biċċa sew tat-triq li tgħinna nsiru membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea daqs l-Ingliżi, it-Taljani u l-oħrajn kollha, u konna l-ewwel fil-queue. Il-Prim Ministru Alfred Sant iffriża l-applikazzjoni u rema din il-karta importanti. Pero' meta ġew biex jikkonkludu l-ftehim fil-Lussemburgu m'għamilhiex kondizzjoni li malli nkunu rridu nkomplu bl-applikazzjoni dak ix-xogħol kollu li jkun sar jittieħed bħala parti mill-proċess anke ta' sħubija sħiħa. Jien ma narax li ħallielna dan id-dritt f'dik id-dikjarazzjoni konġunta. Allura jekk jgħaddu għaxar snin oħra l-Unjoni Ewropea tista' tgħidilna li għadda żmien wisq, iċ-ċirkostanzi nbidlu u tkun trid li nagħmlu kondizzjonijiet ġodda. Ara xi nkunu batejna għalxejn! Ara kieku kien hemm l-għaqal u l-viżjoni politika, wara li jagħmel dikjarazzjoni konġunta kif għamel - il-Kap ta' l-Oppożizzjoni u esponenti oħra tal-partit tkellmu aħjar minni fuq dan l-aspett - għallanqas kien jorbot lill-Unjoni Ewropea li taċċetta li dak li għamilna s'issa jibqa' jitqies bħala validu għal quddiem. Hekk il-pajjiż kien tassew jitpoġġa f'sitwazzjoni li ma tkunx irriversibbli.
Sur President, dan il-ftehim li bażikament huwa dwar lista ta' prodotti tal-manifattura għandu viżjoni limitata wisq. Kull partit li kien fil-gvern jifhem kemm hi importanti l-industrija tal-manifattura u rrid ngħid li all in all the balance huwa li ż-żewġ partiti għamlu ħilithom biex iħajru investiment industrijali lejn pajjiżna. Issa mhux se noqgħod ngħid min irnexxielu l-iktar miż-żewġ naħat, imma m'hemmx dubju li kien hemm dan l-isforz. Pero' l-industrija tal-manifattura - jien jgħallmuni fuq dan - hija kolonna waħda biss mill-istruttura ta' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tagħna. Hemm il-kolonna tat-turiżmu li tqallagħna ħafna flus. F'dan il-ftehim tal-Lussemburgu nsibu xi ħaġa li din il-kolonna l-oħra ta' l-ekonomija tagħna b'xi mod tirfidha aħjar milli hi llum? X'nifhmu verament b'kummerċ ħieles? Jien naħseb li l-mira trid tkun kummerċ ħieles li ma jwassalx għal żbilanċ, li bl-iskambji ta' naħa u oħra jibbilanċja lilu nnifsu.
Hawn l-Onor. Michael Refalo, l-ex-Ministru tat-Turiżmu, li jgħallimni li fil-kamp tat-turiżmu din il-kolonna kbira ta' l-ekonomija tagħna hija esposta għal dawk il-kondizzjonijiet li ma jiddependux minna fil-prezz li bih wieħed jixtri u jġib il-kambju. B'din iż-żona ta' kummerċ ħieles li ftiehem il-Gvern Laburista ma' l-Unjoni Ewropea, x'se jiġri mill-iżvantaġġi li jpoġġuna fihom membri ta' l-Unjoni Ewropea bil-munita tagħhom? Il-membri ta' l-Unjoni Ewropea, per eżempju, il-Greċja u Spanja, se jkunu jistgħu jiżvalutaw u b'hekk it-turiżmu tagħna jieħu daqqa ta' ħarta? F'dak il-ftehim li sar fil-Lussemburgu, xi prekawzjonijiet ħa l-Gvern fil-konfront tal-munita Ewropea, l-Euro? X'effett jista' jkollha fuq it-turiżmu tagħna? Għaliex jekk il-Ġermaniżi, it-Taljani, l-Iskandinavi, l-Ingliżi, membri ta' l-Unjoni Ewropea jsibu vaganza fil-Greċja u Spanja, li tiġihom ħafna irħas minn tagħna, hemmhekk żgur ikollna problema u ma naħsibx li wieħed jista' jlumhom għax hekk ikun jaqblilhom. Għalhekk jien qed ngħid li l-Gvern dan imissu rah u jmissu qal lill-Unjoni Ewropea: Inti qed titlobni prezz tas-sħubija sħiħa biex tbegħli żona ta' ftit kummerċ ħieles imma miegħu għallinqas, bla preġudizzju għall-argument li semmejt diġa`, trid tagħtini xi ħaġa oħra. Kif għandek tgħinni biex nagħmel ristrutturazzjoni fl-industrija tal-manifattura, hemm bżonn li tgħinni wkoll biex insaħħaħ l-industrija tat-turiżmu. Trid tgħinni, kif kien qiegħed jinsisti l-Gvern Nazzjonalista, biex inkunu nistgħu nirranġaw it-trasport pubbliku, it-toroq u l-portijiet, u biex nassiguraw is-sors ta' l-enerġija u ta' l-ilma. Dawn kollha huma affarijiet li kieku ma konniex destinazzjoni ta' turiżmu kif aħna, jista' jkun li l-prijorita` tagħhom ma kenitx tkun daqshekk qawwija u forsi ma kienx ikollna bżonn li nonfqu daqshekk flus fuqhom.
Dak il-ftehim tkellem biex naraw kif nistgħu ngħinu lill-Air Malta billi niftħulha toroq li jagħmlu profitt ġewwa l-Ewropa kif ridna li nagħmlu aħna? Allura qed nagħmlu ftehim biex insaħħu l-industrija tal-manifattura - li wara kollox toffri liċ-ċittadini u lin-negozjanti Ewropej prodotti Maltin tajbin u rħas - u mbagħad ma nitolbux għajnuna għall-industrija tat-turiżmu li tiffavorina ekonomikament, pero' mil-lat rikreattiv tiffavorixxi wkoll liċ-ċittadini Ewropej li jżuruna? Forsi mhux fit-turiżmu as such jgħinuna imma jgħinuna indirettament biex insaħħu l-infrastruttura. X'sens jagħmel dan meta qed tagħmel passi sinifikanti bħal dak li tiffirma ftehim ġdid ma' l-Ewropa? Min hu f'sensih li jagħżel il-qrun tal-landa flok il-qrun tad-deheb, the horn of plenty? L-Unjoni Ewropea trid tagħtini u mhux teħodli biss.
Sur President, huwa żball li l-Gvern ibaxxi l-aspirazzjoni ta' min jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tgħinna, ta' min jemmen li nistgħu nieħdu ħafna għajnuna. L-Unjoni Ewropea għandha tgħinna u għandha tagħtina wkoll. L-Unjoni Ewropea taf li xi jum jew ieħor se nsiru membri sħaħ tagħha, allura tridna naslu fuq sieq waħda? Taf ukoll li Malta għad għandha l-importanza tagħha, li l-volonta` politika tal-Maltin hi pożittiva. Il-membri ta' l-Unjoni Ewropea jafu li dejjem sabuna meta fittxewna. U dan ġara saż-żmenijiet moderni f'kull sedja, sew fil-Ġnus Magħquda, kif ukoll fil-konferenza tas-sigurta` ta' l-Unjoni Ewropea, is-CSCE. Fl-aħħar mill-aħħar, nafu li ma nistgħux insiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea jekk mhux bil-ħila tagħna u bl-għajnuna tagħhom. Ma jagħmilx sens li aħna nagħmlu l-almu kollu tagħna u mbagħad għax ikollok gvern li ma jarax iktar 'il bogħod mill-ponta ta' mnieħru, jaċċetta dak li toffrilu l-Unjoni Ewropea bla ebda dibattitu! Mar il-Lussemburgu u ftiehem, imma x'dibattitu sar anke biex jaċċetta dak il-qafas? Il-biża' tiegħi hi li b'dak li qegħdin jagħmlu l-Prim Ministru, il-Gvern Laburista u l-Unjoni Ewropea, se jżommuna żgħar, se jżommuna fqar. Jekk nibqgħu hekk aħna nispiċċaw l-iktar żona fqira fl-Ewropa. F'dak li huwa standard, f'dak li huwa dħul tal-Maltin aħna bilkemm naslu sa one-third ta' l-average ta' l-Unjoni Ewropea, għadna terz tal-medja, mhux ta' l-aħjar fl-Ewropa. U din it-triq li qed jaqbad il-Gvern se żżommna nibqgħu naħsbu short-term. Jien nixtieq nisma' bis-serjeta` x'inhuma l-oġġezzjonijiet li għandu l-Onor. Sant għad-dħul sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Per eżempju, tissemma l-kwestjoni tal-barranin li jiġu jaħdmu f'Malta.
Jien naħseb li din hija ħolma għaliex l-Onor. Sant jara x'moviment sinifikanti sar, ngħidu aħna, minn Sqallija għad-Danimarka, għall-Ingilterra, għall-Ġermanja, pajjiżi li joffru pagi u kondizzjonijiet li lanqas biss noħolmuhom hawn Malta. Kemm kien kbir dan il-moviment? Naħseb li jekk inħarsu lejn dawn l-esperjenzi nsibu li aktar daħlu nies minn pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn il-postijiet, kif ġara mit-Turkija, milli ddaħħlu membri minn pajjiżi oħra ta' l-Unjoni Ewropea stess. Imbagħad irridu ngħidu li min ikun se jiġi Malta ikun jaf x'inhi s-sitwazzjoni ġo pajjiżna. L-Onor. Alfred Sant ma jafx li jekk tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea mhux la kemm taqbad u tmur ġo pajjiż ieħor li hu membru ta' l-Unjoni Ewropea! Mhux se taqbad u tmur taħdem hekk kif ġieb u laħaq! Naħsbu li biex it-Taljani jmorru jaħdmu l-Ġermanja jmorru bla ebda kontrolli ta' xejn, jaqbdu bagalja, jaqbdu tren jew ajruplan u jitilqu? Jien ma naħsibx li hu hekk lanqas, Sur President. Hawn fejn irridu nkunu informattivi, irridu nkunu onesti u objettivi.
Jien għandi fiduċja akbar fil-Maltin u jidhirli li jekk għamilna żball, anke meta konna aħna fil-gvern, dan l-iżball kien li ma ftaħniex it-triq u ma ħtobniex partnerships bejn negozjanti Maltin u barranin. Jien ċert li anke jekk ma nkunux f'relazzjoni ta' sħubija sħiħa, ma nkunux full partners, jekk ngħinu lin-negozjanti tagħna jespandu barra minn Malta jiġri l-kuntrarju ta' dak li qed jaħseb l-Onor. Alfred Sant. Il-Maltin jagħmlu suċċess barra u mhux il-barranin jidħlu f'pajjiżna. U l-Onor. Sant jaf li qed ngħid is-sewwa għaliex mindu nbidel il-gvern diġa` kien hawn negozjanti li ddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom f'pajjiżi bħat-Tuneżija, l-Iskozja u l-Irlanda. GĦalkemm il-President tal-Federazzjoni ta' l-Industrija kien qal lill-Financial Times li mhux lest li jinvesti f'Malta, dan qed isir diġa` minn diversi negozjanti oħra. Tajjeb li nħarsu wkoll lejn il-ħaddiema tal-futur tagħna għax se jiġi żmien u se jiġu ċirkostanzi ekonomiċi meta l-gradwati tagħna jibdew ifittxu t-toroq tal-pajjiżi Ewropej għaliex għalkemm illum nistgħu ngħidu li fl-Ewropa hemm il-qgħad imma ma naħsibx ... L-ewwelnett, aħna biċċa infiniteżima ta' qatra ta' oċean.
Sur President, xi wħud juru wkoll tħassib għax il-barranin jiġu jixtru l-artijiet tagħna meta l-Gvern għadu kif waqqaf kummissjoni għax qed jinkwieta li l-barranin mhux qed jixtru artijiet bir-rata li jixtieq hu! Jekk inħarsu lejn iċ-ċentri Ewropej, per eżempju, Londra, ma nafx kemm minnha hija mixtrija mill-barranin.
Hemm xi Ingliż li joqgħod jitħasseb għax hemm partijiet mill-iktar ċentrali ġo Londra li ma jappartjenux lill-Ingliżi? Liema Ingliż ma jorqodx fuqha din il-ħaġa? M'humiex ħmerijiet li għad għandna gvern li jaħseb b'din il-manjiera. Fejn hu l-gvern modern, Sur President!
Imbagħad hemm ukoll il-kwestjoni dwar il-ħila ta' gvern li jinnegozja kondizzjonijiet speċifiċi għal Malta. L-Onor. Sant qisu jibża' li l-Ministru ta' Affarijiet Barranin jew il-gvern tiegħu m'għandux il-ħila jinnegozja moratorium fuq klawsola bħal tal-freedom of movement, jew li jinnegozja kondizzjoni speċjali fuq ix-xiri ta' l-artijiet. Ma nafux li dawn isiru! Jekk l-Onor. Sant jara x'ġara mal-Griegi, ma' l-Irlandiżi u anke ma' l-Ingliżi, jinduna li l-Unjoni ma sabet l-ebda diffikulta' li takkorda kondizzjonijiet speċjali u li tagħti konċessjonijiet. Għaliex, Sur President? Għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-ħsieb aħħari ta' l-Unjoni Ewropea huwa li tavvanza l-kwalita' tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Jekk xi ħaġa ma taqbilx għall-maġġoranza tal-poplu ta' dak il-pajjiż, allura dan jittieħed in konsiderazzjoni.
Sur President, jien nagħlaq billi ngħid li din hija gżira żgħira wisq biex tibqa' mifruda minn proċess daqshekk importanti, bħalma hu l-futur tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan hu proċess li għandu impatt dirett fuq dak kollu li qed nagħmlu f'dan il-Parlament. Jien ngħid li saru passi kbar u ġganteski mill-Onor. Eddie Fenech Adami - wara s-16-il sena ta' Gvern Laburista bejn l-1971 u l-1987 - kif ukoll mill-Onor. Alfred Sant biex tonqos il-mibegħda fostna. Min ilu fil-politika kif ilni jiena jiftakar kemm għaddejna żminijiet ta' waħx. Aħna ssawwatna miljun darba anke f'dan il-Parlament. Ħarqulna djarna u l-każini tagħna, intużat il-pulizija kontra tagħna, iddiskriminaw kontra tagħna u minn dan kollu llum ma hawn xejn. U dan għall-grazzja t'Alla, għall-grazzja ta' l-Onor. Fenech Adami u rrid ngħid għall-grazzja ta' l-Onor. Alfred Sant ukoll. Imma issa hemm fin-nofs ukoll il-futur tan-nies tagħna, Sur President.
Id-differenza bejn il-ftehim li rridu aħna ma' l-Ewropa u dak li qed ifittex l-Onor. Alfred Sant hija kbira ħafna. Wegħdu ftehim li ma jagħtina xejn u li jgħabbina b'piżijiet kbar għalxejn. It-triq tagħna hija t-triq li tagħmilna pajjiż ta' rġiel, irġiel daqs l-Ingliżi, daqs it-Taljani u daqs il-membri kollha l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea. Aħna rridu ftehim li jiftħilna l-bieb ta' l-opportunitajiet biex niesna jkunu jistgħu juru ħilithom. Kif qal il-bieraħ l-Onor. Spiteri, aħna rridu naħdmu biex insibu l-bażi għall-aħjar consensus u biex inġibu l-aħjar kondizzjonijiet. Altru milli hija outdated il-mozzjoni li ppreżenta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex aħna niddiskutu dan is-suġġett! Din hi mozzjoni li ilha pendenti quddiem dan il-Parlament xhur sħaħ u l-Oppożizzjoni qed tinsisti li tiġi f'dan il-Parlament biex inkunu nistgħu nfissru l-veduti tagħna fuqha. U jekk veru rridu niffaċċaw il-problemi bis-serjeta', b'mod konkret u mhux bil-paroli, dan jista' jsir permezz ta' din il-mozzjoni. Nistgħu naraw jeżistix dak il-consensus biex flimkien inġibu l-aħjar kondizzjonijiet mingħand l-Ewropa.
Ma tantx kien hawn ċirkostanzi fil-pajjiż fejn il-gvern u l-oppożizzjoni ngħaqdu ħalli jiffaċċaw il-politika barranija f'affarijiet fundamentali u fuq bażi konsenswali. Din jiena ngħoddha bħala opportunita' li jekk mhijiex unika hija kważi unika. L-obbligu huwa tal-Gvern Laburista li din l-opportunita' ma jaħlihiex. Aħna rridu li jasal dak il-mument ħalli l-ministri tal-finanzi tal-lum, ta' għada u ta' pitgħada ma jibqgħux jiġu f'dan il-Kamra jitolbuna li jisselfu dawn il-miljuni kbar biex inkunu nistgħu nsewwu l-kwestjoni tad-deficit strutturali. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. John Attard Montalto.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO (Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija): Sur President, jien xtaqt nagħmel intervent qasir għaliex jidher li d-dibattitu żvolġa fuq linji li ftit li xejn għandhom x'jaqsmu direttament ma' din il-liġi. Żewġ aspetti li tkellmu fuqhom ħafna mill-kollegi tagħna jirriferu għal żewġ punti ewlenin, wieħed dwar l-ekonomija in ġenerali tal-pajjiż u l-ieħor dwar ir-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea. Jien xtaqt b'mod oġġettiv u mingħajr partiġjaniżmu nindika x'inhi l-opinjoni tal-Gvern fuq dawn iż-żewġ punti. Saru diskorsi b'ċerta retorika pero' huwa importanti li naraw proprjament l-aħħar statistika dwar l-ekonomija. Ngħidu x'ngħidu jidher ċar li Malta għandha merti pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ekonomija. Għandna ekonomija diversifikata li bla dubju ta' xejn qed timmodernizza ruħha u qed issir aktar u aktar orjentata lejn is-servizzi. Għandna track record ta' performance tajba ħafna. Għandna debt burden komparattivament żgħir u manageable. Apparti minn hekk għandna wkoll - u dan irrifera għalih l-aħħar kelliemi - ambjent li huwa stabli politikament u soċjalment.
Jekk aħna nħarsu lejn il-GDP, li skond l-aħħar ċifri jlaħħaq it-3.3 biljun dollaru, naraw kemm hi verament diversifikata l-ekonomija. Huwa minnu li parti importanti ta' l-ekonomija huwa t-turiżmu, li jikkontribwixxi sa 11% tal-GDP - u evidentement napprezzaw l-importanza ta' din l-industrija - imma rridu napprezzaw ukoll li l-assigurazzjoni, il-banking u r-real estate jikkontribwixxu 9% tal-GDP. Ir-retail section u l-wholesale jikkontribwixxu 12%, il-komunikazzjoni u t-trasport 7% u l-public utilities 6%. Dan x'ifisser? Dan ifisser li wieħed irid japprezza d-diversifikazzjoni li hawn fl-ekonomija. Imbagħad għandna l-manifattura. Aħna neħduha for granted li Malta hija post tajjeb biex wieħed iwaqqaf fabbrika u jibda jimmanifattura. F'ċertu ambjent hija magħrufa u f'ambjenti oħrajn m'hijiex, imma l-importanza tal-manifattura f'pajjiżna toħroġ ċar mill-fatt li din tammonta għal 22% tal-GDP.
Saru wkoll xi kummenti dwar l-investiment. Jien ngħid li bil-mod kif qed tiġi ristrutturata l-infrastruttura biex jiġi attirat l-investiment, l-affarijiet huma fid-direzzjoni t-tajba. Jekk naraw kif il-pajjiż jaqla' l-munita barranija, anke hawnhekk irridu napprezzaw li l-kompożizzjoni tal-foreign exchange earnings matul l-1997 hija diversifikata wkoll. Dawn huma indikazzjonijiet ta' ekonomija stabli. Biex nieħdu żewġ eżempji, it-turiżmu jikkontribwixxi kważi kwart ta' dan id-dħul; minn machinery, equipment and transport għandna 33%; minn servizzi oħrajn għandna 26%; u minn ħwejjeġ oħra għandna 7%. Dan huwa kollu importanti għax iżjed ma tkun iddiversifikat aktar ikollok ekonomija b'saħħitha. Barra minn hekk, il-capital asset growth rate dejjem baqgħet tiela' 'l fuq mill-1993, illum, ħlief għall-1996. Fil-fatt jekk wieħed jieħu l-persentaġġ globali, l-capital asset growth rate illum hija ta' 7.9%. Huwa veru li fil-merchandise u fl-esportazjoni din hija ta' 6.7% imma huwa veru wkoll li fis-servizzi hija ta' 9.3% - jiġifieri fil-qasam tas-servizzi qed ikun hemm iktar rapidita' - u l-average huwa kważi 7.9%. Dan huwa average fattibbli u l-figuri huma pożittivi ħafna.
Jekk aħna naraw l-average GDP growth bejn l-1992 u l-1997 wieħed jara li din hija fir-reġjun ta' 4.5% u jekk naraw x'inhuwa l-average ta' l-EU nindunaw li Malta rnexxiela tikber b'rata mgħaġġla kkomparata ma' pajjiżi li jew huma ġirien tagħna jew li aħna nikkomparaw ruħna magħhom. Per eżempju, l-growth ta' Malta kienet akbar minn ta' l-Italja, tal-Greċja, ta' Spanja, tal-Portugall, taċ-Ċekożlovakkja, ta' Ċipru u ta' l-Islanda. Għalhekk meta nitkellmu fuq diversi aspetti ta' l-ekonomija huwa tajjeb li nitkellmu skond il-fatti. Ir-retorika hija sabiħa imma kultant iġġiegħlek tinsa l-bażi minn fejn għandek tindirizza lil min qed jisimgħek. Il-figuri uffiċjali għall-1997 ħarġu u dawn huma aktar pożittivi mill-average. Kien għalhekk li meta jien smajt ċerti interventi hawnhekk bdejt ngħid: Huwa possibbli li jsiru ċerti interventi mingħajr ma dak li jkun jagħmel il-homework tiegħu sew speċjalment meta qed nitkellmu titkellem fuq aspett daqshekk tekniku? Għall-1997 l-average GDP growthat factor cost kien ta' 4.8%, jiġifieri kien aktar mill-average bejn l-1992 u l-1997. At market cost kien 6%. Hawn min jiġi fil-Parlament u jgħid li l-ekonomija hija stagnant, li mhux qed tikber u hija f'riċessjoni. Jidher ċar li min qed jagħmel dawn l-istatements m'għamilx il-preparazzjoni neċessarja. Ma tistax titkellem fuq suġġett daqstant importanti u ma teħux il-fatti kif inhuma indikati b'mod uffiċjali f'dan il-każ mill-Bank Ċentrali. Ngħaddi issa għal aspett ieħor, l-inflazzjoni.
L-inflazzjoni f'Malta hija ħafna inqas mill-average ta' l-EU. L-inflazzjoni tagħna fl-1997 - u qed nieħdu mill-aħħar statistika li ħarġet għal Marzu 1998 - hija ta' 3.4%. Ma nistax ngħid li din hija xi ċifra allarmanti. Nistgħu ngħidu li b'rata ta inflazzjoni aktar baxxa minn tagħna hemm żewġ pajjiżi li aħna s-soltu nikkomparaw ruħna magħhom, l-Irlanda u l-Islanda. Mill-bqija, ħafna pajjiżi li huma viċin tagħna, kemm Mediterranji kif ukoll pajjiżi li huma llum meqjusa bħala kandidati għall-EU, għandhom rata ta' inflazzjoni ogħla minn tagħna. L-EU average qiegħed daqsxejn taħt l-4%. Ċipru, Spanja, l-Italja, l-Portugall, iċ-Ċekoslovakkja, il-Greċja u l-Iżrael kollha għandhom average inflation rates bejn l-1992 u l-1997 li huma ogħla minn tagħna. Jiġifieri meta titkellem fuq l-inflazzjoni, trid tikkompara ma' pajjiżi oħra u fl-istess ħin tieħu l-EU average. Madam Speaker, issemmew ukoll l-unemployment figures. Ħafna drabi l-media u ċerti kelliema jindikaw li l-unemployment qabeż is-6,000 jew s-7,000. Nifhem li meta tkun qed tirriferi għall-istatistika tista tkun ironiku fil-kummenti tiegħek imma xorta m'għandekx tfajjar iċ-ċifri mingħajr ma tieħu l-persentaġġ ta' dawk li jirreġistraw mal-persentaġġ tal-labour supply. F'Malta l-labour supply huwa qrib il-143,000 u l-unemployment huwa viċin is-7,000, rata ta' 4.9%, li m'hijiex xi rata allarmanti. Min-naħa waħda għandek pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, Ċipru u l-Islanda li għandhom unemployment rate inqas minn tagħna, imma mbagħad hemm ħafna pajjiżi oħra bħall-Iżrael, il-Portugall, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, Spanja, anke l-Irlanda, li għandhom unemployment figures ogħla minn tagħna. Meta wieħed jara l-average ta' l-EU isib li dan huwa 'l fuq minn 10%. GĦalhekk wieħed ma jistax jipprova jieħu ċertu gwadann politiku mill-fatt li kien hemm żieda f'dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u rridu npoġġu kollox fil-perspettiva għax b'unemployment rate ta' inqas minn 5% ma naħsibx li wieħed għandu jkun allarmat iżżejjed. Madam Speaker, nixtieq nagħmel riferenza wkoll - u hawnhekk irridu ż-żewġ naħat tal-Kamra naċċettaw ċerti realtajiet - għall-fiscal performance.
Matul is-snin Malta kellha fiscal deficits kontenuti, ħlief fl-1996 u l-1997 meta d-deficit varja bejn id-9% u l-10%. Kulħadd għandu japprezza u kulħadd għandu jaċċetta li at this rate dakhuwa fiscal deficit insostenibbli. Fl-ewwel budget tal-Gvern Laburista pprovajna nirranġaw is-sitwazzjoni. Dak kien budget li kellu kwalitajiet tajbin ħafna u ġie ppreżentat ftit ġimgħat wara li l-Gvern Laburista kien ħa l-gvern f'idejh. Dak il-budget mill-ewwel indirizza l-problema u fil-budget ta' l-1997 il-problema reġgħet ġiet indirizzata. U ta' xejn wieħed jipprova jagħti l-impressjoni li ma kienx hemm problema. Ta' xejn wieħed jipprova jikkummenta li fiscal deficit ta' bejn 9% u 10% m'huwiex allarmanti għaliex fil-fatt dan huwa allarmanti u huwa tajjeb li jiġi ndirizzat fi żmien kemm jista' jkun qasir mingħajr ma jagħti shock waves kbar kemm soċjali kif ukoll lill-ekonomija nnifisha. Fil-fatt id-direzzjoni li ħa dan il-Gvern hija li fl-iqsar żmien iniżżel il-fiscal deficit għal 6% imbagħad għal 5%. Imbagħad ovvjament id-direzzjoni għandha tkun li dan id-deficit jiġi kontenut, anke jekk nikkomparawh mal-livelli indikati fit-Trattat ta' Maastricht. Hija prijorita' ta' kull gvern li jara li jkollu deficit fiskali raġonevoli u sostenibbli.
Mill-kummenti li kienu għamlu Moody's għaliex Malta sofriet dawn id-deficits fl-1996 u l-1997, wieħed jara b'mod oġġettiv kif dawn indikaw x'ġara u ma ġarax. Bażikament it-tibdil fis-sistema ta' taxxa minn taxxi diretti għal dawk indiretti affettwat id-dħul tal-gvern. It-tibdil tat-taxxa li għamilna aħna kien shift fl-enfasi. Qabel l-enfasi kienet aktar fuq ir-retail u l-enfasi li qed nagħmlu aħna permezz tas-CET hija aktar fuq il-wholesale. Is-shift ta' l-enfasi nibdew naraw il-frott tagħha fis-snin li ġejjin. Meta int għandek sistema ta' taxxa diretta jkun ħafna iktar faċli biex ikollok sistemi ta' revenue collection milli meta għandek sistemi ta' taxxi indiretti. Jekk naraw l-average fiscal deficit bħala persentaġġ tal-GDP wieħed għandu japprezza li l-figuri m'humiex ħżiena. Huma kontenuti f'dak li huwa average ta' minus 4.4%. F'dan il-każ ukoll irridu nikkomparaw mal-pajjiżi li għadni kemm semmejt. Per eżempju, jekk qed nitkellmu fuq l-Irlanda, Ċipru, l-Islanda, l-Iżrael, il-Portugall, Spanja u l-Greċja, jidher li Malta hija within the EU average.
Jien ngħid li huwa importanti li l-Gvern jipprova jindirizza l-problema tal-fiscal deficit. U x'kienet id-direzzjoni tal-Gvern biex jagħmel dan? Ried li jkun hemm downsizing tal-public sector u l-budget irrifletta din id-direzzjoni permezz ta' diversi aspetti li kienu jinkludu - u dan huwa importanti għax dak kien budget li kien ta' ċertu kuraġġ - qtugħ fir-recurrent expenditure ta' 5% across the board. Qegħdin noqogħdu attenti li nimpjegaw fejn verament hemm il-ħtieġa, għaldaqstant ikollok ukoll downsizing f'dak l-aspett. GĦamilna wkoll riduzzjoni ta' ċerti sussidji lill-kumpanniji fis-settur pubbliku. Kellna l-privatizzazzjoni - din is-sena l-Maltacom u l-MIA - u tariffi ogħla fuq ċerti servizzi, prinċipalment l-ilma, l-elettriku u d-drenaġġ. Huwa ovvju li dawn il-miżuri ttieħdu biex il-budget deficit din is-sena jinżel għal 6% imma huwa ovvju wkoll li dawn il-miżuri m'humiex popolari. Lanqas huma miżuri li l-Gvern jieħu gost jagħmilhom imma l-problema trid tiġi ffaċċata.
Jien naħseb li hemm consensus dwar il-fatt li wieħed għandu jindirizza din il-problema billi jċekken l-involviment tal-gvern fl-ekonomija. Għaliex? Għax l-involviment tal-gvern fl-ekonomija tal-pajjiż huwa maqsum fi tliet strata. Għandek l-involviment b'mod dirett, li huwa s-servizz pubbliku, għandek l-involviment ta' diversi korporazzjonijiet fejn il-gvern għandu investiment; u għandek il-qasam tas-settur privat li huwa dipendenti mis-settur pubbliku u li indirettament il-gvern qed jipprovdi x-xogħol għalih. F'dan il-każ, hemm qasam li m'huwiex żgħir, li huwa dipendenti kompletament mis-servizz pubbliku.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, se jkolli ninterrompik għax sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.
F'nofsinhar id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi, jekk jogħġbu, jressaq l-Aġġornament